EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1048

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1048/2009 tat- 23 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

ĠU L 290, 6.11.2009, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1048/oj

6.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/4


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1048/2009

tat-23 ta’ Ottubru 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 737/2008 tal-15 ta’ Lulju 2008 (1), li huwa l-verżjoni kodifikata tar-Regolament (KEE) Nru 733/90 tat-22 ta’ Marzu 1990 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (2), li stabbilixxa l-livelli massimi permessi ta’ radjuattività għall-prodotti importati min pajjiżi terzi u intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, li għandhom jikkonfermaw magħhom l-importazzjonijiet u li b’rabta magħhom jitwettqu l-verifiki mill-Istati Membri. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2010.

(2)

Il-kontaminazzjoni radjuattiva biċ-ċeżju ta’ ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw fil-pajjiżi terzi l-aktar affettwati mill-inċident ta’ Chernobyl għadha teċċedi l-livelli ta’ radjuattività massimi permessi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 733/2008.

(3)

Hemm evidenza xjentifika li t-tul taż-żmien tal-kontaminazzjoni biċ-ċeżju-137 wara l-inċident ta’ Chernobyl f’għadd ta’ prodotti li jorġinaw minn speċi li jgħixu u jikbru f’foresti u f’żoni bis-siġar, huwa essenzjalment marbut man-nofs ħajja fiżika ta’ dak ir-radjunuklidu, li huwa 30 sena.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 733/2008 għandu jiġi ssostitwit b’ dan li ġej:

“Għandu jiskadi:

(1)

fil-31 ta’ Marzu 2020, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor f’data aktar bikrija, partikolarment jekk il-lista tal-prodotti esklużi msemmija fl-Artikolu 4 tkopri l-prodotti kollha li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem li għalihom japplika r-Regolament;

(2)

mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, jekk tali dħul fis-seħħ iseħħ qabel il-31 ta’ Marzu 2020.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BILLSTRÖM


(1)  ĠU L 201, 30.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 82, 29.3.1990, p. 1.


Top