EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011B0755

2011/755/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Kunsill

ĠU L 313, 26.11.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/755/oj

26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/11


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-25 ta’ Ottubru 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Kunsill

(2011/755/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)963 – C7-0213/2010) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (5) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2009, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta’ ma’ dik id-deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 190/2003 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (7),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (8),

wara li kkunsidra r-regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0328/2011),

1.

Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 23.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

(8)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Top

26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/13


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-25 ta’ Ottubru 2011

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Il-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)963 — C7-0213/2010) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (5) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2009, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta’ ma’ dik id-deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (Regolament Finanzjarju), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 190/2003 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (7),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (8),

wara li kkunsidra r-regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0328/2011),

A.

billi “ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu kif it-taxxi tagħhom qed jintefqu u kif qed tiġi mmaniġġjata s-setgħa fdata f’idejn il-korpi politiċi” (9),

B.

billi l-amministrazzjoni tal-Kunsill għandha tkun soġġetta għall-obbligu demokratiku ta’ rendikont lejn ċ-ċittadini tal-Unjoni fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni,

C.

billi huwa importanti wkoll li tiġi żgurata trasparenza akbar fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u ċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt ikunu infurmati aħjar f’dan ir-rigward ukoll, il-Parlament jilqa’ l-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar is-suġġett ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni,

D.

billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u għandu r-responsabbiltà li jagħti kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

Kwestjonijiet pendenti

1.

Jiddeplora d-diffikultajiet li nstabu fil-proċeduri ta’ kwittanza mill-2007 sal-2009 u, barra minn hekk, jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu dwar dawk l-eżerċizzji finanzjarji;

2.

Jirrikonoxxi r-riċeviment tal-ittra tat-28 ta’ Frar 2011 li ntbagħtet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li fiha għadd ta’ dokumenti għall-proċedura ta’ kwittanza tal-Kunsill 2009 (id-dikjarazzjonijiet finanzjarji finali tal-2009 li jinkludu l-kontijiet, rapport dwar l-attività finanzjarja u sommarju tal-verifiki interni għall-2009) u jilqa’ dan bħala pass kostruttiv lejn l-iżgurar tal-obbligu demokratiku ta’ rendikont tal-baġit amministattiv tal-Kunsill;

3.

Jilqa’ l-fatt li l-Kunsill ressaq id-dokumenti msemmija hawn fuq lill-Parlament u li l-Presidenza tal-Kunsill ipparteċipat fil-Plenarja waqt id-dibattitu ta’ kwittanza 2009; ifakkar, madanakollu, li l-kwittanza ġiet posposta peress li l-Parlament ma rċieva l-ebda risposta għal numru ta’ kwestjonijiet pendenti dwar il-kwittanza tal-Kunsill 2009 li tqajmu fi stadju aktar bikri, jiġifieri:

(a)

l-amministrazzjoni tal-Kunsill ma aċċettat l-ebda invit biex tiltaqa’ mal-Kumitat tal-Parlament responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza sabiex tiddiskuti kwestjonijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Kunsill għall-2009 u konsegwentament il-Parlament għadu jeħtieġ konferma tar-rieda tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li jidher personalment f’laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat;

(b)

Il-Parlament ma rċeviex l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 mill-amministrazzjoni tal-Kunsill;

Id-dritt tal-Parlament għall-għoti ta’ kwittanza

4.

Jieħu nota tal-ittra tat-2 ta’ Ġunju 2011 mill-Presidenza tal-Kunsill lill-President tal-Parlament Ewropew li fiha l-Kunsill iqis “li l-kwittanza tal-kontijiet kollha tal-Unjoni għall-2009, inklużi tiegħu, ingħatat b’konformità mal-liġi Ewropea permezz ta’ votazzjoni mill-Parlament fl-10 ta’ Mejju 2011, b’konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE”;

5.

Jenfasizza d-dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza, skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat- TFUE, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest u l-fini tagħhom, li hu li jressaq l-implimentazzjoni tal-baġit kollu tal-Unjoni Ewropea għall-kontroll u skrutinju parlamentari mingħajr eċċezzjoni, u li jagħti kwittanza b’mod awtonomu mhux biss fir-rigward tat-taqsima tal-baġit implimentata mill-Kummissjoni, iżda wkoll fir-rigward tat-taqsimiet tal-baġit implimentati mill-istituzzjonijiet l-oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Finanzjarju;

6.

Huwa tal-opinjoni li l-Artikolu 319 tat-TFUE u l-Artikolu 50 tar-Regolament Finanzjarju jeħtieġu li l-istituzzjonijiet l-oħra jirrispettaw l-istess regoli u kundizzjonijiet bħall-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit tiegħu; iqis li, għaldaqstant, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ kull baġit taqa’ f’idejn kull istituzzjoni rispettiva u mhux f’idejn il-Kummissjoni biss;

7.

Jenfasizza li, minkejja l-interpretazzjonijiet legali differenti tal-għeluq awtomatizzat tal-kontijiet, il-Parlament huwa tal-opinjoni li għall-intenzjonijiet u l-finijiet kollha, il-valutazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjoni matul is-sena eżaminata għandha titlesta, u b’hekk jinżamm l-ekwilibriju istituzzjonali preżenti, li bih il-Parlament hu responsabbli għall-iżgurartal-obbligu demokratiku tar-rendikont lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

8.

Iqis li r-raġunament legali msemmi hawn fuq kif ukoll il-prattika stabbilita li biha jiġu adottati deċiżjonijiet individwali dwar il-kwittanza fir-rigward ta’ kull istituzzjoni u korp tal-Unjoni jsostnu din l-interpretazzjoni u, barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għandhom jiġu adottati separatament għal raġunijiet operattivi sabiex jiġu evitati n-nuqqas ta’ kontinwità u t-tfixkil tal-azzjoni tal-Unjoni;

9.

Huwa tal-opinjoni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 147 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 256 tat-TFUE hi li n-nuqqas li jittieħdu l-passi xierqa għal aġir fuq l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza tal-Parlament, jawtorizza lill-Parlament jagħti bidu għal azzjoni kontra n-nuqqas ta’ aġir;

Rwol differenti għall-Parlament u l-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza

10.

Jinnota li, skont id-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-21 ta’ Ġunju 2011, “il-memorandum ta’ fehim” adottat mill-Coreper fit-2 ta’ Marzu 2011 huwa maħsub biex jifforma l-bażi tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tal-kwittanza tal-baġits rispettivi tagħhom; jinnota wkoll li dan il-memorandum jeħtieġ reċiproċità sħiħa bejn il-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tat-tressiq tad-dokumenti, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet u laqgħa bilaterali li għandha tiġi organizzata kull sena bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-kumitat tal-Parlament responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, kif ukoll is-Segretarji Ġenerali taż-żewġ istituzzjonijiet;

11.

Jirrispetta bis-sħiħ ir-rwol tal-Kunsill bħala l-awtorità li tirrakkomanda fil-proċedura ta’ kwittanza annwali, kif previst fl-Artikolu 319 tat-TFUE; madanakollu, ma jaqbilx mal-Kunsill kieku dan kellu jqis li l-pożizzjoni tiegħu hija l-istess bħal dik tal-Parlament fir-rigward tal-għoti tal-kwittanza;

12.

Itenni li għandha tibqa’ ssir distinzjoni fir-rigward tal-irwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza u li l-amministrazzjoni tal-Kunsill (is-Segretarjat Ġenerali tiegħu), flimkien mal-amministrazzjonijiet l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-amministrazzjoni nnifisha tal-Parlament, għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll tal-Qorti tal-Awdituri u għandhom ikunu obbligati li jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-baġits rispettivi tagħhom, permezz tal-proċedura ta’ kwittanza kif stipulata fit-TFUE;

13.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-kontroll tagħha fuq dawn l-istituzzjonijiet separatament mill-kontrolli tal-Kummissjoni u jenfasizza li l-element finali tal-katina tal-obbligu li jingħata rendikont għandu jkun il-kontroll demokratiku permezz tal-kwittanza mogħtija mill-Parlament;

14.

Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri bis-suġġeriment tal-Parlament li għandha twettaq valutazzjoni fil-fond tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll fil-Kunsill, simili għall-valutazzjonijiet li wettqet fil-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data waqt it-tħejjija tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri rigward is-sena finanzjarja 2010;

L-elementi prinċipali tal-kwittanza tal-Kunsill

15.

Ifakkar li n-nefqa tal-Kunsill għandha tiġi skrutinizzata bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra, u l-elementi fundamentali ta’ tali skrutinju għandhom ikunu:

(a)

laqgħa formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Kumitat tal-Parlament responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, potenzjalment “in camera”, sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat. Għal din il-laqgħa għandhom ikunu preżenti s-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, il-bureau tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, ir-rapporteur u l-membri li jirrappreżentaw il-gruppi politiċi (il-koordinaturi u/jew ix-shadow rapporteurs);

(b)

kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 (10) dwar il-proċedura ta’ kwittanza tal-Kunsill 2008, li l-kwittanza għandha tkun ibbażata fuq id-dokumenti bil-miktub li ġejjin imressqa mill-istituzzjonijiet kollha:

il-kontijiet tas-sena finanzjarja preċedenti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom,

dikjarazzjoni finanzjarja tal-assi u r-responsabilitajiet legali tagħhom,

ir-Rapport dwar l-Attività Annwali rigward il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħhom,

ir-rapport annwali tal-awditur intern tagħhom.


(1)  ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 23.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

(8)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(9)  L-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza.

(10)  ĠU L 252, 25.9.2010, p. 22.

Top