This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0099
Council Implementing Decision of 16 February 2010 authorising the Republic of Lithuania to extend the application of a measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 45, 20.2.2010, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2019
20.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 45/10 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Frar 2010
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(It-test Litwan biss huwa awtentiku)
(2010/99/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 291(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u partikolarment l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2009, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
(2) |
Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mil-Litwanja permezz ta’ ittra ddatata s-27 ta’ Ottubru 2009. Permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tqis it-talba. |
(3) |
L-iskop tal-miżura huwa li r-riċevitur ikompli jkun responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-provvista tal-oġġetti u s-servizzi fil-każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza jew proċeduri ta’ ristrutturar li jkunu suġġetti għal sorveljanza ġudizjarja u ta’ tranżazzjonijiet tal-injam. |
(4) |
Persuni taxxabli taħt proċeduri ta’ insolvenza jew ristrutturazzjoni li jkunu suġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja, ħafna drabi, b’riżultat tad-diffikultajiet finanzjarji, ma jkunux jistgħu jħallsu l-VAT fatturata fuq prodotti u servizzi tagħhom. Ir-riċevutur, bħala persuna taxxabbli bid-dritt għat-tnaqqis, jista’ madankollu jnaqqas il-VAT anke jekk din ma tkunx tħallset mill-fornitur lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
(5) |
Minħabba n-natura tas-suq u n-negozju involut, il-Litwanja ltaqgħet ma’ problemi fis-suq tal-injam li huwa dominat minn kumpaniji żgħar, spiss bejjiegħa mill-ġdid u intermedjarji li l-awtoritajiet tat-taxxa sabu diffikultà biex jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta’ evażjoni tinvolvi l-fatturazzjoni ta’ provvisti min-negozji li wara jgħibu mingħajr ma titħallas l-ebda taxxa imma jħallu lill-konsumatur b’irċevuta ta’ fattura valida li biha jista’ jieħu t-taxxa lura. |
(6) |
Bil-ħatra tar-riċevitur, sakemm dan ikun persuna taxxabbli, bħala l-persuna responsabbli għall-VAT fil-każijiet hawn fuq imsemmija, id-deroga tneħħi d-diffikultajiet ta’ ġbir tal-VAT mingħajr ma taffetwa l-ammont ta’ taxxa dovuta. Dan għandu l-effett, min-naħa waħda, lijissimplifika x-xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxi biex jiġbru t-taxxa u, min-naħa l-oħra, li jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni u evitar ta’ taxxa dovuta. F’dan ir-rigward, il-miżura tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tistipula li l-persuna taxxabbli li tipprovdi oġġetti jew servizzi hija normalment responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. |
(7) |
Il-miżura ġiet awtorizzata preċedentement permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE (2) taħt is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi tal-fatturat – Sistema Komuni ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud: bażi uniformi ta’ evalwazzjoni (3), li kienet tapplika dak iż-żmien. |
(8) |
Is-sitwazzjoni legali u fattwali li kienet iġġustifikat l-applikazzjoni kurrenti tal-miżura ta’ simplifikazzjoni kkonċernata ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk il-Litwanja għandha tkun awtorizzata biex tapplika l-miżura matul perjodu limitat ieħor. |
(9) |
Id-deroga mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Unjoni mill-VAT, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Litwanja hija awtorizzata li tkompli taħtar il-persuna taxxabbli li għaliha jsiru l-provvisti segwenti ta’ oġġetti u servizzi, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT:
(a) |
provvisti ta’ oġġetti u servizzi minn persuna taxxabli waqt li qiegħda taħt proċedura ta’ insolvenza jew proċedura ta’ ristrutturazzjoni li tkun suġġetta għal sorveljanza ġudizjarja; |
(b) |
provvisti ta’ njam. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tan-notifika tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2010.
Ghall-Kunsill
Il-President
E. SALGADO
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 150, 3.6.2006, p. 13.
(3) ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.