EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0891

2009/891/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Bożnija u Ħerżegovina

ĠU L 320, 5.12.2009, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/11/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/891/oj

5.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2009

li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Bożnija u Ħerżegovina

(2009/891/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn il-Bożnija u Ħerżegovina u l-Unjoni Ewropea (UE) qed jiżviluppaw fil-qafas tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u s-Sħubija Ewropea; fis-16 ta’ Ġunju 2008 il-Bożnija u Ħerżegovina u l-Kummissjoni ffirmaw Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u l-Materji relatati mal-Kummerċ.

(2)

L-ekonomija Bożnijaka intlaqtet mill-kriżi internazzjonali ekonomika u finanzjarja mir-raba’ trimestru tal-2008, u dan qed jirriżulta fi tnaqqis fil-produzzjoni u fil-kummerċ u fid-dħul fiskali li dejjem qed jonqos.

(3)

L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Bożnija u Ħerżegovina huma megħjuna minn għajnuna finanzjarja mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). F’Mejju 2009, l-awtoritajiet Bożnijaċi qablu mal-IMF fuq programm ġdid ta’ ħlas ta’ EUR 1,15 biljun fuq perjodu ta’ tlett snin li ġie approvat mill-bord tal-IMF f’Lulju 2009.

(4)

Il-Bożnija u Ħerżegovina talbet għajnuna Komunitarja makro-finanzjarja addizzjonali fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni u l-perspettiva ekonomiċi qegħdin imorru għall-agħar.

(5)

Peress li, wara s-suppożizzjonijiet tal-IMF, għad fadal distakk ta’ finanzjament residwali fil-bilanċ tal-ħlasijiet fl-2010, l-għajnuna makro-finanzjarja hija meqjusa bħala reazzjoni xierqa għat-talba tal-Bożnija u Ħerżegovina fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali biex jingħata appoġġ lill-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm attwali tal-IMF. L-għajnuna finanzjarja attwali hija wkoll mistennija tgħin biex jittaffew il-bżonnijiet baġitarji ta’ finanzjament.

(6)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Komunità marbuta ma’ din l-għajnuna finanzjarja, huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għal miżuri xierqa mill-Bożnija u Ħerżegovina relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra marbuta ma’ din l-għajnuna, kif ukoll għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri.

(7)

Il-ħruġ tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja huwa bla ħsara għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(8)

Din l-għajnuna għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

(9)

It-Trattat ma jipprevedix, għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, poteri għajr dawk tal-Artikolu 308,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli għall-Bożnija u Ħerżegovina għajnuna makro-finanzjarja fl-għamla ta’ faċilità ta’ self b’ammont prinċipali massimu ta’ EUR 100 miljun u maturità medja massima ta’ 15-il sena bil-ħsieb li tgħin l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Bożnija u Ħerżegovina u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-bżonnijiet baġitarji tagħha kif identifikati fil-programm attwali tal-IMF.

2.   Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem il-Komunità.

3.   Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni, b’koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuq bejn l-IMF u l-Bożnija u Ħerżegovina.

4.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tkun disponibbli għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1). Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tista’ tiddeċiedi li testendi l-perjodu ta’ disponibbilità b’massimu ta’ sena.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiftiehem mal-Awtoritajiet tal-Bożnija u Ħerżegovina, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna makro-finanzjarja Komunitarja, li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim. Il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuq bejn l-IMF u l-Bożnija u Ħerżegovina. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Bożnija u Ħerżegovina.

2.   Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Bożnija u Ħerżegovina, tal-proċeduri amministrattivi, u tal-mekkaniżmi interni u esterni ta’ kontroll li huma rilevanti għal din l-għajnuna.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perjodi regolari li l-politiki ekonomiki tal-Bożnija u Ħerżegovina huma konformi mal-għanijiet tal-għajnuna Komunitarja u li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma jkunu qed jiġu sodisfatti b’mod sodisfaċenti. Hi u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Bożnija u Ħerżegovina f’żewġ partijiet ta’ self, soġġetti għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2. Id-daqs tal-partijiet tas-self jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-partijiet soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni parti ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-ewwel parti.

3.   Il-fondi Komunitarji għandhom jitħallsu lill-Bank Ċentrali tal-Bożnija u Ħerżegovina. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Memorandum ta’ Ftehim, inkluż konferma tal-bżonnijiet ta’ finanzjament baġitarju residwali, il-kontrovalur tagħhom f’valuta lokali jista’ jiġi trasferit lit-Teżor tal-Bożnija u Ħerżegovina u l-entitajiet tagħha bħala l-benefiċjarji finali.

Artikolu 4

1.   L-operazzjonijiet ta’ self u tislif Komunitarji li hemm referenza għalihom f’din id-Deċiżjoni għandhom isiru f’euro billi tintuża l-istess data ta’ valur u ma għandhomx jinvolvu l-Komunità fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskji ta’ skambju jew fir-rata tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk il-Bożnija u Ħerżegovina hekk tixtieq, biex tassigura li fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self tkun inkuża klawżola għall-ħlas qabel iż-żmien u li jkun hemm klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-self.

3.   Fuq talba tal-Bożnija u Ħerżegovina, u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja mill-ġdid is-self kollu inizjali jew parti minnu jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-attivitajiet ta’ ffinanzjar mill-ġdid jew ristrutturar għandhom isiru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandhomx ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital li jkun hemm pendenti fid-data li fiha jsir l-iffinanzjar mill-ġdid jew ir-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha imġarrba mill-Komunità li huma relatati mal-operazzjonijiet ta’ self u tislif skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mġarrba mill-Bożnija u Ħerżegovina.

5.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) u r-regoli tal-implimentazzjoni tiegħu (2). Partikolarment, il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehimiet ta’ Self li għandu jsir qbil dwarhom mal-awtoritajiet tal-Bożnija u Ħerżegovina, għandhom jipprevedu miżuri xierqa mill-Bożnija u Ħerżegovina marbuta mal-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra, frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jinfluwenzaw l-għajnuna. Għandhom jipprevedu wkoll għal kontrolli mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), bid-dritt li jsiru kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, u għal verifiki mill-Qorti tal-Awdituri, fejn xieraq, li jitwettqu fuq il-post.

Artikolu 6

Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jindika l-konnessjoni bejn il-kundizzjonijiet politiċi kif stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim skont l-Artikolu 2(1), il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kontinwa tal-Bożnija u Ħerżegovina, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagament tal-għajnuna.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara li tiġi pubblikata fil–Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002, ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


Top