Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0835

    2009/835/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Novembru 2009 dwar miżuri ta’ emerġenza li jimponu kundizzjonijiet speċjali fuq kontrolli uffiċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ lanġas li joriġina fi jew li huwa kkunsenjat mit-Turkija minħabba f’livell ta’ residwi għolja ta’ amitraz (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8977) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 299, 14.11.2009, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/01/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/835/oj

    14.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 299/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Novembru 2009

    dwar miżuri ta’ emerġenza li jimponu kundizzjonijiet speċjali fuq kontrolli uffiċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ lanġas li joriġina fi jew li huwa kkunsenjat mit-Turkija minħabba f’livell ta’ residwi għolja ta’ amitraz

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8977)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/835/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) jiddefinixxi fost oħrajn il-Livell Massimu tar-residwu (LMR) għall-amitraz u l-metaboliti tiegħu.

    (2)

    Is-Sistema Rapida ta’ Twissija għall-Ikel u l-Għalf (RASSF) ġiet notifikata f’diversi okkażjonijiet fl-2007, l-2008 u l-2009 li l-lanġas li joriġina mit-Turkija kien instab b’livelli ta’ amitraż li kien jaqbeż id-Doża ta’ Referenza Akuta (ArfD) indikata għal dan il-pestiċidi. L-aħħar tagħrif li wasal mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-21 ta’ Ottubru 2009, kien jindika li fl-analiżi l-aktar riċenti l-amitraz kien instab f’livelli li jaqbżu sew l-ARfD.

    (3)

    Billi hemm livell għoli ta’ riskju li għalih jistgħu jkunu esposti l-konsumaturi Ewropej, l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw mill-inqas 10 fil-mija tal-konsenji ta’ lanġas li joriġina mit-Turkija għall-preżenza tal-amitraz mal-importazzjoni. Konsenji li huma diġà fis-suq għandhom ukoll ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali.

    (4)

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-riżultati kollha tal-ittestjar. Ir-riżultati mhux favorevoli għandhom jiġu rrappurtati permezz tal-RASSF.

    (5)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (3) jitlob lill-Istati Membri li jżidu l-livell ta’ kontrolli mal-importazzjoni tal-lanġas li joriġina mit-Turkija, bl-għan li tiġi vverifikata l-preżenta ta’ amitraz fuq 10 % tal-konsenji kollha ta’ dan il-prodott. Billi l-miżura ta’ kontroll inkwistjoni se tkun applikabbli mill-25 ta’ Jannar 2010, huwa xieraq li jiġi stabbilit tul ta’ żmien fir-rigward tal-miżuri stipulati f’din id-deċizjoni biex jiġi evitat li dan jikkoinċidi mal-miżuri ta’ kontroll stipulati fir-Regolament (KE) Nru 669/2009.

    (6)

    L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex ikunu mħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

    (7)

    Minħabba fl-urġenza huwa xieraq li daw il-miżuri ta’ emerġenza jiġu adottati f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki dokumentarji, fiżiċi u ta’ identità, inklużi analiżi fil-laboratorju, fuq mil-inqas 10 fil-mija tal-konsenji ta’ lanġas frisk li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 0808 20 10 u 0808 20 50 li joriġina fi jew li huwa kkonsenjat mit-Turkija. Il-konsenji għandhom jinżammu sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, li diġà tpoġġew fis-suq, jiġu soġġetti wkoll għal livell xieraq ta’ kontroll.

    3.   Il-verifiki u l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom b’mod partikolari jimmiraw lejn l-iżgurar li l-livell ta’ amitraz ma jaqbiżx ir-residwu massimu Komunitarju stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

    4.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull riżultat mhux favorevoli tal-analiżi tal-laboratorju msemmija fil-paragrafi 1 u 2 permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf.

    5.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kumissjoni dwar ir-riżultati kollha kull ġimgħatejn. Ir-rapport għandu jkun f’format li għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni u għandu jinkludi t-tagħrif li ġej:

    (a)

    id-dettalji ta’ kull konsenja, inkluż id-daqs fir-rigward tal-piż nett tal-konsenja;

    (b)

    in-numru ta’ konsenji li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi;

    (ċ)

    ir-riżultati tal-verifiki dokumentarji, fiżiċi u ta’ identità, inkluża l-analiżi tal-laboratorju.

    6.   Jekk il-verifiki u l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistabbilixxew nuqqas ta’ konformità, għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż imġarrba li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 jinġarru mill-operaturi responsabbli mill-importazzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi riveduta fid-dawl tar-riżultati msemmija fl-Artikolu 1(5).

    Artikolu 3

    Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u għandha tapplika sal-24 ta’ Jannar 2010.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.

    (4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


    Top