Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D1022

    Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 351, 30.12.2009, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2009/1022/oj

    30.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 351/4


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Diċembru 2009

    li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2009/1022/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    billi:

    (1)

    Ir-Repubblika tal-Estonja (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Estonja”) ġiet awtorizzata, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/133/KE (2), b’deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tiddifferixxi d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) sal-mument meta din tkun imħallsa lill-fornitur ta’ oġġetti jew servizzi, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli bl-applikazzjoni ta’ skema fakultattiva li taħtha, konformement mal-punt b) tal-Artikolu 66 tad-Direttiva msemmija, il-VAT fuq il-kunsinni tagħhom ta’ oġġetti u servizzi ssir imponibbli mar-riċezzjoni tal-ħlas (skema ta’ kontabbiltà bbażata fuq il-ħlasijiet). Sabiex jikkwalifikaw għal din l-iskema, il-persuni taxxabbli jridu jkunu reġistrati bħala proprjetarji esklussivi.

    (2)

    L-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex tiddifferixxi din il-miżura speċjali ta’ deroga permezz ta’ ittri reġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Settembru 2009.

    (3)

    Konformement mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra tal-1 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni għaddiet it-talba lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni infurmat lill-Estonja li hija kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba tagħha.

    (4)

    L-iskema tal-kontabbiltà bbażata fuq il-ħlasijiet hija skema ssimplifikata u fakultattiva maħsuba għall-impriżi żgħar li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni tat-taxxa. Din tippermetti lil dawn il-persuni taxxabbli japplikaw regola sempliċi bbażata fuq id-data tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ xiri tagħhom u tal-operazzjonijiet ta’ bejgħ tagħhom, biex jistabbilixxu meta għandhom, rispettivament, jeżerċitaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u jħallsu t-taxxa lit-Teżor. Għalhekk din l-iskema hija, għall-persuni taxxabbli, miżura ta’ simplifikazzjoni li tista’, addizzjonalment, tipprovdilhom vantaġġ għal-likwidità tagħhom.

    (5)

    Fit-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ressqet proposta ta’ Direttiva bl-għan li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli ta’ fatturazzjoni u li tippermetti lill-Istati Membri kollha jiddifferixxu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta din tkun imħallsa lill-fornitur ta’ oġġetti jew servizzi, għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx limitu, li jista’ jiġi stabbilit mill-Istati Membri sa EUR 2 000 000 u li jibbenefikaw, għalhekk, minn skema fakultattiva li taħtha l-VAT applikabbli għall-operazzjonijiet tagħhom tkun imponibbli biss meta jkunu rċevew il-ħlas tagħhom.

    (6)

    Il-miżura speċjali ta’ deroga in kwistjoni ma taffettwax l-ammont tad-dħul tal-VAT li tirċievi l-Estonja fl-istadju tal-konsum finali u m’għandha l-ebda implikazzjoni fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivati mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata li tiddifferixxi l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ persuni taxxabbli msemmijin fit-tieni subparagrafu, sal-mument meta tiġi mħallsa lill-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi.

    Il-persuni taxxabbli kkonċernati għandhom ikunu għażlu skema li bl-applikazzjoni tagħha l-VAT fuq il-kunsinni tagħhom ta’ oġġetti u servizzi ssir imponibbli fil-mument meta jirċievu l-ħlas.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-iskema msemmija fit-tieni paragrafu għandha tkun applikabbli għal persuni taxxabbli reġistrati bħala proprjetarju esklussiv.

    Mill-1 ta’ Jannar 2011, l-iskema msemmija fit-tieni paragrafu għandha tkun applikabbli għal persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jeċċedix limitu li għandu jkun stabbilit mill-Estonja sal-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ EUR 200 000, stabbilit konformement mal-Artikoli 399 u 400 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li tawtorizza lill-Istati Membri jiddifferixxu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta tiġi mħallsa lill-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu massimu u li jibbenefikaw għalhekk minn skema fakultattiva li taħtha t-taxxa fuq l-provvisti minnhom ta’ oġġetti u servizzi jsiru imponibbli fil-mument meta jitħallsu.

    Fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni għandha tapplika, l-iktar tard, sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ERLANDSSON


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 57, 24.2.2007, p. 12.


    Top