Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0181

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 181/2009 tas- 6 ta’ Marzu 2009 l-għeluq tal-intervent tax-xiri (buying-in) ta’ butir bi prezz fiss sal- 31 ta’ Awwissu 2009

    ĠU L 63, 7.3.2009, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/181/oj

    7.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 181/2009

    tas-6 ta’ Marzu 2009

    l-għeluq tal-intervent tax-xiri (buying-in) ta’ butir bi prezz fiss sal-31 ta’ Awwissu 2009

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 105/2008 tal-5 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 dwar intervent fis-suq tal-butir (2), b'mod partikolari l-Artikolu 12(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi tal-komunikazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri fil-5 ta’ Marzu 2009 skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008, il-kwantità totali ta’ butir li ġie offrut għall-intervent bi prezz fiss mill-1 ta’ Marzu 2009 qabeż il-limitu ta’ 30 000 tunnellati stabbiliti bl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk, l-intervent tax-xiri ta’ butir bi prezz fiss għandu jkun magħluq sal-31 ta’ Awwissu 2009, għandu jiġi ffissat persentaġġ waħdieni għall-kwantitajiet riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-4 ta’ Marzu 2009 u l-offerti riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-5 ta’ Marzu 2009 u wara, għandhom jiġu rrifjutati.

    (2)

    Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008 l-butir offrut għall-intervent għandu jkun ippakkjat u kkonsenjat fi blokok ta’ mill-anqas 25 kilogramma netta. Għalhekk, il-kwantitajiet ta’ butir li ġew immultiplikati bil-persentaġġ waħdieni għandhom jiġu aġġustati ’l isfel għall-eqreb multiplu ta’ 25 kg

    (3)

    L-aġenziji ta’ intervent għandhom jinnotifikaw lill-bejjiegħa malajr billi jsegwu l-pubblikazzjoni tal-persentaġġ waħdieni u l-għeluq ta’ xiri bi prezz fiss. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-intervent tax-xiri ta’ butir bi prezz fiss huwa magħluq sal-31 ta’ Awwissu 2009.

    Il-kwantità totali ta’ offerti ta’ butir għall-intervent li ġiet riċevuta minn kull bejjiegħ mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008, fl-4 ta’ Marzu 2009 għandha tiġi aċċettata, immultiplikata bil-perċentwali waħdieni ta’ 65,0821 % u wara aġġustata ’l isfel għall-eqreb multiplu ta’ 25 Kg.

    L-offerti riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-5 ta’ Marzu 2009 u wara, sal-31 ta’ Awwissu 2009 għandhom jiġu rrifjutati.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Jean-Luc DEMARTY

    Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 32, 6.2.2008, p. 3.


    Top