EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0389

2010/389/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Lulju 2010 li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/109/KE li taċċetta impenn offrut li għandu x'jaqsam mal-proċeduri anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 179, 14.7.2010, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/389/oj

14.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2010

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/109/KE li taċċetta impenn offrut li għandu x'jaqsam mal-proċeduri anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2010/389/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1212/2005 (2), impona dazji definittivi tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' ċerti fonduti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Dan ir-Regolament ġie emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 (3).

(2)

Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2006/109/KE (4) aċċettat impenn konġunt tal-prezzijiet (“l-impenn”) mill-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“KKĊMPE”) flimkien ma' 20 kumpanija Ċiniża li jikkooperaw jew gruppi ta’ kumpaniji li jikkooperaw (“il-kumpaniji”). Din id-Deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/177/KE (5).

IL-KSUR TAL-IMPENN

L-impenn

Obbligi tal-kumpaniji skont l-impenn

(3)

Fil-kuntest tal-impenn, il-kumpaniji qablu, inter alia, li ma jbiegħux il-prodott ikkonċernat lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni Ewropea (“UE”) taħt ċertu prezz minimu għall-importazzjoni (“PMI”) stipulat fl-impenn.

(4)

Il-kumpaniji qablu wkoll li ma jevitawx l-impenn billi, inter alia, jagħmlu arranġamenti ta’ kumpens mal-klijenti tagħhom u billi jagħmlu dikjarazzjonijiet qarrieqa rigward l-oriġini tal-prodott ikkonċernat jew l-identità tal-esportatur.

(5)

It-termini tal-impenn jobbligaw ukoll lill-kumpaniji jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tagħrif regolari u ddettaljat, fil-forma ta' rapport kull tliet xhur tal-bejgħ ta' esportazzjoni tagħhom kollu tal-prodott ikkonċernat lill-UE. Sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, huwa meqjus li d-dejta ppreżentata f’dawn ir-rapporti tal-bejgħ hija kompluta, eżawrjenti u korretta fid-dettalji kollha u li t-tranżazzjonijiet huma totalment konformi mat-termini tal-impenn.

(6)

Bl-għan li jiżguraw konformità mal-impenn, il-kumpaniji ntrabtu wkoll li jippermettu żjarat ta' verifika fuq il-post fil-proprjetà tagħhom biex tiġi vverifikata l-eżattezza u l-veraċità tad-dejta ppreżentata fir-rapporti msemmija ta' kull tliet xhur u li jipprovdu t-tagħrif kollu meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni.

(7)

Minbarra dan, u kif stipulat aktar fl-impenn, it-tħaddin tal-impenn mill-Kummissjoni Ewropea huwa bbażat fuq il-fiduċja u kull azzjoni li tagħmel ħsara lir-relazzjoni ta' fiduċja stabbilita mal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġġustifika l-irtirar immedjat tal-impenn.

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan l-impenn tal-prezzijiet

(8)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2006/109/KE tistipula li ksur minn kwalunkwe kumpanija jew mill-KKĊMPE għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-impenn mill-firmatarji kollha. L-impenn jistipula wkoll li kwalunkwe ksur jew suspett ta’ ksur ta’ kull dispożizzjoni tal-impenn għandu jwassal għat-tħaddin tal-irtirar tal-impenn għall-kumpaniji kollha, ikun xi jkun il-livell tal-materjalità tal-ksur.

Żjara ta’ verifika fil-proprjetà ta’ wieħed mill-kofirmatarji

(9)

Twettqet żjara ta’ verifika fl-2010 fil-proprjetà ta’ wieħed mill-kofirmatarji tal-impenn, Hebei Jize Xian Ma Gang Cast Factory (“Ma Gang”) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(10)

Matul iż-żjara ta’ verifika Ma Gang iddikjara li la jiġi minn kwalunkwe produttur ieħor tal-prodott ikkonċernat u lanqas li jbiegħ il-prodott ikkonċernat minn kwalunkwe produttur ieħor skont it-termini tal-impenn.

Tagħrif ieħor li wasal għand is-servizzi tal-Kummissjoni

(11)

Wara ż-żjara ta’ verifika u b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali Taljani, is-servizzi tal-Kummissjoni irċevew tagħrif li juri b’mod ċar li Ma Gang kien qiegħed jevita t-termini tal-impenn b’bosta modi mit-tħaddin tal-impenn.

(12)

Instab li Ma Gang stabbilixxa arranġament ta' kumpens ma' mill-inqas klijent wieħed fl-UE li fih ġew miftiehma prezz uffiċjali tal-fattura ugwali għal jew aktar mill-PMI u prezz tal-bejgħ “awtentiku” taħt il-PMI u d-differenza ġiet trasferita mill-ġdid lill-klijent fl-UE bħala “rimborż”.

(13)

Bosta skambji ta' emails mill-2007 u l-2008 bejn Ma Gang u klijent fl-UE juru fid-dettall l-arranġament ta' kumpens, inkluż il-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rimborżat u l-mezzi biex tiġi evitata t-traċċabbiltà fil-kontijiet ta' Ma Gang. Barra minn hekk, nota tal-2008 tirreferi lir-rimborż relatat ma' żewġ fatturi speċifiċi (A714/TPL07002 u A714/TPL070921).

(14)

Instab ukoll li Ma Gang offra li jikkumpensa l-prezz tal-fattura għall-prodott ikkonċernat billi jbaxxi l-prezz tal-bejgħ ta' prodott b'mod artifiċjali ta' prodott mhux kopert minn miżuri anti-dumping.

(15)

Hemm evidenza li Ma Gang ipprovda informazzjoni qarrieqa matul iż-żjara ta' verifika f'diversi aspetti.

(16)

L-ewwel nett, instab li hemm relazzjoni bejn Ma Gang u produttur Ċiniż ieħor tal-prodott ikkonċernat (“il-kumpanija l-oħra”) għaliex f'għadd ta' emails jissemma l-fatt li s-sid ta' Ma Gang huwa missier is-sid tal-kumpanija l-oħra. Barra minn hekk, maniġer ta' livell għoli ta' Ma Gang kien qiegħed jaħdem għall-kumpanija l-oħra mill-inqas sal-aħħar tal-2008 peress li l-korrespondenza bejn il-klijent fl-UE u Ma Gang kienet ta' spiss magħmula taħt l-indirizz email u n-numru tal-faks tal-kumpanija l-oħra.

(17)

It-tieni nett, hemm evidenza li Ma Gang kiser l-obbligi tal-impenn tiegħu billi biegħ il-prodott ikkonċernat prodott mill-kumpanija l-oħra taħt it-termini tal-impenn, u b’hekk għamel dikjarazzjonijiet qarrieqa rigward l-identità tal-esportatur. Din il-prattika ppermettiet mill-inqas lil klijent wieħed fl-UE jevita l-ħlas tar-rata tad-dazju tal-anti-dumping residwu ta’ 47,8 % li tapplika għall-kumpanija l-oħra.

(18)

Barra minn hekk, fl-2006, Ma Gang offra permezz ta’ email li jittrasferixxi l-prodott ikkonċernat permezz tal-Korea. Kuntratt maħruġ minn kumpanija fil-Korea kien mehmuż mal-offerta.

Raġunijiet għall-irtirar tat-tħaddin tal-impenn

(19)

Mill-fatti stabbiliti fil-premessi (12) sa (18) ġie konkluż li Ma Gang kiser l-impenn f’diversi aspetti.

(20)

Ma Gang kiser b’mod kontinwu l-PMI permezz ta’ arranġament ta’ kumpens ma’ mill-inqas klijent wieħed fl-UE. Ma Gang għamel ukoll dikjarazzjonijiet qarrieqa rigward l-identità tal-esportatur billi ħareġ fatturi tal-impenn għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat prodott mill-kumpanija l-oħra li mhux soġġett għall-impenn. Barra minn hekk, Ma Gang offra li joħroġ dikjarazzjonijiet qarrieqa rigward l-oriġini tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, l-għotja ta’ informazzjoni mhux korretta matul iż-żjara ta’ verifika f’Jannar 2010 hija meqjusa bħala ksur ieħor tal-impenn.

(21)

Fl-aħħar nett, il-bosta ksur kontinwu tal-impenn għamel ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja li kienet tifforma l-bażi għat-tħaddin tal-impenn.

(22)

Il-kumpanija u l-KKĊMPE ġew infurmati bil-miktub bil-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom it-tħaddin tal-impenn konġunt għandu jiġi rtirat u d-dazji tal-anti-dumping definittivi għandhom japplikaw.

Sottomissjonijiet bil-Miktub u Seduti

(23)

Il-KKĊMPE għamlet sottomissjonijiet bil-miktub fil-limiti ta’ żmien u ntalbet seduta wkoll li ngħatat.

(24)

Ma Gang ikkonferma li maniġer ta’ livell għoli tassew kiser l-obbligi tal-impenn kif deskritt hawn fuq, iżda indika li din il-persuna aġġixxiet mingħajr l-għarfien ta’ Ma Gang u ġiet imkeċċija minnufih. Ma Gang ikkonferma wkoll li kienu jiġu mill-familja tal-kumpanija l-oħra (is-sidien kienu l-missier u t-tifel), minkejja li kienu jaħdmu b’mod indipendenti. Fl-aħħar nett, Ma Gang ikkonferma li offrew li jittrasferixxu il-prodott ikkonċernat permezz tal-Korea iżda li dan it-trasferiment fil-fatt qatt ma seħħ.

(25)

Il-KKĊMPE ma kkontestatx li kofirmatarju wieħed kiser l-impenn. Madankollu, hija qablet li rtirar għall-kofirmatarji kollha jista’ jitqies bħala piena mhux mistħoqqa għall-kumpaniji l-oħra kollha li kienu qegħdin jirrispettaw b’mod strett it-termini tal-impenn mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2006, b’mod partikolari peress li l-bosta żjarat ta’ verifika u l-attivitajiet ta’ monitoraġġ intensi ma tefgħu dawl fuq l-ebda problema ta’ implimentazzjoni ewlenija. Il-KKĊMPE enfasizzat ukoll li kienet ħadmet b’mod kontinwu fuq it-titjib tal-implimentazzjoni flimkien mal-kumpaniji kkonċernati u li l-PMI indiċjat kien ipprovda miżura ta’ anti-dumping effikaċi.

(26)

Madankollu, il-KKĊMPE ssottomettiet abbozz ta’ ftehim li ġie ffirmat ftit wara l-iżvelar tas-sejbiet bejn il-KKĊMPE u l-kofirmatarji kollha għajr Ma Gang, sabiex jissaħħu aktar ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ tal-KKĊMPE, u b’mod partikolari jissaħħu d-drittjiet tal-KKĊMPE fir-rigward ta’ kull kofirmatarju.

(27)

Bħala reazzjoni għal dawn is-sottomissjonijiet għandu jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà konġunta li ġiet aċċettata mill-kofirmatarji kollha tal-impenn kienet kundizzjoni indispensabbli għat-tħaddin tal-impenn mill-Kummissjoni. Għalhekk, u fid-dawl tal-ksur serju u kontinwu tal-impenn, il-Kummissjoni għandha d-dover li tirtira t-tħaddin tiegħu minnufih.

IR-REVOKA TAD-DEĊIŻJONI 2006/109/KE

(28)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, t-tħaddin tal-impenn għandu jiġi rtirat u d-Deċiżjoni 2006/109/KE għandha tiġi rrevokata. Skont dan, għandu japplika d-dazju definittiv tal-antidumping impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1212/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott mill-kumpaniji.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/109/KE hija b'dan irrevokata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 199, 29.7.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 6.

(4)  ĠU L 47, 17.2.2006, p. 59.

(5)  ĠU L 77, 24.3.2010, p. 55.


Top