EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0939

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 939/2010 tal- 20 ta’ Ottubru 2010 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 dwar it-tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost kif imsemmi fl-Artikolu 11(5) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 277, 21.10.2010, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/939/oj

21.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 939/2010

tal-20 ta’ Ottubru 2010

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 dwar it-tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost kif imsemmi fl-Artikolu 11(5)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 jistipula sett ta’ regoli tal-UE li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tas-suq għall-oġġetti tal-għalf u għalf kompost. L-Anness IV ta’ dan ir-Regolament jinkludi t-tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf u għalf kompost.

(2)

Id-dejta statistika ta’ kontroll mill-Awtoritajiet Kompetenti fl-Istati Membri dwar devjazzjonijiet f’kampjuni tal-għalf uriet li għandhom isiru tibdiliet sostanzjali lill-parametri stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u dawk analitiċi. Il-Kummissjoni issa lestiet il-valutazzjoni ta’ dik id-dejta u konsegwentement l-istruttura u l-parametri tal-Anness IV għandhom jiġu mmodifikati.

(3)

It-tolleranzi emendati għall-kontenut ta’ umdità għandhom iqisu ċerti oġġetti tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ogħla minn 50 %, peress li għal dawn l-oġġetti tal-għalf ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda tat-tikkettjar mill-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2009.

(4)

Fl-assenza ta’ metodi biex jiġu ddeterminati l-valur tal-enerġija u l-valur tal-proteini f’livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu t-tolleranzi nazzjonali tagħhom għal dawn il-parametri.

(5)

Għat-tolleranzi li ġew introdotti reċentement għall-addittivi tal-għalf fl-għalf għandu jiġi ċċarat li dawn japplikaw biss għad-devjazzjonijiet tekniċi, billi t-tolleranza analitika hija diġà determinata skont il-metodu uffiċjali ta’ sejbien għall-addittiv tal-għalf rispettiv. It-tolleranzi għandhom japplikaw għal valuri stabbiliti fil-lista ta’ addittivi u l-lista ta’ kostitwenti analitiċi.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 huwa mibdul skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 767/2009 jinbidel b’dan li ġej:

“ANNESS IV

Tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost stipulati fl-Artikolu 11(5)

Parti A:     Tolleranzi għall-kostitwenti analitiċi stipulati fl-Annessi I, V, VI u VII

(1)

It-tolleranzi stabbiliti f’din il-Parti jinkludu devjazzjonijiet tekniċi u analitiċi. Ladarba t-tolleranzi li jkopru l-inċertezzi fil-kejl u l-varjazzjonijiet proċedurali jiġu ffissati fil-livell tal-Unjoni, il-valuri ffissati fil-punt 2 għandhom jiġu adattati kif meħtieġ biex ikopru biss it-tolleranzi tekniċi.

(2)

Meta l-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost tinstab li tmur lil hinn mill-valur indikat fuq it-tikketta tal-kostitwenti analitiċi stipulati fl-Annessi I, V, VI u VII għandhom japplikaw it-tolleranzi li ġejjin:

(a)

għaż-żejt u x-xaħmijiet mhux raffinati, il-proteini mhux raffinati u l-irmied mhux raffinat:

(i)

± 3 % tal-massa jew il-volum totali għall-kontenuti dikjarati ta’ 24 % jew aktar;

(ii)

± 12,5 % tal-kontenut dikjarat għal kontenuti dikjarati ta’ anqas minn 24 % imma mhux anqas minn 8 %;

(iii)

± 1 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ inqas minn 8 %;

(b)

għal fibri, zokkor u lamtu mhux maħdumin:

(i)

± 3,5 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ 20 % jew aktar;

(ii)

± 17,5 % tal-kontenut dikjarat għal kontenut dikjarati ta’ anqas minn 20 % imma mhux anqas minn 10 %;

(iii)

± 1,7 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ inqas minn 10 %;

(c)

għall-kalċju, l-irmied li ma jinħallx fl-aċidu idrikloriku, il-fosfru totali, is-sodju, il-potassju u l-manjesju:

(i)

± 1 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ 5 % jew aktar;

(ii)

± 20 % tal-kontenut dikjarat għal kontenuti dikjarati ta’ anqas minn 5 % imma mhux anqas minn 1 %;

(iii)

± 0,2 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ inqas minn 1 %;

(d)

għall-umdità:

(i)

± 8 % tal-kontenut dikjarat għal kontenuti dikjarati ta’ 12,5 % jew aktar;

(ii)

± 1 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ anqas minn 12,5 % imma mhux anqas minn 5 %;

(iii)

± 20 % tal-kontenut dikjarat għal kontenuti dikjarati ta’ anqas minn 5 % imma mhux anqas minn 2 %;

(iv)

± 0,4 % tal-massa jew il-volum totali għal kontenuti dikjarati ta’ inqas minn 2 %;

(e)

fir-rigward tal-valur tal-enerġija u l-valur tal-proteini, fejn ma ġietx stipulata tolleranza skont metodu tal-UE jew skont metodu uffiċjali nazzjonali fl-Istat Membru li fis-suq tiegħu jitqiegħed l-għalf, għandhom japplikaw it-tolleranzi li ġejjin: għall-valur tal-enerġija 5 % u għall-valur tal-proteini 10 %.

(3)

B’deroga mill-punt 2(a) fir-rigward ta’ żejt u xaħmijiet mhux raffinati u proteini mhux raffinati fl-ikel tal-pets, fejn il-kontenuti dikjarati ikunu ta’ inqas minn 16 % id-devjazzjoni permessa għandha tkun ± 2 % tal-massa jew il-volum totali.

(4)

B’deroga mill-punt 2, id-devjazzjoni permessa mill-kontenut dikjarat għal-limitu massimu għaż-żejt u x-xaħmijiet mhux raffinati u z-zokkor, il-lamtu, il-kalċju, is-sodju, il-potassju, u l-manjesju, il-valur tal-enerġija u l-valur tal-proteini jista’ jkun sa darbtejn it-tolleranza stipulata fil-punti 2 u 3.

(5)

B’deroga mill-punt 2, il-tolleranzi għall-irmied li ma jinħallx fl-aċidu idrokloriku u l-umdità japplikaw biss għal-limitu massimu u m’hemmx limiti stabbiliti għat-tolleranzi għal-limitu minimu.

Parti B:     Tolleranzi għall-addittivi tal-għalf tikkettjati skont l-Annessi I, V, VI u VII

(1)

It-tolleranzi stabbiliti f’din il-Parti jinkludu devjazzjonijiet tekniċi biss. Huma għandhom japplikaw għal addittivi tal-għalf fil-lista tal-addittivi tal-għalf u fil-lista tal-kostitwenti analitiċi.

Fir-rigward tal-addittivi tal-għalf elenkati bħala kostitwenti analitiċi, it-tolleranzi għandhom japplikaw għall-ammont totali ttikkettjat bħala l-kwantità garantita fl-aħħar tal-iskadenza minima ta’ ħażna tal-għalf.

Meta l-kontenut ta’ addittiv tal-għalf f’oġġetti tal-għalf jew għalf kompost ikun inqas mill-kontenut dikjarat, għandhom japplikaw it-tolleranzi li ġejjin (1):

(a)

10 % tal-kontenut dikjarat jekk il-kontenut dikjarat hu 1 000 unità jew aktar;

(b)

100 unità jekk il-kontenut dikjarat huwa ta’ inqas minn 1 000 unità iżda mhux inqas minn 500 unità;

(c)

20 % tal-kontenut dikjarat jekk il-kontenut dikjarat huwa ta’ inqas minn 500 unità iżda mhux inqas minn unità 1;

(d)

0,2 unità jekk il-kontenut dikjarat huwa ta’ inqas minn 1 unità iżda mhux inqas minn 0,5 ta’ unità;

(e)

40 % tal-kontenut dikjarat jekk il-kontenut dikjarat huwa ta’ inqas minn 0,5 ta’ unità.

(2)

Fejn kontenut minimu u/jew massimu ta’ addittiv f’għalf huwa stipulat fl-att ta’ awtorizzazzjoni rispettiv għal dak l-addittiv tal-għalf, it-tolleranzi tekniċi stipulati fil-punt 1 għandhom japplikaw biss meta jinqabeż kontenut minimu jew meta ma jintlaħaqx kontenut massimu, fejn ikun xieraq.

(3)

Sakemm il-kontenut massimu ffissat ta’ addittiv, kif inhu msemmi fil-punt 2 ma jinqabiżx, id-devjazzjoni ’l fuq mill-kontenut dikjarat tista’ tiżdied sa tliet darbiet it-tolleranza stipulata fil-punt 1. Madankollu, jekk għal addittivi tal-għalf li jappartienu lill-grupp ta’ mikroorganiżmi, kontenut massimu huwa stipulat fl-att ta’ awtorizzazzjoni rispettiv għal dak l-addittiv tal-għalf, il-kontenut massimu għandu jikkostitwixxi il-valur massimu permess.”


(1)  Unità 1 f’dan il-punt tfisser 1 mg, 1 000 IU, 1 × 109 CFU jew 100 unità ta’ attività enżimatika tal-addittiv tal-għalf rispettiv għal kull kg ta’ għalf kif xieraq.


Top