Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1030

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1030/2010 tas- 17 ta' Novembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

ĠU L 300, 17.11.2010, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/11/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/1030/oj

17.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1030/2010

tas-17 ta' Novembru 2010

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Il-Kunsill, wara investigazzjoni ta' anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 1467/2004 (2), impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate (PET) li joriġina inter alia mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-miżuri anti-dumping definittivi”). Il-livelli ta' dazju imposti kienu sa 22,9 % li jikkorrispondu għal 184 EUR/t għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”).

(2)

Wara reviżjoni ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 2167/2005 (3), emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/2004.

2.   Talba għal reviżjoni

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (4) tal-miżuri anti-dumping definittivi fis-seħħ, fit-13 ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' reviżjoni ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba saret mill-Kumitat għall-Polyethylene Terephthalate ta' Plastics Europe (l-applikant) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw sehem maġġuri, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali ta' PET tal-Unjoni.

(4)

It-talba għal reviżjoni ta' skadenza kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f'kontinwazzjoni jew f'rikorrenza ta' dumping u dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(5)

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni qieset li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tinbeda reviżjoni tal-iskadenza. Għaldaqstant, fit-18 ta' Awwissu 2009, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ta' tnedija (5) (“l-avviż ta' tnedija”), il-bidu ta' reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

3.   Proċedimenti paralleli

(6)

Huwa nnutat li fit-3 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni ħabbret ukoll il-bidu ta' proċediment anti-dumping (6) skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u proċediment kontra s-sussidji (7) skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (8) fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċertu PET li joriġinaw fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda.

(7)

Il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda permezz tar-Regolament (UE) Nru 857/2010 ppubblikat fid-29 ta' Settembru 2010 (9). Fl-istess waqt il-Kummissjoni temmet il-proċediment anti-dumping (10).

4.   L-investigazzjoni

4.1.   Il-perjodu ta' investigazzjoni

(8)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti għall-verifika tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-aħħar tal-PIR (“il-perjodu kkunsidrat”).

4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi ilmentaturi, lil produtturi oħrajn magħrufa tal-Unjoni, lill-importaturi/negozjanti u lill-utenti li huma magħrufin li huma kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, lill-produtturi esportaturi u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur ikkonċernat, bil-bidu tar-reviżjoni ta' skadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta' inizjazzjoni.

(10)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

(11)

Fid-dawl tal-għadd apparentement kbir ta' produtturi, produtturi esportaturi u importaturi tal-Unjoni, tqies li jkun xieraq, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jiġi analizzat jekk għandux jintuża t-teħid ta' kampjuni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk hux meħtieġ it-teħid ta' kampjuni u, jekk ikun, biex jintgħażel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq kienu mitluba li jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni u li jipprovdu t-tagħrif mitlub fl-avviż ta' inizjazzjoni lill-Kummissjoni.

(12)

Erbatax-il produttur tal-Unjoni ressqu t-tagħrif mitlub u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Fuq il-bażi tat-tagħrif li ntbagħat mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' ħames produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 65 % tal-bejgħ mill-produtturi kollha tal-Unjoni li kkooperaw lil klijenti mhux relatati fl-UE.

(13)

Billi kienu biss żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li pprovdew l-informazzjoni mitluba, ma kienx hemm bżonn li jintgħażel kampjun.

(14)

Aġent importatur wieħed biss ipprovda l-informazzjoni mitluba u qabel li jkun inkluż fil-kampjun. Konsegwentament, ma kienx meħtieġ teħid ta' kampjuni fir-rigward ta' importaturi mhux relatati.

(15)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, lill-produtturi esportaturi, u lill-utenti u lill-fornituri kollha magħrufin li huma kkonċernati kif ukoll lil dawk li taw isimhom fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fl-avviż ta' inizjazzjoni. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-produtturi magħrufa fl-Istati Uniti (“il-pajjiż analogu maħsub”).

(16)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mill-ħames produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun, seba' utenti fl-Unjoni, tliet fornituri tal-materja prima u żewġ produtturi fl-Istati Uniti. Barra minn dan, seba' produtturi tal-Unjoni li kkooperaw ipprovdew id-data ġenerali mitluba għall-analiżi tal-ħsara. Ma ntbagħtet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarji, madankollu, mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(17)

Matul l-investigazzjoni, wieħed mill-ħames produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ma kienx f'pożizzjoni li jipprovdi d-data kollha mitluba u konsegwentement kellu jitnaqqas għal erba' produtturi li jirrappreżentaw 47 % tal-bejgħ mill-produtturi kollha li kkooperaw.

(18)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabilità ta' ssuktar jew rikorrenza ta' dumping u l-ħsara li tirriżulta minnu u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni

Novapet SA, Spanja,

Equipolymers srl, l-Italja,

UAB Orion Global PET (Indorama), il-Litwanja,

UAB Neo Group, il-Litwanja;

(b)

Utenti fl-Unjoni

Puccetti, l-Italja.

(ċ)

Produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika

M&G Polymers USA, LLC, Stati Uniti tal-Amerika

StarPet Inc., Stati Uniti tal-Amerika.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(19)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri polyethylene terephthalate b'numru tal-viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li fil-preżent jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 39076020 u li joriġina mir-RPĊ.

(20)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni kkonfermat is-sejba tal-investigazzjoni oriġinali, li l-prodott ikkonċernat, u l-prodotti manufatturati u mibjugħa mill-produttur esportatur fis-suq domestiku tagħhom u lil pajjiżi terzi, kif ukoll dawk manifatturati u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess użi u karattersitiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi. Għalhekk, dawn il-prodotti jitqiesu li huma prodotti simili fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABILITÀ TA' TKOMPLIJA JEW RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Rimarki preliminari

(21)

Kif spjegat hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li tiġi applikata l-għażla ta' kampjun fir-rigward tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(22)

B'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti tkun se twassal gћal tkomplija jew gћal rikorrenza tad-dumping.

2.   Id-dumping ta' importazzjonijiet matul l-PIR

(23)

Minħabba n-nuqqas ta' volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet mir-RPĊ fl-Unjoni Ewropea, dawn ma ffurmawx bażi għal sejba rappreżentattiva ta' dumping. Għalhekk, ma sar l-ebda kalkolu fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ u għalhekk, l-investigazzjoni iffukat fuq il-probabbiltà li jerġa' jkun hemm dumping.

3.   Żvilupp tal-importazzjonijiet jekk jitħassru l-miżuri

(24)

Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera f'din l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet hawn taħt joqogħdu fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data tal-Eurostat u t-talba għal reviżjoni.

3.1.   Relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta' esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(25)

Billi l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera, il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku ta' pajjiż terz b'ekonomija tas-suq tqabblu mal-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

Il-pajjiż analogu

(26)

Minħabba li r-RPĊ hija ekonomija fi tranżizzjoni u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur normali kostrutt miksub f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xierqa (“il-pajjiż analogu”), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dawn mhumiex possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini ta' profitt raġonevoli.

(27)

Fl-avviż ta' bidu, kien previst li l-Istati Uniti tal-Amerika tintuża bħala pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali għar-RPĊ u l-partijiet interessati ġew mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija adegwata. Ma wasal ebda kumment jew oġġezzjoni minn kwalunkwe parti f'dan ir-rigward. L-Istati Uniti ntużaw ukoll bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk l-Istati Uniti huma meqjusa bħala pajjiż analogu xieraq.

Valur normali

(28)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie stabbilit skont l-informazzjoni vverifikata li waslet mill-produtturi fil-pajjiż analogu, jiġifieri skont il-prezzijiet imħallsa jew li jitħallsu fis-suq domestiku fl-Istati Uniti tal-Amerika, għal tipi ta' prodotti li nstabu li jinbiegħu fl-andament normali tal-kummerċ.

(29)

B'konsegwenza ta' dan, il-valur normali ġie stabbilit bħala prezz tal-bejgħ domestiku medju diffirenzjat lil klijenti mhux relatati mill-produtturi li kkooperaw fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(30)

L-ewwel, għal kull wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi mill-Istati Uniti li kkooperaw, ġie stabbilit jekk it-total tal-bejgħ domestiku tagħhom tal-prodott simili kienx rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk ammontax għal 5 % jew iktar tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni, il-bejgħ domestiku taż-żewġ produtturi mill-Istati Uniti tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed.

(31)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies bħala bejgħ li sar fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti, ġie stabbilit proporzjon tal-bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul l-PIR.

(32)

Billi l-volum ta' bejgħ bi profitt tal-prodott simili rrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum ta' bejgħ totali tal-prodott simili, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala medja differenzjata tal-bejgħ bi profitt.

Prezz ta' esportazzjoni

(33)

Kif spjegat hawn fuq, fin-nuqqas ta' volumi ta' importazzjoni sinifikanti u fid-dawl tan-nuqqas ta' xi kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tar-RPĊ, il-prezz tal-esportazzjoni ġie eżaminat fuq il-bażi tad-data disponibbli mill-istatistiċi tal-esportazzjoni tar-RPĊ dwar il-kwantità u l-valur tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn tlieta mill-aktar swieq importanti tagħha (il-Ġappun, l-Ukraina u l-Istati Uniti), billi din kienet l-aqwa informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-esportazzjonijiet lejn dawn is-swieq irrappreżenta bejn wieħed u ieħor 50 % tal-esportazzjonijiet tar-RPĊ tal-prodott taħt investigazzjoni.

Tqabbil

(34)

Id-data mill-istatistiċi tal-esportazzjoni tar-RPĊ uriet li l-prezzijiet ta' esportazzjoni għall-pajjiżi terzi msemmija hawn fuq kienu inqas mill-valur normali stabbilit għar-RPĊ. Fil-fatt, l-investigazzjoni sabet li b'mod ġenerali matul il-PIR din id-differenza fil-prezzijiet varjat bejn 14 % u 38 %. Dan jindika probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping fuq esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati.

3.2.   Kapaċitajiet żejda

(35)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni oħra li tirrigwarda l-produzzjoni u l-kapaċità, l-analiżi saret b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-informazzjoni li hemm fit-talba ta' reviżjoni.

(36)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, u fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni li tindika l-kuntrarju, il-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ żdiedet b'16 % matul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-PIR, l-użu tal-kapaċità kien f'livell ta' bejn wieħed u ieħor 72 %. Għalhekk, il-kapaċità żejda kienet sostanzjali u kienet iktar minn 700 000 tunnellata. Billi tattiva din il-kapaċità żejda, il-produzzjoni Ċiniża tista' tissupplixxi sa 23 % tal-konsum tal-Unjoni.

(37)

Barra minn hekk, billi l-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ hija mistennija li tiżdied b'rata ħafna ikbar mid-domanda domestika, huwa mistenni li parti kbira minn kull żieda fil-produzzjoni tkun orjentata lejn l-esportazzjoni.

4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tar-rikorrenza tad-dumping

(38)

Meta wieħed iqis li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni lejn is-swieq ewlenin tal-esportazzjoni tar-RPĊ huma inqas mill-valur normali stabbilit waqt il-PIR, u fuq il-bażi taż-żieda fil-kapaċità, huwa probabbli li l-volum ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE sejrin jiżdiedu bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping jekk il-miżuri jiskadu.

(39)

Fid-dawl ta' dan t’hawn fuq, hemm probabbiltà ta' rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri jitħassru.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(40)

Waqt il-PIR, il-prodott kien immanifatturat minn 17-il produttur fl-Unjoni. Għaldaqstant, it-total prodott minn dawn il-produtturi (stabbilit abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-produtturi li kkooperaw u, għall-produtturi l-oħra tal-Unjoni, mid-data inkluża fit-talba għal reviżjoni) jitqies għalhekk li jikkostitwixxi l-produzzjoi tal-Unjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(41)

Minn dawn is-17-il produttur, 12-il produttur ikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Dawn it-12-il produttur instabu li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta' aktar minn 80 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili. It-12-il produttur li kkooperaw, għalhekk, jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“industrija tal-Unjoni”. Il-bqija tal-produtturi tal-Unjoni minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-produtturi l-oħra tal-Unjoni”. Dawn il-produtturi l-oħra tal-Unjoni ma sostnewx l-ilment u lanqas ma oġġezzjonaw għalih b'mod attiv.

(42)

Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti fiż-żewġ livelli li ġejjin:

L-elementi makroekonomiċi (il-produzzjoni, il-kapaċità, il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-prezzijiet medji tal-unità u d-daqs tal-marġnijiet tad-dumping u l-irkupru mill-effetti ta' dumping fl-imgħoddi) ġew eżaminati fil-livell tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, u dan abbażi tat-tagħrif miġbur mill-produtturi li kkooperaw fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġbir ta' kampjuni u fuq stima bbażata fuq id-data mit-talba ta' reviżjoni għall-produtturi l-oħra tal-Unjoni.

L-analiżi tal-elementi mikroekonomiċi (stokkijiet, pagi, profittabbiltà, dħul mill-investimenti, fluss tal-likwidità, possibbiltà li jiżdied il-kapital u l-investimenti) saret għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun abbażi tat-tagħrif tagħhom.

(43)

Huwa nnotat li s-suq tal-UE għall-PET hu kkaratterizzat minn għadd relattivament għoli ta' produtturi, li normalment ikunu jagħmlu parti minn gruppi akbar u l-kwartieri ġenerali tagħhom ikunu barra mill-UE. Is-suq huwa fi proċess ta' konsolidazzjoni b'għadd reċenti ta' akkwiżizzjonijiet u għeluq ta' impriżi. Pereżempju, mill-2009, l-impjanti ta' produzzjini tal-PET ta' Tergal Fibers (Franza), Invista (il-Ġermanja) u Artenius (ir-Renju Unit) għalqu filwaqt li Indorama akkwistat dawk li kienu l-impjanti Eastman fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi.

E.   SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Konsum tal-Unjoni

(44)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, id-data dwar il-volumi ta' importazzjoni għas-suq tal-UE miksuba mill-Eurostat u, fir-rigward tal-produtturi l-oħra tal-Unjoni, minn stimi bbażati fuq it-talba ta' reviżjoni.

(45)

Bejn l-2006 u l-PIR il-konsum fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat żdied bi 11 %. B'mod aktar preċiż, id-domanda apparenti kibret fl-2007 bi 8 %, naqset kemxejn bejn l-2007 u l-2008 (b'2 punti perċentwali) u kompliet żdiedet b'5 punti perċentwali oħra bejn l-2008 u l-PIR.

Tabella 1

 

2006

2007

2008

PIR

Total tal-konsum fl-UE (tunnellati)

2 709 400

2 936 279

2 868 775

2 996 698

Indiċi (2006 = 100)

100

108

106

111

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju, data tal-Eurostat u talba għal reviżjoni

2.   Volum, sehem mis-suq u prezzijiet ta' importazzjonijet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(46)

Il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat fl-UE baqgħu relattivament baxxi u saħansitra naqsu fil-perjodu ikkunsidrat. Dan laħaq 13 483 tunnellata fil-PIR, li jikkorrispondi għal sehem tas-suq ta 0,4 %. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu stabbli bejn l-2006 u l-2008 u naqsu drastikament għal 897 EUR/tunnellata fil-livell CIF fil-PIR, jiġifieri bi 12-il punt perċentwali b'relazzjoni mal-prezzijiet tul l-2008.

Tabella 2

 

2006

2007

2008

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ (tunnellati)

16 425

20 159

18 001

13 483

Indiċi (2006 = 100)

100

123

110

82

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

0,6  %

0,7  %

0,6  %

0,4  %

Prezz tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

1 011

1 008

1 020

897

Indiċi (2006 = 100)

100

100

101

89

Sors: Eurostat

3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(a)   Importazzjonijiet mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda

(47)

Kif imsemmi hawn fuq, fil-premessi (6) et seq., saru proċediment anti-dumping u proċediment kontra s-sussidji li jikkonċernaw importazzjonijiet ta' PET mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda b'mod parallel mar-reviżjoni attwali.

(48)

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda fl-UE żdiedu b'mod sinifikanti fil-perjodu kkunsidrat u laħqu 304 202 tunnellata fil-PIR, li jikkorrispondi għal sehem mis-suq ta' 10,2 %. Il-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet kienu saħansitra iktar baxxi mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

Tabella 3

 

2006

2007

2008

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda (tunnellati)

55 939

67 067

218 248

304 202

Indiċi (2006 = 100)

100

120

390

544

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda (tunnellati)

2,1  %

2,3  %

7,6  %

10,2  %

Prezz tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

1 030

1 023

1 015

882

Sors: Eurostat

(b)   Importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea

(49)

Ir-Repubblika tal-Korea ilha suġġetta għal dazji ta' anti-dumping mis-sena 2000. Madankollu, żewġ kumpaniji Koreani huma soġġetti għal dazju anti-dumping ta' żero u l-investigazzjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea jibqgħu f'livell għoli u fil-perjodu kkunsidrat żdiedu b'mod sinifikanti. L-importazzjonijiet Koreani żdiedu bi kważi 150 % bejn l-2006 u l-PIR u s-sehem mis-suq rispettiv tagħhom żdied minn 3,5 % fl-2006 għal 7,7 % fil-PIR.

Tabella 4

 

2006

2007

2008

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mill-Korea t'Isfel (tunnellati)

94 023

130 994

177 341

231 107

Indiċi (2006 = 100)

100

139

189

246

Sehem mis-suq ta’ importazzjonijiet mill-Korea t'Isfel

3,5  %

4,5  %

6,2  %

7,7  %

Prezz tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

1 084

1 071

1 063

914

Sors: Eurostat

(50)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet Koreani ġeneralment baqa' kemxejn taħt il-prezzijiet medji tal-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, il-prezzijiet Koreani kienu ogħla mill-prezzijiet medji mir-RPĊ.

(c)   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra mhux imsemmija hawn fuq

(51)

Il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi oħra fl-UE żdied kemm kemm fil-perjodu kkunsidrat u laħaq 428 396 tunnellata fil-PIR, li jikkorrispondu għal sehem mis-suq ta' 14,3 %. Il-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet huma relattivament għoljin u ogħla mill-prezzijiet rispettivi mir-RPĊ u l-pajjiżi fl-investigazzjonijiet paralleli, kif ukoll ogħla mil-livell medju tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

Tabella 5

 

2006

2007

2008

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (tunnellati)

337 036

407 253

344 626

428 396

Indiċi (2006 = 100)

100

121

102

127

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

12,4  %

13,9  %

12,0  %

14,3  %

Prezz tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

1 159

1 127

1 135

978

Sors: Eurostat

(52)

Minn dan ta' hawn fuq, jista' jiġi konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma kellhom l-ebda impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(53)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-fatturi ekonomiċi u l-indiċi kollha li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu meqjus ġew eżaminati.

4.1.   Elementi makroekonomiċi

(a)   Produzzjoni

(54)

Il-produzzjoni tal-Unjoni naqset b'4 % bejn l-2006 u l-PIR. B'mod aktar speċifiku, din żdiedet b'5 % fl-2007 għal madwar 2 570 000 tunnellata, iżda naqset sew b'10 punti perċentwali fl-2008 meta mqabbla mal-2007 u żdiedet kemm kemm b'punt perċentwali wieħed bejn l-2008 u l-PIR, meta laħqet madwar 2 300 000 tunnellata.

Tabella 6

 

2006

2007

2008

PIR

Produzzjoni (tunnellati)

2 439 838

2 570 198

2 327 169

2 338 577

Indiċi (2006 = 100)

100

105

95

96

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(b)   Il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(55)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni żdiedet bi 15 % tul il-perjodu meqjus. B'mod speċifiku, żdiedet b'1 % fl-2007, kompliet tiżdied b'5 punti perċentwali fl-2008 u b'9 punti perċentwali oħra fil-PIR.

Tabella 7

 

2006

2007

2008

PIR

Kapaċità ta’ produzzjoni (tunnellati)

2 954 089

2 971 034

3 118 060

3 385 738

Indiċi (2006 = 100)

100

101

106

115

Utilizzazzjoni tal-kapaċità

83  %

87  %

75  %

69  %

Indiċi (2006 = 100)

100

105

90

84

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(56)

Fl-2006, l-użu tal-kapaċità kien 83 %, li żdied għal 87 % fl-2007 iżda iktar tard niżel għal 75 % fl-2008 u għal 69 % biss fil-PIR. Ir-rata ta' tnaqqis fl-użu fl-2008 u fil-PIR irriflettiet it-tnaqqis fil-produzzjoni u ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni f'dan il-perjodu.

(ċ)   Volum ta' bejgħ

(57)

Il-volum ta' bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-UE naqas modestament fil-perjodu meqjus. Il-bejgħ żdied b'5 % fl-2007, iżda fis-sena ta' wara naqas kemxejn taħt il-livell tal-2006 u fil-PIR il-bejgħ kien 3 % iktar baxx milli fl-2006, għal madwar 2 100 000 tunnellata. Minħabba l-volum limitat ta' stokkijiet, l-iżvilupp tal-bejgħ jirrifletti sew l-iżvilupp fil-produzzjoni.

Tabella 8

 

2006

2007

2008

PIR

Bejgħ fl-UE (tunnellati)

2 202 265

2 318 567

2 171 203

2 133 787

Indiċi (2006 = 100)

100

105

99

97

Sors: tweġibiet tal-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(d)   Sehem mis-suq

(58)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-produtturi tal-Unjoni tilfu 10 punti perċentwali mis-sehem mis-suq, li naqas minn 85 % fl-2006 għal 75 % fil-PIR. Dan it-telf tas-sehem mis-suq jirrifletti l-fatt li, minkejja żieda sostanzjali fil-konsum, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 3 % fil-perjodu meqjus. ta' min jinnota li din ix-xejra ta' tnaqqis kienet preżenti wkoll għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

Tabella 9

 

2006

2007

2008

PIR

Sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni

84,9  %

83,2  %

79,8  %

75,1  %

Indiċi (2006 = 100)

100

98

94

88

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju, talba għal reviżjoni u Eurostat

(e)   Tkabbir

(59)

Bejn l-2006 u l-PIR, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 11 %, il-volum ta' bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-UE naqas bi 3 % u s-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas b'10 punti perċentwali. Għaldaqstant, qed jiġi konkluż li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jibbenefikaw minn xi tkabbir tas-suq.

(f)   Impjiegi

(60)

Il-livell tal-impjiegi tal-produtturi tal-Unjoni juri tnaqqis ta' 15 % bejn l-2006 u l-PIR. B'mod aktar speċifiku, l-għadd ta' persuni impjegati naqas b'mod sinifikanti minn 2 400 fl-2006 għal 2 100 fl-2007 jew bi 13 % u baqa' qrib dan il-livell fl-2008 u fil-PIR. It-tnaqqis fl-2007 huwa mera tal-isforzi ta' ristrutturazzjoni minn għadd ta' produtturi tal-UE.

Tabella 10

 

2006

2007

2008

PIR

Impjiegi (persuni)

2 410

2 100

2 060

2 057

Indiċi (2006 = 100)

100

87

85

85

Sors: tweġibiet tal-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(g)   Produttività

(61)

Il-produttività tal-ħaddiema tal-produtturi tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni (f'tunnellati) għal kull persuna impjegata, għal kull sena, żdiedet bi 12 % fil-perjodu meqjus. Dan jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni naqset aktar bil-mod mil-livell ta' impjiegi u hija indikazzjoni ta' żieda fl-effiċjenza min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni. Dan hu partikolarment evidenti fl-2007 meta l-produzzjoni żdiedet filwaqt li l-livell tal-impjiegi naqas u l-produttività kienet 21 % ogħla milli kienet fl-2006.

Tabella 11

 

2006

2007

2008

PIR

Produttività (tunnellata għal kull impjegat)

1 013

1 224

1 130

1 137

Indiċi (2006 = 100)

100

121

112

112

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(h)   Fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet ta' bejgħ

(62)

Il-medja annwali tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni għal konsumaturi mhux relatati baqgħet stabbli bejn l-2006 u l-2008, b'madwar 1 100 EUR kull tunnellata. Fil-PIR il-medja annwali tal-prezz tal-bejgħ niżlet bi 12 % u laħqet id-977 EUR/tunnellata. Il-medja annwali tal-prezz tal-bejgħ ma tirriflettix il-flussi ta' kull xahar, jew dawk ta' kuljum, tal-PET fis-suq Ewropew (u dinji) iżda titqies suffiċjenti biex tindika x-xejra matul il-perjodu meqjus. Il-prezzijiet tal-bejgħ ta' PET, normalment isegwu t-tendenzi fil-prezzijiet tal-materja prima prinċipali tiegħu (b'mod partikolari aċidu tereftaliku purifikat – PTA – u monoetilene glikolu – MEG) minħabba li dawn jikkostitwixxu sa 80 % tal-ispiża totali tal-PET.

Tabella 12

 

2006

2007

2008

PIR

Prezz ta’ unità fis-suq tal-UE (EUR/tunnellata)

1 110

1 105

1 111

977

Indiċi (2006 = 100)

100

100

100

88

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal reviżjoni

(i)   Il-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping tal-imgħoddi

(63)

Huwa mfakkar li minħabba l-volumi ta' importazzjoni baxxi ħafna ta' PET milr-RPĊ fil-preżent, ma sar l-ebda kalkolu ta' dumping. Madankollu, kif iddikjarat fil-premessa (39), ġiet stabbilita probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping fuq il-bażi tal-prezzijiet lil pajjiżi terzi u l-kapaċità eċċessiva. Fir-rigward tal-irkupru minn dumping tal-passat, huwa importanti li wieħed jiftakar li wara l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet mir-RPĊ, l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tħabbat wiċċha ma' importazzjonijiet issussidjati mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda, u f'Ġunju 2010, dan wassal għall-impożizzjoni ta' miżuri kumpensatorji provviżorji (11). Għalhekk, ma seta' jiġi stabbilit ebda rkupru attwali mid-dumping tal-imgħoddi u huwa meqjus li l-industrija tal-Unjoni tibqa' vulnerabbli għall-effett ta' dannu ta' kwalunkwe importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni.

4.2.   Elementi mikroekonomiċi

(a)   Stokkijiet

(64)

Il-livell ta' stokkijiet tal-għeluq tal-produtturi inklużi fil-kampjun naqas bejn l-2006 u l-PIR bi 22 %. ta' min jinnota li l-istokkijiet jirrappreżentaw anqas minn 5 % tal-produzzjoni annwali u għaldaqstant ir-rilevanza ta' dan l-indikatur fl-analiżi tal-ħsara hija limitata.

Tabella 13

Kampjun

2006

2007

2008

PIR

Stokk tal-għeluq (tunnellati)

61 374

57 920

46 951

47 582

Indiċi (2006 = 100)

100

94

77

78

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju

(b)   Pagi

(65)

L-ispiża tax-xogħol annwali żdiedet bi 11 % bejn l-2006 u l-2007 qabel ma naqas b'2 punti perċentwali fl-2008 meta mqabbel mal-2007 u b'9 punti perċentwali oħra fl-PIR meta mqabbel mal-2008 b'mod li laħaq l-istess livell fl-2006. B'mod ġenerali, l-ispejjeż tax-xogħol għalhekk baqgħu stabbli.

Tabella 14

Kampjun

2006

2007

2008

PIR

Spiża tax-xogħol annwali (EUR)

27 671 771

30 818 299

30 077 380

27 723 396

Indiċi (2006 = 100)

100

111

109

100

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju

(c)   Profittabbiltà u redditu mill-investimenti

(66)

Matul il-perjodu meqjus, il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-produtturi inklużi fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati, espressa bħala perċentwali ta' bejgħ nett, baqgħet negattiva u saħansitra niżlet minn –6,9 % għal –7,5 %. B'mod aktar speċifiku, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-profittabbiltà tal-produtturi inklużi fil-kampjun tjiebet fl-2007 meta t-telf nett kien jammonta biss għal –1,5 % tal-bejgħ nett, iżda t-telf żdied sew fl-2008 għal –9,3 %. Is-sitwazzjoni tjiebet kemxejn fil-PIR.

Tabella 15

Kampjun

2006

2007

2008

PIR

Profittabilità tal-UE (% ta’ bejgħ nett)

–6,9  %

–1,5  %

–9,3  %

–7,5  %

Indiċi (2006= - 100)

– 100

–22

– 134

– 108

ROI (profitt f'% tal-valur nett deprezzat tal-investimenti)

–9,6  %

–3,1  %

–16,8  %

–12,3  %

Indiċi (2006= – 100)

– 100

–32

– 175

– 127

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju

(67)

Ir-redditu fuq l-investimenti (“ROI”), espress bħala l-profitt f'perċentwali tal-valur nett deprezzat tal-investimenti, segwa b'mod wiesa' x-xejra ta' profittabbiltà. Dan żdied minn livell ta' –9,6 % fl-2006 għal –3,1 % fl-2007. Huwa naqas għal –16,8 % fl-2008 u reġa' żdied fil-PIR għal –12,3 %. B'mod ġenerali, ir-redditu fuq l-investimenti baqa' negattiv u mar lura bi 2,7 punti perċentwali matul il-perjodu meqjus.

(d)   Fluss tal-likwidità u kapaċità li jiżdied il-kapital

(68)

Il-fluss tal-likwidità netta minn attivitajiet operattivi kien negattiv, fil-livell ta' –18,5 miljun EUR fl-2006. Hija tjiebet b'mod sinifikanti fl-2007 meta saret pożittiva fl-ammont ta' 19,5 miljun EUR, iżda ddeterjorat bil-kbir fl-2008 (–42 miljun EUR) qabel laħqet l-ammont negattiv ta' –11 miljun EUR fil-PIR. B'mod ġenerali, il-fluss tal-likwidità tjieb fil-perjodu meqjus għalkemm baqa' negattiv.

(69)

Ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija tal-Unjoni sabet diffikultajiet biex tkabbar il-kapital, l-aktar minħabba li wħud mill-produtturi huma inkorporati fi gruppi akbar.

Tabella 16

Kampjun

2006

2007

2008

PIR

Likwidità (EUR)

–18 453 130

19 478 426

–42 321 103

–11 038 129

Indiċi (2006 = 100)

– 100

206

– 229

–60

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju

(e)   Investimenti

(70)

L-investimenti annwali tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun fil-produzzjoni tal-prodott simili naqsu b'34 % bejn l-2006 u l-2007, b'59 punt perċentwali oħra bejn l-2007 u l-2008 u mbagħad naqsu kemxejn fil-PIR meta mqabbla mal-2008. Kollox ma' kollox, l-investimenti naqsu b'96 % matul il-perjodu meqjus. Din il-waqgħa drastika fl-investimenti tista' tiġi spjegata parzjalment minħabba li fl-2006 u fl-2007 nkisbu linji ġodda ta' produzzjoni bil-għan li jżidu l-kapaċità.

Tabella 17

Il-kampjun

2006

2007

2008

PIR

Investimenti netti (EUR)

98 398 284

64 607 801

6 537 577

4 298 208

Indiċi (2006 = 100)

100

66

7

4

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju

(71)

Il-livell baxx ta' investiment fl-2008 u fil-PIR, jitqies li huwa riżultat ta' sitwazzjoni finanzjarja vulnerabbli attwali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-konklużjoni dwar il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

(72)

L-analiżi tad-data makroekonomika turi li tul il-perjodu meqjus il-produtturi tal-Unjoni naqqsu l-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom. Għalkemm it-tnaqqis osservat ma kienx daqshekk drammatiku, dan irid jitqies fil-kuntest taż-żieda fid-domanda bejn l-2006 u l-PIR, li wasslet għat-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni b'10 punti perċentwali għal 75 %.

(73)

Fl-istess waqt l-indikaturi mikroekonomiċi rilevanti juru deterjorament ċar tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-profittabbiltà u r-redditu fuq l-investiment baqgħu negattivi u komplew jinżlu b'mod ġenerali bejn l-2006 u l-PIR. Minkejja żvilupp pożittiv ġenerali, il-likwidità wkoll baqgħet negattiva fil-PIR.

(74)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ġie konkluż li l-industrija tal-Unjoni kompliet issofri dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u li s-sitwazzjoni tagħha hija fraġli u vulnerabbli ħafna u 'l bogħod ħafna mil-livelli li jistgħu jkunu mistennija li kieku rkuprat mid-dannu li nstab fl-investigazzjoni oriġinali.

F.   IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

1.   L-impatt tal-volum proġettat tal-importazzjonijiet u l-effetti tal-prezzijiet f'każ ta' revoka tal-miżuri

(75)

Kif ġie konkluż fil-premessa (38) hawn fuq, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ għandhom kapaċitajiet żejda sinifikanti u potenzjal ċar li jżidu l-volumi tal-esportazzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni.

(76)

Il-prezzijiet CIF tal-esportazzjoni tal-PET li joriġina mir-RPĊ kienu aktar baxxi mill-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni fil-PIR. Huwa nnotat li d-differenza ma kinitx waħda sinifikanti u minħabba li dawn l-importazzjonijiet huma soġġetti għal dazju doganali konvenzjonali u għal xi ħlasijiet wara l-importazzjoni, huma ma kellhomx inaqqsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni prevalenti fil-PIR. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni mill-proċeduri paralleli kontra s-sussidji msemmija fil-premessa (6) turi li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-PIR tnaqqsu b'mod sinifikanti minħabba l-importazzjonijiet issussidjati mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda. Għalhekk, il-fatt li ma kien hemm ebda tnaqqis attwali fil-prezzijiet matul il-PIR ma jfissirx li jekk l-importazzjonijiet mir-RPĊ ikomplu, il-livelli tal-prezzijiet tagħhom ma jkunux ta' dannu.

(77)

Tabilħaqq, tqabbil tal-prezzijiet tal-importazzjoni attwali mir-RPĊ mal-livell tal-prezzijiet mingħajr dannu wera li l-importazzjonijiet mir-RPĊ għandhom inaqqsu l-prezzijiet (mingħajr dannu) tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, kwalunkwe volum miżjud ta' importazzjonijiet li x'aktarx ikunu l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ jeżerċitaw pressjoni tal-prezzijiet saħansitra aktar b'saħħitha fuq l-industrija tal-Unjoni u jikkawżaw dannu.

(78)

Barra minn hekk, minħabba l-kapaċitajiet żejda eżistenti għall-PET fir-RPĊ, flimkien mal-fatt li l-esportaturi fir-RPĊ fil-probabbiltà kollha jippruvaw jerġgħu jiksbu l-ishma tagħhom mitlufa mis-suq, revoka tal-miżuri wisq probabbli tirriżulta fi prezzijiet ta' esportazzjoni aktar baxxi. Dan isaħħaħ il-pressjoni tal-prezzijiet b'impatt negattiv ulterjuri mistenni fuq is-sitwazzjoni diġà vulnerabbli u b'danni materjali tal-industrija tal-Unjoni.

(79)

Għalkemm l-effett tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq l-istat prekarju attwali tal-industrija tal-Unjoni kien limitat minħabba l-livelli baxxi ta' importazzjonijiet matul il-perjodu kkunsidrat, wisq probabbli li dan jinbidel, f'każ li l-miżuri jitħassru. Intant, li kieku l-miżuri jitħassru u l-industrija tal-Unjoni tkun esposta għal volumi akbar mir-RPĊ bi prezzijiet iddampjati, dan jirriżulta f'deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja diġà prekarja tagħha u f'aktar telf.

2.   Il-konklużjonijiet dwar it-tkomplija/ir-rikorrenza tad-dannu

(80)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li t-tħassir tal-miżuri kontra r-RPĊ x'aktarx li tirriżulta fit-tkomplija ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

G.   INTERESS TAL-UNJONI

(81)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interessi tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti. Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw b'konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(82)

Ta' min ifakkar li, fl-investigazzjoni oriġinali, tqies li l-adozzjoni tal-miżuri tqieset li ma kinitx kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-din l-investigazzjoni hija reviżjoni, u għaldaqstant tanalizza sitwazzjoni fejn miżuri anti-dumping diġà kienu jeżistu, tippermetti l-evalwazzjoni ta' kull impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri anti-dumping ta' bħalissa.

(83)

Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta' tkomplija jew rikorrenza ta' dumping li jkun ta' dannu, kienx hemm raġunijiet kompulsivi li jwasslu għall-konklużjoni li f'dan il-każ partikolari, mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li żżomm il-miżuri.

1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni u produtturi oħra tal-Unjoni

(84)

It-tkomplija tal-miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat iżżid il-possibbiltà għall-industrija tal-Unjoni li tilħaq livell raġonevoli ta' profittabilità, billi tgħin sabiex jiġi evitat li l-industrija tal-Unjoni tiġi mbuttata 'l barra mis-suq minħabba l-volumi sostanzjali ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ. Fil-fatt, hemm probabbiltà ċara li jkun hemm dumping ta' dannu f'volumi sostanzjali li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista' tirreżisti. L-industrija tal-Unjoni għalhekk tkompli tibbenefika miż-żamma tal-miżuri anti-dumping attwali.

(85)

Għaldaqstant, ġie konkluż li jidher ċar li ż-żamma tal-miżuri anti-dumping kontra r-RPĊ hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni u ta' produtturi oħrajn tal-Unjoni.

2.   Interess ta' importaturi mhux relatati fl-Unjoni

(86)

Kif indikat hawn fuq, kien biss aġent importatur wieħed li ppreżenta xi informazzjoni fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni. Dan l-aġent oppona t-tkomplija tal-miżuri bil-qawwa għalkemm ma ddikjara ebda importazzjoni mir-RPĊ. Konsegwentament, ġie konkluż li ż-żamma tal-miżuri kontra r-RPĊ ma għandu jkollha ebda impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta' dan l-aġent.

(87)

Ebda importatur ieħor ma ressaq tagħrif rilevanti. Minħabba li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn fejn bħalissa hemm miżuri anti-dumping fis-seħħ ma waqfux u li l-importazzjonijiet huma disponibbli minn pajjiżi li ma għandhom l-ebda miżuri anti-dumping (pereżempju l-Oman, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Brażil), ġie kkunsidrat li l-importaturi jistgħu jkomplu jfittxu mis-sorsi alternattivi ta' provvista.

(88)

Meta wieħed iqis li ma hemm ebda evidenza fil-fajl li tissuġġerixxi li l-miżuri fis-seħħ affettwaw lill-importaturi b'mod konsiderevoli, ġie konkluż li t-tkomplija tal-miżuri mhix se taffettwa lill-importaturi tal-Unjoni sa ebda punt sinifikanti.

3.   Interess tal-fornituri tal-materja prima fl-Unjoni

(89)

Tliet fornituri ta' materja prima (tnejn tal-PTA u wieħed tal-MEG) ikkooperaw fl-investigazzjoni billi ressqu t-tweġiba għall-kwestjonarju fiż-żmien stipulat. L-għadd ta' persunal impjegat fil-faċilitajiet Ewropej tagħhom u involut fil-produzzjoni tal-PTA/MEG kien ta' madwar 700.

(90)

Il-produtturi tal-PTA li kkooperaw jirrappreżentaw madwar 50 % tax-xiri ta' PTA tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-produtturi tal-PTA jiddependu bil-kbir fuq l-istat tal-produtturi tal-PET li jikkostitwixxu l-klijenti ewlenin tagħhom. Il-prezzijiet baxxi tal-PET iwasslu għal prezzijiet aktar baxxi tal-PTA u marġnijiet aktar baxxi għall-produtturi tal-PTA. Konsegwentement, hu meqjus li l-produtturi tal-PTA għandhom jibbenefikaw mill-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet iddampjati ta' PET.

(91)

Għall-fornitur tal-MEG li kkoopera, l-MEG jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-fatturat totali tiegħu. ta' min isemmi li fir-rigward tal-MEG, il-PET mhuwiex l-unika applikazzjoni possibbli tiegħu, u lanqas dik ewlenija, u l-produtturi tal-MEG jiddependu inqas fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-PET. Minkejja dan, id-diffikultajiet tal-industrija tal-PET jista' jkollhom impatt limitat fuq il-fornituri tal-MEG, tal-inqas fuq medda qasira u medja ta' żmien.

(92)

Minħabba dan ta' hawn fuq, ġie konkluż li t-tkomplija tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ tkun fl-interess tal-fornituri ta' materja prima.

4.   L-interess tal-utenti

(93)

Il-PET suġġett għal dan il-proċediment (jiġifieri bin-numru tal-viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, l-hekk imsejjaħ “grad ta' flixkun” (bottle grade)) jintuża l-aktar biex jiġu prodotti fliexken għall-ilma u xarbiet oħra. L-użu tiegħu għall-produzzjoni ta' pakketti oħra (ikel solidu jew deterġenti) u għall-produzzjoni tal-folji qiegħed jiżviluppa, iżda għadu relattivament limitat. Il-fliexken tal-PET jiġu prodotti f'żewġ stadji. (i) l-ewwel issir preforma bl-injezzjoni ta' PET bil-forma u (ii) wara l-preforma tissaħħan u tintefaħ fi flixkun. Ir-realizzazzjoni tal-fliexken tista' tkun proċess integrat (jiġifieri l-istess kumpanija tixtri l-PET, tipproduċi l-preforma u tonfoħha fil-flixkun) jew wieħed limitat għat-tieni stadju (l-infiħ tal-preforma fi flixkun). Il-preforom jistgħu jiġu trasportati b'mod relattivament faċli minħabba li huma żgħar u densi, filwaqt li l-fliexken vojta huma instabbli u minħabba d-daqs tagħhom it-trasport tagħhom huwa għali ħafna.

(94)

Il-fliexken tal-PET jimtlew bl-ilma u/jew b'xarbiet oħra mill-kumpaniji tal-ibbottiljar (“il-bottiljaturi”). Il-bottiljaturi sikwit ikunu involuti fin-negozju tal-PET jew permezz ta' proċessi integrati ta' realizzazzjoni tal-fliexken jew permezz ta' ftehimiet dwar ħlasijiet (tolling) ma' konvertituri subkontrattati u/jew produtturi tal-fliexken li jinnegozjaw il-prezz tal-PET għalihom mal-produttur (soft tolling) jew anke jixtru l-PET għall-fliexken tagħhom stess (hard tolling).

(95)

Għaldaqstant, jeżistu żewġ gruppi ta' utenti:

il-konvertituri u/jew il-produtturi tal-fliexken – li jixtru l-PET direttament mill-produtturi, jikkonvertuh fil-preforom (jew fliexken) u jerġgħu jbigħuh għall-ipproċessar fil-bqija tal-linja segwenti tal-produzzjoni (jew il-mili), u

il-bottiljaturi – li jixtru l-PET għall-konvertituri/produtturi tal-fliexken subkontrattati tagħhom (hard tolling) jew jinnegozjaw il-prezz li bih il-konvertitur subkontrattat u/jew il-produttur tal-flixkun se jakkwista l-PET (soft tolling).

(96)

Aktar minn 70 utent ġew ikkuntattjati f'din l-investigazzjoni, imma sebgħa minnhom biss (konvertituri u bottiljaturi) iddeċidew li jikkooperaw billi jimlew kwestjonarju.

(97)

Ġie stabbilit li l-utenti li kkooperaw importaw biss kwantitajiet negliġibbli ta' PET mill-pajjiż ikkonċernat u kisbuhom b'mod predominanti mill-produtturi tal-Unjoni u/jew minn pajjiżi oħrajn.

(98)

Minħabba li s-sorsi alternattivi ta' provvista jkomplu jeżistu u li bħalissal-utenti importaw biss volumi limitati ħafna tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ, ġie konkluż li t-tkomplija tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ mhijiex mistennija li jkollha effett negattiv sinifikanti fuq l-utenti fl-Unjoni.

(99)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu, xi partijiet interessati, b'mod partikolari utenti, ressqu l-kummenti tagħhom.

(100)

Il-produtturi tal-Unjoni li talbu r-reviżjoni bażikament qablu mas-sejbiet tal-investigazzjoni u b'mod partikolari mal-konklużjonijiet fir-rigward tal-interessi tal-Unjoni.

(101)

Mill-banda l-oħra seba' utenti u għaqda waħda tal-utenti esprimew l-oppożizzjoni qawwija tagħhom kontra l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri ani-dumping attwali, li jsostnu li s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni juru defiċjenzi u ineżattezzi serji; madankollu, mingħajr ma sostnew aktar fil-fond il-pretensjonijiet tagħhom.

(102)

Minħabba n-nuqqas ta' evidenza li tappoġġja l-pretensjonijiet fir-rigward tal-ineżattezzi allegati tas-sejbiet tal-Kummissjoni, dawn il-pretensjonijiet huma miċħuda u bla bażi.

(103)

Wara l-iżvelar l-aġent importatur li kkoopera oppona bil-qawwa wkoll l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri.

(104)

Din il-parti interessata sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tqis sew l-interess tal-industrija tal-utenti tal-PET, li allegatament ibatu minn kull żieda fil-prezz tal-PET peress li ma jkunux f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jgħaddu kwalunkwe żieda fl-ispejjeż fuq ħaddieħor.

(105)

F'dan ir-rigward ta' min jinnota li din il-parti interessata naqset milli turi kif fil-prattika ż-żamma ta' miżuri li diġà jeżistu jistgħu jwasslu għal ebda żieda fil-prezz tal-PET fuq is-suq tal-Unjoni u sa liema punt.

(106)

Ta' min itenni li minħabba l-kooperazzjoni relattivament baxxa tal-utenti f'din l-investigazzjoni, ma hemm l-ebda informazzjoni fuq il-fajl li juri li t-tkomplija tal-miżuri jkollha effetti sproporzjonati fuq l-utenti.

(107)

Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, huwa meqjus li ż-żamma tal-miżuri mhux se tħalli effetti negattivi sproporzjonati fuq il-livell tal-prezzijiet tal-PET fl-UE u b'hekk il-pretensjoni li tirrigwarda l-effetti negattivi fuq il-livell tal-prezzijiet tal-PET fl-UE u b'hekk il-pretensjoni li tirrigwarda l-impatt negattiv fuq l-utenti, kif ippreżentat mill-aġent importatur, huwa miċħud.

(108)

L-istess parti interessata ssostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-impatt tat-tkomplija tal-miżuri attwali fuq il-kumpaniji tal-ippakkettjar tal-PET u li għaldaqstant l-analiżi tal-interess tal-Unjoni mhu la korrett u lanqas komplut.

(109)

Ta' min itenni f'dan ir-rigward li wara l-bidu ta' din ir-reviżjoni ppreżentaw ruħhom biss seba' utenti u l-informazzjoni disponibbli fil-qafas ta' dan il-proċediment ma ppermettiex l-analiżi tal-interess ta' dan is-sottogrupp ta' utenti fl-Unjoni.

(110)

Il-kummenti mressqa wara l-iżvelar inklużi l-kummenti mill-kumpaniji li jippakkettjaw ma kinux sostanzjati (kif indikat hawn fuq fil-premessi (101) u (102)) u ma setgħux jintużaw għal analiżi iktar eżawrjenti li tikkonċerna l-industrija tal-ippakkettjar.

5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(111)

Wara li ġew ikkunsidrati l-fatturi kollha deskritti hawn fuq, ġie konkluż li ma hemmx raġunijiet kompulsivi kontra ż-żamma tal-miżuri anti-dumping attwali.

H.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(112)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u bil-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu. Ingħata wkoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara li sar dan l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kienu debitament ikkunsidrati, fejn kien hemm bżonn.

(113)

Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-PET li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu. ta' min ifakkar li dawn il-miżuri jikkonsistu f'dazji speċifiċi.

(114)

Ir-rati ta' dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali f'dan ir-Regolament huma unikament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn dawn il-kumpaniji u b'hekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fl-Artikolu 1(2) b'isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet konnessi ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(115)

Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju anti-dumping individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (12) minnufih flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjata ma', pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont kif ikun meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jgawdu minn rati ta' dazju individwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Dazju anti-dumping definittiv huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate b'numru ta' viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li bħalissa jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 39076020 u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(2)   Ir-rata ta' dazju anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping

(EUR/t)

Kodiċi addizzjonali TARIC

RPĊ

Sinopec Yizheng Chemical Fibre Company Ltd,

184

A505

Changzhou Worldbest Radici Co. Ltd,

0

A506

Jiangyin Xingye Plastic Co. Ltd,

157

A507

Far Eastern Industries Shanghai Ltd,

22

A508

Yuhua Polyester Co. Ltd. of Zhuhai,

184

A509

Jiangyin Chengsheng New Packing Material Co., Ltd

45

A510

Guangdong Kaiping Polyester Enterprises Group Co. and Guangdong Kaiping Chunhui Co. Ltd.

184

A511

 

Yibin Wuliangye Group Push Co., Ltd. (Sichuan) and Yibin Wuliangye Group Import & Export Co., Ltd. (Sichuan)

184

A512

Hubei Changfeng Chemical Fibres Industry Co. Ltd

151

A513

Il-kumpaniji l-oħra kollha

184

A999

(3)   F'każijiet fejn il-merkanzija sofriet danni qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz li attwalment tħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (13), l-ammont ta' dazju anti-dumping, ikkalkolat fuq il-bażi tal-paragrafu 2 ta' hawn fuq, għandu jkun imnaqqas b'perċentwali li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz li attwalment tħallas jew li għandu jitħallas.

(4)   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazju doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 271, 19.8.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 345, 28.12.2005, p. 11.

(4)  ĠU C 5, 10.1.2009, p. 3.

(5)  ĠU C 194, 18.8.2009, p. 9.

(6)  ĠU C 208, 3.9.2009, p. 12.

(7)  ĠU C 208, 3.9.2009, p. 7.

(8)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(9)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 10.

(10)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 40.

(11)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 25.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat-Ġenerali gћall-Kummerċ, id-Direttorat H, NERV-105, B-1049 Brussell.

(13)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


Top