Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0892

    2009/892/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lis-Serbja

    ĠU L 320, 5.12.2009, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/892/oj

    5.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 320/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Novembru 2009

    li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lis-Serbja

    (2009/892/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1)

    Ir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea (UE) qed jiżviluppaw fil-qafas tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u s-Sħubija Ewropea; Is-Serbja u l-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2008 ffirmaw Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u Materji relatati mal-Kummerċ.

    (2)

    Mit-tieni nofs tal-2008, l-ekonomija Serba ntlaqtet mill-kriżi finanzjarja internazzjonali, bi tnaqqis fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u bżonnijiet dejjem ikbar għall-finanzjament estern.

    (3)

    L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiku tas-Serbja huwa megħjun minn għajnuna finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). F’Novembru 2008, l-awtoritajiet Serbi qablu inizjalment mal-IMF dwar Arranġament Riżerva ġdid li ġie approvat f’Jannar 2009.

    (4)

    Wara deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika u l-bżonn ta’ reviżjoni tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm kif ukoll tal-bżonnijiet ogħla ta’ finanzjament estern, intlaħaq ftehim bejn is-Serbja u l-IMF f’Marzu tal-2009 biex l-Arranġament Riżerva jinbidel fi programm ta’ ħlas ta’ EUR 3 biljun, li ġie approvat fil-15 ta’ Mejju 2009 mill-Bord tal-IMF.

    (5)

    Fl-2009 u l-2010, il-Komunità biħsiebha tipprovdi għotjiet ta’ appoġġ baġitarju mill-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni li jammontaw għal total ta’ EUR 100 miljun.

    (6)

    Is-Serbja talbet għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja addizzjonali fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni u l-perspettiva ekonomiċi qegħdin imorru għall-agħar.

    (7)

    Billi jkun għad fadal distakk ta’ finanzjament fil-bilanċ tal-ħlasijiet fl-2010, l-għajnuna makrofinanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tas-Serbja fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali b’appoġġ għall-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm attwali tal-IMF. L-għajnuna finanzjarja preżenti hija wkoll mistennija tgħin biex jittaffew il-bżonnijiet baġitarji ta’ finanzjament.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Komunità marbuta ma’ din l-għajnuna finanzjarja, huwa neċessarju li ssir dispożizzjonigħal miżuri xierqa mis-Serbja relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra marbuta ma’ din l-għajnuna, kif ukoll għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri.

    (9)

    Il-ħruġ tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja huwa bla ħsara għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

    (10)

    Din l-għajnuna għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    (11)

    Għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, it-Trattat ma jipprevedix poteri għajr dawk fl-Artikolu 308,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli għas-Serbja, għajnuna makrofinanzjarja fl-għamla ta’ faċilità ta’ self b’ammont prinċipali massimu ta’ EUR 200 miljun u maturità medja massima ta’ 15-il sena bil-ħsieb li tgħin l-istabbilizzazzjoni ekonomika tas-Serbja u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-bżonnijiet baġitarji tagħha kif identifikati fil-programm attwali tal-IMF.

    2.   Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem il-Komunità.

    3.   Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandu jiġi amministrat mill-Kummissjoni, b’koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-IMF u s-Serbja.

    4.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tkun disponibbli għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1). Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tista’ tiddeċiedi illi testendi l-perjodu ta’ disponibbilità b’massimu ta’ sena.

    Artikolu 2

    1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa illi tiftiehem mal-Awtoritajiet tas-Serbja, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja, li għandhom jiġi stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet milħuqa bejn l-IMF u s-Serbja. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tas-Serbja.

    2.   Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tas-Serbja, tal-proċeduri amministrattivi, u tal-mekkaniżmi interni u esterni ta’ kontroll li huma rilevanti għal tali għajnuna.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perjodi regolari li l-politika ekonomika tas-Serbja hija konformi mal-għanijiet ta’ dik l-għajnuna Komunitarja u li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma jkunu qed jiġu sodisfatti b’mod sodisfaċenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods, u, fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    Artikolu 3

    1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lis-Serbja f’żewġ pagamenti ta’ self, soġġetti għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2. Id-daqs tal-istrumenti tas-self jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni pagament ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-ewwel pagament.

    3.   II-fondi Komunitarji għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tas-Serbja. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet spjegati fil-Memorandum ta’ Ftehim, inkluż konferma tal-bżonnijiet ta’ finanzjament baġitarju li fadal, il-kontrovalur tagħhom f’valuta lokali jista’ jiġi ttrasferit lit-Teżor tas-Serbja bħala l-benefiċjarju aħħari.

    Artikolu 4

    1.   L-operazzjonijiet ta’ self u tislif li hemm referenza għalihom f’din id-Deċiżjoni għandhom isiru f’euro bl-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu l-Komunità fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskju fil-kambju jew fir-rata tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk is-Serbja tkun tixtieq, biex tiżgura li fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self tkun inkuża klawżola għall-ħlas qabel iż-żmien u li jkollha klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-self.

    3.   Fuq talba tas-Serbja, u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu inizjali jew parti minnu jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-attivitajiet ta’ rifinanzjar jew ristrutturar għandhom isiru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital li jkun hemm pendenti fid-data li jsir ir-rifinanzjar jew ir-ristrutturar.

    4.   L-ispejjeż kollha imġarrba mill-Komunità li huma relatati mal-operazzjonijiet ta’ self u tislif taħt din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mġarrba mis-Serbja.

    5.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

    Artikolu 5

    L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) u r-regoli tal-implimentazzjoni tiegħu (2). Partikolarment, il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehimiet ta’ Self li għandu jsir qbil dwarhom mal-awtoritajiet tas-Serbja, għandhom jipprevedu miżuri xierqa mis-Serbja marbuta mal-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra, frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jinfluwenzaw l-għajnuna. Għandhom jipprevedu wkoll għal kontrolli mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), bid-dritt li jsiru kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, u għal verifiki mill-Qorti tal-Awdituri, fejn xieraq, li jitwettqu fuq il-post.

    Artikolu 6

    Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jindika l-konnessjoni bejn il-kundizzjonijiet politiċi kif stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim skont l-Artikolu 2(1), il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kontinwa tas-Serbja, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagament tal-għajnuna.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. ASK


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).


    Top