EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0006

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 6/2010 tal- 5 ta’ Jannar 2010 li jniedi reviżjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 (li jimponu dazju definittiv kontra d-dumping u sussidji kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene(PET) li joriġinaw fl-Indja, u li jestendu dawk id-dazji għall-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott ikkonsenjat, inter alia , mill-Iżrael) għall-għanijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur wieħed Iżraeljan, li jiġi rrevokat id-dazju kontra d-dumping rigward importazzjonijiet minn dak l-esportatur u biex l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni

ĠU L 2, 6.1.2010, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/6(1)/oj

6.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 6/2010

tal-5 ta’ Jannar 2010

li jniedi reviżjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 (li jimponu dazju definittiv kontra d-dumping u sussidji kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene(PET) li joriġinaw fl-Indja, u li jestendu dawk id-dazji għall-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott ikkonsenjat, inter alia, mill-Iżrael) għall-għanijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur wieħed Iżraeljan, li jiġi rrevokat id-dazju kontra d-dumping rigward importazzjonijiet minn dak l-esportatur u biex l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku kontra d-dumping), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 13(4) tiegħu, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji), u b’mod partikolari l-Artikoli 20, 23(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1676/2001 (3) u (KE) Nru 2597/1999 (4) impona miżuri kontra d-dumping u sussidji kumpensatorji rispettivament fuq tertuqa tal-PET li toriġina mill-Indja (il-miżuri oriġinali). Permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 (5) u (KE) Nru 1976/2004 (6), il-Kunsill estenda dawn il-miżuri għat-tertuqa tal-PET ikkunsinjata mill-Iżrael (il-miżuri estiżi) bl-eċċezzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpanija waħda msemmija speċifikament.

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 101/2006 (7) il-Kunsill emenda r-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u (KE) Nru 1976/2004 sabiex jeżenta kumpanija waħda oħra mill-miżuri estiżi.

(3)

Wara reviżjoni dwar l-iskadenza tal-miżuri kontra d-dumping, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (8) impona dazju kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw mill-Indja u estenda d-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mill-Brażil u mill-Iżrael, sew jekk ikunx iddikjarat li oriġina mill-Brażil jew le, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti produtturi speċifikati fl-Artikoli 2(4) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Wara reviżjoni dwar l-iskadenza tal-miżuri kumpensatorji, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (9) impona dazju kumpensatorju fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw mill-Indja u estenda d-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mill-Brażil u mill-Iżrael, sew jekk ikunx iddikjarat li oriġina mill-Brażil jew le, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti produtturi speċifikati fl-Artikoli 1(3) ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 ġew emendati l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 15/2009 (10).

B.   TALBA GĦAL REVIŻJONI

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikoli 20, 23(5) u (6) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji mill-miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidji kumpensatorji estiżi għall-importazzjonijiet tat-tertuqa tal-PET ikkonsenjati mill-Iżrael. L-applikazzjoni tressqet minn S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd. (“l-applikant”) produttur fl-Iżrael (“il-pajjiż ikkonċernat”).

C.   PRODOTT

(7)

Il-prodott li qiegħed jiġi eżaminat huwa t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) mill-Iżrael (‘il-prodott ikkonċernat’) li attwalment huwa klassifikat bil-kodiċi tan-NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

D.   RAĠUNIJIET GĦAR-REVIŻJONI

(8)

L-applikant jallega li huwa ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea skont il-kodiċi NM ex 3920 62 19 jew ex 3920 62 90 matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2003.

(9)

Barra minn hekk, l-applikant jallega li m’għandux x’jaqsam mal-produtturi esportaturi li huma suġġetti għall-miżuri u li ma evitax il-miżuri applikabbli għat-tertuqa tal-PET ta’ oriġini Indjana.

E.   PROĊEDURA

(10)

Produtturi Komunitarji li huma magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

(11)

Wara li ġiet eżaminata l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikoli 20, 23(5) u (6) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji għall-għanijiet li tiġi ddeterminata l-possibilità li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(a)   Il-kwestjonarji

Biex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

(b)   Ġbir ta’ tagħrif u smigħ ta’ seduti

Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

F.   IR-REVOKA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING FIS-SEĦĦ U R-REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(12)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping, id-dazju kontra d-dumping fis-seħħ għandu jiġi rrevokat rigward l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott ikkonċernat li huma mmanifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea mill-applikant.

(13)

Fl-istess waqt, importazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping, biex ikun żgurat li, jekk l-eżami jirriżulta f’sejba ta’ evitar tal-liġi fir-rigward tal-applikant, ikun jista’ jiġi impost id-dazju b’lura mid-data tat-tnedija ta’ dan l-eżami. L-ammont tar-responsabbiltajiet futuri possibbli tal-applikant ma jistax ikun stmat f’dan l-istadju tal-proċedura.

G.   IL-LIMITI TA’ ŻMIEN

(14)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien li fihom:

(a)

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa (11)(a) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni, kif ukoll

(b)

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(15)

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet jistgħu jsiru, fl-affermattiv jew fin-negattiv, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(16)

Fejn jinstab li xi parti interessata ressqet tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikolu 28 tar-Regolamenti bażiku kontra s-sussidji, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

I.   IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(17)

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (11).

J.   L-UFFIĊJAL GĦAS-SEDUTI TAS-SMIGĦ

(18)

Qed jiġi nnutat ukoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni fi kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji tal-kuntatti, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qed jingħata bidu għal reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 u l-Artikoli 20, 23(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 biex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-terefalat tal-polietilene (PET) li attwalment għandhom il-kodiċi tan-NM ex 3920 62 19 jew ex 3920 62 90 ikkonsenjati mill-Iżrael permezz ta’ S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A964) għandhom jiġu suġġetti għad-dazji kontra d-dumping u kontra s-sussidji imposti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006.

Artikolu 2

Id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Biex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw irwieħhom lill-Kumissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa (11)(a) ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, fi żmien 37 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta’ ħafna mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u (KE) Nru 597/2009 jiddependi milli l-parti tagħmel lilha nnifisha magħrufa fil-perjodu msemmi qabel.

Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta’ 37 jum.

2.   Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux f’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza ppreżentata mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandu jkollhom fuqhom it-tikketta “Limitat (12) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, għandhom ikunu akkumpanjati minn żewġ kopji ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali, li jkollha t-tikketta “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

Kwalunkwe tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: N105 4/92

B-1049 Brussels

Belgium

Faks (32 2) 295 65 05

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-5 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(3)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 342, 18.11.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 342, 18.11.2004, p. 8.

(7)  ĠU L 17, 21.1.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(9)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(10)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(12)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Ikun protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996 p. 1), l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Kontra d-Dumping), l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji.


Top