EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0831

2009/831/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta’ Novembru 2009 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment

ĠU L 297, 13.11.2009, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/831/oj

13.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Novembru 2009

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment

(2009/831/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/167/KE tat-18 ta’ Frar 2002 (2) il-Portugall ġie awtorrizzat biex japplika rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment. L-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa tas-sisa mnaqqsa fuq dawk il-prodotti ġiet ikkunsidrata bħala meħtieġa għas-sopravivenza tal-industrija lokali li qiegħda tipproduċi u tikkummerċjalizzahom. Fid-dawl tal-ispejjeż għoljin ta’ dawk l-attivitajiet, li jinqalgħu prinċiplament minnħabba fatturi inerenti għas-sitwazzjoni tal-Madejra u tal-Ażores bħala regjuni l-aktar imbegħdin (pożiżżjoni mbiegħda, insularità, ċokon, topografija u klima) ġie kkunsidrat li l-prodotti kkonċernati mmanufatturati u kkonsmati lokalment jistgħu jibqgħu jikkompetu biss, fuq l-istess livell ma’ prodotti simili importati jew fornuti minn partijiet oħra tal-Komunità, permezz ta’ tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-sisa dovuta fuqhom, biex b’hekk tiġi żgurata s-sopravivenza tal-industriji. Skont l-istess Deċiżjoni, il-Portugall jista’ japplika, fir-rigward ta’ dawk il-prodotti, rata tat-taxxa tas-sisa baxxa aktar mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol li ġiet stipulata fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE (3), u baxxa aktar mir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol kif ġiet stabbilita minn din id-Direttiva iżda li mhijiex anqas minn 75 % tar-rata tat-taxxa tas-sisa normali nazzjonali fuq l-alkoħol. Din il-miżura kienet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(2)

Permezz tat-talbiet tas-16 ta’ Ġunju 2008 u l-20 ta’ Ġunju 2008, il-Portugall talab awtorazzazzjoni suġġetta għall-istess termini, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(3)

L-għoti tal-awtorizzazzjoni l-ġdida mixtieqa hija ġustifikata sabiex ikun evitat li jitpoġġa fil-periklu l-iżvilupp ta’ dawk ir-reġjuni l-aktar imbegħdin. L-industrija lokali timpjiega madwar 130 ħaddiem fil-Madejra u madwar 90 ħaddiem fl-Ażores. Fil-Madejra, il-kultivazzjoni u l-ipproċessar tal-kannamieli u frott jipprovdu xogħol għal madwar 1 000 azjenda agrikola li huma proprjetà ta’ familja. Minħabba li dawn ir-reġjuni iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jesportaw ‘il barra mit-territorju tagħhom, dawk il-prodotti jistgħu jinbigħu biss fis-swieq reġjonali.

(4)

Tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-sisa għandha tibqa’ tkun awtorizzata fil-livell mitlub biex b’hekk tingħata l-għajnuna biex tpatti għall-iżvantaġġ kompetittiv li qiegħed iħabbat wiċċu miegħu ix-xorb alkoħoliku ddistillat prodott fil-Madejra u fl-Ażores bħala riżultat ta’ spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ogħla.

(5)

Tabilħaqq, materjali mhux ipproċessati ta’ oriġini agrikolu huma ogħla milli kienu jkunu taħt kundizzjonijiet ta’ produzzjoni normali, minħabba d-daqs żgħir, in-natura fframmentata u l-mekkanizzazzjoni baxxa tal-impriżi agrikoli. Fil-każ tal-Madejra, l-eżitu mill-ipproċessar tal-kannamieli huwa inqas minn dak ta’ reġjuni l-aktar imbegħdin oħra, minħabba t-topografija, il-klima, il-ħamrija u l-produzzjoni artiġjanali. It-trasport lejn il-ġżejjer ta’ ċerti materjali mhux ipproċessati u ta’ imballaġġ li ma ġewx prodotti lokalment iwassal għal spejjeż addizzjonali, meta mqabbel mat-trasport tal-prodott finali biss. Fil-każ tal-Ażores, l-insularità hija doppja, peress illi l-gżejjer huma mifruxin fuq żona kbira. It-trasport u l-installazzjoni tat-tagħmir f’dawk ir-reġjuni mbegħdin u insulari jkompli jżiedu l-ispejjeż addizzjonali. L-istess japplika għal ċerti żjarat u konsenji neċessarji minn fuq il-baħar lejn l-art prinċipali Spejjeż addizzjonali għall-ħażna tal-prodotti finali jinqalgħu minħabba li l-konsum lokali mhuwiex kapaċi jassorbi l-produzzjoni hekk kif din isseħħ, iżda jsir gradwalment matul is-sena. Iċ-ċokon tas-suq reġjonali jżid l-ispejjeż għal kull unità f’diversi modi, notevolment permezz ta’ relazzjonijiet mhux favorevoli bejn l-ispejjeż fissi u l-eżitu, kemm fir-rigward tat-tagħmir kif ukoll tal-ispejjeż li jridu jsiru biex jintlaħħqu n-normi ambjentali. Barra minn hekk, il-produtturi tar-Rum fil-Madejra huma obbligati li jittrattaw l-iskart li jirriżulta mill-ipproċessar tal-kannamieli, filwaqt li produtturi li jinsabu f’reġjuni oħra jistgħu jirreċiklaw dawn il-prodotti. Fl-aħħar nett, il-produtturi kkonċernati jħallsu wkoll spejjeż żejda li ġeneralment ibatu l-ekonomiji lokali, b’mod partikolari, żieda fi spejjeż marbutin max-xogħol u mal-enerġija.

(6)

It-tnaqqis ta’ 75 % ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ bħala kontro-bilanċ tal-livelli ta’ spejjeż addizzjonali li jridu jitħallsu mill-operaturi bħala riżultat tal-karatteristiċi partikolari msemmijin tal-Madejra u tar-regjuni tal-Ażores bħala reġjuni l-aktar imbegħdin.

(7)

Analiżi akkurata tas-sitwazzjoni turi li huwa essenzjali li t-talba tal-Portugall tintlaqa’ sabiex jiġi żgurat li l-industrija tal-alkoħol tinżamm vijabbli fir-reġjuni l-aktar imbegħdin.

(8)

Peress li l-vantaġġ fit-taxxa huwa limitat għal dak li huwa neċessarju biex ipatti għall-ispejjeż addizzjonali u peress li l-volumi kkonċernati huma modesti u l-vantaġġ fit-taxxa huwa limitat għall-konsum fir-reġjuni kkonċernati, il-miżura ma’ tpoġġix fil-periklu l-intergrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Komunità.

(9)

Billi titqabbel il-ħtieġa li tistabbilixxi limitu ta’ żmien fuq id-derogazzjonijiet tat-taxxa mal-ħtiega tal-operaturi ekonomiċi li jakkwistaw is-sigurtà meħtieġa biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta’ ħames snin.

(10)

Għandu jiġi żgurat li l-Portugall jista’ japplika t-tnaqqis ikkonċernat hekk kif tiskadi l-awtorizzazzjoni analoga li ngħatat permezz tad-Deċiżjoni 2002/167/KE għall-perjodu ta’ qabel. L-awtorizzazzjoni l-ġdida mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

(11)

Is-sottomissjoni ta’ rapport intermedju għandha tiġi mitluba, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina jekk il-kondizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għotja ta’ deroga bħal din għadhomx relevanti.

(12)

Id-Deċiżjoni preżenti hija bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 90 tat-Trattat, il-Portugall b’dan huwa awtorizzat li japplika rata tat-taxxa tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol kif ġiet stipulata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-reġjun awtonomu tal-Madejra, fir-rigward ta’ likuri u rum prodotti u kkonsmati lokalment, u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores, fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment.

Artikolu 2

Id-derogazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun limitata:

(1)

fil-Madejra

(a)

għal rum kif iddefinit fil-kategorija 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż, li għandu l-indikazzjoni ġeografika “Rum da Madejra” imsemmija fil-kategorija 1 tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament;

(b)

għal likuri u “crème de” kif iddefiniti fil-kategoriji 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 li huma magħmulin minn frott u pjanti reġjonali;

(2)

fl-Ażores

(a)

għal likuri u “crème de” kif iddefiniti fil-kategoriji 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 li huma magħmulin minn frott u materjali mhux ipproċessati reġjonali;

(b)

għal eau-de-vie magħmul mill-inbid jew mill-ħliefa tal-għeneb li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet definiti fil-kategoriji 4 u 6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

Artikolu 3

Ir-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1 tista’ tkun anqas mir-rata minima tas-sisa fuq l-akoħol stipulata mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tkun inqas minn 75 % tar-rata standard tas-sisa nazzjonali fuq l-akoħol.

Artikolu 4

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni, biex tkun tista’ tevalwa jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għotja tar-rata mnaqqsa għadhomx jeżistu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BORG


(1)  Opinjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment (ĠU L 55, 26.2.2002, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).


Top