Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0348

    Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    ĠU L 155, 22.6.2010, p. 56–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/348/oj

    Related international agreement

    22.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 155/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Novembru 2009

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    (2010/348/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

    Billi:

    (1)

    Fil-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (“SĠ/RGħ”), biex tiftaħ in-negozjati skont l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma’ ċerti Stati terzi sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

    (2)

    Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Ftehim huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea (1).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċizjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. BILDT


    (1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    IL-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA,

    u

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem “l-UE”, irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

    minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI l-UE u l-Federazzjoni Russa jaqblu dwar il-ħtieġa li jiżviluppaw kooperazzjoni bejniethom dwar materji ta’ interess komuni, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà;

    WAQT LI JAGĦRFU li l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tista’ teħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE jew tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll skambju ta’ tali informazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet;

    KONXJI LI l-aċċess għal informazzjoni klassifikata kif ukoll l-iskambju tagħha jeħtieġu li jittieħdu miżuri adegwati ta’ protezzjoni;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Dan il-Ftehim għandu japplika għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (1)

    “Informazzjoni klassifikata” għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni u materjal protetti skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi ta’ sigurtà tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha, u li ġiet kwalifikata minn klassifikazzjoni tas-sigurtà.

    (2)

    “Portaturi ta’ informazzjoni klassifikata” għandha tfisser materjal, inklużi partijiet fiżiċi li jkun fihom informazzjoni klassifikata fis-sura ta’ simboli, immaġini, senjalazzjonijiet, soluzzjonijiet u proċessi tekniċi.

    (3)

    “Klassifikazzjoni tas-sigurtà” għandha tfisser kwalifika li tindika:

    il-grad ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha li jista’ jiġi kkawżat fil-każ ta’ żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni klassifikata, u

    l-grad ta’ protezzjoni li għalhekk hu meħtieġ skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE.

    (4)

    “Marka ta’ klassifikazzjoni” għandha tfisser il-kwalifika mwaħħla fuq il-portaturi tal-informazzjoni klassifikata u/jew kwalunkwe dokument li jkun magħha, li tindika l-klassifika tas-sigurtà tal-informazzjoni li jkun fiha.

    (5)

    “Awtorizzazzjoni tas-sigurtà” għandha tfisser deċiżjoni amministrattiva meħuda skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE li tiċċertifika li individwu jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat.

    Artikolu 3

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “UE” għandha tfisser il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem: “il-Kunsill”), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, għall-Federazzjoni Russa, il-korpi awtorizzati li jimplimentaw dan il-Ftehim għandhom ikunu awtoritajiet governattivi federali tal-Federazzjoni Russa.

    Artikolu 4

    1.   Informazzjoni klassifikata tista’ tiġi rilaxxata, skont il-paragrafi 2 sa 5, minn Parti waħda, “il-Parti li tipprovdi”, lill-Parti l-oħra, “il-Parti li tirċievi”.

    2.   Kull Parti għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata lill-Parti l-oħra każ b’każ skont l-interessi ta’ sigurtà tagħha stess u skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha stess. Xejn f’dan il-ftehim m’għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju jew ġeneriku ta’ informazzjoni klassifikata jew ċertu kategoriji ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet.

    3.   Kull Parti għandha, skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha:

    (a)

    tipproteġi l-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom;

    (b)

    tiżgura li la l-informazzjoni klassifikata u lanqas il-marka jew marki ta’ klassifikazzjoni li jillimitaw id-distribuzzjoni ta’ informazzjoni assenjata mill-Parti li tipprovdi lill-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim ma jinbidlu mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ dik il-Parti, u li l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim hija rreġistrata, issalvagwardjata u protetta skont id-dispożizzjonijiet imniżżlin fil-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha stess għall-informazzjoni li jkollha klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti u marka ta’ klassifikazzjoni skont l-Artikolu 6;

    (c)

    tuża l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għall-finijiet stabbiliti mill-Parti li tipprovdi biss;

    (d)

    tirritorna jew teqred il-portaturi ta’ informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti l-oħra meta tintalab tagħmel dan bil-miktub mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tipprovdi;

    (e)

    ma tiżvelax l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim lil riċevituri li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikolu 3 mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti li tipprovdi;

    4.   L-informazzjoni klassifikata għandha tingħadda permezz tal-kanali diplomatiċi, b’servizz ta’ kurrier jew bi kwalunkwe mezz ieħor maqbul bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 10. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    Fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza kollha għandha tinbagħat lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, soġġett għall-paragrafu 5.

    (b)

    Fir-rigward tal-Federazzjoni Russa, il-korrispondenza kollha għandha tiġi indirizzata lill-Missjoni Permanenti tal-Federazzjoni Russa għall-UE u għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    5.   Il-Parti li tipprovdi tista’, għal raġunijiet operattivi, tindirizza l-korrispondenza lil uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi biss tal-Parti li tirċievi maħtura bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom skont il-priniċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Tali korrispondenza għandha tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali, l-organi jew is-servizzi msemmijin qabel. Sa fejn jikkonċerna l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trażmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kummissjoni Ewropea meta tali informazzjoni tkun indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Kull waħda mill-Partijiet għandha tiżgura rispettivament li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Unjoni Ewropea jkollhom sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà stabbiliti abbażi tal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet jew ir-regolamenti rispettivi tagħhom, sabiex ikun żgurat li jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    1.   Sabiex ikun stabbilit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea matul il-kooperazzjoni tagħhom skont il-liġijiet jew ir-regolamenti rispettivi tagħhom, il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà għandhom jikkorrispondu kif ġej:

    UE

    FEDERAZZJONI RUSSA

    CONFIDENTIEL UE

    СЕКРЕТНО

    SECRET UE

    СОВЕРШЕННО СЕКРЕТНО

    2.   Il-marka tar-restrizzjoni “ДЛЯ СЛУЖЕБНОГО ПОЛЬЗОВАНИЯ” tal-Federazzjoni Russa għandha tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tas-sigurtà RESTREINT UE tal-UE.

    3.   L-entitajiet taż-żewġ Partijiet li jkunu qed jikkooperaw għandhom jaqblu dwar il-klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti rispettiva li għandha tingħata lil kwalunkwe informazzjoni klassifikata prodotta matul il-kooperazzjoni tagħhom u dwar it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

    Artikolu 7

    1.   L-aċċess għall-informazzjoni klassifikata tingħata biss lil persuni li għalihom hija meħtieġa l-konoxxenza tal-informazzjoni msemmija sabiex jaqdu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom, b’mod konsistenti mal-finijiet speċifikati meta tiġi provduta l-informazzjoni.

    2.   Il-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/СЕКРЕТНО jew ogħla provduta, skambjata jew prodotta bejn iż-żewġ Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom għandu jsirilhom awtorizzazzjoni tas-sigurtà b’mod xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

    3.   Kull Parti għandha tiżgura li jitwettqu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkostanzi u l-karattru ta’ individwu humiex tali li huwa jew hija jista’ jkollu/ha aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat.

    Artikolu 8

    L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 10 jistgħu jiskambjaw ir-regolamenti rilevanti li jirregolaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u, b’kunsens reċiproku, jagħmlu żjarat lil xulxin biex iwettqu konsultazzjonijiet reċiproċi li abbażi tagħhom tista’ ssir konklużjoni fir-rigward tal-effikaċja tal-miżuri meħudin skont dan il-Ftehim u l-arranġament tekniku msemmi fl-Artikolu 10.

    Artikolu 9

    Il-Parti li tirċievi għandha twaħħal il-marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti tagħha stess kif imniżżel fl-Artikolu 6, flimkien ma’ dik diġà mwaħħla mill-Parti li tipprovdi, fuq il-portaturi ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta matul il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, jew bħala riżultat ta’ traduzzjoni, ikkuppjar jew dupplikazzjoni.

    Artikolu 10

    1.   Sabiex jimplimentaw dan il-Ftehim u biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata ġew stabbiliti mill-Part li tirċievi, l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għandhom jistabbilixxu arranġament tekniku kif ġej:

    huma għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miktub dwar il-miżuri tekniċi (inkluż miżuri prattiċi għall-immaniġġar, il-ħażna, ir-riproduzzjoni, it-trażmissjoni u d-distruzjoni ta’ informazzjoni klassifikata) għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom, u

    għandhom jikkonfermaw bil-miktub li l-miżuri tekniċi jiżguraw livell reċiprokament aċċettabbli ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom.

    2.   Għall-Federazzjoni Russa, is-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jagħti informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lil jew skambjata mal-Federazzjoni Russa skont dan il-Ftehim.

    3.   Għall-Kunsill, l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt it-tmexxija ta’ u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jagħti informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lil jew skambjata mal-Kunsill jew is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skont dan il-Ftehim.

    4.   Għall-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-materji tas-sigurtà, għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jipprovdi informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim mal-Kummissjoni Ewropea.

    Artikolu 11

    1.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Parti msemmija fl-Artikolu 10 għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ pruvat jew suspettat ta’ żvelar mhux awtorizzat jew telf ta’ informazzjoni klassifikata provduta minn dik il-Parti, u għandha twettaq investigazzjoni u għandha tirrapporta r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni lill-Parti l-oħra.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 għandhom jistabbilixxu, każ b’każ, proċedura bil-ħsieb li jiddeterminaw, skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull waħda mill-Partijiet, azzjonijiet jew miżuri korrettivi proporzjonati li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-konsegwenzi jew il-ħsara kkawżati.

    3.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa, skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, f’każijiet fejn individwu huwa responsabbli li kkomprometta informazzjoni klassifikata. Il-miżuri meħudin f’dan il-kuntest jistgħu jirriżultaw f’azzjoni legali, inklużi proċedimenti kriminali possibbli, kontra l-individwu kkonċernat skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

    Artikolu 12

    Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż involuti li jirriżultaw mill-miżuri għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skont dan il-Ftehim.

    Artikolu 13

    Dan il-Ftehim m’għandux iżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor relatat mal-proviżjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 14

    Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tiġi mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi trattata b’negozjati bejniethom. Matul dawn in-negozjati, il-Partijiet għandhom ikomplu jaqdu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.

    Artikolu 15

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara n-notifika mill-Partjiiet li l-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew.

    2.   Kull Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet għall-konsiderazzjoni ta’ emendi possibbli għal dan il-Ftehim.

    3.   Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Huwa għandu jidħol fis-seħħ skont il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandu jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika. Minkejja din id-denunzja, l-obbligi rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata kollha provduta jew skambjata skont il-Ftehim preżenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet imniżżlin hawnhekk għandhom ikomplu japplikaw.

    B’XIEHDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul f’Rostov-on-Don fl-ewwel ġurnata ta’ Ġunju fis-sena elfejn u għaxra f’żewġ kopji b’kull waħda minnhom fil-lingwa Russa u dik Ingliża.

    Għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa

    Għall-Unjoni Ewropea


    Top