EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D1007(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il- “Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni” Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 271, 7.10.2010, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/2


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Ottubru 2010

li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni”

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 271/02

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u l-programmi Galileo huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1). L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 jispeċifika li dawn il-programmi għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiġu definiti, żviluppati, validati, mibnija, operati, imġedda u mtejba s-sistema EGNOS u s-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo.

(2)

Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni ta' dawk il-programmi. Il-kompiti ta' ġestjoni jinkludu t-tiġdid u t-titjib tas-sistemi permezz tal-irfinar tal-profili tal-missjoni u l-implimentazzjoni tat-tibdiliet relatati fis-sistema.

(3)

L-għan taż-żewġ sistemi huwa li jipprovdu lill-utenti servizz modern ta' pożizzjonar, navigazzjoni u kalkolu tal-ħin skont ir-rekwiżiti tal-missjoni speċifikati għall-Galileo u l-EGNOS. Kwalunkwe irfinar tal-profili tal-missjoni taż-żewġ sistemi għandu jqis bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-komunitajiet tal-utenti tas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita u tal-partijiet interessati l-oħra, inklużi dawk tal-Istati Membri, tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

(4)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit grupp ta' esperti biex jipprovdi parir indipendenti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' żvilupp tal-missjoni tal-EGNOS u tal-Galileo u biex jistabbilixxi l-kompiti u l-istruttura tagħha.

(5)

Għandhom ikunu previsti regoli dwar l-iżvelar tat-tagħrif mill-membri tal-grupp, mingħajr ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (2).

(6)

Id-dejta personali għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (3).

(7)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabbiltà ta’ estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv għall-Iżvilupp tal-Missjoni”, aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-grupp” qiegħed hawn jiġi stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-grupp għandu jipproponi u jevalwa żviluppi possibbli għall-għanijiet tal-missjoni u d-definizzjonijiet tas-servizz għall-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS. Biex iwettaq dan il-kompitu, il-grupp għandu jivvaluta t-tibdiliet fil-ħtiġijiet tal-utenti u fl-ambitu tas-servizzi ta' navigazzjoni, pożizzjonar u kalkolu tal-ħin ibbażati fuq l-ispazju, kemm fuq skala Ewropea kif ukoll fuq skala internazzjonali, wara li jkun qies kif xieraq il-qafas globali eżistenti tas-servizzi u s-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita.

2.   Il-grupp għandu janalizza l-impatti ta' tali tibdiliet fuq il-ħtiġijiet tal-missjoni u tas-servizz għall-programmi Galileo u EGNOS u jiżviluppa u jipproponi aġġornamenti xierqa tal-istandard bażiku tal-missjoni u s-servizz.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-grupp għandu jingħata l-kompitu mis-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom ukoll jistabbilixxu l-ambitu tax-xogħol assoċjat u r-rekwiżiti tal-aġenda.

2.   Il-President tal-grupp jista' jipproponi aktar kompiti kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-grupp b'konsultazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn 25 membru.

2.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti b'kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

3.   Il-membri tal-grupp għandhom ikunu individwi maħtura f'kapaċità personali u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni b'mod indipendenti.

4.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru għal mandat ta’ erba' snin. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew jispiċċalhom il-mandat. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded.

5.   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħra, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“Reġistru”.

6.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Tħaddim

1.   Il-grupp għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu permezz ta' maġġoranza sempliċi.

2.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza definiti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu, fuq bażi ad hoc, jistiednu esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu l-istatus ta’ osservaturi lil individwi u organizzazzjonijiet.

4.   Il-membri u l-osservaturi għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà marbuta mal-ħarsien tat-tagħrif ikklassifikat tal-UE, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri x-xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-gruppi u tas-sottogruppi ta' esperti għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi tas-segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet li jwettaq il-grupp, billi tinkludih fir-Reġistru jew permezz ta' link mir-Reġistru għal sit tal-internet ddedikat.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jkunu ġarrbu dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top