Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0808

    2010/808/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/009 ES/Tessuti tal-Comunidad Valenciana minn Spanja)

    ĠU L 342, 28.12.2010, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/808/oj

    28.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 342/20


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Diċembru 2010

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/009 ES/Tessuti tal-Comunidad Valenciana minn Spanja)

    (2010/808/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3)

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

    (4)

    Fit-22 ta' Marzu 2010, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward tas-sensji f’143 intrapriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 13 (Manifattura ta' tessuti) f’ reġjun NUTS II wieħed, il-Comunidad Valenciana (ES52) u ssupplimentatu b’tagħrif addizzjonali sas-17 ta' Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 059 466.

    (5)

    Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 059 466 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlas.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

    Ghall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    O. CHASTEL


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    Top