Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0779

    2010/779/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen relatati mal-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

    ĠU L 333, 17.12.2010, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/779/oj

    17.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/58


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Diċembru 2010

    dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

    (2010/779/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Protokoll ta’ Schengen”).

    Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, bl-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2010, biex jipparteċipa f’ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif speċifikat f’ dik l-ittra,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 2000/365/KE (1), il-Kunsill awtorizza lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-kondizzjonijiet imniżżla f’dik id-Deċiżjoni.

    (2)

    Fl-24 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament propost”).

    (3)

    Skont ir-Regolament propost, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”) għandha ssir responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Eurodac u tista’ ssir responsabbli għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira oħra fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, abbażi ta’ strument leġislattiv rilevanti, ibbażat fuq it-Titolu V tal-Parti tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Is-SIS II hija parti mill-acquis ta’ Schengen. Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (3) jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS II. Madankollu, ir-Renju Unit ħa sehem biss fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE.

    (5)

    Il-VIS hija wkoll parti mill-acquis ta’ Schengen. Ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni ta’, u mhux marbut bid-Deċiżjoni 2004/512/KE (4), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 (5) u d-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI (6) li jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-VIS.

    (6)

    L-Eurodac mhix parti mill-acquis ta’ Schengen. Ir-Renju Unit ħa sehem fl-adozzjoni ta’, u hu marbut bir-Regolament (KE) Nru 2725/2000 (7) li jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-Eurodac.

    (7)

    Minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Eurodac u l-parteċipazzjoni parzjali tiegħu fis-SIS II, ir-Renju Unit għandu d-dritt li jipparteċipa fl-attivitajiet tal-Aġenzija, sal-punt li l-Aġenzija tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II kif irregolata bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, u l-Eurodac.

    (8)

    L-Aġenzija proposta għandu jkollha personalità ġuridika unika u tkun kkaratterizzata mill-unità tal-istruttura organizzativa u finanzjarja tagħha. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tkun stabbilita permezz ta’ strument leġsilattiv uniku li għandu jittieħed vot dwaru fi ħdan il-Kunsill fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, ladarba jkun ġie adottat, ir-Regolament propost għandu jsir applikabbli fl-intier tiegħu fl-Istati Membri marbuta bih. Dan jeskludi l-possibbiltà ta’ applikabbiltà parzjali għar-Renju Unit.

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-Trattati u l-Protokolli applikabbli, u fl-istess ħin jiġu ssalvagwardjati l-unità u l-konsistenza tar-Regolament propost, ir-Renju Unit talab biex jieħu sehem fir-Regolament propost taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen sal-punt li l-Aġenzija ser tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II kif irregolata bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u tal-VIS.

    (10)

    Il-Kunsill jirrikonoxxi d-dritt tar-Renju Unit biex, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, jagħmel talba għal parteċipazzjoni fir-Regolament propost, sal-punt li r-Renju Unit mhux ser jipparteċipa fir-Regolament propost għal raġunijiet oħra.

    (11)

    Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fir-Regolament propost tkun mingħajr preġudizzju għall-fatt li fil-preżent ir-Renju Unit ma jipparteċipax u ma jistgħax jipparteċipa fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-politika dwar il-viżi u l-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Dan jiġġustifika l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament propost li tirrifletti din il-pożizzjoni speċjali tar-Renju Unit, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ votazzjoni limitati fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija.

    (12)

    Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim.

    (13)

    Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), ġie infurmat dwar it t-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sussegwentement għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jieħu sehem fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja safejn ikun relatat mat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (VIS) u l-partijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), fejn ir-Renju Unit ma jipparteċipax.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (2)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

    (3)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

    (5)  Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

    (6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129).

    (7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1).

    (8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.


    Top