Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0397

    Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar

    ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1301

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/397/oj

    21.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 126/3


    REGOLAMENT (KE) Nru 397/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Mejju 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 162 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat  (2),

    Billi:

    (1)

    Bil-għan li ttejjeb il-potenzjal Ewropew għat-tkabbir sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Novembru 2008, adottat Komunikazzjoni dwar Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku li tqis l-importanza li jsiru l-investimenti biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, inkluż il-qasam tad-djar.

    (2)

    Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġja interventi fil-qasam tad-djar, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, favur biss tal-Istati Membri li aderew mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Appoġġ bħal dan għall-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fil-qasam tad-djar għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri kollha.

    (3)

    Għandu jingħata appoġġ għal dawk l-investimenti li jsiru fil-qafas ta’ skemi pubbliċi f’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija (4).

    (4)

    Sabiex ikun żgurat li l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni kif stabbilita fl-Artikolu 158 tat-Trattat KE jiġu sodisfatti, l-interventi għandhom jappoġġaw il-koeżjoni soċjali.

    (5)

    Fir-rapport annwali tagħha għall-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrakkomandat li l-awtoritajiet leġiżlattivi u l-Kummissjoni jkunu lesti li jikkunsidraw mill-ġdid it-tfassil ta’ programmi ta’ nfiq futuri billi jagħtu konsiderazzjoni debita għas-simplifikazzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli u li jagħmlu użu akbar ta’ pagamenti ta’ somom f'daqqa jew b'rata fissa minflok rimborż tal-“ispejjeż reali”.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata s-simplifikazzjoni meħtieġa fit-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ operazzjonijiet li jirċievu għotja mill-FEŻR, b'mod partikolari meta marbuta ma' sistema ta’ rimborż imsejsa fuq ir-riżultati, huwa xieraq li jiżdiedu tliet forom addizzjonali ta’ spejjeż eliġibbli, jiġifieri, spejjeż indiretti, somom f'daqqa u finanzjamenti b'rata fissa bbażati fuq tabelli standard ta’ spejjeż unitarji.

    (7)

    Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-eliġibilità tal-infiq, dawn il-forom addizzjonali ta’ spejjeż eliġibbli għandhom ikunu applikabbli għall-għotjiet kollha mogħtija mill-FEŻR. Għalhekk, għandha tkun meħtieġa l-applikazzjoni retroattiva b'effett mill-1 ta’ Awwissu 2006, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006.

    (8)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b'danemendat kif ġej:

    1)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   F'kull Stat Membru, l-infiq fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu ta’ enerġija rinovabbli fi djar eżistenti għandu jkun eliġibbli sa ammont ta’ 4 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

    L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kategoriji tad-djar eliġibbli fir-regoli nazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, sabiex tkun appoġġjata l-koeżjoni soċjali.”;

    2)

    il-frażi introduttorja tal-paragrafu 2 għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

    “2.   L-infiq fuq id-djar, minbarra dak għall-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinovabbli kif stabbilit fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li aderew mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin”;

    3)

    għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Fil-każ ta’ għotjiet l-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu nfiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR, bil-kondizzjoni li dawn isiru skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabilità, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi previsti aktar ’l isfel:

    (i)

    spejjeż indiretti, iddikjarati fuq bażi ta’ rata fissa, sa 20 % tal-ispejjeż diretti ta’ operazzjoni;

    (ii)

    spejjeż b'rata fissa kkalkulati b'applikazzjoni ta’ tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, kif definiti mill-Istat Membru;

    (iii)

    somom f'daqqa biex ikopru l-ispejjeż ta’ operazzjoni sħiħa jew parti minnha.

    L-għażliet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) jistgħu jiġu kkombinati biss fejn kull waħda minnhom tkopri kategorija differenti ta’ spejjeż eliġibbli jew fejn jintużaw għal proġetti differenti fl-istess operazzjoni.

    L-ispejjeż imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) għandhom jiġu stabbiliti minn qabel fuq il-bażi ta’ kalkolu ġust, ekwu u li jista’ jiġi vverifikat.

    Is-somma f'daqqa msemmija fil-punt (iii) m'għandhiex taqbeż il-EUR 50 000.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 1(3) għandu japplika b'effett mill-1 ta’ Awwissu 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KOHOUT


    (1)  L-Opinjoni tal-25 ta' Frar 2009 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Mejju 2009.

    (3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.


    Top