Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011A0716(02)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Lulju 2011 dwar abbozz tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew li jemenda r-Regolament (KE) Nru 25/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (tfassil mill-ġdid) (BĊE/2008/32)

    ĠU C 210, 16.7.2011, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 210/18


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta' Lulju 2011

    dwar abbozz tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew li jemenda r-Regolament (KE) Nru 25/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (tfassil mill-ġdid) (BĊE/2008/32)

    2011/C 210/06

    1.   Introduzzjoni

    1.1.

    Fid-19 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal opinjoni dwar abbozz ta' Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament (KE) Nru 25/2009 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (Riformulazzjoni) (BĊE/2008/32) minn hawn 'il quddiem “l-abbozz tar-Regolament”).

    1.2.

    Il-Kummissjoni tilqa' din it-talba u tagħraf, li l-BĊE qiegħda b'dan taġixxi b'konformità mal-obbligu tagħha li tikkonsulta lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-Regolamenti tal-BĊE kull darba li jkun hemm rabta mar-rekwiżiti statistiċi tal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-BĊE. Peress li r-rekwiżit għall-konsultazzjoni għandu l-għan li jiggarantixxi l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni ta' statistika li tissodisfa r-rekwiżiti ta' informazzjoni rispettivi tal-BĊE u tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tfakkar li kooperazzjoni tajba bejn il-BĊE u l-Kummissjoni tista' tkun biss ta' benefiċċju għal dawk l-istess żewġ istituzzjonijiet kif ukoll għall-utenti u r-rispondenti billi din tippermetti produzzjoni iktar effiċjenti tal-istatistika Ewropea.

    2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

    2.1.

    Il-Kummissjoni tilqa' b'mod partikolari r-referenza għad-Direttiva 2009/110/KE li tikkonċerna l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fl-abbozz tar-Regolament.

    2.2.

    Fl-Artikolu 1(1)(a) il-BĊE jopera b'erba' sottosetturi ta' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM), jiġifieri: “(a) il-banek ċentrali”, “(b) l-istituzzjonijiet ta' kreditu”, “(c) l-IFM l-oħrajn”, u “(d) il-fondi tas-suq tal-flus (FSF)”. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni din il-qasma f'erba' sottosetturi hija dettaljata wisq peress li bħala regola ġenerali u għall-fini ta' analiżi makroekonomika – bħal fis-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA 95) u kif propost fis-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA 2010) – jintużaw biss żewġ sottosetturi ewlenin tal-IFM, jiġifieri l-banek ċentrali u l-IFM l-oħrajn. Għalhekk, it-tifsira differenti tal-“IFM l-oħrajn” fl-abbozz tar-Regolament toħloq konfużjoni. Jekk din id-distinzjoni bejn l-erba' sottosetturi tkun ikkunsidrata bħala essenzjali mill-BĊE għal finijiet speċjali, għandu jinstab isem ġdid għas-sottosettur “(c) l-IFM l-oħrajn” fl-abbozz tar-Regolament.

    2.3.

    Barra minn hekk fl-Artikolu 1(1)(a) il-Kummissjoni tissuġġerixxi għażla ta' kliem differenti kif ġej: “(1) istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li n-negozju tagħhom ikun (i) li jirċievu depożiti u/jew sostituti simili għal depożiti minn unitajiet istituzzjonali, u għalhekk mhux biss minn IFM; u (ii) f'isimhom stess, tal-inqas f'termini ekonomiċi, jagħtu krediti u/jew jagħmlu investimenti f'titoli; …”. Din l-għażla ta' kliem differenti hija ssuġġerita sabiex tindika li d-depożiti jiġu prinċipalment minn sorsi oħra barra l-IFM, imma jiġu mill-IFM ukoll.

    2.4.

    Fl-Artikolu 1a(4) il-Kummissjoni tosserva li (e), (f), (g) u (h) huma definizzjonijiet puri filwaqt li (a), (b), (c) u (d) huma spjegazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu interpretati jew użati dawk id-definizzjonijiet. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawk iż-żewġ kategoriji jiġu separati u jiddaħħlu d-definizzjonijiet qabel l-ispjegazzjonijiet.

    2.5.

    Barra minn hekk jista' jkun utli jekk l-Artikolu 2, “Dispożizzjoni tranżitorja”, jiċċara jekk japplikax ukoll għad-definizzjoni l-ġdida tal-IFM.

    2.6.

    Peress li l-Kummissjoni hija meħtieġa tikkonsulta l-abbozz tar-regolament, għandha tiddaħħal ċitazzjoni dwar dan fl-abbozz tar-Regolament.

    3.   Konklużjoni

    3.1.

    Il-Kummissjoni ġeneralment tappoġġja l-abbozz tar-Regolament safejn dan jikkontribwixxi għal kooperazzjoni effiċjenti bejn is-Sistema Statistika Ewropea (SSE) u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) fid-definizzjoni tal-aġenti li jirrapportaw u l-promozzjoni ta' statistika konsistenti u ta' kwalità għolja fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni, madankollu, hija tal-opinjoni li l-abbozz tar-Regolament jista' jkun iktar speċifiku dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.

    3.2.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-importanza ta' proċess robust fil-prattika tal-klassifikazzjoni tal-unitajiet f'dan il-qasam, li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji statistiċi, u speċjalment fir-rigward tal-entitajiet stabbiliti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja.

    3.3.

    Il-Kummissjoni se tkun qed tilqa' kwalunkwe konsultazzjonijiet fil-ġejjieni dwar abbozzi ta' Regolamenti rilevanti tal-BĊE.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Olli REHN

    Membru tal-Kummissjoni


    Top