This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0565
Council Decision 2010/565/CFSP of 21 September 2010 on the European Union mission to provide advice and assistance for security sector reform in the Democratic Republic of the Congo (EUSEC RD Congo)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/565/PESK tal-Kunsill tal- 21 ta’ Settembru 2010 dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/565/PESK tal-Kunsill tal- 21 ta’ Settembru 2010 dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)
ĠU L 248, 22.9.2010, p. 59–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2016: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2015
22.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 248/59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/565/PESK TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Settembru 2010
dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 43 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fuq bażi tal-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK (1), sa mit-2 ta' Mejju 2005, l-Unjoni Ewropea (UE) qed twettaq missjoni ta' konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (EUSEC RD Congo). Il-mandat attwali tal-missjoni huwa stabbilit fl-Azzjoni Konġunta 2009/709/PESK (2) u jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2010. |
(2) |
Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni bagħat ittra lill-President tar-RDK bid-data tas-27 ta' Lulju 2009 fejn stqarr l-impenn imġedded tal-UE. B'segwitu għal din l-ittra, il-mandat tal-missjoni ġie adattat b'effett mill-1 ta' Ottubru 2009. Din l-ittra ġiet tradotta mill-awtoritajiet Kongoliżi fi Programm ta' Azzjoni li ġie ffirmat fil-21 ta' Jannar 2010 mill-Ministru tad-Difiża u l-Veterani tal-Gwerra u l-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo. |
(3) |
Wara r-ratifika fl-2005 tal-Kostituzzjoni tat-tielet Repubblika Kongoliża, iż-żamma tal-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta' transizzjoni u ppermettiet fl-2007 il-formazzjoni ta' gvern billi ġie adottat programm, li b'mod partikolari jipprevedi riforma globali tas-settur tas-sigurtà, l-elaborazzjoni ta' kunċett nazzjonali kif ukoll ta' azzjonijiet prijoritarji ta' riforma fl-oqsma tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja. L-iżvilupp ta' Pjan ta' Riforma tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) fi tliet fażijiet mill-2009 sal-2025, approvat mill-President tar-Repubblika fl-aħħar ta' Mejju 2009 u ppreżentat lill-rappreżentanti tal-Komunità internazzjonali fis-26 ta' Jannar 2010 kif ukoll l-appartenenza tar-rwol ta' koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' atturi differenti b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS), juru l-interess tal-awtoritajiet Kongoliżi għall-implimentazzjoni fil-livell operattiv tal-proċess tar-RSS fir-RDK. |
(4) |
In-Nazzjonijiet Uniti tennew l-appoġġ tagħhom għall-proċess ta' transizzjoni u għall-RSS permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qed imexxu, fir-RDK, il-missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabilizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) li tiffoka fuq iż-żamma tal-paċi fil-Lvant tal-pajjiż u fuq il-konsolidazzjoni tal-paċi fil-pajjiż kollu. Fit-28 Mejju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-riżoluzzjoni 1925 (2010) li estendiet il-mandat tal-MONUC sat-30 ta' Ġunju 2010, biex issir Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-RDK (MONUSCO) mill-1 ta' Lulju 2010 u tippermetti l-appoġġ tiegħu, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba internazzjonali l-oħra, għall-azzjoni li twassal lill-awtoritajiet Kongoliżi biex isaħħu u jirriformaw l-istituzzjonijiet ta' sigurtà. |
(5) |
L-UE tat appoġġ kontinwu għar-RSS fir-RDK, wieħed mill-elementi ta' impenn l-aktar ġenerali tal-UE bl-għan li jiġu appoġġati l-iżvilupp u d-demokrazija fir-reġjun tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, filwaqt li tiġi żgurata l-promozzjoni tal-linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji tal-affarijiet pubbliċi, ta' trasparenza u ta' rispett għall-Istat tad-dritt. |
(6) |
Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/329/PESK li temenda u testendi l-azzjoni konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-RSS u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (3) għal perijodu addizzjonali ta' 3 xhur. |
(7) |
Sabiex jissaħħu l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-komplementarjetà tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK waqt li jittieħed vantaġġ sħiħ tal-isfond istituzzjonali Ewropew ġdid, għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-impenn tal-UE bejn iż-żewġ missjonijiet, bejn l-atturi Ewropej fir-RDK, u bejn Brussell u Kinshasa. |
(8) |
Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/440/PESK (4), li testendi l-mandat tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani. |
(9) |
Fid-29 ta' Lulju 2010, il-Kunsill approva kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet relatat mal-impenn tal-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK. |
(10) |
Jaqbel li fil-proġett jipparteċipaw Stati terzi, b'mod konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew. |
(11) |
Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fil-RDK tista’ tiħżien, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tas-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu tal-UE f’dak li hu sforz politiku u riżorsi jgħin sabiex tiġi msaħħa l-istabbiltà fir-reġjun, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni Ewropea (UE) qed tmexxi missjoni ta' konsulenza u assistenza dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), minn issa msejjħa l-“EUSEC RD Congo” jew “il-Missjoni”, bl-għan li tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-istabbiliment ta' struttura ta' difiża li tista' tiggarantixxi s-sigurtà tal-Kongoliżi filwaqt li tirrispetta l-istandards demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt, il-prinċipji ta' governanza tajba tal-affarijiet pubbliċi u t-trasparenza.
2. Il-missjoni għandha timxi konformement mal-mandat stabbilit fl-Artikolu 2.
Artikolu 2
Mandat
1. Il-missjoni għandha timmira, b'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi oħrajn tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-MONUSCO, u waqt li ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, li tipprovdi appoġġ konkret fil-qasam tar-RSS, waqt li jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni fuq perijodu qasir u medju ta' attivitajiet u proġetti bbażati fuq il-linji gwida adottati mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-pjan tar-riforma tal-FARDC u inklużi fil-programm ta' azzjoni tal-missjoni, inkluż:
(a) |
li jinżamm l-appoġġ fil-livell strateġiku, |
(b) |
l-appoġġ għall-konsolidazzjoni tal-amministrazzjoni u l-istabbiliment ta' sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi umani bbażata fuq ix-xogħol li għaddej, |
(c) |
l-appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-loġistika, |
(d) |
l-appoġġ għar-rilanċ tas-sistema tat-taħriġ, b'mod partikolari tal-funzjonarji, inkluż l-appoġġ għall-proġett tal-Iskola ta' Amministrazzjoni u tal-Akkademja militari f'Kananga u għall-istudji għall-Iskola tal-Loġistika f'Kinshasa, |
(e) |
it-tkomplija tal-attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem inkluża l-vjolenza sesswali. |
2. Il-missjoni għandha tipprovdi konsulenza lill-Istati Membri u tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f'oqsma li huma ta' interess għall-missjoni u ta' appoġġ għall-objettivi tagħha.
Artikolu 3
Struttura tal-missjoni u żona ta' skjerament
1. Il-missjoni ser ikollha Kwartieri Ġenerali f'Kinshasa u magħmula minn:
(a) |
it-tmexxija; |
(b) |
dipartiment ta' appoġġ amministrattiv u loġistiku, |
(c) |
dipartiment ta' esperti fil-qasam tad-difiża inkarigati li jassistu u jiggwidaw lill-Kongoliżi fit-tmexxija ta' kisbiet konkreti fl-oqsma tal-amministrazzjoni, ir-riżorsi umani, il-loġistika u t-taħriġ, |
(d) |
dipartiment ta' konsulenza u assistenza inklużi kunsilliera skjerati fil-lvant tar-RDK inkarigati biex jikkontribwixxu għall-ħidma relatata mar-RSS immexxija mill-amministrazzjoni Kongoliża, |
(e) |
grupp ta' proġetti. |
2. Iż-żona ta' skjerament prinċipali għandha tkun Kinshasa. Kunsilliera ssekondati jistgħu jkunu skjerati wkoll fir-reġjuni militari tal-Lvant tar-RDK. Is-sekondar ta' esperti u l-preżenza temporanja tagħhom fir-reġjuni militari jistgħu jkunu meħtieġa, fuq istruzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni.
Artikolu 4
Ippjanar
Il-Kap tal-Missjoni għandu jħejji pjan ta' implimentazzjoni tal-missjoni (OPLAN), u jippreżentah għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Huwa għandu jkun mgħejjun f'dan il-kompitu mis-servizzi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 5
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f'idejh il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni u għandu jkun responsabbli għall-persunal u għall-kwistjonijiet dixxiplinari.
2. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat ta' oriġini jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kap tal-Missjoni.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji li jirrigwardaw lill-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali konċernati jew mill-istituzzjoni konċernata tal-UE.
4. Fil-qafas tal-mandat tal-missjoni kif previst fl-Artikolu 2, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat jirrikorri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati li jikkompletaw b'mod koerenti l-azzjonijiet l-oħrajn tal-missjoni, f'żewġ każijiet preċiżi. Jew il-proġett huwa previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja tad-Deċiżjoni attwali, jew inkella l-proġett jiġi inkluż matul il-mandat permezz ta' emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.
Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament mal-Istati Membri kkonċernati. Dan l-arranġament jirregola b'mod partikolari l-metodi speċifiċi dwar kwalunkwe tweġiba li tiġi minn pajjiż terz dwar il-ħsarat ikkawżati minn atti jew nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri kontribwenti.
F'ebda każ ma tista' tiġi impenjata r-responsabbiltà tal-UE jew tar-RGħ mill-Istati Membri kontribwenti għall-atti jew in-nuqqasijiet tal-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi ta' dawn l-Istati.
5. Sabiex il-baġit tal-missjoni jiġi implimentat, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkollabora mill-viċin, fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, mal-kap tad-Delegazzjoni tal-UE, il-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri preżenti f'Kinshasa u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Persunal
1. L-esperti tal-missjoni għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Ħlief għall-Kap tal-Missjoni, kull Stat Membru jew istituzzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-esperti ssekondati, inklużi l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, is-salarji u l-kopertura medika, u l-benefiċċji minbarra l-benefiċċji ta' kuljum.
2. Il-persunal ċivili internazzjonali u dak lokali għandu jiġi rreklutat fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni kif meħtieġ.
3. L-esperti tal-missjoni għandhom jibqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru kompetenti jew l-istituzzjoni tal-UE kompetenti, u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt, kif ukoll wara l-missjoni, l-esperti tal-missjoni għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni.
Artikolu 7
Linja ta' kmand
1. Il-missjoni għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-missjoni u jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lir-RGħ.
Artikolu 8
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (il-KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill qiegħed permezz ta' din l-Azzjoni Konġunta jawtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà sabiex jieħu d-deċiżjonijiet f'konformità mal-Artikolu 38, paragrafu 3, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Din l-awtorizzazzjoni tinkludi s-setgħa għall-modifika tal-pjan ta’ implimentazzjoni. Għandha tinkludi wkoll il-kompetenzi meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandha tibqa’ mal-Kunsill, megħjun mir-RGħ.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, permezz tar-RGħ, rapporti mill-Kap tal-Missjoni f’intervalli regolari. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, skont il-ħtieġa.
Artikolu 9
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 għandu jkun ta' EUR 12 600 000.
2. Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:
(a) |
l-ispiża għandha tiġi amministrata skont ir-regoli u l-proċeduri tal-UE applikabbli għall-baġit. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu sejħiet għall-offerti; |
(b) |
il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lill-Kummissjoni totalment, li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu. |
3. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir.
4. In-nefqa relatata mal-missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-KPS jistieden lil xi Stati terzi biex jipproponu kontribuzzjoni għall-missjoni, bil-ftehim li dawn tal-aħħar iħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi l-pagi, l-assikurazzjoni tar-“riskji kollha”, il-benefiċċji ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif xieraq għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.
2. L-Istati terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lill-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri.
3. Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex joħloq Kumitat tal-Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 tat-TUE u konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u arranġamenti tekniċi addizzjonali jekk meħtieġ. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat terz f'xi operazzjonijiet tal-UE ta' ġestjoni ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.
Artikolu 11
Implimentazzjoni u koerenza tar-rispons tal-UE
1. Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni u jiżgura wkoll il-koerenza mal-azzjoni esterna tal-UE kollha kemm hi, inkluż mal-programmi ta' żvilupp tal-UE.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassisti lir-RGħ fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Għandhom ikunu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK kemm f'Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-aspetti orizzontali tar-RSS fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-bidla tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet b'mod partikolari fl-oqsma tal-attivitajiet trasversali.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiggarantixxi li l-EUSEC RD Congo tikkoordina mill-qrib l-azzjoni tagħha b'appoġġ għar-riforma tal-FARDC mal-gvern tar-RDK, man-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-missjoni MONUSCO, u mal-Istati terzi impenjati fil-qasam tad-difiża tal-proċess tar-RSS fir-RDK.
4. Il-Kap tad-delegazzjoni tal-UE f'Kinshasa għandu jipprovdi, fi ħdan il-qafas ġenerali stabbilit bid-dokumenti ta' ppjanar, linji gwida politiċi lokali għall-missjoni EUSEC RD CONGO, mingħajr preġudizzju għall-mandat tar-RSUE.
5. Il-Kap tad-delegazzjoni tal-UE u l-Kap tal-Missjoni EUSEC RD CONGO għandhomjistabbilixxu mekkaniżmi adatti ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-aspetti politiċi li jistgħu jħallu impatt fuq it-twettiq tal-missjoni. Fl-istess spirtu, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD CONGO għandu jinforma lill-Kap tad-delegazzjoni tal-UE dwar kull kuntatt fil-livell tiegħu li jista' jkollu impatt ta' natura politika.
6. Il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo (jew ir-rappreżentant tiegħu) għandu jaġixxi wkoll bħala kunsillier dwar id-difiża għall-Kap tad-delegazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-linji eżistenti ta' kmand eżistenti ta' kull attur. F'dan il-kuntest, ser tiġi żgurata rabta permanenti bejn il-missjoni u d-delegazzjoni tal-UE.
7. Bħala parti mill-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjoni EUSEC RD Congo, jekk meħtieġ, pariri politiċi dwar id-dimensjoni reġjonali, partikolarment rigward il-proċess ta' Nairobi, ta' Goma u ta' Juba.
Artikolu 13
Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata
1. Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “CONFIDENTIEL UE”, f'konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (5).
2. Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skont il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “RESTREINT UE”, f'konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għal dan l-għan ser jiġu stabbiliti arranġamenti lokali.
3. F'każ ta' bżonn operattiv speċifiku u immedjat, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “RESTREINT UE”, f'konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u d-dokumenti ser jiġu kkomunikati lill-Istat ospitanti skont il-proċeduri adegwati fil-livell ta' kooperazzjoni tal-Istat ospitanti mal-UE.
4. Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-UE dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li huma koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1), tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill (6).
Artikolu 14
Status tal-missjoni u tal-persunal tagħha
1. L-istatus tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit b'applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-TUE u b'mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(3) tat-TFUE.
2. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE inkwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.
3. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratt bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.
Artikolu 15
Sigurtà
1. Il-Kap tal-Missjoni hu responsabbli mis-sigurtà tal-missjoni EUSEC RD Congo.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà f’konformità mad-direttivi tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal tal-UE li jintbagħat barra mit-territorju tal-UE fil-qafas ta' missjoni operattiva deċiża skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, Kapitolu 2, tat-TUE u d-dokumenti relatati.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO) li jirrapporta lilu u li jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.
4. Ser jingħata taħriġ adegwat għall-miżuri ta' sigurtà lill-membri kollha tal-persunal, f'konformità mal-OPLAN. L-MSO ser ifakkar regolarment l-istruzzjonijiet relatati mas-sigurtà.
Artikolu 16
Reviżjoni tal-missjoni
Il-KPS għandu jindirizza abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni ppreparat f'nofs it-terminu mis-servizzi taħt l-awtorità tar-RGħ, u ppreżentat sa mhux aktar tard minn Ġunju 2011, rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill bil-għan li tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tar-riforma tal-FARDC u li jiġu evalwati l-effetti tal-missjoni fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti b'appoġġ għall-pjan tar-riforma tal-FARDC. Din l-evalwazzjoni ser tkun ibbażata fost oħrajn fuq indikaturi ta' progress kif ukoll fuq indikaturi operattivi speċifiċi żviluppati fl-OPLAN.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2010.
Hija għandha tapplika sat-30 ta' Settembru 2012.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
S. VANACKERE
(1) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20).
(2) ĠU L 246, 18.9.2009, p. 33.
(3) ĠU L 149, 15.6.2010, p. 11.
(4) ĠU L 211, 12.8.2010, p. 20.
(5) Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).