EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0143

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 143/2010 tal- 15 ta’ Frar 2010 li temporanjament jirtira l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba previst taħt ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 fir-rigward tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka

ĠU L 45, 20.2.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/143/oj

20.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 143/2010

tal-15 ta’ Frar 2010

li temporanjament jirtira l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba previst taħt ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 fir-rigward tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 732/2008, b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 10(6) tiegħu, ir-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka (minn hawn ’il quddiem “is-Sri Lanka”) huwa l-pajjiż benefiċjarju ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba mogħti fi ħdan l-iskema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/938/KE (2), li tinkludi s-Sri Lanka fil-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011, innutat li sodisfazzjon tas-Sri Lanka tal-kriterji li jikkwalifikaw għall-arranġament dwar it-tliet konvenzjonijiet tad-drittijiet umani kien is-suġġett ta’ investigazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (3).

(3)

Rapporti, dikjarazzjonjiet u informazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll materjali u l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-pubbliku minn sorsi oħra rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet non-govermentali, disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea (minn issa “il-Kummissjoni”) indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-Sri Lanka li tinkorpora konvenzjonijiet internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, mhix qed tiġi implimentata b’mod effettiv. It-tliet konvenzjonijiet imsemmija huma mniżżla bħala konvenzjonijiet tad-drittijiet umani rispettivament fil-punti 1,5 u 6 tal-Anness III, Parti A għar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(4)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jistipula l-irtirar temporanju tal-arranġament speċjali tal-inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba mogħtija skont dak ir-Regolament, b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkorpora dawk il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Anness III għar-Regolament, li ġew ratifikati bi twettiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, ma tiġix implimentata b’mod effettiv.

(5)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissoni 2008/803/KE (4), inbdiet investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, li tinkorpora l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, hijiex implimentata b’mod effettiv.

(6)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni pprovdiet lis-Sri Lanka b’kull opportunità biex tikkoopera fl-investigazzjoni, inkluż billi pprovdiet lis-Sri Lanka bl-opportunità li tikkummenta dwar is-sejbiet komprensivi ta’ esperti fdati mill-Kummissjoni biex jipprovdu valutazzjoni legali indipendenti tal-kwistjonijiet li qed jiġu investigati. Minkejja l-fatt li s-Sri Lanka ddeċidiet li ma tikkooperax ma’, jew tipparteċipa fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni żammet kuntatt regolari mas-Sri Lanka barra l-ambitu tal-investigazzjoni sabiex tippermetti lis-Sri Lanka biex tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni. L-informazzjoni li waslet f’dan il-kuntest mis-Sri Lanka tqieset bis-sħiħ min-naħa tal-Kummissjoni u kkontribwiet biex tinforma l-valtuazzjoni tagħha.

(7)

Fid-19 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni approvat rapport bis-sejbiet tagħha (minn issa msejjaħ “ir-Rapport”). Ir-rapport jikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-Sri Lanka li tinkorpora konvenzjonijiet internazzjonali tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, mhijiex implimentata b’mod effettiv.

(8)

Is-Sri Lanka ġiet provduta bir-Rapport li kien fih is-sejbiet tal-investigazzjoni u ġiet imfakkra li dawk is-sejbiet kienu jikkostitwixxu l-bażi li fuqha l-Kummissjoni kien beħsiebha tiddeċiedi jekk għandhiex tirrakkomanda l-irtirar temporanju tal-arranġament speċjali tal-inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba. Is-Sri Lanka ingħatat perjodu fejn tkun tista’ tagħmel rappreżentazzjonijiet fuq din il-kwistjoni jew speċifikament fir-rigward tar-Rapport.

(9)

Is-Sri Lanka pprovdiet lil-Kummissjoni b’għadd ta’ osservazzjonijiet fir-rigward tas-suġġett tar-Rapport u l-kondotta tal-investigazzjoni. Dawn l-osservazzjonijiet koprew ukoll il-fatti u s-sejbiet dwar liema s-Sri Lanka ingħatat l-opportunità li tikkummenta waqt l-investigazzjoni iżda din ma kkummentatx. Il-Kummissjoni madankollu ikkunsidrat l-osservazzjonijiet tas-Sri Lanka bir-reqqa u b’mod partikolari dawk rilevanti mal-kuntest tad-deċiżjoni fuq irtirar temporanju. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar liema ġiet infurmata s-Sri Lanka, wasslet għall-konklużjoni li l-ebda mill-argumenti tas-Sri Lanka ma setgħu jibdlu s-sejbiet tal-investigazzjoni b’mod sostantiv.

(10)

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni lill-Kumitat ta’ Preferenzi Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2009 skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(11)

Fid-dawl ta’ dan li ġej, l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba għandu jitneħħa temporanjament għall-prodotti kollha li jorġinaw fis-Sri Lanka, sakemm ma jkunx deċiż li r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tneħħija temporanja ma jgħoddux iktar.

(12)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix qabel dan, fuq proposta mill-Kummissjoni, li r-raġunijiet li jiġġustifikawh ma jgħoddux aktar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba għall-prodotti li jorġinaw fis-Sri Lanka previsti fir-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandu jiġi rtirat temporanjament.

Artikolu 2

Fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 732/2008, il-Kunsill filwaqt li jaġixxi b’maġġornaza kkwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabblixxi mill-ġdid l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal prodotti li joriġinaw fis-Sri Lanka, jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw irtirar temporanju ma jkunux jgħoddu aktar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu, sakemm il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 ma jiddeċidix mod ieħor qabel dan.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

Á. GABILONDO


(1)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/938/KE tad-9 ta’ Diċembru 2008 dwar il-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 90).

(3)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/803/KE tal-14 ta’ Ottubru 2008 li tistipula l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka (ĠU L 277, 18.10.2008, p. 34).


Top