Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0300

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 300/2010 tat- 12 ta’ April 2010 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gentse azalea (IĠP)]

    ĠU L 92, 13.4.2010, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/300/oj

    13.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 92/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 300/2010

    tat-12 ta’ April 2010

    li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gentse azalea (IĠP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ sottoparagrafi tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 6(2) u f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba mressqa mill-Belġju għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Gentse azalea”, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

    (2)

    Il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjoni tqieset ammissibbli skont l-Artikolu 7 (3) ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    Fl-oġġezzjoni, il-Ġermanja indikat li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni in kwistjoni tmur kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u tista’ tipperikola l-eżistenza ta’ ismijiet, marki kummerċjali jew prodotti li jkunu legalment fis-suq mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-oġġezzjoni.

    (4)

    Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2009, stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

    (5)

    Peress li ma ntlaħaq ebda qbil bejn il-Ġermanja u l-Belġju fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

    (6)

    Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja u wara skrutinju xieraq, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Gentse azalea” tmur kontra l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament KE Nru 510/2006. Il-Ġermanja ssostni li ż-żona ġeografika delimitata li hemm fl-applikazzjoni hija usa’ mill-belt ta’ Ghent, li mhemmx rabta bejn il-karatteristiċi msemmija tal-“Gentse azalea” u ż-żona ġeografika, u li ma jsir ebda użu tal-isem. L-evidenza pprovduta fl-applikazzjoni turi li ma hemmx produzzjoni tal-“Gentse azalea” fiż-żona ġeografika delimitata anki barra l-konfini tal-belt ta’ Gent, u t-tikketti li jagħtu prova tal-użu tal-isem fil-kummerċ huma wkoll parti mill-applikazzjoni. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija bbażata fuq reputazzjoni ppruvata tal-isem “Gentse azalea” għall-pjanti imħawlin fil-qsari.

    (7)

    Il-Ġermanja indikat li r-reġistrazzjoni tal-isem “Gentse azalea” bħala indikazzjoni ġeografika protetta jista’ jipperikola l-eżistenza ta’ prodotti legalment fis-suq billi tipprovdi vantaġġ kompetittiv (vantaġġ ta’ tqegħid fis-suq) lill-produtturi tal-ażalea fiż-żona ġeografika meta mqabbla ma’ produtturi f’żoni oħra. L-ebda evidenza ma wriet li l-isem “Gentse azalea” jintuża bħala marka kummerċjali għall-pjanti mħawlin fil-qsari prodotti ‘l barra miż-żona, u lanqas li huwa marka kummerċjali protetta jew protett bħala isem ta’ varjetà ta’ pjanti. Barra minn hekk, l-isem “Gentse azalea” diġà ntuża fis-suq għal perjodu sinifikanti ta’ żmien.

    (8)

    Fid-dawl ta’ dan kollu, id-denominazzjoni “Gentse azalea” għandha tiddaħħal fir-“Reġistru ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”. L-ispeċifikazzjoni u s-sommarju huma mmodifikati sabiex ikun ċar li l-isem “Gentse azalea” jista’ jintuża għall-pjanti imħawlin fil-qsari.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.

    Artikolu 2

    Sommarju, bl-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet, jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (2)  ĠU C 198, 5.8.2008, p. 13.


    ANNESS I

    Prodotti agrikoli msemmija fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 510/2006:

    Klassi 3.5:   Fjuri u pjanti ornamentali

    Il-BELĠJU

    Gentse azalea (IĠP)


    ANNESS II

    SOMMARJU

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini

    “GENTSE AZALEA”

    Nru KE: BE-PGI-005-0536-24.3.2006

    DPO ( ) IĠP (X)

    Dan is-sommarju jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

    1.   Awtorità responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Vlaamse Overheid, Departement Landbouw en Visserij, Afdeling Duurzame Landbouwontwikkeling

    Indirizz:

    Ellipsgebouw, Koning Albert II-laan 35, Bus 40, 1030 Brussels

    Tel..

    0032 (0)2 552 78 84

    Feks:

    0032 (0)2 552 78 71

    Posta elettronika:

    lieve.desmit@lv.vlaanderen.be

    2.   Grupp:

    Isem:

    Vereniging van Vlaamse Azaleatelers

    Indirizz:

    P/a Axelsvaardeken 29a, 9185 Wachtebeke

    Tel..

    0032 (0) 9 342 91 26

    Feks:

    0032 (0) 9 342 92 14

    Posta elettronika:

    info@vaneetvelde.com

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessaturi (X) oħrajn (X)

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 3.5.

    Fjuri u pjanti ornamentali

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem:

    “Gentse azalea”

    4.2.   Deskrizzjoni:

    Il-“Gentse azalea” hija pjanta tal-ażalea mħawla f’qasrija u lesta għal bejgħ (Azalea indica jew Rhododendron simsii), minn meta turi l-lewn l-ewwel darba jew l-istadju tal-“fjamma tax-xemgħa”. Tinsab f’diversi forom (arbuxxell sferiku jew ażalei standard, biz-zokk twil, piramidali jew varjetajiet differenti b’forom mhux tas-soltu) u kuluri (fosthom l-abjad, lewn is-salamun, karminja, roża, vjola u lelà) u jistgħu jkunu jew puri jew inkella mżewqa b’kulur ieħor (fil-vini jew mat-truf). Il-karatteristika unika tal-“Gentse azalea” hija li hija r-riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni orjentat lejn il-kwalità ibbażat fuq it-tradizzjoni u d-diversità.

    Il-kwalità hija ggarantita mill-konformità ma’ kriterji ta’ kwalità predeterminati bbażati fuq ir-rendiment tal-prodott (eż. ir-rendiment tal-blanzun, wiri ta’ kulur ta’ minimu ta’ 80 %), it-tkabbir faċli (eż. jitħalla spazju taħt ix-xifer għat-tbexxix), l-affidabbiltà (eż. kulur garantit) u l-karattru estetiku (eż. dehra friska u ħadra). Huwa prodott magħruf għall-kwalità tiegħu, u li ġej minn bosta snin ta’ tradizzjoni, għarfien espert, riċerka estensiva u informazzjoni professjonali.

    4.3.   Żona ġeografika:

    Iż-żona tal-produzzjoni tkopri l-pronvinċja kollha tal-Fjandri tal-Lvant (b’Gent bħala l-kapitali tagħha).

    4.4.   Prova tal-oriġini:

    “Gentse azalea” trid tiġi minn kumpanija mniżżla fir-reġistru miżmum mill-grupp applikanti. Ir-reġistru jingħadda lill-korp superviżorju kompetenti. Il-kumpaniji rreġistrati jew huma kultivaturi tal-ażalea (ikabbru l-ażalea minn tirqid sakemm ma jaslu għall-istadju “aħdar” fejn ikunu kibru għal kollox jew sal-ewwel wiri tal-kulur) jew kummerċjanti/furzaturi (li jixtru ażalei “ħodor” li jkunu kibru għal kollox u jqiegħduhom fi ħmiemel għallinqas sa ma juru l-ewwel kulur).

    Kull produttur tal-pjanta mħawla f’qasrija “Gentse azalea” għandu jikkonforma mal-istandards stipulati fil-Proġett ta’ Kwalità tal-Ażalea (Project Azalea Kwaliteit, PAK). Il-PAK huwa maħsub biex iżomm il-kwalità għolja tal-“Gentse azalea” u huwa mod ta’ kif tiġi ggarantita dik il-kwalità. Kull kumpanija rreġistrata tiffirma karta ta’ kwalità u tirċievi numru tal-parteċipant, u numru PAK, u b’hekk tintrabat li tikkonforma mal-istandards tal-kwalità stipulati mill-PAK. Il-kultivaturi rreġistrati tal-ażalea iżommu skeda ta’ informazzjoni dwar l-uċuħ għal kull lott sakemm il-pjanti mħawlin fil-qsari jkunu lesti għall-bejgħ. L-iskeda ta’ informazzjoni dwar l-uċuħ tiggarantixxi li l-metodu tat-tkabbir u l-istandards tal-kwalità ġew applikati. Meta l-ażalei “ħodor” jintbagħtu lill-furzatur, jiġu akkumpanjata mill-iskeda ta’ informazzjoni dwar l-uċuħ għal-lott ikkonċernat u minn stiker PAK li juri n-numru PAK tagħhom. Il-pjanti fil-qsari li huma lesti għal bejgħ jiġu ttikkettati mill-kultivatur jew mill-kummerċjant/furzatur bit-tiketta deskritta fil-punt 4.8 qabel ma jitilqu mill-kumpanija.

    4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

    Għall-“Gentse azalea”, il-proċess kollu tat-tkabbir (mill-propagazzjoni tat-tirqid sal-produzzjoni ta’ pjanta f’qasrija li tista’ tagħti l-fjuri) iseħħ fi ħdan iż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.3.

    Il-“Gentse azalea” tiġi ppropagata billi jittieħdu it-tirqidiet jew inkella billi titlaqqam fuq. It-tirqidiet jitgħattaw minnufih bil-plastik. It-tisħin taħt l-art imbagħad jgħolli t-temperatura tas-sostrat tal-propagazzjoni għal 23-25°C.

    Waqt it-tkabbir, il-partijiet ta’ fuq tal-pjanti għandhom jinqalgħu regolarment. Dan jinvolvi t-tneħħija tal-parti ta’ fuq taż-żarġuna sabiex il-pjanta tkun tista’ tipproduċi aktar nebbitiet. L-għadd ta’ drabi li dan isir jiddependi mid-daqs mixtieq tal-prodott finali. Waqt l-ewwel fażi tat-tkabbir (sa u inkluża t-tieni darba li jinqalgħu l-partijiet ta’ fuq), il-pjanti jibqgħu mgħottijin. It-tkabbir jista’ jitkompla mgħotti jew fil-beraħ. Ġaladarba tkun laħqet id-dijametru mixtieq, l-ażalea “ħadra” fl-aħħar tifforma l-blanzuni. Biex dan jiġri, il-pjanta trid l-ewwel tkun esposta għal temperaturi kesħin għal ċertu perjodu ta’ żmien. Skont it-tul tal-esponiment, il-Gentse azaleas huma kklassifikati bħala ta’ twarrid bikri ħafna (mill-15 ta’ Awwissu), twarrid bikri (mill-1 ta’ Diċembru), twarrid medju-bikri (mill-15 ta’ Jannar) u twarrid tard (mill-15 ta’ Frar). L-ażalei “ħodor” jinbigħu meta l-blanzuni jkuni maturi biżżejjed. L-istandards stipulati bħala parti mill-Proġett ta’ Kwalità tal-Ażalea japplikaw sew għall-ażalei “ħodor” u sew għal dawk bil-fjuri. L-ażalei bil-fjuri jinkisbu billi jiġu sfurzati. Dan isir billi l-pjanti fil-qsari li jkunu maturi biżżejjed jiġu esposti għal temperatura ta’ mill-inqas 20°C, jitbexxu regolarment u, f’bosta każi, jintuża d-dawl artifiċjali. Dawn jinbigħu mal-ewwel wiri ta’ kulur jew fl-istadju tal-“fjamma tax-xemgħa”.

    4.6.   Rabta:

    L-applikazzjoni għall-għarfien tal-“Gentse azalea” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott. Madankollu, it-tkabbir karatteristiku tal-“Gentse azalea” ġie bis-saħħa ta’ tagħqida ta’ fatturi storiċi, naturali u umani.

    Tul l-aħħar żewġ sekli, ir-reġjun ta’ Ghent sar il-qalba tat-tkabbir u l-kummerċ tal-ażalea fl-Ewropa tal-Punent. Huma kkonċentrati f’dan ir-reġjun ukoll ir-riċerka fil-qasam, it-tixrid tal-informazzjoni u s-settur tal-provvista.

    L-iżvilupp tat-tkabbir tal-ażalea fiż-żona ġeografika in kwistjoni ma kienx biss dovut għal ċirkostanzi storiċi iżda wkoll għal fatturi naturali. Ir-reġjun madwar Ghent għandu klima marittima temperata li hija adattata ħafna għat-tkabbir tal-ażalea. L-ażalei għandhom bżonn ukoll ta’ ħamrija permeabbli. Kienu jitkabbru primarjament fuq sustratt ta’ weraq tal-arznu u weraq ieħor ħażin, li kien jinsab fir-reġjun.

    Il-ġardinier imgħallem ta’ Ghent Judocus Huytens ġab l-ażalei fir-reġjun għall-ewwel darba mill-Inglilterra fl-1774, iżda l-Azalea indica kienet proprjament miġjuba mill-Ingilterra fl-1808 mill-Kaptan Welbanck. Fattur ewlieni fis-suċċess tal-ażalea kien it-twaqqif tas-Soċjetà Agrikola u Botanika ta’ Ghent fl-1808.

    Ir-reputazzjoni tal-“Gentse azalea” tintwera minn dawn:

    L-ewwel ażalea ntweriet mill-Baruni Du Bois de Vroeylande waqt wirja fis-6 ta’ Frar 1819. Wirja kbira tal-fjuri, ippreseduta minn ġurija internazzjonali, ilha sseħħ kull ħames snin sa mill-1839. Għadha għaddejja sal-lum u għandha fama dinjija bħala l-“Gentse Floraliën”.

    Louis Van Houtte kien pijunier tat-tkabbir tal-“Gentse azalea”, billi pperfezzjona t-teknika tat-tkabbir u xogħlu fil-qasam tas-selezzjoni u t-trobbija rriżultaw fl-iżvilupp ta’ bosta forom u lwien ġodda. L-ewwel katalgu tiegħu ġie ppubblikat fl-1839 u ġa kien jinkludi 97 varjetà ta’ Azalea indica.

    Fis-17 ta’ Mejju 1869, il-“Gentse azalea” ġiet eżibita fil-Wirja tal-Fjuri ta’ San Pietruburgu fi-Russja.

    It-tkabbir tal-ażalea sar tant importanti għar-reġjun madwar Ghent illi fl-1881 ġiet varata pubblikazzjoni perjodika ddedikata għal kollox lill-ażalei, bit-titlu Iconographie des azalées de l’Inde (Ikonografika tal-ażalei Indjani).

    Fl-1893, Georges Truffaut kiteb fl-istudju tiegħu Etude sur la culture et la végétation de l’Azalea Indica (Studju dwar it-tkabbir u l-veġetazzjoni tal-Azalea Indica): “L-aktar ċentri importanti tat-tkabbir tal-ażalea jinsabu fil-Belġju, partikolarment fir-reġjun madwar il-belt ta’ Ghent”.

    Fl-1938, bolla bi stampa ta’ ażalea nħarġet f’Ghent fl-okkażjoni tal-wirja ta’ tliet ijiem tal-ażalei bejn is-17 u d-19 ta’ Diċembru.

    Bosta pubblikazzjonijiet jixhdu l-fatt li l-kultivaturi kienu jistinkaw biex jiksbu l-akbar varjetà possibbli ta’ lwien u forom għall-pjanti fil-qsari. Fil-Landbouwtijdschrift (ġurnal tal-Agrikoltura) ippubblikat f’Ottubru 1954, F. Peeters kiteb: “It-tkabbir tal-ażalea, li għalih Ghent hija famuża, huwa pprattikat minn bosta ortikolturi. Ikabbru għadd kbir ta’ varjetajiet, li jvarjaw fil-lewn u l-forma…”

    4.7.   Korp ta’ spezzjoni:

    Isem:

    Federale Overheidsdienst Economie, K.M.O., Middenstand en Energie Algemene Directie Controle en Bemiddeling Tweede Afdeling Gespecialiseerde Diensten, Sectie A Controles Uitgaven EOGFL en Marktordening

    Indirizz:

    WTC III, Simon Bolivarlaan 30, 1000 Brussels, Belgium

    Tel..

    02/208.40.40

    Feks:

    02/208.39.75

    Posta elettronika:

    Dirk.Demaeseneer@economie.fgov.be

    4.8.   Tikkettar:

    Tabella bl-indikazzjoni “Gentse azalea”, is-simbolu tal-IĠP Ewropea u n-numru PAK jitwaħħlu fuq il-pjanti fil-qsari.


    Top