Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0300

2010/300/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Mejju 2010 temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE fir-rigward ta’ perjodi ta’ żmien għall-movimenti ta’ annimali bovini lejn il-mergħat għas-sajf (notifikata bid-dokument numru C(2010) 3188) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 127, 26.5.2010, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R2035

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/300/oj

26.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Mejju 2010

temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE fir-rigward ta’ perjodi ta’ żmien għall-movimenti ta’ annimali bovini lejn il-mergħat għas-sajf

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3188)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/300/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq taċ-ċanga u prodotti taċ-ċanga. Għal dak il-għan, ir-Regolament jeħtieġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-bovini li jirreġistraw l-identità tal-annimal, l-azjendi kollha fit-territorju tagħhom u l-movimenti tal-annimali. Barra minn hekk, jimponi obbligazzjoni fuq il-gwardjani tal-annimali li jirrapportaw lill-awtorità kompetenti inter alia l-movimenti kollha lejn u mill-impriża, flimkien mad-dejta ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu taż-żmien stabbilit mill-Istat Membru ta’ bejn tlieta u sebat ijiem minn meta jkun seħħ il-każ.

(2)

Ir-Regolament jipprovdi l-possibbiltà għall-Kummissjoni fuq talba tal-Istat Membru li jestendi dak il-perjodu massimu u li jiġu stabbiliti regoli speċjali li japplikaw għall-oqsma differenti tal-muntanji, ħaġa li saret permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqiegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (2).

(3)

Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2001/672/KE dawn ir-regoli speċjali għandhom jirriżultaw f’simplifikazzjoni rejali u għandhom jipprevedu biss dak li huwa assolutament neċessarju sabiex ikun garantit il-karattru kompletament operattiv tal-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-ifrat.

(4)

Id-Deċiżjoni 2001/672/KE tapplika għal movimenti bħal dawn matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-15 ta’ Ottubru. L-esperjenza prattika bl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li f’xi żoni muntanjużi, il-movimenti lejn il-mergħat għas-sajf jibdew diġà f’April. L-ambitu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2001/672/KE għandu għaldaqstant jiġi emendat biex jittieħed kont ta’ dak il-fatt.

(5)

Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-annimali, li jiġu spustati minn azjendi differenti għall-istess żona muntanjuża ta’ mergħat għas-sajf, jaslu hemm fuq perjodu ta’ iktar minn sebat ijiem. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, il-limiti ta’ żmien fid-Deċiżjoni 2001/672/KE għandhom għalhekk jiġu adattati sabiex jittieħed kont ta’ dak il-fatt prattiku mingħajr ma tkun kompromessa t-traċċabilità.

(6)

Id-Deċiżjoni 2001/672/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/672/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1 id-data l-“1 ta’ Mejju” hija sostitwita bil-“15 ta’ April”.

2.

L-Artikolu 2(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-informazzjoni li tinsab fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi riportata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 fil-15-il jum wara d-data ta’ meta l-annimali kienu ttieħdu fil-mergħa.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 235, 4.9.2001, p. 23.


Top