Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0938

    Deċiżjoni Nru 938/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ottubru 2010 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

    ĠU L 277, 21.10.2010, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/938/oj

    21.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/1


    DEĊIŻJONI Nru 938/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Ottubru 2010

    li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġislattiva lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Moldova (“Moldova”) u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2005, il-Komunità u l-Moldova ftehmu dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fejn identifikaw il-prijoritajiet għal medda medja ta’ żmien fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova. Il-qafas ta’ dawk ir-relazzjonijiet bilaterali kompla jissaħħaħ bis-Sħubija tal-Lvant li tnediet dan l-aħħar. F’Jannar 2010, l-Unjoni Ewropea u l-Moldova bdew jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li hu mistenni li jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti.

    (2)

    L-ekonomija tal-Moldova intlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja internazzjonali li wasslet għal tnaqqis drammatiku tal-produzzjoni, pożizzjoni fiskali li qed teħżien u ħtiġijiet għal finanzjament estern li qegħdin dejjem jikbru.

    (3)

    L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru tal-ekonomija fil-Moldova huma appoġġati mill-għajnuna finanzjarja mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-arranġament finanzjarju tal-FMI għall-Moldova kien approvat fid-29 ta’ Jannar 2010.

    (4)

    Il-Moldova talbet l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni minħabba li s-sitwazzjoni u l-prospettiva ekonomiċi qegħdin jiddeterjoraw.

    (5)

    Minħabba li għad hemm diskrepanza finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Moldova bejn l-2010 u l-2011, l-għajnuna makrofinanzjarja hi meqjusa bħala reazzjoni xierqa għat-talba tal-Moldova għal sostenn għall-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm preżenti tal-FMI. Din l-għajnuna makrofinanzjarja hija mistennija wkoll tikkontribwixxi biex ittaffi l-ħtiġijiet għall-finanzjament estern tal-baġit tal-Istat.

    (6)

    L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni m’għandhiex biss tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

    (7)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fi ħdan id-diversi oqsma tal-azzjoni esterna u ta’ linji ta’ politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

    (8)

    L-objettivi speċifiċi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawn l-objettivi għandhom ikunu sorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

    (9)

    Il-kondizzjonijiet li fuqhom hu msejjes l-għoti tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi ċentrali tal-politika tal-Unjoni lejn il-Moldova.

    (10)

    Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja, huwa meħtieġ illi l-Moldova tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ din l-għajnuna, u l-ġlieda kontrihom. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tipprovdi għal kontrolli xierqa u li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi għal verifiki xierqa.

    (11)

    Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

    (12)

    L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tgħarrafhom regolarment bl-iżviluppi marbuta mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

    (13)

    Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2) tkompli tapplika, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhijiex applikabbli,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli l-għajnuna makrofinanzjarja lill-Moldova f’forma ta’ għotja ta’ ammont massimu ta’ EUR 90 miljun bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Moldova u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-ħtiġijiet baġitarji tagħha, kif ġie identifikat fil-programm attwali tal-FMI.

    2.   Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet u l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u l-Moldova u mal-prinċipji u l-objettivi ċentrali tar-riforma ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Moldova. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji regolarment dwar l-iżviluppi fil-ġestjoni tal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

    3.   L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli għal sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara dak tad-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).

    Artikolu 2

    1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 5(2), għandha tingħata s-setgħa li tilħaq qbil mal-awtoritajiet tal-Moldova dwar il-kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea, biex ikunu stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil, li għandu jinkludi skeda ta’ żmien biex jiġu sodisfatti (minn hawn ‘il quddiem, “il-Memorandum ta’ Qbil”). Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet u l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u l-Moldova u mal-prinċipji u l-objettivi ċentrali tar-riforma ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Moldova. Dawn il-prinċipji u objettivi għandhom l-għan li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-għajnuna, inklużi, b’mod partikolari, is-sistemi għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Moldova. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-objettivi għandu jkun sorveljat b’mod regolari mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tal-Għotja li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Moldova.

    2.   Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-affidabbiltà tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni fil-Moldova li huma rilevanti għal din l-għajnuna u l-konformità mal-iskeda ta’ żmien maqbula.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perijodi regolari li l-linji ta’ politika ekonomika tal-Moldova jkunu konformi mal-objettivi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika maqbula qed jitwettqu b’mod sodisfaċenti. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u l-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    Artikolu 3

    1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Moldova għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’mhux anqas minn tliet pagamenti tal-għotja. L-ammont ta’ kull pagament għandu jkun stipulat fil-Memorandum ta’ Qbil.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika maqbula fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-ħlas tat-tieni pagament u tal-pagament jew pagamenti ta’ wara ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-pagament preċedenti.

    3.   Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Moldova. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu maqbula fil-Memorandum ta’ Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lit-Teżor tal-Istat tal-Moldova bħala l-benefiċjarju aħħari.

    Artikolu 4

    L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) u r-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu (4). B’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Għotja li għandu jintlaħaq qbil dwarhom mal-awtoritajiet tal-Moldova għandhom jipprovdu miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati mill-Moldova f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jaffettwaw l-għajnuna u l-ġlieda kontrihom. Sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u fil-ħruġ tal-fondi tal-Unjoni, il-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Għotja għandhom jipprovdu wkoll kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu għal verifiki, inklużi fejn ikun xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

    Artikolu 5

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 6

    1.   Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti, flimkien ma’ evalwazzjoni tagħha. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet politiċi kif stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Moldova, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagamenti tal-għajnuna.

    2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    O. CHASTEL


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2010.

    (2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).


    Top