EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0422

2010/422/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2010 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija

ĠU L 199, 31.7.2010, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2012; Imħassar b' 32012D0370

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/422/oj

31.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija

(2010/422/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Bulgarija,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits pubbliċi eċċessivi.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 126(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jkun hemm defiċit eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Bulgarija. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Bulgarija fis-6 ta’ Lulju 2010 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Bulgarija, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(7)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Bulgari f’April 2010, id-defiċit pubbliku fil-Bulgarija laħaq it-3,9 % tal-PGD fl-2009, b’hekk qabeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD. Id-defiċit ma kienx qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD iżda l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jiġi kwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan irriżulta mit-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fis-sens tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà’ u Tkabbir, hekk kif il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja laqtet sew l-ekonomija tal-Bulgarija u l-volum tat-tkabbir negattiv annwali tal-PGD laħaq il-5 % fl-2009. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, diġa’ fl-2010 id-defiċit pubbliku se jinżel taħt il-valur ta’ referenza flimkien mal-istabbilizzazjoni tal-ekonomija u bħala riżultat tal-miżuri tal-konsolidament fiskali li saru mill-gvern. Madankollu, abbażi tal-mira riveduta ta’ defiċit għall-2010 (3,8 % tal-PGD skont in-notifika tat-22 ta’ Ġunju 2010 mill-awtoritajiet Bulgari), ogħla sew mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa ta’ 2,8 % tal-PGD, il-ksur tal-valur ta’ referenza jista’ ma jibqax wieħed temporanju. Il-kriterju tad-defiċit fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet Bulgari f’April 2010, id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali jibqa’ taħt sew il-valur tar-referenza ta’ 60 % tal-PGD u kien ta’ 14,8 % tal-PGD fl-2009. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010 jipprevedi li l-proporzjon ta’ dejn se jiżdied matul il-perjodu 2010-2011, imma jibqa’ taħt id-19 % tal-PGD. F’notifika sottomessa fit-22 ta’ Ġunju 2010, l-awtoritajiet Bulgari komplew jirrevedu d-dejn ippjanat għall-2010 għal 15,3 % tal-PGD. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat huwa sodisfatt.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) jekk il-kundizzjoni doppja - li d-defiċit jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu fuq il-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi ssodisfata għal kollox. Fil-każ tal-Bulgarija, din il-kundizzjoni doppja mhix sodisfatta. Għalhekk, fatturi rilevanti ma jitqisux fl-istadji li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Bulgarija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha marbuta mal-PŻE għall-Bulgarija jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/index_en.htm


Top