Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0492

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 492/2010 tat- 3 ta’ Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indoneżja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

    ĠU L 140, 8.6.2010, p. 2–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/05/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/492/oj

    8.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 140/2


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 492/2010

    tat-3 ta’ Ġunju 2010

    li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indoneżja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 435/2004 (2), il-Kunsill impona, wara investigazzoni ta’ antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u fl-Indoneżja (flimkien “il-pajjiżi kkonċernati”).

    2.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

    2.1.   TALBA GĦAL REVIŻJONI

    (2)

    Saret talba għal reviżjoni tal-iskadenza fil-11 ta’ Diċembru 2008 minn Productos Aditivos S.A., il-produttur uniku fl-Unjoni taċ-ċiklamat tas-sodju.

    (3)

    It-talba ssejset fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping u dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    2.2.   TNEDIJA

    (4)

    Wara li stabbiliet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Pariri, li kien hemm biżżejjed evidenza għal bidu ta’ analiżi ta’ skadenza, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) fl-10 ta’ Marzu 2009 (“l-avviż ta’ tnedija”).

    2.3.   IL-PERJODU TA’ INVESTIGAZZJONI

    (5)

    L-investigazzjoni tal-probabbiltà jew rikorrenza tad-dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 (“perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “RIP”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem l-RIP (“il-perjodu kkunsidrat”).

    3.   IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI MINN DIN L-INVESTIGAZZJONI

    (6)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produttur applikant tal-Unjoni, importaturi magħrufa, fornituri u utenti, il-produtturi esportaturi magħrufa taċ-Ċina u l-Indoneżja u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati bil-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza.

    (7)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jwasslu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ tnedija, iżda ħadd ma ppreżenta talba bħal din lill-Kummissjoni.

    (8)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi kollha magħrufin fiċ-Ċina u fl-Indoneżja. Żewġ kumpaniji miċ-Ċina, it-tnejn jappartjenu lill-grupp ibbażat f’Ħong Kong, Rainbow Rich Industrial Ltd., u żewġ kumpaniji mill-Indoneżja, indikaw ir-rieda tagħhom li jikkooperaw u wieġbu l-kwestjonarju dwar id-dumping.

    (9)

    Żewġ produtturi Ċiniżi oħra, Fang Da Food Additive (Shenzhen) Limited, u Fang Da Food Additive (Yan Quan) Limited, ippreżentaw irwieħhom. L-investigazzjoni oriġinali sabet li dawk il-kumpaniji ma kinux qed jagħmlu dumping fis-suq tal-Unjoni. Bħala konsegwenza, Fang Da Food Additive (Shenzhen) u Fang Da Food Additive (Yan Quan) mhumiex soġġetti għar-reviżjoni ta’ skadenza preżenti.

    4.   IL-VERIFIKA TAL-INFORMAZZJONI LI WASLET

    (10)

    Il-Kummissjoni ġabret u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għall-għan li tiddetermina l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u d-dannu u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

    4.1.

    PRODUTTURI ESPORTATURI FIR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA:

    Golden Time Enterprises (Shenzhen) Co., Ltd., Shenzhen

    Jintian Enterprises (Nanjing) Co., Ltd., Nanjing

    u l-kumpanija relatata Rainbow Rich Industrial Ltd. (Ħong Kong)

    4.2.

    PRODUTTURI ESPORTATURI FL-INDONEŻJA:

    PT Golden Sari (Chemical Industry), Bandar Lampung

    PT Tunggak Waru Semi, Solo

    4.3.

    PRODUTTUR TAL-INDUSTRIJA FL-UNJONI

    Productos Aditivos S.A., Spanja

    4.4.

    NEGOZJANT/IMPORTATUR MHUX RELATAT

    Beneo Palatinit GmbH, il-Ġermanja

    4.5.

    UTENT

    Schweppes International Ltd, il-Pajjiżi Baxxi

    5.   L-IŻVELAR

    (11)

    Il-partijiet kollha kienu informati bil-fatti u bil-konsiderazzjonijiet essenzjali abbażi ta’ liema hu maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina miċ-Ċina u mill-Indoneżja.

    (12)

    Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, il-partijiet ingħataw perjodu li matulu setgħu jressqu rappreżentazzjoni wara dan l-iżvelar.

    (13)

    Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub imressqa mill-partijiet tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet definittivi ġew modifikati skont dan.

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (14)

    Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni hu l-istess wieħed li kien fl-investigazzjoni oriġinali i.e. iċ-ċiklamat tas-sodju (“SC”) li joriġina miċ-Ċina u mill-Indoneżja (“il-prodott ikkonċernat”), bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2929 90 00.

    (15)

    Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u konfermat fir-reviżjoni kurrenti, iċ-ċiklamat tas-sodju huwa prodott ta’ komodità użat bħala addittiv tal-ikel, permess fl-Unjoni Ewropea u f’ħafna pajjiżi oħra bħala sweetener għal ikel u xarbiet bi ftit kaloriji u tad-dieta. Huwa użat ħafna bħala addittiv mill-industrija tal-ikel kif ukoll mill-produtturi tal-ikel u xarbiet bi ftit kaloriji u tad-dieta tal-mejda. Jintużaw ukoll volumi żgħar mill-industrija farmaċewtika.

    2.   IL-PRODOTT SIMILI

    (16)

    Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali, intwera li l-prodott ikkonċernat prodott fiċ-Ċina u fl-Indoneżja u mibjugħ fl-Unjoni huwa identiku f’termini ta’ karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u l-użi għall-prodott magħmul u mibjugħ mill-applikant fis-suq tal-Unjoni, jew jixbaħ lil dak prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fl-Indoneżja li serva wkoll bħala pajjiżi analogu għall-iskop biex ikun stabbilit il-valur normali fir-rispett taċ-Ċina.

    (17)

    Għalhekk, dawk il-prodotti jitqiesu li huma prodotti simili fit-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TAD-DUMPING

    1.   RIMARKI PRELIMINARI

    (18)

    Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk id-dumping kienx qiegħed preżentament iseħħ u, jekk iva, jekk l-iskadenza tal-miżuri kinitx se twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping. Tajjeb li jitfakkar li f’dan il-kuntest tal-investigazzonijiet skont dak l-artikolu, it-trattament tal-ekonomija tas-suq (“MET”) ma jiġix ikkunsidrat mill-ġdid.

    (19)

    Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, intużat l-istess metodoloġija ġenerali fl-investigazzjoni oriġinali, dment li ma nbidlux iċ-ċirkostanzi. Sabiex tkun stabbilita l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping, ittieħed kampjun ta’ tranżazzjonijiet billi nġabret id-dejta ta’ erba’ xhur, l-aħħar xahar ta’ kull kwart tal-RIP, skont il-prattika standard. Ir-riżultat kien verifikat ukoll bl-analiżi ta’ numru ta’ tranżazzjonijiet oħra. L-ebda operatur ma kkontesta dan l-approċċ.

    (20)

    Dejta tal-Eurostat uriet li matul l-RIP, bejn 3 000 u 5 000 tunnelati tal-prodott ikkonċernat kienu importati fl-Unjoni. Fosthom, aktar minn 90 % ġew miċ-Ċina u l-bqija mill-Indoneżja. Prattikament l-ebda importazzjonijiet ma ġew reġistrati minn pajjiżi oħra.

    2.   DUMPING TA’ IMPORTAZZJONIJIET MATUL IL-PERJODU TA’ INVESTIGAZZJONI

    2.1.   IR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA

    2.1.1.    Pajjiż analogu

    (21)

    Bl-eċċezzjoni għal kumpaniji li ngħataw il-MET fl-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali għaċ-Ċina kien stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

    (22)

    Fl-investigazzjoni ta’ qabel intużat l-Indoneżja bħala pajjiż xieraq b’ekonomija ta’ suq bil-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward taċ-Ċina.

    (23)

    Din l-għażla kienet proposta mill-Kummissjoni fl-avviż tat-tnedija u l-ebda parti interessata ma opponiet din l-għażla fil-limiti taż-żmien.

    (24)

    Il-prezzijiet fl-Indoneżja kienu kkunsidrati surrogat raġonevoli għall-prezzijiet fiċ-Ċina għaliex l-Indoneżja għandha suq domestiku kompetittiv, b’importazzjonijiet li qed jiżdiedu miċ-Ċina u fejn ta’ mill-inqas joperaw sitt produtturi. Barra minn hekk, jidher li l-prodott li qed ikun investigat hu prodott biss fl-Unjoni, fiċ-Ċina u l-Indoneżja. Ma kienet ippreżentat l-ebda evidenza bil-maqlub fl-investigazzjoni kurrenti.

    (25)

    Għalhekk, l-Indoneżja intużat bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq analogu għall-iskop ta’ din ir-reviżjoni.

    2.1.2.    Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw

    2.1.2.1.   Rimarki preliminari

    (26)

    Kif stabbilit fil-premessa (8), iż-żewġ produtturi li jappartjenu lill-grupp ibbażat f’Ħong Kong, “Rainbow Rich Industries”, ikkooperaw f’din ir-reviżjoni. Jirrappreżentaw aktar min-nofs l-esportazzjonijiet tal-Unjoni matul l-RIP. Meta ma jitqisux il-volumi ta’ prdouzzjoni u bejgħ tal-kumpaniji mhux suġġetti għall-proċedimenti, il-produtturi li kkooperaw jirrappreżentaw aktar minn tliet kwarti tal-produzzjoni Ċiniża totali u kważi n-nofs tal-kapaċità tagħha. Din ir-rappreżentazzjoni f’termini ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni hija aktar minn 80 %. Ikkunsidrat dan il-livell ta’ kooperazzjoni, l-informazzjoni dettaljata miksuba mill-esportaturi li kkooperaw intużat bħala sors għall-valutazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping inġurjuż miċ-Ċina.

    (27)

    Waħda minn dawk li kkooperaw, Golden Time Enterprises (Shenzhen), esportat kwantitajiet sinifikattivi lejn l-Unjoni fl-RIP, filwaqt li l-kumpanija oħtha, Jintian Enterprises (Nanjing), ma esportatx lejn l-UE sa mill-impożizzjoni tal-miżuri. Id-dejta miġbura waqt il-mawra tal-verifika fuq il-post tal-kumpanija li ma esportatx, Jintian Enterprises (Nanjing), madankollu din ippermettiet tassew għal ħarsa aktar dettaljata fis-suq domestiku Ċiniż, fejn il-kumpanija żżomm parti sinifikattiva tas-sehem tas-suq tal-kapaċità installata.

    (28)

    Matul l-investigazzjoni, kumpanija Ċiniża allegat li nżammu laqgħat regolari bejn il-produtturi domestiċi ewlenin biex jiffissaw prezz ta’ referenza għas-suq domestiku Ċiniż. Ikkunsidrata l-pożizzjoni dominanti ta’ dawk il-produtturi, dan l-arranġament jidher li jżomm b’suċċess il-prezzijiet domestiċi Ċiniżi f’livell relattivament għoli.

    2.1.2.2.   Valur normali

    (29)

    Il-valur normali għall-Golden Time Enterprises (Shenzhen) kien ikkalkulat bħala prezz medju peżat tal-bejgħ kollu domestiku matul l-RIP, imħallas jew li jista’ jitħallas mill-konsumaturi indipendenti, tat-tip in kwistjoni.

    2.1.2.3.   Prezz tal-esportazzjoni

    (30)

    Il-prezz tal-esportazzjoni lill-Union of Golden Time Enterprises (Shenzhen) kien il-prezz debitament aġġustat attwalment imħallas jew li jista’ jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-UE.

    2.1.2.4.   Paragun bejn il-prezzijiet

    (31)

    Il-valur normali medju peżat tqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat, fuq bażi tal-prezz tal-fabbrika u fuq l-istess livell tal-kummerċ. Skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, u għall-iskop li jiġi żgurat tqabbil ġust, id-differenzi f’fatturi li ġew allegati u murija li jolqtu l-prezz u t-tqabbil tal-prezzijiet ġew ikkunsidrati. Saru aġġustamenti għall-ispejjeż tal-merkanzija oċeana u domestika, l-assigurazzjoni, il-kreditu, it-tqandil u l-imballaġġ.

    2.1.2.5.   Marġini tad-dumping

    (32)

    Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġini tad-dumping ġie stabbilit għal kull tip ta’ prodott fuq il-bażi ta’ paragun tal-valur normali medju peżat mal-prezzijiet medji differenzjati tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ. Dan il-paragun wera l-eżistenza ta’ dumping matul l-RIP, f’livell sinifikattivament ogħla minn dak stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Il-marġni tad-dumping medju peżat espress bħala perċentwali tal-valur CIF fil-fruntiera tal-Unjoni kien ta’ 30 % għall-Golden Time Enterprises.

    2.1.3.    Produtturi esportaturi Ċiniżi oħrajn

    2.1.3.1.   Rimarki preliminari

    (33)

    L-importazzjonijiet li kien fadal miċ-Ċina jgħodd għal anqas minn 5 % tal-konsum fl-Unjoni.

    (34)

    Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar il-produtturi esportaturi Ċiniżi li kien baqa’ fuq id-dejta miġbura mill-investigazzjoni u fuq l-istatistika uffiċjali tal-Eurostat.

    2.1.3.2.   Valur normali

    (35)

    Il-valur normali għall-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx kien stabbilit bħala l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku medju peżat tal-produtturi Indoneżjani li kkooperaw lill-konsumaturi indipendenti.

    2.1.3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

    (36)

    Il-prezz tal-esportazzjoni għall-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra aktar b’saħħitha, dan sar b’referenza għall-prezz tal-importazzjoni fuq il-fruntiera tal-Unjoni taċ-CIF medju miksub mill-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat matul l-RIP.

    2.1.3.4.   Paragun bejn il-prezzijiet

    (37)

    Il-valur normali medju peżat li nstab għall-bqija tal-esportaturi Ċiniżi tqabbel mal-prezz medju peżat tal-valur normali tal-produtturi Indoneżjani verifikati, abbażi tal-prezz tal-fabbrika u fuq l-istess livell tal-kummerċ.

    (38)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, ġew magħmula aġġustamenti fl-ispejjeż tal-merkanzija fuq il-baħar u domestika, l-assigurazzjoni, it-tqandil u l-imballaġ. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni aktar b’saħħitha, l-aġġustamenti huma bbażati fuq spejjeż verifikati tal-esportatur Ċiniż li kkoopera.

    2.1.3.5.   Marġini tad-dumping

    (39)

    Il-marġini tad-dumping kien ikkalkulat bħala l-ammont li bih il-valur normali, kif ikkalkulat fil-premessa (35) jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni, kif stabbilit fil-premessa (36). Ir-riżultati miksuba hekk juru kontinwazzjoni ċara tal-prattiċi tad-dumping fuq perjodu tal-validità tal-miżuri, b’marġini ta’ dumping ta’ aktar minn 5 %.

    2.1.4.    Il-konklużjonijiet dwar id-dumping miċ-Ċina

    (40)

    Fid-dawl ta’ dan hawn fuq, ġie konkluż li d-dumping kompla miċ-Ċina matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri.

    2.2.   L-INDONEŻJA

    2.2.1.    Rimarki preliminari

    (41)

    Kif stabbilit fil-premessa (8), żewġ produtturi kkooperaw f’din ir-reviżjoni, PT Golden Sari u PT Tunggak Waru Semi. Ir-rappreżentanza f’termini ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni kienet ta’ bejn 40 % u 60 % matul l-RIP (4).

    (42)

    Id-dejta miġbura mill-Kummissjoni żvelat li hemm mill-inqas erba’ produtturi oħra tal-prodott ikkonċernat fl-Indoneżja. Skont dik id-dejta, il-produtturi li kkooperaw kienu jgħoddu għal madwar terz tal-produzzjoni u l-kapaċità totali Indoneżjana. Għalhekk, il-kooperazzjoni mill-Indoneżja f’din ir-reviżjoni kienet baxxa.

    (43)

    Fid-dawl ta’ dan hawn fuq, u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet domestiċi, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi oħra, il-produzzjoni u l-kapaċità fl-Indoneżja għall-produtturi esportaturi Indoneżjani li ma kkooperawx kienet ibbażata fuq l-aqwa fatti disponibbli, inklużi l-ilment u l-informazzjoni disponibbli pubblikament. L-awtoritajiet Indoneżjani rilevanti kienu notifikati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 u r-raġunijiet tiegħu. L-ebda kummenti ma kienu ppreżentati mill-awtoritajiet Indoneżjani f’dan ir-rispett.

    (44)

    Fost it-tnejn li kkooperaw, waħda biss, PT Golden Sari, esportat lejn l-Unjoni matul l-RIP. Filwaqt li ma setgħetx tkun stabbilita marġini ta’ dumping għal PT Tunggak Waru Semi, peress li din il-kumpanija ma esportatx lejn l-Unjoni matul l-RIP, madankollu d-dejta tagħha kienet użata biex tinkiseb informazzjoni, inter alia, dwar il-produzzjoni, il-kapaċitajiet u l-esportazzjonijiet lejn swieq terzi biex ippermettiet ħarsa aktar dettaljata fis-swieq Indoneżjani domestiċi u ta’ esportazzjoni.

    2.2.2.    Produtturi esportaturi Indoneżjani li kkooperaw

    2.2.2.1.   Valur normali

    (45)

    Il-valur normali għall-PT Golden Sari kien ikkalkulat bħala prezz medju peżat tal-bejgħ kollu domestiku matul l-RIP, imħallas jew li jista’ jitħallas mill-konsumaturi indipendenti, tat-tip in kwistjoni.

    2.2.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (46)

    Il-prezz tal-esportazzjoni għall-PT Golden Sari kien stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni attwalment imħallsa jew li setgħu tħallsu matul l-RIP lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni.

    2.2.2.3.   Paragun bejn il-prezzijiet

    (47)

    Il-valur normali medju peżat tqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, fuq bażi tal-prezz tal-fabbrika u fuq l-istess livell tal-kummerċ.

    (48)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tal-merkanzija internazzjonali, l-assigurazzjoni, il-merkanzija domestika, l-imballaġġ u l-kreditu.

    2.2.2.4.   Marġini tad-dumping

    (49)

    Ir-riżultat ta’ dan it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni wera li ma sar l-ebda dumping matul l-RIP mill-kumpanija PT Golden Sari.

    2.2.3.    Produtturi esportaturi Indoneżjani oħrajn

    2.2.3.1.   Rimarki preliminari

    (50)

    Kif issemma fil-premessa (43), minħabba livell baxx ta’ kooperazzjoni għall-Indoneżja, il-marġini ta’ dumping ta’ esportaturi li ma kkooperawx kienet determinata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, i.e. abbażi tal-fatti disponibbli.

    2.2.3.2.   Valur normali

    (51)

    Il-valur normali kien ikkalkulat bħala valur normali medju peżat li kien ikkalkulat għal żewġ produtturi li kkooperaw.

    2.2.3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

    (52)

    Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra aktar b’saħħitha, il-prezz tal-esportazzjoni għall-esportaturi Indoneżjani li ma kkooperawx kien determinat abbażi tal-prezz tal-importazzjoni fuq il-fruntiera tal-Unjoni taċ-CIF medju miksub mill-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat matul l-RIP.

    2.2.3.4.   Paragun bejn il-prezzijiet

    (53)

    Il-prezz tal-esportazzjoni medju peżat lejn l-Unjoni għall-Indoneżja miksub b’dan il-mod, tqabbel fuq il-livell tal-fabbrika mal-valur normali medju peżat stabbilit għall-produtturi Indoneżjani li kkooperaw.

    (54)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tal-merkanzija internazzjonali, l-assigurazzjoni, il-merkanzija domestika, it-tqandil, l-imballaġġ u l-kreditu.

    2.2.3.5.   Marġini tad-dumping

    (55)

    Il-paragun tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni kif stabbilit hawn fuq, urew l-eżistenza ta’ dumping. Il-marġini tad-dumping li nstab, bħala persentaġġ tal-prezz tal-importazzjoni fuq il-fruntieri tal-Unjoni taċ-CIF, kien qrib it-30 %.

    2.2.4.    Il-konklużjonijiet dwar id-dumping mill-Indoneżja

    (56)

    Fid-dawl ta’ dan hawn fuq, ġie konkluż li d-dumping kompla għal parti sinifikattiva tal-produtturi Indoneżjani matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri.

    3.   ŻVILUPP TAL-IMPORTAZZJONIJIET JEKK JITĦASSRU L-MIŻURI

    (57)

    Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie investigat jekk id-dumping aktarx li jissokta jew iseħħ mill-ġdid meta ssir l-iskadenza possibbli tal-miżuri fis-seħħ kontra ċ-Ċina u l-Indoneżja.

    (58)

    Sabiex ikun stabbilit jekk id-dumping aktarx li jissokta jew iseħħ mill-ġdid, jekk jitħassru l-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni disponibbli dwar iċ-ċirkostanzi tal-esportaturi u l-kundizzjonijiet tas-suq. L-analiżi kienet prinċipalment ibbażata fuq informazzjoni mogħtija fit-tweġibiet ta’ kwestjonarju tal-produtturi li kkooperaw u vverifikati waqt mawriet ta’ verifika fuq il-post. Intużaw sorsi oħra ta’ informazzjoni, bħalma huma l-istatistika tal-importazzjonijiet tal-Eurostat u l-istatistika uffiċjali dwar l-esportazzjonijiet u s-suq tal-pajjiżi konċernati.

    3.1.   IĊ-ĊINA

    3.1.1.    Rimarki preliminari

    (59)

    Kif stabbilit fil-premessa (26), il-produtturi li kkooperaw jirrappreżentaw aktar mit-tliet kwarti tal-produzzjoni Ċiniża matul l-RIP. Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni huwa għoli, kien determinat li informazzjoni b’saħħitha dwar l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni matul l-RIP setgħet tinġabar direttament mill-produttur esportatur. B’mod aktar ġenerali, dejta li tikkonċerna s-suq domestiku Ċiniż inġabret mill-produtturi miż-żewġ produtturi verifikati.

    (60)

    ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni wriet li d-dumping mill-kumpaniji Ċiniżi kkonċernati minn din ir-reviżjoni kompla fuq livell li kien konsiderevolment ogħla minn dak stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

    3.1.2.    Kapaċità mhux użata u ħażniet

    (61)

    Skont id-dejta miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni liberament disponibbli tal-kumpaniji kkonċernati minn din ir-reviżjoni fiċ-Ċina hija ħafna drabi akbar id-daqs tas-suq tal-Unjoni. L-investigazzjoni wriet li l-konsum domestiku fiċ-Ċina mhix probabbli li jassorbi sa xi punt sinifikattiv għal din il-kapaċità żejda.

    (62)

    Produttur Ċiniż argumenta li kellu l-intenzjoni li jnaqqas b’mod konsiderevoli l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu wara l-RIP. Madankollu, ma ngħatat l-ebda evidenza tanġibbli f’dan ir-rigward. Anke jekk din teoretikament twassal għal tnaqqis fil-kapaċità Ċiniża, madankollu toħloq inċentiv għall-bqija tal-produtturi Ċiniżi li jżidu l-użu tal-kapaċità liberament disponibbli sabiex jimtela l-vojt li jinqala’ fl-esportazzjonijiet taċ-Ċina.

    (63)

    Barra minn hekk, l-abbiltà tas-swieq ta’ pajjiż terz li jassorbi volumi addizzjonali sinifikattivi tal-importazzjonijiet hija limitata. Biex nibdew, diversi pajjiżi kbar ma jimportawx il-prodott konċernat għal raġunijiet regolatorji (inter alia l-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun, il-Messiku, il-Korea t’Isfel u l-Lvant Nofsani kollu). Barra minn hekk, skont l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, il-bqija tas-swieq imdaqqsa għaċ-ċiklamat tas-sodju (l-Amerika t’Isfel, l-Afrika t’Isfel u l-Ażja) mhumiex probabbli li jikbru b’mod sinifikattiv fis-snin li ġejjin. Għalhekk, is-suq tal-Unjoni se jibqa’ opportunità ewlenija għall-prodott, attraenti mhux biss minħabba d-daqs tiegħu, iżda wkoll minħabba l-eżistenza ta’ kanali ta’ distribuzzjoni magħrufin sew u stabbiliti sew, għall-importazzoni tal-prodott.

    (64)

    Fl-aħħar kien ikkunsidrat jekk il-kapaċità żejda setgħetx tkun kanalata fil-manifattura ta’ prodotti oħrajn fil-kumpaniji involuti. Madankollu, dan ma jkunx probabbli peress li l-produtturi vverifikati ma jimmanifatturawx xi prodott ieħor fi kwantitajiet sinifikattivi u m’hemmx evidenza li produtturi oħrajn Ċiniżi taċ-ċiklamat tas-sodju jistgħu jaqilbu b’mod faċli għal prodotti oħra.

    (65)

    Il-futur jindika kontinwazzjoni probabbli ta’ volumi kbar għall-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħassru.

    3.1.3.    Relazzjoni bejn il-prezzijiet fl-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq domestiku Ċiniż

    (66)

    Il-Kummissjoni sabet li l-volumi kbar ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina saru bi prezzijiet fl-Unjoni li kienu aktar baxxi mill-prezzijiet fis-suq domestiku Ċiniż. Il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dawk l-importazzjonijiet, meqjus il-livell u s-sehem tagħhom fis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati Ċiniżi, għandhom jitqiesu bħala prezz ta’ referenza fl-Unjoni: esportaturi Ċiniżi oħra li jixtiequ jidħlu fis-suq bi kwantitajiet sinifikattivi fil-probabbiltà sħiħa jallinjaw irwieħhom ma’ dawn il-prezzijiet baxxi, u għalhekk jidħlu fid-dumping.

    3.1.4.    Relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-prezzijiet fis-suq domestiku Ċiniż

    (67)

    Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi vverifikati lejn pajjiżi terzi mal-prezzijiet fis-suq domestiku Ċiniż, biex teżamina aktar l-imġiba tal-prezzijiet tal-esportaturi Ċiniżi fil-każ li l-miżuri kellhom jitneħħew.

    (68)

    Instab li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi u jaqblu mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-UE li tenfasizza xejra ta’ aġir ta’ dumping li jidher li hu strutturali f’dan is-settur fiċ-Ċina.

    3.1.5.    Relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni

    (69)

    Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn pajjiżi terzi mal-prezzijiet ewlenin fl-Unjoni, sabiex tistabbilixxi jekk hemmx inċentiv beix jinqalbu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni f’każ li l-miżuri kellhom jitneħħew.

    (70)

    Il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn pajjiżi terzi kienu ġeneralment jaqblu mal-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni. Dan jikkonferma li l-esportaturi Ċiniżi mhumiex probabbli li jaqilbu l-esportazzjonijiet mill-UE għal swieq oħrajn.

    3.1.6.    Il-konklużjonijiet dwar iċ-Ċina

    (71)

    Il-valutazzjoni tal-fatturi msemmija hawn fuq juru li l-esportaturi konċernati mir-reviżjoni komplew jesportaw volumi sinifikattivi ħafna tal-prodott konċernat lejn l-Unjoni bi prezzijiet iddampjati. Esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra jsiru wkoll bi prezzijiet iddampjati li juru xejra strutturali tal-aġir ta’ dumping. Il-prezzijiet domestiċi Ċiniżi huma għoljin u m’hemmx indikazzjonijiet li se jonqsu fil-futur prevedibbli. Ġaladarba hemm kapaċità kbira liberament disponibbli tal-esportaturi Ċiniżi, in-nuqqas ta’ opportunitajiet oħra mdaqqsa għal tali kapaċità u l-attrazzjoni tas-suq tal-UE, għalhekk hemm inċentiv għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li jidderieġu l-volumi l-kbar bi prezzijiet iddampjati lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jineħħew.

    (72)

    Ġaladarba kienu kkunsidrati d-dejta u l-informazzjoni hawn fuq, ġie konkluż li d-dumping miċ-Ċina hu probabbli li jkompli jew jerġa’ jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    3.2.   L-INDONEŻJA

    3.2.1.    Rimarki preliminari

    (73)

    Kif spjegat fil-premessa (42), il-produtturi li kkooperaw jirrappreżentaw minoranza tal-produzzjoni u l-kapaċità Indoneżjana u, għalhekk, l-Artikolu 18 kien applikat.

    (74)

    ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni kkonkludiet li d-dumping mill-Indoneżja kompla fl-RIP għall-produtturi li ma kkooperawx.

    3.2.2.    Kapaċità mhux użata u ħażniet

    (75)

    Matul ir-reviżjoni, kien stabbilit li l-kapaċità liberament disponibbli fl-Indoneżja hija akbar mit-tliet kwarti tad-daqs tas-suq tal-Unjoni. Anke jekk l-esportatur li kkoopera kien se jkun eskluż, il-bqija tal-kapaċità libera tibqa’ tgħodd għal nofs is-suq tal-Unjoni. Statistika uffiċjali Indoneżjana turi li l-produtturi Indoneżjani jidhru li qed jitilfu l-ishma fis-suq minħabba politika aggressiva ta’ pprezzar tal-kompetituri Ċiniżi kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali. Għalhekk huwa probabbli li l-kapaċità liberament disponibbli tal-Indoneżja se tikber aktar fil-futur qrib.

    (76)

    Kien eżaminat jekk il-kapaċità totali liberament disponibbli fl-Indoenżja tista’ tkun assorbita minn bejgħ lil pajjiżi terzi iżda kif ġie konkluż fil-premessa (63), is-swieq tal-pajjiżi terzi mhumiex previsti li se jassorbu b’mod sinifikattiv il-kapaċità żejda li hemm. Kien ezaminat ukoll jekk il-kapaċità żejda kinitx se tkun assorbita minn bejgħ fis-suq domestiku. Madankollu, kif intqal hawn fuq, skont id-dejta uffiċjali Indoenżjana, is-sehem tas-suq tal-produtturi Indoneżjani fis-suq domestiku qed jiċkien taħt pressjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà ta’ qlib tal-produzzjoni għal prodotti oħra simili tqies; għall-istess raġuni stabbilita fil-premessa (64), mhux probabbli li l-kapaċità żejda se tkun tista’ tintuża b’dan il-mod.

    (77)

    Bħala konklużjoni, il-kapaċità disponibbli kbira u dejjem tikber fl-Indoneżja tkun, għal limitu sinifikattiv, diretta lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitneħħew.

    3.2.3.    Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet fl-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq domestiku Indoneżjan

    (78)

    Il-prezzijiet fis-suq domestiku Indoneżjan huma ogħla mill-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni minkejja l-pressjoni li qiegħda tikber magħmula mill-esportazzjonijiet Ċiniżi fis-suq Indoneżjan. Ġaladarba l-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni għal prodott daqshekk omoġenu huma baxxi, huma jkunu l-prezz ta’ referenza li miegħu l-esportaturi Indoneżjani probabbilment se jaqblu miegħu u għalhekk jużaw id-dumping jekk il-miżuri jiskadu. Din il-konsiderazzjoni hija applikabbli kemm għall-esportaturi li kkooperaw kif ukoll għall-esportaturi li ma kkooperawx.

    (79)

    Jekk il-miżuri jiskadu biss għall-Indoneżja u mhux għaċ-Ċina, dan jirrendi s-suq tal-Unjoni aktar attraenti għall-produtturi Indoenżjani minn perspettiva tal-prezzijiet. Tabilħaqq, mingħajr dazji antidumping, huma jkunu kapaċi jgħollu l-prezzijiet biex jieħdu vantaġġ tad-dazju antidumping li jibqa’ jitħallas mill-esportaturi Ċiniżi. Għandu jingħad ukoll li taħt xenarju simili fir-rigward tal-livelli u d-differenzjali fil-prezzijiet tal-esportaturi Ċiniżi u Indoneżjani kien evidenti fl-investigazzjoni oriġinali, dawn tal-aħħar esportaw volumi sinifikattivi lejn l-UE.

    (80)

    Fl-aħħar nett, għandu jkun innutat ukoll li l-esportazzjonijiet Indoneżjani lejn l-UE naqsu konsistentement wara l-impożizzjoni tal-miżuri li ssaħħaħ il-konklużjoni li l-esportaturi Indoneżjani mhumiex kapaċi jew lesti li jbiegħu kwantitajiet sinifikattivi fis-suq tal-UE bi prezzijiet mhux iddampjati.

    3.2.4.    Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-prezzijiet fis-suq domestiku Indoneżjan

    (81)

    Fir-rigward tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-prezzijiet tal-esportazzjoni vverifikati tagħhom lejn pajjiżi terzi nstabu li huma ogħla mill-prezzijiet domestiċi Indoneżjani.

    (82)

    Dwar l-esportaturi li ma kkooperawx, ma kienx possibbli li tinkiseb dejta individwali matul l-investigazzjoni. Statistika Indoneżjana uffiċjali disponibbli dwar il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni tal-esportazzjonijiet Indoneżjani kollha tidher li mhijiex preċiżi f’termini assoluti, prezzijiet tal-esportazzjoni mneffħa b’ammonti sinfikattivi ħafna. Madankollu, mill-istess statistika jista jiġi inferit li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jidhru li huma aktar baxxi mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Dan jindika li, għall-inqas għal parti sinifikattiva tal-esportazzjonijiet Indoneżjani lejn pajjiżi terzi, se jkunu ddampjati wkoll. Fi kwalunkwe eventwalità, l-istatistika dwar l-esportazzjoni Indoneżjana turi tnaqqis qawwi ta’ volumi tal-esportazzjoni li tindika li, bil-livelli ta’ prezzijiet kurrenti, l-esportaturi Indoneżjani qed ibatu mill-kompetizzjoni Ċiniża.

    3.2.5.    Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-prezzijiet fl-Unjoni

    (83)

    Għall-produttur li jikkoopera, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi nstabu li huma ġeneralment ogħla mil-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni. Madankollu, fir-rigward tal-bqija tal-produtturi Indoneżjani, l-istatistika uffiċjali Indoneżjana disponibbli tissuġġerixxi stampa opposta. Dan jindika li għal parti sinifikattiva tal-esportaturi Indoneżjani d-dumping se jeżisti wkoll meta jesportaw lejn pajjiżi terzi.

    (84)

    Din id-differenza fil-prezzijiet bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja tissottolinea l-inċentiv tal-esportaturi Indoneżjani li jiddiversifikaw l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Din il-konklużjoni tissaħħaħ jekk il-miżuri fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jitħallew jiskadu.

    3.2.6.    Konklużjonijiet dwar l-Indoneżja

    (85)

    Il-valutazzjoni tal-fatturi msemmija hawn fuq urew li l-esportazzjonijiet Indoenżjani għal firxa sinifikattiva saru bi prezzijiet iddampjati fl-Unjoni u fi swieq ta’ pajjiżi terzi li tissottolinea xejra strutturali tal-aġir ta’ dumping. Ġaladarba l-kapaċità liberament disponibbli tal-esportaturi Indoenżjani hija kbira u hemm in-nuqqas ta’ opportunitajiet oħra mdaqqsa għal tali kapaċità, u l-attrazzjoni tas-suq tal-UE, għalhekk hemm inċentiv għall-produtturi esportaturi Indoneżjani li jidderieġu volumi kbar bi prezzijiet iddampjati lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitneħħew.

    (86)

    Wara li ġiet ikkunsidrata d-dejta u l-informazzjoni t’hawn fuq, ġie konkluż li dak id-dumping mill-Indoneżja huwa probabbli li se jkompli jew jerġa’ jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    4.   KUMMENT WARA L-KXIF

    (87)

    L-awtoritajiet Indoneżjani ma pprovdew l-ebda reazzjoni fiż-żmien limitat speċifikat għan-notifika li l-Artikolu 18 jista’ jkun applikat lill-produtturi li ma kkooperawx. Madankollu, wara l-kxif, l-awtoritajiet Indoneżjani kif ukoll wieħed mill-produtturi Indoneżjani li kkooperaw qalu li ż-żewġ produtturi Indoneżjani li kkooperaw jirrappreżentaw sezzjoni konsiderevoli tal-industrija Indoneżjana. Il-partijiet qalu li b’riżultat ta’ dan, il-grad ta’ kooperazzjoni tal-Indoneżja għandu jitqies bħala sinfikattiv u l-Artikolu 18 m’għandux japplika. Barra minn hekk, il-partijiet imsemmija hawn fuq qalu li peress diversi produtturi Indoneżjani ma esportawx lejn l-Unjoni matul l-RIP, ma kinux f’pożizzjoni li jikkooperaw. Fl-aħħar nett, intqal li, peress li wieħed mill-produtturi li kkooperaw jirrappreżenta parti estremament kbira tal-esportazzjonijiet Indoneżjani, dawk il-produtturi li kkooperaw għandhom jitqiesu bħala rappreżentanti tiegħu u l-fatt li d-dumping ma nstabx għal din il-kumpanija għandu jwassal għat-tneħħija tal-miżuri għall-Indoneżja.

    (88)

    Għandu jkun iċċarat li l-Artikolu 18 ma kienx applikat lill-produtturi li kkooperaw li d-dejta tagħhom ittieħdet kompletament in kunsiderazzjoni matul l-investigazzjoni. Dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 fuq il-bqija tal-produtturi Indoneżjani, isegwi li, fl-assenza ta’ informazzjoni minn dawn il-partijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni ma kellhomx għażla oħra ħlief li jistrieħu fuq l-aħjar fatti disponibbli. ta’ min ifakkar li sabiex tkun valutata l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni u/jew rikorrenza tad-dumping fir-reviżjonijiet ta’ skadenza, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw l-elementi li jikkonċernaw l-istat tat-totalità tal-industrija tal-pajjiż esportatur, bħalma huma l-kapaċità domestika, il-produzzjoni u l-prezzijiet u l-esportazzjonijiet lil pajjiżi terzi.

    (89)

    Peress li l-kumpaniji produtturi Indoneżjani li ma kkooperawx jirrappreżentaw parti kbira tal-industrija Indoneżjana f’termini ta’ esportazzjonijiet lejn Unjoni kif ukoll f’termini ta’ produzzjoni u esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tikkonferma l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 b’referenza għall-produtturi Indoneżjani li ma kkooperawx kif stabbilit fil-premessa (43).

    (90)

    Dwar it-talba biex jitneħħew il-miżuri fuq l-esportazzjonijiet Indoneżjani, għandu jun innutat li l-awtoritajiet Indoenżjani ma pprovdewx dejta li tsita’ tbiddel il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-esportatur li kkoopera li tikkorrispondi għal bejn l-40 % u s-60 % tat-total ta’ esportazzjonijiet Indoneżjani matul l-RIP kif stabbilit fil-premessa (41). Għalhekk, l-esportatur li kkoopera li nstab li ma kienx iddampja ma jistax jitqies bħala rappreżentant tal-esportazzjonijiet kollha Indoneżjani. Il-bqija tal-esportazzjonijiet Indoneżjani saru bi prezzijiet iddampjati kif stabbilit fil-premessa (55). Għalhekk, il-konklużjoni li d-dumping kompla minn dik il-parti tal-esportazzjonijiet Indoneżjani hija kkonfermata. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ dumping mhux, per se, raġuni suffiċjenti biex ma jkomplux il-miżuri anti-dumping, jekk il-probabbiltà ta’ rikorrenza hija stabbilita, kif inhu l-każ fir-reviżjoni preżenti ta’ skadenza. Bħala konklużjoni, it-talba biex ma jitkomplewx il-miżuri abbażi ta’ nuqqas ta’ dumping mill-esportatur Indoneżjan li kkoopera ma setgħetx tkun aċċettata.

    (91)

    L-awtoritajiet Indoneżjani u produttur Indoneżjan li kkoopera talbu wkoll li l-figuri tal-esportazzjonijiet Indoenżjani totali lejn l-Unjoni jinkixfu totalment. Madankollu, wieħed irid ifakkar li l-indiċjar ta’ dik id-dejta (ara nota għall-premessa (41)) kienet neċessarja biex tipproteġi l-produttur esportatur Indoneżjan mill-kxif ta’ dejta sensittiva dwar in-negozju. Id-daqs żgħir ta-suq u n-numru limitat tal-partijiet interessati jiġġustifika l-indiċjar ta’ dawk il-figuri. Kollox ma’ kollox, hemm kawża ġusta biex tinżamm il-kunfidenzjalità u t-talba biex jinkixfu ċ-ċifri tal-esportazzjonijiet totali Indoneżjani lejn l-Unjoni għalhekk tista’ tkun aċċettata.

    5.   KONKLUŻJONI DWAR IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI U/JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DUMPING

    (92)

    Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, ġie konkluż li d-dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati minn din ir-reviżjoni huwa probabbli li se jkompli jekk il-miżuri jitneħħew.

    D.   SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

    1.   ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

    (93)

    Iċ-ċiklamat tas-sodju huwa manifatturat fl-Unjoni minn produttur applikant, Productos Aditivos S.A. Għalhekk din il-kumpanija tqieset li tikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    2.   IL-KONSUM FL-UNJONI

    (94)

    Dejta dwar il-konsum fl-Unjoni kien ibbażat fuq volumi akkumulati ta’ importazzjonijet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni bbażat fuq l-istatistika tal-Eurostat u fuq il-bejgħ totali vverifikat tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Peress li din id-dejta hija derivata minn żewġ sorsi u li l-bejgħ mill-applikant għandu jibqa’ kunfidenzjali, l-iżvilupp tal-konsum huwa rrappurtat hawn taħt f’indiċi.

    (95)

    Il-konsum fl-Unjoni tal-SC hija bejn 5 000 u 7 000 tunnellata matul il-perjodu kkunsidrat. Żdied b’6 % l-2005 u l-2006 u bi 15 % bejn l-2005 u l-2006. Dan naqas bi 18 % bejn l-2007 u l-RIP.

    Tabella 1

    Il-konsum fl-Unjoni

     

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Indiċi

    100

    106

    122

    103

    3.   L-IMPORTAZZJONIJIET MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI

    3.1.   AKKUMULAZZJONI

    (96)

    Il-Kummissjoni qieset jekk l-effetti tal-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping mill-pajjiżi kkonċernati għandhomx jiġu vvalutati b’mod kumulattiv, abbażi tal-kriterji li ġew stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. Dak l-Artikolu jipprovdi li l-effetti tal-importazzjonijiet minn żewġ pajjiżi jew aktar li fl-istess ħin ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet ta’ antidumping għandhom ikunu vvalutati b’mod kumulattiv biss jekk jiġi ddeterminat li (a) il-marġini tad-dumping stabbilit f’relazzjoni mal-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa aktar minn de minimis kif ġie ddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku u li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ kull pajjiż mhux negliġibbli, u (b) valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija adattata fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott simili tal-Unjoni.

    (97)

    F’dan ir-rispett, l-ewwel instab li l-marġini tad-dumping stabbiliti għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati kienu aktar minn de minimis. Barra minn hekk, il-volum tal-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping minn kull wieħed minn dawk il-pajjiżi ma kienx negliġibbli fis-sens tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, il-volum ta’ importazzjoni għaċ-Ċina u l-Indoneżja jirrappreżenta madwar il-50 % tal-konsum tal-Unjoni matul l-RIP. Fil-kakolazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet, l-importazzjonijiet mhux iddampjati kienu esklużi.

    (98)

    L-investigazzoni wriet ukoll li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kemm bejn l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping u kemm bejn l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping u l-prodott simili tal-Unjoni kienu simili. Instab li, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, iċ-ċiklamat tas-sodju prodotti/mibjugħa mill-pajjiżi kkonċernati u dawk prodotti/mibjugħa mill-industrija Komunitarja jikkompetu kontra xulxin ladarba huma simili f’termini tal-karatteristiċi bażiċi tagħhom, mill-perspettiva tal-utent jistgħu jiġu skambjati wieħed mal-ieħor u jiġu distribwiti permezz tal-istess kanali ta’ distribuzzjoni. Il-prezzijiet relatati mal-importazzjonijiet miċ-Ċina soġġetti għal miżuri u importazzjonijiet iddampjati mill-Indoneżja kienu wkoll fl-istess firxa ta’ kobor. Barra minn hekk, meta jitqabblu l-prezzijiet fuq l-istess livell ta’ kummerċ, dawn il-prezzijiet instabu li jqaċċtu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

    (99)

    Fid-dawl ta’ dan hawn fuq, tqies li l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku kienu sodisfatti fir-rigward tal-importazzjonijiet miċ-Ċina soġġetti għal miżuri u importazzjonijiet iddampjati mill-Indoneżja u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet għandhom ikunu valutati b’mod kumulattiv.

    3.2.   VOLUM U SEHEM FIS-SUQ TAL-IMPORTAZZJONIJIET IDDAMPJATI

    (100)

    L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet iddampjati miċ-Ċina u mill-Indoneżja u l-ishma tagħhom fis-suq matul il-perjodu kkunsidrat kien kif ġej:

    Tabella 2

    Total tal-importazzjonijiet iddampjati

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Indiċi

    100

    109

    198

    195


    Tabella 3

    Sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet iddampjati

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Indiċi

    100

    103

    161

    189

    (101)

    Il-volumi ta’ importazzjonijiet iddampjati kif ukoll is-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati kważi rduppjaw matul il-perjodu kkunsidrat.

    3.3.   L-EVOLUZZJONI TAL-PREZZIJIET U L-IMĠIBA TAL-PREZZIJIET TAL-IMPORTAZZJONIJIET TAL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    3.3.1.    L-evoluzzjoni tal-prezzijiet

    (102)

    Il-prezz medju tal-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa kif ġej matul il-perjodu meqjus:

    Tabella 4

    Prezzijiet medji tal-importazzjonijiet iddampjati

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Indiċi

    100

    103

    104

    99

    (103)

    Is-sors ta’ Tabella 4 ġej mid-dejta statistika disponibbli, inkluż l-Eurostat. Ix-xejra ġenerali tal-prezzijiet ta’ importazzjoni fl-Unjoni turi żieda sal-2007 u wara tnaqqis matul l-RIP 'l isfel mil-livell tal-2005.

    3.3.2.    It-tqaċċit tal-prezzijiet

    (104)

    Għad-determinazzjoni tat-tqaċċit tal-prezzijiet, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq l-informazzjoni ppreżentata fl-andament tal-investigazzjoni mill-produtturi esportaturi miċ-Ċina li kkooperaw. Għal kumpaniji oħra miċ-Ċina u l-Indoneżja li ma kkooperawx fil-każ, it-tqaċċit fil-prezzijiet kien stabbilit b’referenza għad-dejta tal-Eurostat.

    (105)

    L-approċċ biex ikun ikkalkulat it-tqaċċit tal-prezzijiet isegwi dak tal-investigazzjoni oriġinali Il-prezzijiet tal-importazzjoni, inklużi d-dazji antidumping, tal-produttur esportatur tqabbel mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, abbażi ta’ medji peżati għall-istess kwalitajiet tal-prodott matul l-RIP. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati għal livell tal-fabbrika u mqabbla mal-prezzijiet tal-importazzjoni fil-fruntiera taċ-CIF tal-Unjoni li kienu jinkludu d-dazji antidumping u doganali. Dan it-tqabbil fil-prezzijiet sar fl-istess livell tal-kummerċ, aġġustati kif dovut meta meħtieġ, u wara tnaqqis ta’ ribassi u skonti.

    Tabella 5

    Tqaċċit fil-prezzijiet

    2008 (RIP)

    Iċ-Ċina:

     

    Golden Time

    21,6  %

    Il-kumpaniji l-oħra

    3,2  %

    L-Indoneżja

     

    Il-kumpaniji l-oħra

    18,7  %

    4.   IMPORTAZZJONIJIET MINN PAJJIŻI OĦRA

    L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra kienu negliġibbli (anqas minn 50 tunnellata fis-sena) matul il-perjodu kkunsidrat u għalhekk ma setax ikollu xi impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   SITWAZZJONI EKONOMIKA TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

    (106)

    Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċi rilevanti kollha li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni mill-2005 sal-RIP.

    (107)

    Sabiex tkun rispettata l-informazzjoni dwar il-kummerċ kunfidenzjali, kien neċessarju li tkun ippreżentata l-informazzjoni li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni f’forma indiċata.

    5.1.   PRODUZZJONI, KAPAĊITÀ TA’ PRODUZZJONI U UŻU TAL-KAPAĊITÀ

    (108)

    Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset bi 13 % mill-2005 sal-RIP. Hekk kif il-kapaċità tal-produzzjoni matul l-istess perjodu baqgħet l-istess, l-użu tal-kapaċità naqset b’10 % bi qbil mal-iżvilupp fil-produzzjoni.

    Tabella 6

    F’Indiċi

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Kapaċità ta’ produzzjoni

    100

    100

    100

    100

    Volum ta’ produzzjoni

    100

    106

    88

    87

    Użu tal-kapaċità

    100

    106

    88

    87

    5.2.   BEJGĦ FL-UNJONI

    (109)

    Id-dejta fit-Tabella 7 tindika tnaqqis ċar fil-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Din il-qagħda hija furzata bil-fatt li l-konsum globali, kif jidher fit-Tabella 1, żdied bi 3 % matul l-istess perjodu. Is-sehem fis-suq tal-industrija tal-Unjoni waqa’ b’mod sinifikattiv bejn l-2005 u l-RIP. Dan hu f’kuntrast mal-ishma fis-suq dejjem jiżdiedu (ara l-premessa (100)) tal-importazzjonijiet iddampjati akkumulati miċ-Ċina u l-Indoneżja matul il-perjodu kollu kkunsidrat. L-industrija tal-Unjoni żdiedet il-prezzijiet tal-bejgħ tal-unità fi sfond ta’ volumi li jonqsu. F’bilanċ, minkejja ż-żieda fil-prezzijiet tal-unità l-industrija tal-Unjoni baqgħet tiġġenera telf fuq iċ-ċiklamat tas-sodju fl-RIP.

    Tabella 7

    F’Indiċi

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Volum tal-bejgħ

    100

    93

    81

    72

    Sehem fis-suq

    100

    88

    66

    70

    Il-prezz tal-bejgħ għal kull unità

    100

    100

    108

    123

    5.3.   ĦAŻNIET

    (110)

    Il-livell ta’ ħażna tal-produttur tal-Unjoni nbidlet b’mod sinifikattiv bejn l-2005 u l-RIP u waqgħet kważi bin-nofs matul il-perjodu kkunsidrat.

    Tabella 8

    Indiċi

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Ħażna (tunnellati)

    100

    113

    29

    53

    5.4.   KAPAĊITÀ TA’ PROFITT

    (111)

    Minkejja titjib żgħir ġenerali, il-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni baqgħet konsistentement negattiva matul il-perjodu kkunsidrat.

    5.5.   IMPJIEG, PRODUTTIVITÀ U PAGI

    (112)

    L-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni naqsu b’19 % matul il-perjodu eżaminat. Il-produttività ta’ kull impjegat (stabbilit abbażi ta’ numru ta’ tunnellati prodotti diviż bin-numru tal-impjegati) żdiedet. L-ispejjeż tax-xogħol medji għal kull impjegat żdiedu b’5 % matul il-perjodu eżaminat.

    Tabella 9

    F’indiċi

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    Impjiegi

    100

    88

    91

    81

    L-ispiża tax-xogħol għal kull impjegat

    100

    99

    81

    105

    Produttività (kull impjegat)

    100

    121

    97

    107

    5.6.   L-INVESTIMENTI, ID-DĦUL MILL-INVESTIMENT

    (113)

    Matul il-perjodu eżaminat, l-investimenti naqsu b’aktar min-nofs li tirrifletti stat ġenerali negattiv tal-produttur tal-Unjoni. Il-livell ta’ dħul mill-investiment espress bħala r-relazzjoni bejn il-profitt nett tal-produttur uniku tal-Unjoni u l-valur gross fuq il-karta tal-assi fissi tiegħu jirrifletti x-xejra ta’ profitabbiltà. Naqset b’mod drastiku bi kważi 80 % matul il-perjodu eżaminat.

    Tabella 10

    F’indiċi

    2005

    2006

    2007

    2008 (RIP)

    L-Investiment

    100

    44

    7

    53

    Dħul mill-Investimenti

    100

    54

    20

    21

    5.7.   LIKWIDITÀ U KAPAĊITÀ TA’ ĠBIR TA’ KAPITAL

    (114)

    Il-likwidità tal-industrija tal-Unjoni tista’ biss tkun eżaminata f’relazzjoni mal-attività kollha tal-industrija tal-Unjoni. Baqgħet kemxejn pożittiva fl-2005 iżda marret lura fil-perjodu ta’ wara u saret negattiva fil-bqija tal-perjodu eżaminat. Sar aktar diffiċli wkoll għall-industrija tal-Unjoni li tkabbar il-kapital minħabba t-telf li sofriet matul il-perjodu eżaminat.

    5.8.   KOBOR TAD-DUMPING

    (115)

    Id-dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati kompla matul l-RIP bl-eċċezzjoni tal-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera. Minħabba l-volum totali esportat u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati, dan l-impatt ma jistax jitqies negliġibbli.

    5.9.   IRKUPRU MINN DUMPING FL-IMGĦODDI

    (116)

    Miżuri anti-dumping ta’ importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fiċ-Ċina u l-Indoneżja kienu imposti f’Marzu 2004. F’dan il-perjodu biss irkupru parzjali tas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni kienet osservata kif dettaljata hawn fuq.

    5.10.   IL-KONKLUŻJONI DWAR ID-DANNU

    (117)

    Il-preżenza ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina u mill-Indoneżja kibret b’mod sinifikattiv fis-suq tal-Unjoni. Xi indikaturi tad-dannu għall-industrija fl-Unjoni juru sinjali ta’ rkupru filwaqt li oħrajn jindikaw żvilupp negattiv.

    (118)

    Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ġenerali li qiegħda teħżien tal-uniku produttur tal-Unjoni kif ukoll il-kobor tal-volumi importati ddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja u t-tqaċċit sinifikattiv li nstab fil-prezzijiet, huwa kkunsidrat li l-Industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali.

    6.   IMPATT TAL-IMPORTAZZJONIJIET IDDAMPJATI MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI U L-IMPATT TA’ FATTURI OĦRA

    6.1.   IMPATT TAL-IMPORTAZZJONI DDAMPJATI MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI

    (119)

    Kif stabbilit fil-premessa (100), il-volum akkumulat u s-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet ddampjati mill-pajjiżi kkonċernati kważi rduppjaw fil-perjodu eżaminat. Tqaċċit fil-prezzijiet sinifikanti nstab ukoll fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Meta wieħed iqis il-koinċidenza ċara fi żmien bejn id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u ż-żieda sinifikattiva tal-importazzjonijiet akkumulati ddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja, dawn l-importazzjonijiet ikkawżaw dannu lill-industrija fl-Unjoni. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja kabbru l-penetrazzjoni tagħhom fis-suq tal-UE u ddominaw ishma tas-suq sinifikattivi li qabel kienu f’idejn il-produttur tal-Unjoni.

    6.2.   L-IMPATT TA’ FATTURI OĦRA

    (120)

    Il-Kummissjoni analizzat jekk xi fatturi magħrufin oħrajn barra mill-importazzjonijiet iddampjati setgħu kellhom piż fuq id-dannu kontinwu mill-produttur tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li d-dannu possibbli kkawżat minn kwalunkwe tali fatturi ma kienx attribwit lill-importazzjonijiet iddampjati.

    6.2.1.    L-impatt tal-importazzjonijiet mhux iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja

    (121)

    Il-volum tal-importazzjonijiet mhux iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja kontinwament naqqsu fil-perjodu eżaminat. Il-prezzijiet korrispondenti ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu konsistentement ogħla minn dawk tal-importazzjonijiet iddampjati. Għal dawn ir-raġunijiet, l-importazzjonijiet mhux iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja ma kkontribwewx għad-dannu li soffriet l-industrija fl-Unjoni.

    6.2.2.    Il-prestazzjoni fis-swieq tal-esportazzjoni

    (122)

    Il-bejgħ tal-esportazzjoni tal-produttur tal-Unjoni barra l-UE jirrappreżenta anqas mill-25 % tal-bejgħ totali tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ bejgħ fl-Unjoni, il-profitabilità tal-bejgħ tal-esportazzjoni matul il-perjodu investigat tjiebet u għalhekk ma setgħetx tikkontribwixxi għad-dannu soffert mill-industrija tal-Unjoni.

    6.2.3.    Varjazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima

    (123)

    Il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima tal-SC setgħu kellhom xi effett negattiv fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu dan il-fattur mhux suffiċjenti biex ikisser il-konnessjoni każwali bejn id-dannu soffert u l-importazzjonijiet iddampjati. Dan tal-aħħar kellu jkun affettwat mit-tibdiliet fil-prezzijiet tal-materja prima fi porporzjon simili bħall-ispejjeż tal-produttur tal-Unjoni peress li huma konnessi mill-qrib mal-prezzijiet taż-żejt u l-urea.

    6.2.4.    Tibdiliet fix-xejriet tal-konsum

    (124)

    Tibdiliet fix-xejriet tal-konsum bil-miġja ta’ prodotti ġodda fis-suq ma kellhomx impatt notevoli fuq il-konsum tal-SC. Tabilħaqq, jidher li m’hemm l-ebda sostituzzjoni diretta tal-prodott bejn l-SC u dawn il-prodotti l-ġodda.

    6.3.   KONKLUŻJONI

    (125)

    Għal dawn ir-raġunijiet, kien konkluż li l-importazzjonijiet iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u l-ebda fattur ieħor ma kiser din il-konnessjoni każwali.

    E.   IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

    1.   L-IMPATT TAL-VOLUM PROĠETTAT U L-EFFETT TAL-PREZZIJIET FUQ L-ISTAT TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI f’kAŻ TAT-TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI

    (126)

    Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi li bħalissa qed jiġu riveduti, ġew ivvalutati sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ tkomplija tad-dannu.

    (127)

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-effett probabbli fuq l-industrija tal-Unjoni tal-iskadenza tal-miżuri li qegħdin fis-seħħ, il-fatturi li ġejjin tqiesu li kienu skont l-elementi deskritti fil-qosor tal-probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping.

    1.1.   IĊ-ĊINA

    (128)

    Kif ġie konkluż fil-premessa (40), l-esportazzjonijiet miċ-Ċina li saru mill-esportaturi kkonċernati minn din ir-reviżjoni qed ikomplu jsiru bi prezzijiet iddampjati. L-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra jidhru ukoll li huma ddampjati u li jindikaw xejra strutturali tal-aġir ta’ dumping.

    (129)

    Analiżi tal-kapaċitajiet disponibbli fiċ-Ċina wriet li l-kapaċità tal-produzzjoni liberament disponibbli tal-kumpaniji kkonċernati mir-reviżjoni fiċ-Ċina huma ħafna drabi akbar mid-daqs tas-suq tal-Unjoni (ara premessa (61)). L-abbiltà tas-swieq ta’ pajjiż terz li jassorbi volumi addizzjonali sinifikattivi tal-importazzjonijiet Ċiniżi hija limitata wkoll (ara l-premessa (63)). Għalhekk hemm inċentiv għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li jidderieġu volumi kbar ta’ esportazzjoni bi prezzijiet ddampjati lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitneħħew (ara l-premessa (65)).

    (130)

    Il-livelli sinifikattivi ta’ dumping u tqaċċit fil-prezzijiet osservati jindikaw li l-volumi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni msemmija hawn fuq se jsiru bi prezzijiet iddampjati li jkunu b’mod sinifikattiv aktar baxxi mill-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produttur tal-Unjoni.

    (131)

    L-effett ikkombinat ta’ tali volumi u prezzijiet ikun tali li kapaċi jwassal għal deterjorament tas-sitwazzjoni diġà prekarja tal-industrija tal-Unjoni. Tali xenarju jwassal fil-probabbiltà kollha għal aktar prezzijiet imnaqqsa u/jew produzzjoni u bejgħ iżgħar mill-industrija tal-Unjoni. Il-pożizzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni tkompli tiddeterjora u twassal għal dannu akbar. Tali żviluppi jistgħu jtemmu l-eżistenza tal-uniku produttur tal-Unjoni.

    1.2.   L-INDONEŻJA

    (132)

    L-investigazzjoni wriet li d-dumping mill-Indoneżja kompla matul l-RIP. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-kapaċità liberament disponibbli fl-Indoneżja hija aktar mit-tliet kwarti tad-daqs tas-suq tal-Unjoni u probabbli se tikber aktar fil-futur qrib (ara l-premessa (75)). Peress li m’hemmx indikazzjoni li swieq oħra terzi jew is-suq domestiku jista’ jassorbi din il-kapaċità żejda, din tista’ tikkawża żieda fl-esportazzjonijiet bi prezz baxx lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    (133)

    Bħal fil-każ taċ-Ċina, il-livelli sinifikattivi ta’ dumping u tqaċċit fil-prezzijiet osservati jindikaw li l-volumi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni se jsiru bi prezzijiet iddampjati li jkunu b’mod sinifikattiv aktar baxxi mill-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produttur tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-effett ikkumbinat ta’ dawn il-volumi u l-prezzijiet ikunu kapaċi jwasslu għal aktar deterjorament tas-sitwazzjoni diġà prekarja tal-produtturi tal-Unjoni u probabbli jtemmu l-eżistenza tal-uniku produttur tal-Unjoni. Bħal fil-każ taċ-Ċina, l-esportazzjonijiet Indoneżjani lejn pajjiżi terzi oħra jidhru wkoll li se jkunu indikativament iddampjati għal dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet relatati mal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li juru wkoll xejra strutturali ta’ aġir ta’ dumping.

    2.   KONKLUŻJONI DWAR IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

    (134)

    L-industrija tal-Unjoni ġarrbet l-effetti tal-importazzjonijiet iddampjati għal diversi snin u bħalissa tinsab f’qagħda ekonomika prekarja.

    (135)

    Kif stabbilit hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni kompliet fl-RIP. Il-kontinwazzjoni tad-dannu hija, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, fiha nnifisha indikatur b’saħħtu li d-dannu probabbilment se jkompli fil-futur li jissuġġerixxi li l-miżuri għandhom jinżammu.

    (136)

    Is-sejbiet li għandhom x’jaqsmu mal-importazzjonijiet juru li l-importazzjonijiet ta’ volumi kbar bi prezzijiet iddampjati se jkomplu u l-pressjoni fuq il-prezz probabbilment se tintensifika l-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet iddampjati u l-SC prodott mill-Unjoni. L-investigazzjoni ma identifikat l-ebda fattur li jista’ jkisser il-konnessjoni b’saħħitha bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu li ssofri l-industrija tal-Unjoni.

    (137)

    Jekk il-miżuri jitneħħew, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni se tmur lura u l-eżistenza nnifisha tal-uniku produttur tal-Unjoni tkun imxekkla.

    (138)

    Għaldaqstant ġie konkluż li hemm, minħabba importazzjonijiet iddampjati miċ-Ċina u l-Indoneżja, probabbiltà ċara ta’ kontinwazzjoni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

    F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    1.   INTRODUZZJONI

    (139)

    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie analizzat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti imorrux kontra l-interess tal-Unjoni fl-intier tagħha. L-interess tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi ta’ stima tad-diversi interessi involuti kollha, jiġifieri dawk tal-produttur applikant tal-Unjoni, tal-importaturi, tal-fornituri u tal-utenti.

    2.   INTERESS TAL-PRODUTTUR APPLIKANT TAL-UNJONI

    (140)

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-produttur tal-Unjoni, għandu jkun innutat li s-sitwazzjoni li qed iġġib it-telf, irriżultat mid-diffikultajiet tiegħu li jikkompeti b’importazzjonijiet iddampjati bi prezz baxx li li diġà okkupaw sehem sinifikattiv tas-suq fil-bidu tal-perjodu eżaminat u li kabbru s-sehem tas-suq tagħhom b’mod konsiderevoli matul dak il-perjodu.

    (141)

    Hu meqjus li l-kontinwazzjoni tal-miżuri se jkunu ta’ benefiċċju għall-produttur tal-Unjoni li mbagħad tal-inqas għandu jkun kapaċi li jkabbar il-volumi u, forsi, il-prezzijiet tal-bejgħ u b’hekk jiġġenera l-livell ta’ dħul meħtieġ li jippermetti li jkompli jinvesti fil-faċilitajiet tal-produzzjoni tiegħu. B’kuntrast, id-diskontinwità tal-miżuri twaqqaf l-irkupru u twassal għall-kontinwazzjoni u anke forza fuq id-dannu mġarrab mill-produttur tal-Unjoni. Hija serjament thedded il-vijabilità tal-produttur tal-Unjoni u bħala konsegwenza, għandu mnejn anke jieqaf jeżisti u b’hekk inaqqas il-forniment u l-kompetizzjoni fis-suq.

    3.   INTERESS TAL-IMPORTATURI

    (142)

    Fit-tnedija, tqassam kwestjonarju lil 20 importatur mhux relatat. Tlieta minnhom irrispondew li m’għadhomx attivi fis-suq tal-prodott ikkonċernat. Żewġ importaturi oħra rrispondew il-kwestjonarju. L-importaturi mhux relatati li kkooperaw irrappreżentaw 7 % tal-importazzjonijiet totali kkonċernati.

    (143)

    L-investigazzjoni sabet li l-eżistenza ta’ diversità ta’ fornituri taċ-ċiklamat tas-sodju hija essenzjali. L-importaturi għandhom jistrieħu fuq is-sorsi Ażjatiċi u Ewropej għall-forniment minħabba l-kwalità u r-raġunijiet ta’ sigurtà fl-ikel.

    4.   INTERESS TAL-UTENTI

    (144)

    Fit-tnedija, tqassam kwestjonarju lil 13-il utent potenzjali iżda tnejn biss wieġbu lill-Kummissjoni.

    (145)

    L-utenti ewlenin tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni huma fl-industriji tal-ikel, tax-xorb u farmaċewtiċi. Id-domanda għall-prodott ikkonċernat għalhekk tiddependi fuq il-qagħda ta’ din l-industrija.

    (146)

    L-utenti li wieġbu wrew marġini ta’ profitt robust fuq prodotti sekondarji li jużaw l-SC. Tabilħaqq, l-effett tad-dazji antidumping fuq l-ispejjeż totali tagħhom kienet tant minima (anqas minn 1 %) li ma kinux affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri eżistenti.

    5.   L-INTERESS TAL-FORNITURI

    (147)

    Tqassam kwestjonarju lil tmien fornituri potenzjali iżda ħadd minnhom ma wieġeb lill-Kummissjoni. Mill-informazzjoni disponibbli, jidher li l-portfolio ralatat man-negozju tal-SC huwa kemxejn negliġibbli. Fi kwalunkwe eventwalità, aktar deterjorament tal-produttur uniku tal-Unjoni jista’ jkollu effetti negattivi ta’ saħħa, anke jekk limitati, fuq il-fornituri tal-produttur tal-materja prima. Għal dawn ir-raġunijiet hu raġjonevoli li tassumi li l-miżuri se jkunu ta’ benefiċċju anke lill-industrija li tforni għaliex se jkunu jżommu f’postu wieħed mill-klijenti tagħhom.

    6.   KONKLUŻJONI DWAR L-INTERESS TAL-UNJONI

    (148)

    B’kunsiderazzjoni għal dak li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni hi li m’hemmx raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping.

    G.   IL-MIŻURI DEFINITTIVI ANTIDUMPING

    (149)

    In vista tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq, il-miżuri fis-seħħ applikabbli fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fiċ-Ċina u l-Indoneżja għandhom jinżammu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju definittiv anti-dumping huwa hawnhekk impost fuq importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju, li bħalissa jista’ jiġi kklassifikat fil-kodiċi NM ex 2929 90 00 (il-kodiċi TARIC 2929900010), u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indoneżja.

    2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandha tkun kif ġej:

    Il-pajjiż

    Kumpanija

    Rata tad-dazju

    (EUR għal kull kg)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Gong Le Industrial Estate, Xixian County, Bao An, Shenzhen, 518102, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    0

    A471

    Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Da Lian Dong Lu, Economic u Technology Zone, Yangquan City, Shanxi 045000, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    0

    A472

    Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd., Shanglilang, Cha Shan Industrial Area, Buji Town, Shenzhen City, Guangdong Province, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    0,11

    A473

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    0,26

    A999

    L-Indoneżja

    PT Golden Sari (Chemical Industry), Mitra Bahari Blok D1-D2, Jalan Pakin No. 1, Sunda Kelapa, Jakarta 14440, l-Indoneżja.

    0,24

    A502

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    0,27

    A999

    3.   F’każijiet fejn il-merkanzija soffriet danni qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz li attwalment tħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (5) l-ammont ta’ dazju anti-dumping, ikkalkolat fuq il-bażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun imnaqqas b’persentaġġ li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz li attwalment tħallas jew li għandu jitħallas.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. PÉREZ RUBALCABA


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 72, 11.3.2004, p. 1.

    (3)  ĠU C 56, 10.3.2009, p. 42.

    (4)  Peress li wieħed Indoneżjan li kkoopera esporta lejn l-Unjoni matul l-RIP, din iċ-ċifra hija espressa bħala firxa, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

    (5)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    Top