Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011B0549

2011/549/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Il-Kunsill

ĠU L 250, 27.9.2011, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/549/oj

27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/23


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Il-Kunsill

(2011/549/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010) 963 — C7-0213/2010) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 190/2003 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0088/2011),

1.

Jipposponi d-deċiżjoni tiegħu li jagħti lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

(7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Top

27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/25


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima II — Il-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010) 963 — C7-0213/2010) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 190/2003 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (7) (IIA),

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0088/2011),

A.

billi “ċ-ċittadini għandhom dritt ikun jafu kif qed jintefqu t-taxxi tagħhom u kif qed tintuża s-setgħa fdata lill-korpi politiċi” (8),

B.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Kolonja tat-3 u l-4 ta’ Ġunju 1999 għandhom il-ħsieb li jagħtu kapaċitajiet operattivi lill-Kunsill fil-qasam ta’ politika Ewropea msaħħa għas-sigurtà u d-difiża komuni (PSDK),

C.

billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK (9) stabbiliet mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-finanzi tal-ispejjeż komuni ta’ operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b'implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, bl-isem ATHENA, u billi dik id-Deċiżjoni, flimkien mad-Deċiżjoni 2004/582/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill tat-28 ta’ April 2004 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lil ATHENA (10), tagħti privileġġi u immunitajiet lil ATHENA kif ukoll setgħa operattiva lill-Kunsill,

D.

billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/178/PESK tat-28 ta’ Frar 2000 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali fil-qasam militari ssekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fil-perjodu interim (11) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta’ Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (12) jispeċifikaw li l-ispiża marbuta mal-issekondar tal-esperti militari għandha tinġarr mill-baġit tal-Kunsill,

1.

Jinnota li fl-2009 l-Kunsill kellu disponibbli approprjazzjonijiet għall-impenji li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 642 000 000 (2008: EUR 743 000 000), b'rata ta’ użu ta’ 92,33 %, kważi bħall-2007 (93,31 %), u xorta taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (97,69 %);

2.

Jemmen li peress li l-Artikolu 335 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħraf li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ċertu awtonomija amministrattiva fil-ħidma tagħhom, din l-awtonomija timplika grad ta’ responsabbiltà korrispondenti; billi l-Parlament hu l-unika entità li tiġi eletta b'mod dirett, u wieħed mill-kompiti tiegħu hu, filwaqt li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jagħti l-kwittanza rigward l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, iddeċieda li jirrifletti din l-awtonomija fil-proċedura tal-kwittanza, u jaqsam għalihom it-taqsimiet tal-baġit ġenerali li huma amministrati b'mod awtonomu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-oħrajn, u biex jagħti l-kwittanza lil kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet;

3.

Jiddispjaċih rigward id-diffikultajiet li tqajmu fil-proċeduri ta’ kwittanza tal-2007 u l-2008, u jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 (13) dwar il-kwittanza tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2008, partikolarment is-sejħa tagħha biex il-Kunsill jistabbilixxi flimkien mal-Parlament proċedura annwali fi ħdan il-proċedura tal-kwittanza bil-ħsieb li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Kunsill;

4.

Itenni li n-nefqa tal-Kunsill għandha tiġi eżaminata bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, u jissuġġerixxi li l-iktar approċċ xieraq ikun kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010, partikolarment li “eżami bħal dan ikun ibbażat fuq id-dokumenti miktuba li ġejjin li jitressqu mill-istituzzjonijiet kollha:

il-kontijiet tas-snin finanzjarji preċedenti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit,

dikjarazzjoni finanzjarja tas-sitwazzjoni attiva u passiva,

ir-rapport dwar l-attività annwali rigward il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħhom,

rapport annwali tal-Awditur Intern,

kif ukoll preżentazzjoni bil-fomm mogħtija waqt il-laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura tal-kwittanza”;

5.

Jiddispjaċih ħafna li l-Presidenza tal-Kunsill ċaħdet l-stediniet biex tattendi l-laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, fejn ġie ppjanat li tiġi diskussal-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill dwar il-proċedura proposta u l-modalitajiet possibbli ta’ kooperazzjoni rigward il-kwittanza, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ukoll irrifjuta li jattendi l-laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza u l-iskambju ta’ opinjonijiet tal-proċedura ta’ kwittanza tal-Kunsill;

6.

Jinnota l-memorandum ta’ ftehim propost bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura annwali ta’ kwittanza tagħhom, kif anness mal-ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2011, u jieħu nota tal-fatt li l-Kunsill lest jittratta l-proċeduri ta’ kwittanza separatament mill-proċedura tal-baġit, iżda jtenni li għandha ssir distinzjoni fir-rigward tad-diversi rwoli tal-Parlament u l-Kunsill fil-proċedura tal-kwittanza u fl-ebda ħin u fl-ebda ċirkostanza l-Kunsill m'għandu jkun inqas minn responsabbli kompletament lill-pubbliku għall-fondi li jkunu taħt ir-responsabbiltà tiegħu; jiddispjaċih ħafna li l-Presidenza tal-Kunsill u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill irrifjutaw li jattendu l-laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura tal-kwittanza biex jipprovdu informazzjoni u tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar il-kwittanza tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2009, u li naqsu wkoll milli jipprovdu tweġibiet bil-miktub għall-kwestjonarju kif ippreżentat mir-rapporteur;

7.

Jinnota r-rieda t-tajba tal-Presidenza Ungeriża u l-progress li nkiseb; jipproponi li, sabiex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni fil-proċedura tal-kwittanza, jiġi segwit l-istess approċċ bħall-bqija tal-istituzzjonijiet, li l-elementi fundamentali tiegħu għandhom ikunu:

li ssir laqgħa formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Kumitat tal-Parlament responsabbli mil-proċedura tal-kwittanza, li għandhom jattendu għaliha s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-Presidenza fil-kariga, il-bureau tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura tal-kwittanza, ir-rapporteur u l-Membri li jirrappreżentaw lill-gruppi politiċi (koordinaturi u/jew shadow rapporteurs) sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill,

li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill iwieġeb għall-mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat responsabbli għall-proċedura tal-kwittanza, lill-Kunsill, kif ukoll

li tiġi stabbilita skeda sabiex tiġi konformi u stabbilizzata din is-soluzzjoni interim,

b'hekk iqis li l-idea tal-konklużjoni ta’ ftehim interistituzzjonali mal-Kunsill u l-kwittanza tal-Kunsill mhumiex meħtieġa;

8.

Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri biex iwettqu valutazzjoni fil-fond tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll fil-Kunsill, simili għall-valutazzjonijiet li wettqet dwar il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data waqt it-tħejjija tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri rigward is-sena finanzjarja 2009;

Raġunijiet għall-posponiment tad-deċiżjoni tal-kwittanza

9.

Jindika li r-raġunijiet għall-posponiment huma kif ġej:

(a)

il-Kunsill ma aċċetta l-ebda stedina għal laqgħa uffiċjali u formali mal-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza jew ir-rapporteur tiegħu biex jiddiskutu kwistjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Kunsill għall-2009;

(b)

il-Kunsill irrifjuta li jipprovdi tweġiba bil-miktub li tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni u dokumenti mitluba lill-Kunsill fl-anness għal ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010 iffirmata mir-rapporteur;

(c)

il-Parlament ma rċeviex dokumenti fundamentali mill-Kunsill, bħal-lista sħiħa ta’ trasferimenti baġitarji;

Azzjonijiet oħra li għandhom jittieħdu mill-Kunsill

10.

Jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jipprovdi lill-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza, sal-15 ta’ Ġunju 2011, tweġibiet bil-miktub komprensivi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

(a)

rigward id-dibattiti ta’ kwittanza tal-Kunsill preċedenti fil-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza, il-Kunsill ma attendiex dawn il-laqgħat regolarment, madankollu, jitqies tal-ikbar importanza li l-Kunsill jattendi sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat li jirreferu għall-kwittanza tal-Kunsill. Il-Kunsill jaqbel li jattendi dibattiti futuri fil-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza dwar il-kwittanza tal-Kunsill?

(b)

għaliex il-Kunsill ibiddel il-preżentazzjoni/format tal-verifika interna kull sena? Il-verifika interna għaliex hi daqshekk qasira, ġenerika u mhux ċara kull sena? Mill-kwittanza tal-2010 'il quddiem il-Kunsill jista' jippreżenta l-verifika interna f'lingwa/i oħra minbarra l-Franċiż?

(c)

twettqet verifika esterna? Jekk hu l-każ, jista' jaraha l-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza? Jekk ma teżistix verifika esterna, għaliex il-Kunsill għażel li ma jwettaqx waħda?

(d)

s'issa, l-attività tal-Kunsill implikat kofinanzjament mal-Kummissjoni, li rat żieda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. X'sistemi ta’ kontroll u verifika ġew stabbiliti biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa? Peress li t-Trattat ta’ Lisbona żied fil-kofinanzjament mal-Kummissjoni, il-Kunsill x'jifhem bi “tweġiba għal mistoqsijiet xierqa”?

(e)

fir-rapport annwali tal-2009 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri sabet li fi tnejn minn kull sitt proċeduri ta’ akkwist pubbliku li ġew verifikati, il-Kunsill ma rrispettax ir-regoli tar-Regolament Finanzjarju għall-pubblikazzjoni tar-riżultat tal-proċedura. Il-Kunsill eżamina iktar eżempji ta’ akkwisti pubbliċi simili? Il-proċedura interna ġiet konformi sabiex jiġu evitati każijiet simili fil-futur?

(f)

il-persunal tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE): Indika l-persunal (il-persunal kollu, il-pjan ta’ stabbiliment u oħrajn) — għadd ta’ postijiet, grad — għall-RSUE fil-Kunsill għall-2009. B'liema mod u meta se jiġu allokati l-postijiet tal-persunal tal-RSUE bejn il-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)? X'kien il-baġit tal-ivvjaġġar għal kull wieħed mill-RSUEs? Kemm mill-persunal tal-RSUE ġew trasferiti fl-1 ta’ Jannar 2011 għall-SEAE? Kemm se jibqgħu mal-Kunsill u għaliex?

(g)

il-Kunsill jenfasizza l-mistoqsijiet baġitarji dwar il-konsegwenzi tat-Trattat ta’ Lisbona fil-punt 2.2 fir-rapport finanzjarju ta’ attività - 11327/10, FIN 278. Il-Kunsill solva l-problemi relatati man-nefqiet tas-Sur Solana? Liema parti tan-nefqiet jaqgħu taħt il-baġit tal-Kunsill u liema parti hi parti mill-baġit tal-Kummissjoni?

(h)

x'kienu n-nefqiet operattivi, amministrattivi, tal-persunal u tal-bini eċċ previsti mill-Kunsill għall-2009 sabiex jiġi stabbilit Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP)?

(i)

ir-RGħ/VP beda l-mandat tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-ispejjeż kif tqassmu bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni (għall-persunal, l-ivvjaġġar, eċċ)? Il-Kunsill kif ipprepara l-baġit għar-RGħ/VP għall-2010? Liema linji baġitarji u ammonti kienu riżervati għall-attivitajiet tiegħu?

(j)

l-ispazju tal-uffiċċji li se jsir disponibbli fil-proċess tat-trasferiment tal-persunal lill-SEAE kif ser jaffettwa l-pjani tal-Kunsill għall-bini? Saru xi arranġamenti għall-użu sussegwenti ta’ dan l-spazju ta’ uffiċji? X'inhi l-ispiża antiċipata għat-trasferiment? Meta ġew ippubblikati s-sejħiet għal tenders għat-trasferiment (jekk kien hemm)?

(k)

x'kienet in-nefqa amministrattiva u operattiva relatata mal-kompiti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)/il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), li kienu tal-inqas parzjalment iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni fl-2009? X'kien l-ammont totali tan-nefqa tal-PESK fl-2009? Il-Kunsill jista' jidentifika tal-inqas il-missjonijiet ewlenin u l-ispiża tagħhom fl-2009?

(l)

x'kienet l-ispiża tal-laqgħat għall-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-PESK/PSDK fi Brussell u postijiet oħra u fejn saru dawn il-laqgħat?

(m)

x'kienet in-nefqa amministrattiva relatata mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet militari tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD)/PSDK? X'sehem tal-ammont totali tan-nefqa li rriżultat mill-operazzjonijiet militari tħallas mill-baġit tal-Unjoni?

(n)

x'kienet in-nefqa amministrattiva implimentata għall-operazzjoni tal-mekkaniżmu “ATHENA”, kemm kienu meħtieġa karigi għal dak il-mekkaniżmu, se jiġu trasferiti xi wħud mill-karigi involuti lill-SEAE? Dawk li jkollhom il-kariga għal min ikunu qed jaħdmu?

(o)

hemm rata baxxa ta’ okkupazzjoni ta’ karigi fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Kunsill (91 % fl-2009, 90 % fl-2008). Din ir-rata konsistentement baxxa għandha xi riperkussjonijiet fuq il-funzjonijiet tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK)? L-SĠK jista' jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu bir-rata ta’ okkupazzjoni attwali? Ir-rati iktar baxxi ta’ okkupazzjoni huma speċifiċi għal xi servizzi partikolari? Liema huma r-raġunijiet tad-diskrepanza persistenti?

(p)

x'inhu l-għadd totali ta’ karigi assenjati għall-kompitu ta’ “koordinazzjoni tal-politika” u l-appoġġ amministrattiv (kif definit fir-rapporti annwali tal-iskrining tal-persunal tal-Kummissjoni)? X'inhu l-perċentwal tiegħu b'relazzjoni mal-għadd totali ta’ karigi?

(q)

biex jinkisbu l-objettivi amministrattivi fl-2009 l-Kunsill żied it-teleworking mal-proċeduri ta’ xogħol tiegħu. Kif jistal-Kunsill juri l-effiċjenza ta’ din il-proċedura ta’ xogħol? Barra minn hekk, jitlob lill-Kunsill jirrapporta dwar iktar miżuri li ttieħdu f'dan ir-rigward u partikolarment dawk għat-titjib tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja kif ukoll l-impatt tagħhom;

(r)

il-Kunsill żied il-karigi tiegħu bi 15 (8 AD u 7 AST) biex ikopri r-rekwiżiti tal-persunal tal-unità tal-lingwa Irlandiża. Kemm-il membru tal-persunal jaħdem b'lingwi oħra (membru tal-persunal għal kull lingwa)? Hemm diġà personal impjegat għal u mill-pajjiżi applikanti? Jekk iva, kemm il-kariga hemm (separati skont il-pajjiż u l-lingwa)?

(s)

il-“Grupp ta’ Riflessjoni” ġie stabbilit fl-14 ta’ Dicembru 2007, u l-membri tiegħu nħatru fil-15-16 ta’ Ottubru 2008. Liema kienu r-raġunijiet għaliex il-finanzjament meħtieġ ma setax jiġi ppjanat u inkluż fil-Baġit tal-2009? It-trasferiment fil-Baġit tal-2009 mir-riżerva ta’ kontinġenza għal pożizzjoni tal-baġit li tiffinanzja struttura li nbdiet fl-2007 hu strettament newtrali għall-baġit? Il-Kunsill ippjana EUR 1 060 000 għall-“Grupp ta’ Riflessjoni”. Kemm-il kariga tista' tiġi allokata għal dan il-grupp?

(t)

in-nefqiet li jirrigwardaw id-delegazzjonijiet tal-ivvjaġġar għadhom jidhru problematiċi, (ara n-nota tal-Kunsill tal-15 ta’ Ġunju 2010, SGS10 8254, inċiż II, paġna 4). Għaliex dawn in-nefqiet jidhru f'daqshekk linji baġitarji differenti?

(u)

għaliex il-verifika interna għadha ssib li hu meħtieġ li jiżdiedu “les frais de voyage des délégués et les frais d'interprétation” (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati u l-ispejjeż tal-interpretazzjoni), wara kritika kbira fl-aħħar żewġ riżoluzzjonijiet mill-Parlament dwar il-kwittanza tal-Kunsill?

(v)

il-Kunsill reġa' uża l-infiq anqas fl-interpretazzjoni biex jiġi pprovdut finanzjament żejjed għall-ispejjeż tal-ivjaġġar tad-delegazzjonijiet; b'riżultat ta’ dan, l-impenji attwali tal-2009 għall-ispejjeż tal-ivjaġġġar kienu jammontaw għal ammont ħafna inqas mill-baġit inizjali, u inqas minn nofs l-ammont disponibbli wara t-trasferiment (EUR 36 100 000 inizjalment u EUR 48 100 000 disponibbli wara t-trasferiment kontra it-EUR 22 700 000 impenjati). X'kienu r-raġunijiet għal dan it-trasferiment ta’ EUR 12 000 000 (ara r-rapport tal-attività finanzjarja — 11327/10, FIN 278 -punt 3.3.2- inċiż VI)? Għaliex it-trasferiment mill-interpretazzjoni għall-ivvjaġġar tad-delegati hu stmat bħala EUR 12 000 000 mill-Kunsill fil-paġna 12 u EUR 10 558 362 fil-paġna 13? Għal xiex intuża l-ammont li kien fadal mit-trasferiment mill-interpretazzjoni (l-ammont totali trasferit mill-interpretazzjoni hu EUR 17 798 362)? Barra minn hekk, jitlob lill-Kunsill jispjega l-ammont kbir ta’ ordnijiet ta’ rkupru li saru qabel l-2009 u ġew trasferiti għall-2009 (EUR 12 300 000) kif ukoll l-irkupru li sar mid-dikjarazzjonijiet relatati mal-2007 (EUR 6 300 000)

(w)

fl-2009 l-Kunsill, kif kien għamel fl-2008, reġa' alloka ammont konsiderevoli tal-baġit tiegħu għall-binjiet, partikolarment, aktar milli irdoppja l-allokazzjonijiet inizjali għall-akkwist tal-Bini tal-Palazz Residenzjali (irrialloka EUR 17 800 000 minbarra EUR 15 000 000 ippjanati fil-baġit għall-2009). X'inhuma r-raġunijiet għal dan? Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jista' jipprovdu ċifri konkreti tat-tfaddil li nkiseb b'riżultat ta’ dan? X'kienet in-nefqa ppjanata inizjalment għall-Bini tal-Palazz Residenzjali? Il-Kunsill hu tal-fehma li n-nefqa ppjanata inizjalment se tkun preċiża jew tista' tkun ogħla milli previst? X'inhuma l-passi previsti għall-finanzjament tal-bini?

(x)

l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill — approprjazzjonijiet trasferiti: Il-Kunsill jista' jippreżenta l-ammont stmat u s-suġġett tal-fatturi li ma waslux sa' Ġunju 2010 għas-sena 2009 u għalhekk ġew trasferiti?

(y)

it-trasferiment għall-2010 tal-approprjazzjonijiet tad-dħul allokat dovut fl-2009 ammonta għal EUR 31 800 000. Dan hu madwar 70 % tad-dħul allokat għall-2009. X'inhuma r-raġunijiet għal dan il-proporzjon kbir ta’ trasferiment? X'ser jiġri jew x'ġara b'dan id-dħul fl-2010?

(z)

xi tfisser “għotja teknika ta’ EUR 25 000 000 għat-tnedija tal-Kunsill Ewropew 2010”? (ara r-rapport finanzjarju ta’ attività — 11327/10, FIN 278 — punt 3.1, inċiż IV)

(aa)

x'inhu l-livell ta’ kunfidenzjalità tal-baġit tal-Kunsill speċifikat mid-diversi linji baġitarji?

(ab)

jistal-Kunsill jindika l-miżuri speċifiċi li ttieħdu biex tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-Kunsill, partikolarment rigward il-punti li tqajmu fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni tal-Parkament (14) tal-25 ta’ Novembru 2009 li takkumpanja d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2007?

Dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament

11.

Jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jipprovdi lill-Kumitat tal-Parlament responsabbli mill-proċedura tal-kwittanza, sal-15 ta’ Ġunju 2011:

(a)

il-lista sħiħa tat-trasferimenti baġitarji li jirrigwardaw il-baġit tal-Kunsill gaħll-2009;

(b)

stqarrija bil-miktub dwar in-nefqiet tal-Kunsill tal-missjonijiet tal-RSUE;

(c)

id-dikjarazzjoni tal-Istati Membri għall-2007 (ara r-rapport finanzjarju ta’ attività — 11327/10, FIN 278 — punt 3.2.2, inċiż II); u

(d)

ir-rapport tal-“Grupp ta’ Riflessjoni” sabiex ikun jista' jifhem għaliex rapport bħal dan jiswa EUR 1 060 000 (ara r-rapport finanzjarju ta’ attività — 11327/10, FIN 278 — punt 2.2).


(1)  ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

(7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(8)  L-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza.

(9)  ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68.

(10)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 125.

(11)  ĠU L 57, 2.3.2000, p. 1.

(12)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7.

(13)  ĠU L 252, 25.9.2010, p. 24.

(14)  ĠU L 19, 23.1.2010, p. 9.

Top