EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1064

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1064/2010 tas- 17 ta’ Novembru 2010 li jġib fit-tmiem ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 2–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/1064/oj

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1064/2010

tas-17 ta’ Novembru 2010

li jġib fit-tmiem ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku tal-antidumping”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji”), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 22(1), l-ewwel sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri kumpensatorji eżistenti

(1)

F’Diċembru 1999, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (3), il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) (“il-prodott ikkonċernat”), li toriġina fl-Indja. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament hija hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala “l-investigazzjoni oriġinali kontra s-sussidji”. Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju kumpensatorju ad valorem, li jvarja bejn 3,8 % u 19,1 %, impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi individwali, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 19,1 % imposta fuq importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħrajn kollha. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali ta’ kontra s-sussidji kien mill-1 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Settembru 1998.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (4), il-Kunsill, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażi kontra s-sussidji, żamm id-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET li toriġina mill-Indja. Il-perjodu ta’ reviżjoni investigat kien mill-1 ta’ Ottubru 2003 sat-30 ta’ Settembru 2004.

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (5), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan tat-tertuqa PET, Garware Polyester Limited (“Garware”), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Garware bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(4)

F’Settembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1124/2007 (6), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan ieħor tat-tertuqa PET, Jindal Poly Films Limited, qabel magħruf bħala Jindal Polyester Ltd. (“Jindal”), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Jindal bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(5)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (7), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha tas-sussidji lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq dawn il-kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(6)

F’Ġunju 2010, permezz tar-Regolament (UE) Nru 579/2010 (8), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil Jindal, emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Jindal bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

1.2.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

(7)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (9), il-Kunsill impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina, inter alia, fl-Indja. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament minn hawn ’il quddiem hija magħrufa bħala “l-investigazzjoni oriġinali kontra d-dumping”. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju ad valorem kontra d-dumping li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi individwali, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(8)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (10), il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju impost kontra d-dumping varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu r-riżultati tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi imwettqa mir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(9)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006, wara reviżjoni interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan tat-tertuqa PET, Garware, il-Kunsill emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq Garware bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(10)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (11), fuq talba ta’ produttur ġdid li jesporta, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ SRF Limited. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju antidumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li ġie meqjus il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. Ladarba l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, kienet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(11)

F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (12), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET li toriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażi antidumping. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku antidumping, limitata għal produttur esportatur Indjan wieħed.

(12)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009, il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidji lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq dawn il-Kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007.

2.   PROĊEDURA

2.1.   Raġunijiet għar-reviżjoni

(13)

It-talba għal reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji kienet ippreżentata minn Polyplex Corporation Limited, produttur esportatur mill-Indja (“l-applikant”). It-talba kienet limitata għall-eżami tal-ambitu tal-prodott fejn tidħol il-kjarifika ta’ jekk ċerti tipi ta’ prodotti jaqgħu fl-ambitu tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet tat-tertuqa PET.

(14)

L-applikant talab l-esklużjoni tal-prodott “siliconized polyester release liner” (“SPRL”) sa fejn dan jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, mill-ambitu tal-miżuri preżenti antidumping u kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina mill-Indja. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL ivarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott ikkonċernat.

2.2.   Bidu

(15)

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat fid-9 ta’ Settembru 2009 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (13) (“in-Notifikazzjoni tal-Bidu”) il-bidu tar-reviżjoni parzjali interim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, limitata għall-eżami tal-ambitu tal-prodott. B’mod partikolari, ir-reviżjoni kellha tiddetermina jekk l-SPRL huwiex parti mill-prodott ikkonċernat kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, jew le.

2.3.   Investigazzjoni tar-reviżjoni

(16)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”) u lill-partijiet kollha l-oħra magħrufa li kienu kkonċernati, jiġifieri produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, utenti u importaturi fl-Unjoni u produtturi fl-Unjoni, bil-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni parzjali interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-Notifikazzjoni tal-Bidu.

(17)

Il-partijiet kollha interessati, li talbu u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

(18)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li kienu kkonċernati, u lill-partijiet l-oħrajn kollha li ppreżentaw ruħhom fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fin-Notifikazzjoni tal-Bidu.

(19)

It-tweġibiet għall-kwestjonnarju ntbagħtu mill-applikant, minn żewġ produtturi esportaturi Indjani oħrajn, minn erba’ produtturi tal-Unjoni u minn żewġ importaturi tal-Unjoni.

(20)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-iskop tal-valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa għall-emenda tal-ambitu tal-miżuri eżistenti antidumping u kumpensatorji u wettqet żjarat ta’ verifika fuq il-post fil-kumpaniji li ġejjin:

Garware Polyester Limited, Mumbai, l-Indja,

Mitsubishi Polyester Film, Wiesbaden, il-Ġermanja,

Polyplex Corporation Limited, Noida, l-Indja.

(21)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“perjodu ta” investigazzjoni tar-reviżjoni’ jew “PIR”).

3.   PRODOTT IKKONĊERNAT

(22)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess prodott bħal dak definit mir-Regolamenti (KE) Nru 367/2006 u (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja, li fil-preżent taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

4.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI TAR-REVIŻJONI

4.1.   Sfond

(23)

Il-PET hija tertuqa mhux awto-adeżiva tat-tereftalat tal-polietilene. It-tertuqa PET dejjem hija prodotta mill-polimeru PET u tikkonsisti f’tertuqa bażi li tista’ tkun soġġetta għal trattament ulterjuri matul jew wara l-proċess ta’ produzzjoni. Dan it-trattament tat-tertuqa bażi jista’ jinkludi tipikament trattament korona, il-metallizzazzjoni jew il-kisi b’sustanzi kimiċi.

(24)

It-tertuqa PET għandha karatteristiċi speċifiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi li jiddistingwuha minn trietaq oħrajn. Xi wħud mill-karatteristiċi tat-tertuqa PET huma eż. is-saħħa tensili għolja tagħha, il-proprjetajiet elettriċi tajbin ħafna, l-assorbiment baxx tal-umdità u r-reżistenza għall-umdità, ċans baxx li tinxtorob u proprjetajiet tajbin ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li dawn il-karatteristiċi speċifiċi jiddeterminaw tipi varji ta’ tertuqa PET, dawn it-tipi jżommu l-istess karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi tat-tertuqa PET bażika. It-tertuqa PET għandha ħames użijiet finali wiesgħin li jaqgħu fi ħdan ħames segmenti tas-suq, jiġifieri, il-medja manjetika, l-imballaġġ, applikazzjonijiet ta’ elettriku, immaġni u industrijali.

4.2.   Metodoloġija

(25)

Sabiex jiġi stmat jekk l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET għandhomx jiġu kkunsidrati bħala prodott wieħed jew żewġ prodotti differenti, ġie eżaminat jekk l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET kinux jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi. Barra minn hekk, kienu eżaminati wkoll il-proċess tal-produzzjoni, differenzi fl-użijiet finali u l-interkambjalità kif ukoll id-differenzi fi spejjeż u prezzijiet.

4.3.   Argumenti prinċipali tal-partijiet

(26)

L-applikant iddikjara li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL ivarjaw minn dawk tal-prodott ikkonċernat. B’mod partikolari, il-qawwa relattivament baxxa ta’ rilaxx tal-SPRL u t-tensjoni superfiċjali baxxa tiegħu jagħmlu t-tertuqa tiżloq u b’konsegwenza s-superfiċi tagħha ssir inattiva għal-linki, għall-kisi, għall-adeżivi u għall-metallizzazzjoni. Skont l-applikant, minħabba l-migrazzjoni ta’ silikon mhux vulkanizzat fl-SPRL, anke n-naħa inversa tal-SPRL b’naħa waħda miksija turi differenzi sostanzjali fil-proprjetajiet fiżiċi u tekniċi meta pparagunat ma’ tipi ta’ tertuqa PET oħrajn. Dawn il-fatturi allegatament jimpedixxu l-użu tal-SPRL f’segmenti bażiċi tal-industrija tat-tertuqa PET identifikati fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri, l-imballaġġ, il-medja manjetika, applikazzjonijiet tal-elettriku, tal-immaġni u industrijali. Min-naħa l-oħra, is-superfiċi funzjonalment attiva ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET tagħmilha impossibbli li jintużaw bħala release liners, minħabba li jeħlu b’mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jinqalaw ma’ superfiċi adeżivi. B’konsegwenza, l-applikant argumenta li l-SPRL mhuwiex interkambjabbli fl-applikazzjonijiet tiegħu ma’ kwalunkwe tip ieħor ta’ tertuqa PET.

(27)

L-industrija tal-Unjoni iddikjarat li l-argumenti tal-applikant kienu jistrieħu fuq żewġ settijiet suċċessivi ta’ paraguni artifiċjalment limitati. L-ewwel, l-applikant ipparaguna l-SPRL ma’ sett limitat ta’ trietaq PET, jiġifieri ma' tertuqa bażika PET, u mhux ma’ tipi oħrajn ta’ tertuqa Pet miksija li huma iktar paragunabbli mal-SPRL. It-tieni, dan il-paragun allegatament limitat twettaq biss fir-rigward ta’ sett selettiv u limitat ħafna ta’ proprjetajiet fiżiċi u kimiċi. L-industrija tal-Unjoni iddikjarat li meta tipparaguna l-SPRL ma’ firxa wiesgħa ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET, u għal numru rappreżentattiv ta’ proprjetajiet kimiċi u fiżiċi, huwa ċar li l-SPRL huwa l-istess prodott bħal tipi oħrajn ta’ tertuqa PET u għandu jibqa’ fl-ambitu tal-miżuri antidumping u kumpensatorji. Skont l-industrija tal-Unjoni, l-SPRL huwa effettivament tertuqa PET miksi sussegwentement b’saff tas-silikon. Mhuwiex differenti fil-kunċett minn tipi oħra ta’ tertuqa miksija, bħal tertuqa metallizzata jew tertuqa b’kisja anti-statika jew tertuqa b’kisja ta’ protezzjoni, u infatti huwa b’mod ċar prodott ikkonċernat. B’sostenn għad-dikjarazzjonijiet tagħha, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet paragun ta’ għadd ta’ proprjetajiet fiżiċi u kimiċi differenti mifruxin fuq għadd ta’ tipi ta’ tertuqa PET differenti.

4.4.   Riżultati

4.4.1.   Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

(28)

L-investigazzjoni uriet li ż-żewġ karatteristiċi msemmija fil-premessa 27, jiġifieri l-qawwa ta’ rilaxx relattivament baxxa tal-SPRL u t-tensjoni superfiċjali baxxa tiegħu, huma fatturi addizzjonali meta pparagunat mal-karatteristiċi baċiżi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tat-tertuqa PET kif iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali antidumping (14) u msemmija fil-premessa 24. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi huma l-istess għall-SPRL bħal ma huma għal kwalunkwe tipi oħrajn ta’ tertuqa PET.

(29)

Fir-rigward taż-żewġ karatteristiċi speċifiċi għall-SPRL, jiġifieri l-qawwa ta’ rilaxx baxxa u t-tensjoni superfiċjali baxxa, instab li dawn mhumiex il-karatteristiċi tat-tertuqa PET per se, iżda iktar karatteristiċi tas-superfiċi silikonizzat tagħha jew effettivament il-karatteristiċi tas-silikon. Il-kisi bis-silikon, kif ukoll il-kisi bi kwalunkwe sustanza oħra, ibiddel xi fatturi tas-superfiċi tat-tertuqa iżda ma jbiddilx il-karatteristika bażika fiżika, teknika u kimika tat-tertuqa PET infisha, li taħt is-saff tal-kisi tibqa’ l-istess.

(30)

Filwaqt li huwa veru li meta t-tertuqa PET tiġi miksija bis-silikon dan jirriżulta f’qawwa ta’ rilaxx baxxa tas-superfiċi u wkoll f’tensjoni superfiċjali baxxa, jista’ jsir argument simili għal tipi oħrajn ta’ kisi, jiġifieri meta miksija b’tipi oħrajn ta’ kisi is-superfiċi tat-tertuqa PET takkwista karatteristiċi speċjali oħrajn. F’xi każijiet il-kisi jista’ jirriżulta f’karatteristiċi li jagħmlu t-tertuqa PET adattata biss għal applikazzjonijiet speċifiċi ħafna. Il-kisi bis-silikon b’ebda mod ma huwa uniku f’dan ir-rigward. Prodotti speċjali oħrajn b’tipi oħra ta’ kisi jinkludu per eżempju trietaq li jistgħu jingħalqu, trietaq b’kisi kontra ċ-ċpar, trietaq li jitqaxxru/jagħlqu u trietaq miksija b’kopoliester. Dawn it-tipi kollha, madankollu, jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi u huma parti mill-prodott ikkonċernat kif iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali.

(31)

Fuq din il-bażi, huwa kkunsidrat li ma hemm ebda differenzi sinifikanti f’termini ta’ karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi bejn l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET li jiġgustifikaw l-esklużjoni tal-SPRL mill-ambitu tal-prodott.

4.4.2.   Paragun ta’ kriterji oħrajn

(32)

Għar-raġuni ta’ kompletezza, dikjarazzjonijiet oħrajn imressqa mill-applikant fit-talba ta’ reviżjoni tiegħu, li wrew allegatament li t-tertuqa SPRL u PET huma prodotti differenti, ġew eżaminati wkoll.

4.4.2.1.   Proċess tal-produzzjoni

(33)

L-applikant iddikjaara li l-SPRL jeħtieġ faċilitajiet separati ta’ manifattura meta pparagunat ma’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET prodotti.

(34)

Kif imsemmi fil-premessa 23, it-tertuqa PET hija dejjem prodotta minn polimeru PET u tikkonsisti f’tertuqa bażika li tista’ tkun soġġetta għal trattament ulterjuri jew matul jew wara l-proċess tal-produzzjoni. Dan it-trattament tat-tertuqa bażika jista’ jinkludi tipikament trattament korona, il-metalizzazzjoni jew il-kisi b’sustanzi kimiċi.

(35)

L-SPRL huwa tertuqa PET miksija b’saff tas-silikon. L-investigazzjoni wriet li hemm żewġ teknoloġiji differenti ta’ manifattura tal-SPRL. Il-produttur tal-Unjoni investigat juża t-teknoloġija ta’ kisi fil-linja waqt il-manifattura. F’dan il-proċess it-tertuqa bażika PET tiġi miksija matul il-proċess tal-produzzjoni qabel ma tinġibed. Il-modjul tal-kisi huwa biss parti addizzjonali, li tista’ titneħħa, tal-linja tal-produzzjoni. B’kuntrast, il-produtturi Indjani investigaw l-użu tat-teknoloġija tal-kisi barra mil-linja. F’dan il-proċess it-tertuqa PET l-ewwel tiġi prodotta, u wara tiġi miksija f’linja tal-produzzjoni separata.

(36)

Instab li l-għażla tat-teknoloġija tal-kisi fil-linja jew barra mil-linja hija waħda purament ekonomika, bl-ispiża tal-investiment f’modjuls mobbli għall-kisi fil-linja li jiswew bejn wieħed u ieħor 10 darbiet iktar mill-investiment f’linja ta’ kisi barra mil-linja. Il-vantaġġ ta’ kisi fil-linja huwa veloċità ogħla fil-linja li tippermetti volumi sinifikanti ta’ produzzjoni. Il-kisi fil-linja jwassal ukoll għal tfaddil fuq kull unità fir-rigward tal-ispejjeż tas-silikon minħabba li s-saff tas-superfiċi tas-silikon huwa irqaq milli fil-każ ta’ kisi barra mil-linja.

(37)

Għandu jiġi nnutat li l-eżistenza ta’ żewġ metodoloġiji ta’ kisi differenti ma tbiddilx il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL, li jibqgħu l-istess meta pparagunat ma’ dawk ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET. Infatti proċessi ta’ produzzjoni differenti mhumiex per se rilevanti biex jiddeterminaw jekk tip ta’ prodott huwiex prodott distint sakemm it-tipi ta’ prodotti miksubin minn dawn il-proċessi huma l-istess f’termini tal-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi.

4.4.2.2.   Differenzi fl-użijiet finali u fl-interkambjabbiltà

(38)

L-applikant iddikjara wkoll li ma hemm ebda interkambjabbiltà fl-applikazzjonijiet bejn l-SPRL u tipi oħra ta’ tertuqa PET. Din id-dikjarazzjoni kienet ikkonfermata mill-investigazzjoni. Madankollu, kif ġie konkluż fl-investigazzjoni oriġinali, dan huwa veru wkoll għal tipi oħra ta’ tertuqa PET bi trattament speċjali.

(39)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-iskop tal-kisi, jew ta’ kwalunkwe trattament speċjali ieħor ta’ tertuqa PET, huwa li jkun magħmul adattat għal ċerti applikazzjonijiet speċifiċi. Is-sustanza magħżula bħala s-saff tal-kisi f’kull każ għandha ċerti karatteristiċi li jservu l-iskop rilevanti. Is-silikon per eżempju jagħti qawwa ta’ rilaxx baxxa. Is-sustanza tal-kisi jista’ jkollha fatturi speċjali oħrajn (fil-każ ta’ silikon, hija tensjoni superfiċjali baxxa) li jagħmilha impossibbli li tuża l-prodott miksi għal applikazzjonijiet oħrajn. Hemm għadd ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET, miksija b’sustanzi oħra jew trattati xort’oħra, li għar-raġunijeit ta’ hawn fuq għandhom applikazzjonijiet speċifiċi u limitati.

(40)

Għaldaqstant, filwaqt li l-SPRL jintuża speċifikament għal ċerti applikazzjonijiet, il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tiegħu huma l-istess bħal dawk ta’ tipi oħra ta’ tertuqa PET. B’konsegwenza, l-interkambjabbiltà u l-użu finali mhumiex rilevanti biex jiddeterminaw jekk l-SPRL jikkostitwix prodott differenti.

4.4.2.3.   Differenzi fi spejjeż u prezzijiet

(41)

Fl-aħħar, l-applikant iddikjara li l-proċess ta’ silikonizzazzjoni tat-tertuqa PET bażika jinvolvi spejjeż addizzjonali.

(42)

Infatti nstab li l-ispiża addizzjonali tal-kisi bis-silikon tista’ tammonta għal sa 10% tal-ispejjeż tal-manifattura, skont l-għażla tal-metodoloġija tal-kisi. Kif deskritt fil-premessi 35 u 36 l-applikant għażel metodoloġija iżjed għalja f’termini ta’ spejjeż tas-silikon għal kull unità. Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li din hija spiża addizzjonali meta pparagunata mal-ispiża tal-produzzjoni tat-tertuqa bażika PET. Il-kisi tat-tertuqa bażika PET b’sustanzi oħrajn, kif ukoll il-proċess ta’ metallizzazzjoni, iżid ukoll l-ispejjeż tal-manifattura u b’hekk il-prezzijiet.

(43)

F’dan ir-rigward, madankollu, huwa kkunsidrat li l-ispiża addizzjonali ta’ kisi bis-silikon ma tikkostitwix fiha nfisha kriterju deċiżiv fid-determinazzjoni ta’ jekk l-SPRL jiffurmax prodott distint. Infatti differenzi fl-ispejjeż u fil-prezzijiet ma jiġġustifikawx per se l-konklużjoni li ċertu tip ta’ prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott differenti sakemm dan it-tip jikkondividi l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bħall-prodott ikkonċernat.

5.   KONKLUŻJONIJIET DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

(44)

Ir-riżultati tal-investigazzjoni ikkonfermaw li l-proċess ta’ silikonizzazzjoni tat-tertuqa PET jirriżulta f’superfiċi differenti tal-prodott finali meta pparagunat mat-tertuqa bażika PET. Madankollu, dan il-proċess ma jbiddilx il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi tal-prodott. Infatti, l-investigazzjoni kkonfermat li hemm għadd ta’ tipi ta’ tertuqa PET fis-suq li huma ttrattati b’mod speċjali li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, il-kriterji l-oħra analizzati, jiġifieri l-proċess tal-produzzjoni, l-interkambjabbiltà/l-użu finali u differenzi fi spejjeż u prezzijiet, ma biddlux din il-konklużjoni.

(45)

Il-partijiet kollha interessati tgħarrfu mil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom intlaħħqu l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Il-partijiet ingħataw perjodu biex fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal din l-informazzjoni żvelata.

(46)

Il-kummenti orali u miktubin ippreżentati mill-partijiet ġew ikkunsidrati kif dovut, iżda dan ma biddilx il-konklużjoni li ma jiġix emendat l-ambitu tal-prodott tal-miżuri fis-seħħ antidumping u kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu tertuqa PET li toriġina mill-Indja hija hawnhekk mitmuma mingħajr l-emenda tal-miżuri antidumping u kumpensatorji fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(3)  ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

(4)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(5)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 255, 29.9.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(8)  ĠU L 168, 2.7.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 277, 23.8.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(11)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(12)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(13)  ĠU C 215, 9.9.2009, p. 19.

(14)  Il-premessa (10) tar-Regolament (KE) Nru 367/2001.


Top