Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0703

    2009/703/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Frar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C/55/07 (eks NN 63/07, CP 106/06) implimentata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq – Garanzija pubblika lill-BT (notifikata bid-dokument numru C(2009) 685) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 242, 15.9.2009, p. 21–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/703/oj

    15.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 242/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-11 ta’ Frar 2009

    dwar l-għajnuna mill-Istat C/55/07 (eks NN 63/07, CP 106/06) implimentata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq – Garanzija pubblika lill-BT

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 685)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/703/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom,

    Billi:

    (1)

    Dan il-każ jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat min-naħa tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (’il quddiem imsejjaħ ‘ir-Renju Unit’) favur BT plc (’il quddiem imsejħa ‘BT’ ħlief fejn indikat xort’oħra). Il-BT hija kumpanija pubblika limitata reġistrata l-Ingilterra u Wales. British Telecommunications plc hija sussidjarja kollha kemm hi tal-BT Group plc u tikkomprendi kważi n-negozji u l-assi kollha tal-BT Group. Hija s-suċċessur tal-korporazzjoni statutarja British Telecommunications, u ġiet inkorporata fl-Ingilterra u f'Wales bħala kumpanija pubblika limitata, kollha kemm hi f'idejn il-Gvern tar-Renju Unit, b'riżultat tal-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet. Bejn Novembru 1984 u Lulju 1993, il-Gvern tar-Renju Unit biegħ l-ishma kolha tiegħu fi British Telecommunications plc fi tliet offerti lill-pubbliku.

    1.   ASPETTI PROĊEDURALI

    (2)

    Fis-26 ta’ April 2006, wieħed mill-kompetituri tal-BT, li talab li tinżamm il-kunfidenzjalità, issottometta lment kontra garanzija li ngħatat lill-BT mill-Ministru tal-Kuruna (“garanzija pubblika”). Permezz ta’ imejls datati 24 ta’ Mejju 2006 u 22 ta’ Ġunju 2006, dan il-kompetitur forna aktar tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-iskema.

    (3)

    Fit-18 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal tagħrif lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li wieġbu permezz ta’ ittra datata 18 ta’ Lulju 2006.

    (4)

    Fil-21 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba oħra għal tagħrif. Wara li ttawlet id-data sa meta kellha tasal tweġiba, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wieġbu b'ittra datata 27 ta’ Frar 2007.

    (5)

    Fis-26 ta’ Marzu 2007, saret laqgħa mal-avukati li jirrappreżentaw lill-Amministraturi tal-BT Pension Scheme (‘BTPS’) wara talba tal-awtoritajiet tar-Renju Unit. Tagħrif ulterjuri ntbagħat b'imejl datata 10 ta’ Mejju 2007.

    (6)

    Fl-10 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet talba għal tagħrif lill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Wara li ttawlet id-data sa meta kellha tasal tweġiba u wara laqgħa li saret fil-11 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wieġbu b'ittra datata 19 ta’ Ġunju 2007.

    (7)

    Bl-ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Wara li ttawlet id-data sa meta kellha tasal tweġiba, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wieġbu b'ittra datata 3 ta’ Ottubru 2007.

    (8)

    Fit-28 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni, li nnotifikat lir-Renju Unit biha, li kkonkludiet li l-garanzija pubblika, safejn għandhom x'jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-BT għall-pensjonijiet f'każ ta’ insolvenza, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, u fl-istess waqt fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar ċerti miżuri marbuta mal-garanzija pubblika mogħtija mill-BTPS.

    (9)

    B'imejl datata 30 ta’ Jannar 2008, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu l-kummenti tagħhom dwar dik id-deċiżjoni.

    (10)

    Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand dawn il-partijiet interessati: Il-UK Competitive Telecommunications Association (‘UKCTA’), assoċjazzjoni kummerċjali li tirrappreżenta lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni li huma kompetituri tal-BT, l-anonimu li ressaq l-ilment fil-bidu, il-BT u l-BTPS. L-osservazzjonijiet tagħhom intbagħtu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-25 ta’ Marzu 2008.

    (11)

    B'imejl datata 25 ta’ April 2008, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fittxew l-awtorizzazzjoni biex jissottomettu l-kummenti tal-partijiet terzi lill-BT. Wara konsultazzjoni u ftehim mal-partijiet konċernati, il-Kummissjoni awtorizzat li verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti jintwerew lill-BT.

    (12)

    B'imejl datata 30 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar is-sottomissjonijiet tal-partijiet terzi. B'imejl datata 3 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-BT dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi.

    (13)

    Fit-22 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni għamlet laqgħa mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, li ġiet segwita bi kjarifiki ġodda li ġew fornuti b'imejl fid-19 ta’ Settembru 2008.

    (14)

    L-avukati tal-BT u tal-BTPS, fuq talba tagħhom, iltaqgħu mal-Kummissjoni fis-6 ta’ Awwissu 2008 u fit-28 ta’ Ottubru 2008.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

    (15)

    Il-miżuri rilevanti li qed jiġu eżaminati jirrigwardjaw id-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-Gvern tar-Renju Unit jiggarantixxi l-pagament ta’ ċerti responsabbiltajiet, b'mod partikulari r-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet, tal-BT taħt il-garanzija pubblika, u jeħles lill-BT mill-obbligi msemmija fil-qafas legali li japplika għall-iskemi tal-pensjonijiet fir-Renju Unit.

    2.1.   Il-garanzija pubblika

    (16)

    Permezz tal-Att tal-1981 dwar it-Telekomunikazzjonijiet, l-operat tat-telekomunikazzjoni li qabel kien jagħmel parti mill-Post Office ġie trasferit għal korporazzjoni pubblika ġdida, il-British Telecommunications. L-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet ipprovda għall-privatizzazzjoni tal-British Telecommunications.

    (17)

    Skont it-Taqsima 60 tal-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet, il-proprjetà, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-korporazzjoni pubblika ġew trasferiti għall-kumpanija privatizzata li ġiet warajha, British Telecommunications plc. It-trasferiment kien jinkludi kwalunkwe responsabbiltà tal-korporazzjoni pubblika fir-rigward tal-iskema tal-pensjoni tal-impjegati tagħha, li dak iż-żmien kellha defiċit ta’ GBP 626 miljun li nkixef permezz tal-valutazzjoni attwarja tal-iskema li saret fl-1983.

    (18)

    It-Taqsima 68 tal-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet ippreskriva l-garanzija pubblika:

    “(1)

    Din it-taqsima tapplika fejn

    (a)

    tkun għaddiet riżoluzzjoni, skont l-[Insolvency Act 1986], għall-għeluq volontarju tal-kumpanija suċċessur, għal raġuni li ma tkunx ir-rikostruzzjoni jew l-amalgamazzjoni ma' kumpanija oħra; jew

    (b)

    mingħajr ma tkun għaddiet xi riżoluzzjoni bħal din qabel, tkun saret ordni mill-qorti għall-għeluq tal-kumpanija suċċessur skont dak l-Att.

    (2)

    Is-Segretarju tal-Istat għandu jsir responsabbli mal-bidu tal-għeluq biex iwettaq kwalunkwe responsabbiltà li jkun għad fadal tal-kumpanija suċċessur li tkun ngħatat lil dik il-kumpanija permezz tat-Taqsima 60 ta’ hawn fuq.

    […]

    (4)

    Fejn is-Segretarju tal-Istat jagħmel pagament lil kwalunkwe persuna biex iwettaq dak li jidhirlu li hu responsabbiltà imposta fuqu minn din it-taqsima, huwa għandu bħala riżultat ta’ dan isir kreditur tal-kumpanija suċċessur sal-punt tal-ammont imħallas, u l-klejm tiegħu tiġi trattata għall-finijiet tal-għeluq bħala klejm fir-rigward tar-responsabbiltà oriġinali.”

    (19)

    Il-garanzija pubblika kopriet ir-responsabbiltajiet kollha li kien fadal tal-korporazzjoni li ġew trasferiti lill-BT fl-1984. Għalkemm l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li m'għandhomx tagħrif komplut dwar l-ammont totali tar-responsabbiltajiet li kienu koperti ħlief ir-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet, huma jinnutaw li fl-1983/1984 dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-British Telecom jipprovdu xi tagħrif rigward il-pożizzjoni fil-31 ta’ Marzu 1984:

    ir-responsabbiltajiet fuq medda qasira ta’ żmien li kienu se jagħlqu f'temp ta’ sena kienu jammontaw għal GBP 1 909 miljun. Dawn kienu magħmula minn self fuq medda qasira ta’ żmien, kredituri tan-negozju, taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi fuq il-pagi, kredituri oħrajn, dovuti u dħul differit,

    ir-responsabbiltajiet fuq medda twila ta’ żmien kienu jammontaw għal GBP 458 miljun f'self barrani, li ġie rimburżat għaxar snin wara.

    (20)

    L-Att tal-2003 dwar il-Komunikazzjoni ħassar it-Taqsima 60 u emenda t-taqsima 68(2) tal-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet, li issa jipprovdi li “is-Segretarju tal-Istat għandu jsir responsabbli mal-bidu tal-għeluq biex iwettaq kwalunkwe responsabbiltà li jkun għad fadal tal-kumpanija suċċessur għall-ħlasijiet tal-pensjonijiet li tkun ngħatat lil dik il-kumpanija permezz tat-Taqsima 60 ta’ hawn fuq” (enfasi miżjuda).

    (21)

    Il-garanzija pubblika titlob li l-Gvern tar-Renju Unit iwettaq kwalunkwe reponsabbiltà tal-korporazzjoni pubblika għall-ħlasijiet tal-pensjonijiet li ġew trasferiti lill-BT fir-rigward ta’ impjegati li kienu membri tal-iskema tal-pensjoni tal-impjegati tal-korporazzjoni qabel is-6 ta’ Awwissu 1984, kemm-il darba l-BT tkun insolventi u tkun qed tingħalaq u biss jekk ir-responsabbiltà kollha jew parti minnha tkun għadha pendenti mal-bidu tal-għeluq. Dan jeħtieġ bħala kundizzjoni li l-assi tal-iskema tal-pensjoni tal-BT ma jkunux biżżejjed biex ikopru r-responsbabiltajiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet dovuti lil dawk l-impjegati. Għalkemm l-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet mhux ċar dwar dan il-punt, l-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li l-garanzija pubblika tkopri mhux biss id-drittijiet tal-pensjoni miksuba minn dawn l-impjegati qabel il-privatizzazzjoni imma wkoll dawk miksuba warajha.

    (22)

    Qabel il-privatizzazzjoni u minħabba l-istejtus tagħha bħala korporazzjoni pubblika, il-BT ma setgħetx tingħalaq ħlief permezz ta’ Att tal-Parlament. Safejn għandhom x'jaqsmu r-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet, il-garanzija pubblika allegatament ngħatat biex isserraħ moħħ l-impjegati tal-korporazzjoni pubblika, li ma kinux se jibqgħu jibbenefikaw mill-ħarsien tal-Istat għall-pensjonijiet tagħhom. L-impjegati kienu mħassba b'mod partikulari dwar x'seta' jiġri jekk il-kumpanija suċċessur privatizzata tispiċċa insolventi u tħalli l-iskema tal-pensjonijiet b'defiċit. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-garanzija pubblika maħruġa fl-1984 wieġbet għal dan it-tħassib, li ħrax bid-defiċit attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet li nkixef fl-1983.

    (23)

    Skont l-ispjegi li taw l-awtoritajiet tar-Renju Unit, jekk il-BT ssir insolventi, il-Gvern tar-Renju Unit isir responsabbli mill-ewwel - mal-bidu tal-likwidazzjoni - għal kwalunkwe responsabbiltajiet li jkun fadal tal-BT li jkollhom x'jaqsmu mal-iskema tal-pensjoni għall-persunal li ġie trasferit għal mal-BT waqt il-privatizzazzjoni. Is-Segretajru tal-Istat jagħmel il-pagamenti lill-BTPS fir-rigward ta’ dawn ir-responsabbiltajiet pendenti u jsir kreditur mhux assigurat tal-BT għal dak l-ammont. Anki l-BTPS tkun kreditur mhux assigurat tal-BT insolventi għal kwalunkwe responsabbiltà relatata ma' persunal li mhux kopert bil-garanzija pubblika minħabba li l-liġi ma tagħti l-ebda preferenza speċjali lill-amministraturi tal-iskemi tal-pensjoni.

    (24)

    L-awtoritajiet tar-Renju Unit jindikaw li ma jistgħux jispeċifikaw il-valur tar-responsabbiltajiet li jkunu koperti mill-garanzija. Ċertament, ir-responsabbiltajiet pendenti jkunu jiddependu fuq l-għadd ta’ membri li jkunu jridu jiġu koperti u fuq l-assi tal-iskema tal-pensjonijiet tal-BT jekk u meta l-BT issir insolventi u tingħalaq.

    2.2.   L-Iskema tal-Pensjoni tal-BT

    (25)

    Sal-1969, l-impjegati tal-Post Office kienu ħaddiema taċ-ċivil. Dik is-sena, saru impjegati tal-korporazzjoni pubblika tal-Post Office, li ġabet fi tmiemu l-istejtus tagħhom bħala membri taċ-ċivil. Il-Post Office ngħata r-responsabbiltà ġenerali għall-ħlasijiet tal-pensjonijiet tal-istaff, bil-ħolqien tal-Post Office Staff Superannuation Scheme (‘POSSS’), li fiha ġew trasferiti d-drittijiet tal-pensjoni dovuti tal-impjegati tal-Post Office.

    (26)

    Fl-1983 twaqqfet il-British Telecommunications Staff Superannuation Scheme (‘BTSSS’), li t-termini tagħha tfasslu mill-qrib fuq dawk tal-POSSS. Mill-31 ta’ Marzu 1986, il-BT stabbiliet skema tal-pensjoni oħra għall-impjegati l-ġodda, imsejħa British Telecommunications plc. New Pension Scheme (‘BTNPS’). Minn dik id-data 'l quddiem il-BTSSS kienet magħluqa għal membri ġodda. Dawn iż-żewġ skemi twaħħdu u ngħataw l-isem ġdid ta’ BT Pension Scheme (‘BTPS’) fl-1993.

    (27)

    L-għan tal-BTPS huwa li jiġi żgurat li, fuq medda twila ta’ żmien, l-iskema jkollha dejjem biżżejjed flus biex tagħmel tajjeb għall-ispiża tal-benefiċċji tal-pensjoni li jkunu jridu jitħallsu. Skont ir-Regoli tal-BTPS, il-BT għandha tagħti sehimha fl-iskema permezz ta’ kontribuzzjonijiet regolari tal-impjiegi, kif determinat mill-Attwarju tal-Iskema, sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l-benefiċċji skont l-Iskema u jkun hemm biex jitħallsu l-infiq u l-ispejjeż tagħha. Il-kontribuzzjonijiet regolari ta’ min iħaddem min-naħa tal-BT ammontaw għal GBP 395 miljun fis-sena finanzjarja 2006/2007. L-Attwarju tal-Iskema huwa mitlub ukoll li jagħmel valutazzjoni attwarja tal-assi u tar-responsabbiltajiet (ċjoè, il-benefiċċji tal-pensjoni u nfiq u spejjeż oħra tal-futur) tal-iskema f'intervalli li ma jaqbżux it-3 snin u jirrapporta l-pożizzjoni lill-Amministraturi tal-BTPS u lill-BT. Il-BT trid ukoll tagħmel kontribuzzjonijiet ulterjuri kif mitlub sabiex tagħmel tajjeb għal kwalunkwe defiċit bejn l-assi u r-responsabbiltajiet tal-Iskema kif rappurtati fil-valutazzjoni attwarja skont pjan ta’ rkupru sabiex il-BTPS terġa' lura għal finanzjament sħiħ[…] (*).

    (28)

    Ngħidu aħna, il-valutazzjoni ta’ kull tliet snin tal-BTPS tas-sitwazzjoni kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2002 ikkonkludiet li kien hemm defiċit ta’ finanzjament, li l-BT qablet li tħallsu lura bir-rata ta’ GBP 232 miljun per annum fuq medda ta’ ħmistax-il sena, minbarra l-kontribuzzjonijiet regolari ta’ min iħaddem. Ir-riżultati tal-valutazzjoni l-aktar riċenti tħabbru f'Diċembru 2006 u kixfu responsabbiltajiet ta’ GBP 37,8 biljun u assi ta’ GBP 34,4 biljun, li rriżultaw f'defiċit ta’ GBP 3,4 biljuni. Skont il-pjan ta’ rkupru, l-iskema għandha terġa' lura għall-finanzjament sħiħ sal-2015. Il-BT qablet li tħallas GBP 280 miljun per annum għal għaxar snin li, flimkien ma' redditu fuq l-investiment, huma mistennija jaqtgħu d-defiċit għal kollox. Jekk il-valutazzjoni attwarja li jmiss turi li l-iskema mhix se terġa' lura għall-finanzjament sħiħ kif ippjanat, ikollu jintlaħaq qbil dwar pjan ġdid ta’ rkupru u kontribuzzjonijiet addizzjonali emendati.

    2.3.   L-iżviluppi ewlenin tal-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonjiet fir-Renju Unit mill-1984 'l hawn

    (29)

    Il-liġi dwar il-pensjonijiet fir-Renju Unit inbidlet kemm-il darba mill-1984 'l hawn. Skont it-tagħrif disponibbli, l-Atti tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u l-Atti tal-2004 dwar il-Pensjonijiet daħħlu l-modifiki ewlenin għall-qafas regolatorju ġenerali tal-pensjonijiet.

    2.3.1.   L-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet: ir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu

    (30)

    It-Taqsima 56 tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet daħħlet rekwiżit tal-Finanzjament Minimu li l-valur tal-assi tal-iskema ma jkunx inqas mill-ammont tar-responsabbiltajiet tal-iskema. Madankollu, ir-Regolamenti tal-1996 dwar l-Iskemi tal-Pensjoni tax-Xogħol (Rekwiżit ta’ Finanzjament Minimu u Valutazzjonijiet Attwarjali) jipprovdu li:

    “It-Taqsima 56 (rekwiżit tal-finanzjament minimu) ma tapplikax għal […] kwalunkwe skema tal-pensjoni tax-xogħol li fir-rigward tagħha kwalunkwe Ministru tal-Kuruna jkun ta garanzija jew għamel kwalunkwe arranġament ieħor bil-għan li jiġi żgurat li l-assi tal-iskema jkunu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għar-rasponsabbiltajiet tagħha. […] Fejn tali garanzija tkun ngħatat fir-rigward ta’ parti biss minn skema, it-taqsimiet minn 56 sa 60 u dawn ir-Regolamenti għandhom japplikaw bħallikieku dik il-parti tal-iskema u l-parti l-oħra tagħha kienu skemi separati” (enfasi miżjuda).

    (31)

    Barra minn hekk, it-Taqsima 75 tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet tipprovdi li jekk meta sseħħ l-insolvenza l-valur tal-assi tal-iskema jkun inqas mill-ammont tar-responsabbiltajiet tal-iskema, ammont daqs id-differenza għandu jitqies bħala dejn dovut minn min iħaddem lid-depożitarji jew lill-maniġers tal-iskema. Madankollu, ir-Regolamenti tal-1996 dwar l-Iskemi tal-Pensjoni tax-Xogħol (Defiċjenza fl-Għeluq) jipprovdu li:

    “It-Taqsima 75 ma tapplikax […] għal kwalunkwe skema tal-pensjoni tax-xogħol li fir-rigward tagħha kwalunkwe Ministru tal-Kuruna jkun ta garanzija jew għamel kwalunkwe arranġament ieħor bil-għan li jiġi żgurat li l-assi tal-iskema jkunu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għar-responsabbiltajiet tagħha” (enfasi miżjuda).

    2.3.2.   L-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet: Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet u Objettivi Statutarji għall-Finanzjament

    (32)

    Il-Parti 2 tal-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet daħħal il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet b'riżultat ta’ pressjoni politika intensa f'dak iż-żmien, wara li eluf ta’ ħaddiema tilfu ammonti kbar mill-benefiċċji tal-pensjoni tagħhom wara l-falliment tal-kumpaniji li kienu qed jisponsorizzawhom. Il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet inħoloq f'April 2005. Il-funzjoni tiegħu hija li jħallas kumpens lill-membri ta’ skemi eliġibbli tal-pensjoni li l-impjegaturi sponsers tagħhom ikunu saru insolventi u ma ħallewx biżżejjed assi fl-iskema biex jipprovdu lill-menbri tagħhom b'ħarsien ekwivalenti għal-livell ta’ kumpens pagabbli mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet.

    (33)

    Il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet huwa parzjalment finanzjat mill-assi trasferiti mill-iskemi li mingħandhom assuma r-responsabbiltà u parzjalment minn imposta annwali fuq skemi tal-pensjoni eliġibbli. Din l-imposta tinkludi imposta amministrattiva u imposta tar-riskju li tinkorpora żewġ elementi: element imsejjes fuq ir-riskju li jagħti kas tar-riskju li l-iskema ma jkollhiex biżżejjed fondi u r-riskju li min iħaddem jispiċċa insolventi (80 % tal-imposta) u element imsejjes fuq l-iskema fuq il-bażi tal-kobor tar-responsabbiltajiet tal-iskema (20 % tal-imposta). L-ammont tal-imposta tal-bidu għall-2005/2006 ġie ffissat mingħajr ma ngħata kas tal-element imsejjes fuq ir-riskju.

    (34)

    Ir-Regolamenti tal-2005 tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet (Regoli tad-Dħul) jispeċifikaw li “skema li fir-rigward tagħha awtorità pubblika rilevanti tkun tat garanzija jew għamlet kwalunkwe arranġament ieħor bil-għan li jiġi żgurat li l-assi tal-iskema jkunu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għar-responsabbiltajiet tagħha” hija eżentata mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet. Fejn parti minn skema tkun garantita mill-Kuruna, il-partijiet garantiti u mhux garantiti tal-iskema għandhom jitqiesu bħala skemi separati.

    (35)

    Finalment, il-Parti 3 tal-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet daħħlet rekwiżiti ġodda għall-finanzjament tal-iskemi (“Objettivi statutarji għall-finanzjament”) li ħadu post ir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu tal-1995. It-Taqsima 222 tal-Att tipprovdi li l-iskemi huma suġġetti għal rekwiżit li jitlobhom ikollhom fondi biżżejjed u xierqa biex ikopru d-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom. Ir-Regolamenti tal-2005 dwar l-Iskemi tal-Pensjoni tax-Xogħol (Finanzjament tal-Iskemi) jeżentaw lil skema li tkun garantita minn awtorità pubblika. Anki hawn, jekk parti minn skema tkun garantita mill-Kuruna, il-partijiet garantiti u mhux garantiti tal-iskema għandhom jitqiesu bħala skemi separati.

    3.   DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (36)

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2007 li tat bidu għall-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ppreżentat l-evalwazzjoni preliminari tagħha u d-dubju rigward il-kompatibbiltà tal-miżuri li kellha quddiemha mas-suq komuni. Il-miżuri inkwistjoni kienu:

    Il-garanzija pubblika lill-BT fuq ir-responsabbiltajiet tal-BT għall-pensjonijiet fl-1984.

    L-eżenzjoni tal-BTPS mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-finanzjament minimu mdaħħla bl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u l-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet lir-reponsabbiltajiet tal-BTPS għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika.

    L-eżenzjoni tal-BTPS taħt ir-Regolamenti tal-2005 dwar il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet (Regoli dwar id-Dħul) mir-rekwiżit imsemmi fil-Parti 2 tal-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet milli tikkontribwixxi imposta annwali lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li tkun tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet tagħha għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika.

    (37)

    F'dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, waħedha, il-garanzija pubblika fuq ir-responsabbiltajiet tal-BT rigward il-pensjonijiet fil-każ li l-BT ssir insolventi wara li tingħalaq hija ta’ benefiċċju biss għall-impjegati u għaldaqstant ma tagħti l-ebda vantaġġ lill-BT ġaladarba ma taffettwax il-klassifika tad-debituri, l-investiment, jew il-linja politika dwar l-impjiegi tal-BT. Il-Kummissjoni, għalhekk, ikkonkludiet li l-garanzija pubblika, safejn għandhom x'jasmu r-responsabbiltajiet tal-BT għall-pensjonijiet f'każ ta’ insolvenza, ma tagħti l-ebda vantaġġ addizzjonali speċifiku lill-BT, meta wieħed ma jqisx il-bidliet fil-qafas legali li ddaħħlu fl-1995 u fl-2004, u għaldaqstant ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE (2).

    (38)

    Madankollu, il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-qafas legali dwar il-pensjonijiet li ddaħħal fl-1995 u fl-2004 b'konnessjoni mal-garanzija pubblika. Filwaqt li esprimiet id-dubju preliminari tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna possibbli mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jipprovdi spjegazzjonijiet, b'mod partikulari, rigward dan li ġej:

    Evidenza ċara li l-BTPS ma għamlitx użu mill-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu li jipprovdu għalihom l-Atti tal-1995 u l-2004 dwar il-Pensjonijiet, u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-BTPS kien għad għandha defiċit ta’ GBP 3.4 biljun fl-2006, minkejja r-rekwiżiti tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet li l-assi tal-iskema kellhom ikunu daqs ir-responsabbiltajiet tagħha.

    Spjegazzjonijiet sħaħ dwar għaliex l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87 (1) KE;

    Spjegazzjonijiet sħaħ dwar għaliex dawn il-miżuri jista' jinstab li huma kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b'mod partikulari taħt l-Artikolu 87(3)(c) KE, kemm-il darba l-Kummissjoni tikkonkludi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INVOLUTI

    4.1.   Pożizzjoni tal-Awtoritajiet tar-Renju Unit

    (39)

    L-osservazzjonijiet tar-Renju Unit għandhom x'jaqsmu mal-kwistjonijiet li tqajmu fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007 fir-rigward tar-rekwiżit tal-finanzjament minimu u l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ imposti lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet.

    4.1.1.   Rekwiżit tal-Finanzjament Minimu

    (40)

    Ir-Renju Unit jgħid li l-BT u l-BTPS m'għamlux użu mill-eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-finanzjament minimu.

    (41)

    Ir-rekwiżit tal-finanzjament minimu li tipprovdi għalih it-Taqsima 56 tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet, li kien fis-seħħ sal-2004, kien jimponi rekwiżit li l-valur tal-assi tal-fond tal-pensjonijiet ma kellux ikun inqas mill-ammont tar-responsabbiltajiet. Ir-Renju Unit jisħaq li l-bażi għall-kalkoli tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-pensjonijiet skont it-Taqsima 56(3) tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet kienet differenti minn dawk li jintużaw ġeneralment minn skemi tal-pensjoni waqt il-valutazzjonijiet regolari kontinwi tagħhom. B'riżultat ta’ dan, il-metodoloġija differenti pproduċiet valuri differenti għar-responsabbiltajiet.

    (42)

    Id-differenzi bejn il-valutazzjonijiet skont il-metodoloġija tar-rekwiżit tal-finanzjament minimu (‘MFR’) u l-valutazzjonijiet kontinwi tal-BTPS huma murija fid-dettall fit-tabella ta’ hawn taħt:

    Data tal-valutazzjoni

    Assi

    Responsabbiltajiet

    (L-MFR bħala bażi)

    Proporzjon assi/responsabbiltajiet

    (L-MFR bħala bażi)

    Responsabbiltajiet

    (Valutazzjonijiet kontinwi bħala bażi)

    Proporzjon assi/responsabbiltajiet

    (Valutazzjonijiet kontinwi bħala bażi)

    31/12/2002

    GBP 22,8 bn

    GBP 22,5 bn

    101,1  %

    GBP 24,9 bn

    91,6  %

    31/12/1999

    GBP 29,9 bn

    GBP 26,5 bn

    112,7  %

    GBP 30,9 bn

    96,8  %

    (43)

    Dawn il-figuri juru li, fil-każ taż-żewġ valutazzjonijiet tal-BTPS li saru matul il-perjodu meta r-rekwiżit tal-1995 tal-finanzjament minimu kien fis-seħħ, jiġifieri l-valutazzjonijiet tal-1999 u tal-2002, il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-finanzjament ikkalkulata fuq il-bażi tal-metodoloġija tar-rekwiżit tal-finanzjament minimu qabżet il-100 %, minkejja li l-valutazzjoni kontinwa tagħha taħt metodoloġija differenti wriet defiċit. F'dak ir-rigward, ir-Renju Unit jisħaq li r-rekwiżit tal-finanzjament minimu ma impona l-ebda rekwiżit fuq l-iskemi li l-assi tagħhom ikunu akbar mir-responsabbiltajiet ikkalkulati matul il-valutazzjonijiet kontinwi tagħhom. Aktar minn hekk, anki defiċit taħt ir-rekwiżit tal-finanzjament minimu ma kienx meħtieġ li jissewwa mill-ewwel iżda f'perjodu preskritt ta’ mhux aktar minn 10 snin sabiex jilħaq il-pożizzjoni ta’ finanzjament fi proporzjon ta’ 100 % bejn l-assi u r-responsabbiltajiet.

    (44)

    L-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet biddel ir-rekwiżit tal-finanzjament minimu tal-1995 b'sistema ġdida tal-finanzjament tal-iskemi, li tobbliga lill-amministraturi tal-fondi tal-pensjonijiet jaqblu mal-kumpanija sponser dwar pjan biex jiġi rrestawrat kwalunkwe defiċit fil-finanzjament. L-awtoritajiet tar-Renju Unit enfasizzaw li taħt ir-Regolamenti tal-Iskemi tal-Pensjoni tax-Xogħol, huma biss l-iskemi tal-pensjoni li jibbenefikaw minn Garanzija Pubblika u li jkunu stabbiliti bil-liġi li jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-finanzjament minimu. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li l-BTPS ma ġietx stabbilita permezz ta’ liġi.

    (45)

    L-awtoritajiet tar-Renju Unit issoktaw jenfasizzaw li dan ir-rekwiżit mandatarju dwar il-finanzjament ġie rispettat għal kollox mill-BTPS, kif muri permezz tal-istqarrijiet ippreparati mill-Amministraturi tal-BTPS li jindikaw li r-rekwiżit tal-finanzjament tal-2004 kien ġie applikat b'mod sħiħ fir-rigward tal-pjan ta’ rkupru assoċjat mal-valutazzjoni tal-2005. L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw ukoll li r-Regolatur tal-Pensjonijiet kien sodisfatt li l-garanzija ma ntużatx biex jittawwal il-perjodu ta’ rkupru jew biex jiġu affettwati l-assunzjonijiet ewlenin fil-valutazzjoni attwarji jew fil-pjan ta’ rkupru.

    4.1.2.   Eżenzjoni mill-ħlas tal-imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet

    (46)

    Fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ħlas tal-imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ifakkru li l-Fond għall-Protezzjoni tal-Pensjonijiet kien parti minn pakkett imdaħħal taħt l-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet bil-ħsieb li jitjieb il-ħarsien offrut lill-membri ta’ skemi tal-pensjoni f'każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem. Il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet inħoloq speċifikament biex jissaħħaħ il-ħarsien għall-membri fl-eventwalità tal-għeluq tal-iskemi fejn dawn ikunu sottofinanzjati, u fejn ma jkunx għad hemm l-arranġamenti xierqa. Fil-fehma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, ladarba l-obbligu li wieħed iħallas l-imposti huwa marbut direttament mar-riċeviment tal-ħarsien mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, skemi b'arranġamenti xierqa bħal garanzija pubblika mhumiex eliġibbli għall-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet skont ir-Regolamenti, minħabba li l-ħarsien offrut mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet mhux rilevanti.

    (47)

    Għalhekk, il-BTPS ma taqax fl-ambitu tas-sistema tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet għall-impjegati koperti minn garanzija pubblika. Ċertament, għal dawn l-impjegati, il-BTPS la teħtieġ u lanqas tikseb xi ħarsien mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet u għaldaqstant ma titħallasx imposta. Li wieħed jikkategorizza dan bħala eżenzjoni huwa, fil-fehma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, inkonsistenti mal-loġika kollha kemm hi tas-sistema tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet. Għall-kuntrarju, il-ħlas ta’ imposta sħiħa tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet mill-BTPS ikun ifisser kisba bla ħsieb għal skemi li huma eliġibbli għall-ħarsien tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet u li jibbenefikaw minnu.

    4.2.   Pożizzjoni tal-BT u tal-amministraturi tal-BTPS

    (48)

    Fis-sottomissjoni konġunta tagħhom għad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, il-BT u l-BTPS jisħqu li l-garanzija pubblika hija biss parti minn pakkett li ddaħħal fiż-żmien tal-privatizzazzjoni tal-BT fl-1984 u kienet intiża biex tħares id-drittijiet tal-pensjoni, li kienu jixbhu lil dawk tas-servizz pubbliku, tal-impjegati tal-BT ta’ qabel il-privatizzazzjoni. B'kuntrast mal-benefiċċju tal-garanzija pubblika għall-impjegati ta’ qabel il-privatizzazzjoni, dan il-pakkett kien jinkludi sensiela ta’ piżijiet addizzjonali li normalment ma jkunux inklużi fil-baġit ta’ impriża:

    benefiċċji mtejba li jixbhu lil dawk tas-servizz pubbliku, bħall-irtirar mas-60 sena;

    termini mtejba għall-irtirar bikri f'każ ta’ sensja;

    restrizzjonijiet fuq l-abbiltà tal-BT li temenda dawn l-obbligi, jew twaqqaf il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem […]; u

    l-wirt mill-BT tad-defiċit nett tal-iskema meta ssir il-privatizzazzjoni.

    (49)

    Il-BT tinnota wkoll li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet huwa l-konsegwenza loġika tal-garanzija pubblika minħabba li din tal-aħħar diġà toffri ħarsien separat tal-pensjonijiet. Hija targumenta li dawn iż-żewġ miżuri (il-garanzija pubblika u l-eżenzjoni, li tirriżulta minnha, mill-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet) huma intrinsikament marbuta mal-pakkett tal-pensjonijiet tal-1984. Dan il-pakkett kien impona piż finanzjarju konsiderevoli fuq il-BT. Attwarju espert iffissa l-valur nett ta’ bħalissa tar-responsabbiltajiet addozzjonali tal-pensjonijiet li ġew trasferiti lill-BT bħala GBP […], somma li normalment ma jkollhomx iġorru fuq spallejhom il-kumpaniji fis-settur privat. Minħabba li dak il-piż jisboq bil-kbir kwalunkwe ammont li jkun dovut lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet kieku ma kienx hemm il-garanzija pubblika, allegatament, m'hemm l-ebda vantaġġ ġenerali mogħti lill-BT, u għaldaqstant l-ebda għajnuna mill-Istat.

    (50)

    Il-BT targumenta wkoll li jkun kontra l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat li wieħed jiddeskrivi bħala għajnuna mill-Istat miżura bħall-garanzija pubblika li ma kinitx għajnuna meta ngħatat bħala riżultat ta’ avveniment esoġenu bħall-ħolqien tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet għoxrin sena wara li ma bidilx id-dispożizzjonijiet tal-miżura tal-bidu. Fi kwalunkwe ċirkustanza, allegatament m'hemm involut l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

    4.3.   Min ressaq l-ilment u partijiet oħra interessati

    (51)

    Sal-punt li l-kummenti ta’ partijiet terzi jisfidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni mniżżla fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2007 li tiftaħ il-proċedura, li l-garanzija pubblika, fiha nnifisha, ma tat l-ebda vantaġġ addizzjonali speċifiku lill-BT, tali kummenti mhumiex relatati mal-oġġett tad-deċiżjoni preżenti u mhumiex se jiġu indirizzati f'din id-deċiżjoni.

    (52)

    Min ressaq l-ilment jindika li, safejn il-garanzija għandha effett fuq il-finanzjament tar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet, dan l-effett fuq il-BT huwa sostanzjali ħafna minħabba li l-kobor tad-defiċit tal-BTPS – GBP 3,4 biljun fl-2006 – huwa importanti meta mqabbel mal-valur nett tal-BT ta’ GBP 1,55 biljun fl-istess żmien. Kieku d-defiċit tal-iskema tpoġġa fil-karta tal-bilanċ, kien jaffettwa l-proporzjonijiet tal-BT, l-abbiltà li tissellef u t-termini li fuqhom setgħet tagħmel dan. Ir-rekwiżiti differenti tal-BTPS għall-finanzjament permessi mill-garanzija pubblika b'dan il-mod jiksbu benefiċċji għall-BT biss mingħajr xi ħtieġa li tirrikorri għall-insolvenza reali, minbarra l-benefiċċji tal-ħarsien għall-benefiċjarji tal-BTPS.

    (53)

    Il-UKCTA hija tal-fehma li l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu u mill-ħlas tal-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet jagħtu lill-BT vantaġġ, li mhux ġustifikat mil-loġika tas-sistema. Filwaqt li l-ebda ħarsien lill-benefiċjarji tal-iskemi tal-pensjonijiet taħt id-dispożizzjonijiet regolatorji ġenerali li jirregolaw l-iskemi tal-pensjoni tax-xogħol bħall-BTPS ma kien disponibbli fl-1984 meta nħarġet il-garanzija, l-għan tar-riformi tal-1995 u l-2004 kien li jingħata ħarsien effiċjenti lill-benefiċjarji, li għamel lill-garanzija pubblika superfluwa. Li wieħed jeżenta kumpanija speċifika mill-obbligu ġenerali li l-kumpaniji huma responsabbli huma stess biex joħolqu ħarsien, jew jieħdu sehem f'arranġamenti għalih, imur apertament kontra l-loġika tas-sistema.

    (54)

    B'mod partikulari, fir-rigward tar-rekwiżiti għal finanzjament minimu, il-UKCTA tisħaq li, billi wieħed jeżenta skemi li huma koperti mill-garanzija pubblika mir-rekwiżiti regolatorji tal-1995 u l-2004, ir-Renju Unit deliberatament irrinunzja għall-possibbiltà li jnaqqas l-espożizzjoni tiegħu taħt il-garanzija pubblika. Barra minn hekk, f'dak ir-rigward, id-deċiżjoni unilaterali tal-BT li tikkontribwixxi għall-BTPS aktar milli jkun mistenni minnha m'għandha l-ebda effett fuq ir-responsabbiltà tal-Istat. Miżura ma tiqafx tkun għajnuna mill-Istat minħabba li ma tkunx għadha intużat.

    5.   EVALWAZZJONI

    5.1.   Biex il-miżuri jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat

    (55)

    L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jgħid:

    “Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

    (56)

    Sabiex l-Artikolu 87(1) KE jkun applikabbli, jeħtieġ li jkun hemm miżura ta’ għajnuna attribwibbli lill-Istat li tkun mogħtija mir-riżorsi Statali, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq komuni billi tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil ċerti impriżi.

    5.1.1.   Għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi Statali

    (57)

    L-eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ finanzjament minimu imsemmija fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet u l-eżenzjoni mill-ħlas tal-imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li tkun tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet tal-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika msemmija fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet jirriżultaw minn dispożizzjonijiet adottati mill-korpi leġiżlattivi tar-Renju Unit. Wieħed għandu jinnota li l-istess ħaġa tgħodd għall-garanzija pubblika. B'riżultat ta’ dan, kwalunkwe għajnuna li tinsab f'dawk il-miżuri hija mogħtija mir-Renju Unit. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet jinvolvu riżorsi Statali għax huma l-konsegwenza tal-garanzija pubblika, li tinvolvi riżorsi Statali tar-Renju Unit.

    (58)

    Skont l-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet, ir-Renju Unit se jwettaq kwalunkwe responsabbiltà li jkun għad fadal tal-kumpanija suċċessur li kienet ngħatat lill-korporazzjoni pubblika BT jekk il-BT tingħalaq. Din ir-responsabbiltà ilha mill-2003 'l hawn limitata għal kwalunkwe responsabbiltà li jkun fadal għall-ħlas tal-pensjonijiet. Jekk il-BT tingħalaq u tiġi insolventi dak l-impenn jimponi obbligu li titħallas il-parti rilevanti tar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet fir-rigward tal-BTPS. F'dak il-każ, ir-riżorsi tar-Renju Unit jagħmlu tajjeb għal kwalunkwe responsabbilta' li jkun fadal li l-BT kieku kien ikollha tħallashom hi.

    (59)

    Mhux biss ir-riżorsi finanzjarji tar-Renju Unit huma kommessi jekk il-BT ssir insolventi, imma dak l-impenn huwa wkoll mogħti b'xejn minħabba li ma jikkawżax b'mod konkomitanti l-ħlas regulari jew differit mill-BT lill-baġit pubbliku tal-korpi finanzjarji kompetenti tar-Renju Unit tal-ebda dritt jew kumpens finanzjarju. Minħabba f'hekk ir-Renju Unit ma jiħux id-dħul possibbli u, għalhekk, ir-riżorsi Statali li jista' jakkwista mill-għoti tal-benefiċċju tal-garanzija pubblika.

    (60)

    L-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu msemmija fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet permezz tal-garanzija pubblika u l-eżenzjoni mill-ħlas tal-imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li jikkorrispondi mar-responsabbiltajiet tal-pensjonijiet koperti mil-garanzija pubblika msemmija fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet huma kkawżati mill-eżistenza ta’ garanzija pubblika li tinvolvi riżorsi tar-Renju Unit. Minħabba f'hekk dawn l-eżenzjonijiet huma dipendenti fuq ir-riżorsi tar-Renju Unit, u b'hekk jinvolvu lil dawn ir-riżorsi, skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE.

    5.1.2.   Vantaġġ ekonomiku (selettiv) lill-BT

    (61)

    Wara l-kummenti tal-partijiet dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, huwa meħtieġ li wieħed jeżamina jekk l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu preskritti fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet jew l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet iffissat fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet li jkun jikkorrispondi mar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika kisbux vantaġġ ekonomiku għall-BT.

    5.1.2.1.   L-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu preskritti fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet.

    (62)

    L-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet daħħal rekwiżit tal-finanzjament minimu li l-valur tal-assi tal-iskema ma jistax ikun inqas mill-ammonti tar-responsabbiltajiet tal-iskema msejsa fuq metodoloġija attwarja preskritta għall-valutazzjoni. Il-fondi tal-pensjoni li jgawdu minn garanzija pubblika ġew eżentati minn dak ir-rekwiżit dwar il-finanzjament. Il-Parti 3 tal-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet immodifikat l-Att tal-1995 billi daħħlet skema ġdida ta’ rekwiżiti dwar il-finanzjament u ta’ valutazzjonijiet attwarji, li minnhom il-fondi tal-pensjoni b'garanzija pubblika huma eżentati wkoll, sakemm ikunu stabbiliti bil-liġi.

    (63)

    Rigward il-konformità mar-rekwiżit tal-finanzjament minimu mdaħħal mill-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet, jirriżulta mit-tagħrif li ssottomettew l-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-BTPS ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, minħabba li mhix stabbilita b'liġi. Minħabba f'hekk, il-BTPS hija suġġetta għar-rekwiżiti tal-finanzjament minimu preskritti fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet minkejja l-eżistenza tal-benefiċċju tal-garanzija pubblika. B'riżultat ta’ dan, il-BT ma tistax tapprofitta ruħha minn xi eżenzjoni li fihom u għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ dak l-Att sakemm idumu fis-seħħ.

    (64)

    F'dak ir-rigward, il-kontenut tal-aħħar pjan ta’ rkupru tal-BT, maqbul bejn il-BT u l-Amministrazzjoni tal-BTPS f'Diċembru 2005, kien suġġett għall-iskrutinju tar-Regolatur tal-Pensjonijiet. Ir-Regolatur tal-Pensjonijiet huwa awtorità indipendenti mwaqqfa mill-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet u huwa responsabbli mir-regolazzjoni tal-iskemi tal-pensjoni. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonfermaw formalment li r-Regolatur tal-Pensjonijiet kien sodisfatt li l-garanzija pubblika ma kinitx qed tintuża biex jittawwal il-perjodu ta’ rkupru jew biex jiġu affettwati l-assunzjonijiet ewlenin fil-valutazzjoni attwarja jew fil-pjan ta’ rkupru tal-BTPS.

    (65)

    Madankollu, huwa meħtieġ li wieħed jevalwa jekk, b'riżultat tal-garanzija pubblika, l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament li fih l-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet, li ma kinitx suġġetta għall-kundizzjoni li l-iskema tal-pensjoni inkwistjoni tkun twaqqfet b'liġi, kisbitx vantaġġ ekonomiku għall-BT u għall-BTPS. Kwalunkwe vantaġġ possibbli kien ikun jeżisti bejn l-1995 u l-2004, meta dawk ir-rekwiżiti kienu fis-seħħ.

    (66)

    Dawk ir-rekwiżiti kienu definiti b'mod partikulari fir-rigward tal-metodoloġija li kellha tiġi segwita għall-valutazzjoni attwarja tal-pożizzjoni tal-iskemi u fir-rigward tal-perjodu ta’ għaxar snin li fih wieħed kellu jagħmel tajjeb għal kwalunkwe defiċit rappurtat. L-eżenzjoni setgħet, fil-prinċipju, ipprovdiet vantaġġ ekonomiku li kumpaniji li jħaddmu bħall-BT li r-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-fond tagħhom tal-pensjoni huma koperti mill-garanzija pubblika. Dawk il-kumpaniji setgħu imxew ma' rekwiżiti inqas ħorox, jekk mhux ukoll mal-ebda rekwiżiti, fir-rigward ta’ (i) l-obbligu li jsewwu kwalunkwe defiċit, (ii) il-metodoloġija segwita biex tiġi evalwata l-pożizzjoni tal-iskemi fejn jidħlu l-assi u r-responsabbiltajiet u (iii) il-kundizzjonijiet u l-perjodu biex jagħmlu dan. Ċertament, il-fondi meħlusa kieku ma segwewx dawk ir-rekwiżiti setgħu intużaw għal attivitajiet ekonomiċi oħra.

    (67)

    Fir-rigward tal-obbligu tal-finanzjament, ir-regoli tal-BTPS bejn l-1995 u l-2004 poġġew lill-BT taħt obbligu li ssewwi kwalunkwe defiċit identifikat mill-attwarju tal-Iskema. Għalkemm il-BT setgħet approfittat ruħha mill-eżenzjoni mill-Att tal-1995 tal-Pensjonijiet, dan m'għamlitux fejn kellu x'jaqsam l-obbligu li terġa' lura għal finanzjament sħiħ.

    (68)

    Fir-rigward tal-metodoloġija, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fornew lill-Kummissjoni bl-Istqarrijiet dwar il-Prinċipji tal-Investiment kollha tal-BTPS mill-1996 'l hawn. Dawn dejjem jiddikjaraw li l-linja politika tal-BTPS dwar l-investiment kienet tagħti kas tar-rekwiżit tal-finanzjament minimu preskritt fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li, għal skopijiet prattiċi, il-BT ffinanzjat lill-BTPS daqslikieku r-rekwiżiti tal-finanzjament minimu preskritti fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u l-Att tal-2005 dwar il-Pensjonijiet kienu japplikaw għaliha b'mod sħiħ. L-awtoritajiet tar-Renju Unit urew ukoll li kien hemm konformità ma' dawk ir-rekwiżiti fil-valutazzjonijiet li saru fl-1999 u fl-2002, minkejja d-defiċit sabbilit skond bażi differenti ta’ valutazzjoni kontinwa. Bħala fatt, il-pożizzjoni tal-finanzjament tal-BTPS li rriżultat mill-valutazzjonijiet li saru fl-1999 u fl-2002, meta r-rekwiżiti tal-finanzjament minimu tal-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet kienu fis-seħħ, ma jikxef l-ebda defiċit li l-BT kienet tkun sfurzata tagħmel tajjeb għalih biex tapplika dawk ir-rekwiżiti. Għalkemm il-BT setgħet approfittat ruħha mill-eżenzjoni mill-Att tal-1995 tal-Pensjonijiet fejn għandha x'taqsam il-metodoloġija preskritta, dan m'għamlitux u attwalment użat metodoloġija li poġġiet obbligi aktar stretti fuq il-finanzjament tad-defiċit tal-BTPS.

    (69)

    Fir-rigward tal-perjodu preskritt għar-ritorn għall-finanzjament sħiħ, kieku kien hemm defiċit skont ir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu mniżżla fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa ta’ tiswija mill-ewwel iżda setgħet tiġi trasferita f'perjodi preskritti ta’ għaxar snin jew inqas. Huwa minnu li l-BT kienet, u għadha, obbligata skont ir-regoli tal-BTPS li ssewwi kwalunkwe defiċit bejn l-assi u r-responsabbiltajiet tal-iskema kif rappurtati permezz ta’ valutazzjoni attwarja, […]. Madankollu, jekk ma jkunx hemm defiċit tal-BTPS skont il-metodoloġija preskritta mill-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet, il-perjodu itwal li matulu l-BT setgħet issewwih kif imqabbel mal-Att ma jidhirx li pprovda vantaġġ ekonomiku reali lill-BT.

    (70)

    Il-Kummissjoni tinnota l-argument li sar minn partijiet terzi, li miżura ma tiqafx tkun għajnuna mill-Istat għax ma tkunx għadha intużat. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi attwali, il-miżura inkwistjoni m'għadhiex fis-seħħ u m'hemm l-ebda xhieda ta’ xi benefiċċju ekonomiku li kisbet il-BP bejn l-1995 u l-2004.

    (71)

    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li mhux stabbilit li l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-finanzjament minimu mniżżla fl-Att tal-1995 dwar il-Pensjonijiet u, inqas u inqas, mir-regoli li hemm fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet taw jew għadhom jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-BT. Għaldaqstant, m'hemm l-ebda għajnuna mill-Istat f'dan ir-rigward ladarba l-kundizzjonijiet kumulattivi preskritti fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE mhumiex sodisfatti.

    5.1.2.2.   L-eżensjoni mill-ħlas ta’ imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li tkun tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika preskritta fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet.

    (72)

    L-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet ħoloq il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, li l-fondi tal-pensjoni ġeneralment iridu jikkontribwixxu għalih billi jħallsu imposta annwali, sakemm ma jkunux jibbenefikaw minn garanzija pubblika u, għaldaqstant, ikunu eżentati minn dan il-ħlas. Mill-2004 'l quddiem, ġiet stabbilita s-sistema ġenerali tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet u 'l-iskemi tal-pensjoni tax-xogħol, u b'mod indirett , iridu jagħmlu kontribuzzjonijiet lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, li jiggarantixxi lill-impjegati ta’ kwalunkwe skema kontributorja. Fi kliem ieħor, is-sistema ġenerali tfisser li l-ħarsien addizzjonali jrid jitħallas minn min iħaddem fl-għamla ta’ ħlas ta’ imposta sħiħa.

    (73)

    Skont ir-regolamenti tad-dħul tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, it-taqsima tal-BTPS għall-parti tad-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati tagħha li huma garantiti mill-Istat huma eżentati. Għalhekk, meta jikkalkula l-imposta tal-BTPS il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet iħalli barra lill-membri kollha tal-iskema li daħlu fiha qabel il-privatizzazzjoni minħabba li jqis li t-Taqsima 68 tal-Att tal-1984 tiggarantixxi r-responsabbiltà tal-BT li tagħmel kontribuzzjonijiet lill-BTPS fir-rigward ta’ dawn il-membri. B'riżultat ta’ dan, hemm differenza bejn l-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li l-BTPS fil-fatt ħallset mill-2005 'l hawn u l-imposta li l-BTPS kienet tħallas kieku ġiet injorata l-eżistenza tal-garanzija pubblika.

    (74)

    Ngħidu aħna, l-imposta li l-BTPS ħallset fl-2005/2006 kienet ta’ GBP […] filwaqt li l-imposta putattiva pagabbli mingħajr il-garanzija pubblika kienet tkun ta’ GBP […]. Fi kliem ieħor, id-dritt li fil-fatt tħallas ammonta għal inqas minn […] tal-ammont li l-BTPS kien ikollha tħallas mingħajr il-garanzija pubblika. Għas-snin ta’ wara, id-dritt pagabbli kieku ġiet injorata l-eżistenza tal-garanzija pubblika kien ikun ta’ GBP […] fl-2006/2007 u ta’ GBP […] fl-2007/2008.

    (75)

    Il-Kummissjoni ma tqisx li t-tnaqqis tal-imposta li kellha titħallas lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet huwa ġustifikat “mil-loġika tas-sistema”. Il-Kummissjoni tqis li s-“sistema” li tintuża fir-Renju Unit għall-ħarsien tad-drittijiet tal-pensjoni ma tistax titqies bħala li hi magħmula biss mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet. Pjuttost, għandhom jitqiesu l-miżuri kollha stabbiliti bil-għan li jinkiseb il-ħarsien tal-pensjonijiet. Fil-każ li l-BT ssir insolventi u l-fond tagħha tal-pensjonijiet ikun f'defiċit, il-pensjonijiet tal-impjegati kkonċernati ta’ qabel il-privatizzazzjoni jitħallsu mill-Istat, u mhux mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, li hu ffinanzjat privatament, kif kien ikun il-każ kieku kienu japplikaw ir-regoli normali. Kif indikat hawn fuq, il-BTPS tikseb il-ħarsien tal-garanzija pubblika mingħajr l-ebda ħlas. L-unika ‘loġika’ li jidher li hemm f’dan il-każ hija li fejn ir-riżorsi tal-Istat isiru disponibbli għall-ħarsien ta’ skema tal-pensjoni ta’ impriża, is-sehem privat isir superfluwu.

    (76)

    L-argument imressaq mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-sens li s-sistema ta’ ħarsien li ġab miegħu l-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet tapplika biss jekk ma jkunux saru arranġamenti adegwati oħra ta’ ħarsien, bħal garanzija pubblika, ma jagħtix kas tal-fatt li l-arranġamenti ta’ ħarsien li minnhom tibbenefika l-BTPS tpoġġew għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr l-ebda spejjeż għall-BT. Anki kieku wieħed kellu jammetti li l-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet huwa “xibka tas-sikurezza” maħsuba biss għall-iskemi tal-pensjoni li ma jibbenefikawx minn ħarsien adegwat f'każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem, jibqa' l-fatt li l-BT ma tħallasx għal tali ħarsien fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati ta’ qabel il-privatizzazzjoni u ġiet megħjuna mill-Istat biex tipprovdi l-ħarsien adegwat li r-Renju Unit iqis li huwa meħtieġ li jkun hemm għal impjegati oħra ta’ skemi tal-pensjoni tax-xogħol. Ċertament, fejn jidħlu l-impjegati tagħha ta’ wara l-privatizzazzjoni li d-drittijiet tagħhom mhumiex koperti mill-garanzija pubblika, il-BTPS tibbenefika mill-Fond għall-Protezzjoni tal-Pensjonijiet u tikkontribwixxi għalih.

    (77)

    Il-Kummissjoni lanqas ma taqbel mal-fehma li tressqet mill-BT u mill-BTPS li miżura li allegatament ma kinitx għajnuna fl-1984 meta ngħatat ma tistax tiġi deskritta bħala għajnuna għoxrin sena wara b'riżultat ta’ avvenimenti esoġeni. L-ewwel nett il-Kummissjoni tosserva li ma ssibx il-garanzija, fiha nnifisha, bħala għajnuna lill-BT. Kif il-Kummissjoni nnotat fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2007, il-garanzija pubblika fuq ir-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet saret għall-benefiċċju tal-impjegati msemmija u ma tatx vantaġġ ekonomiku direttament lill-BT. Madankollu, issa l-garanzija tikkostitwixxi r-raġuni bażika li għaliha l-BT tirċievi vantaġġ fl-għamla tad-deroga mill-imposta sħiħa biex tiffinanzja l-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li ddaħħlet mill-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet, li l-BT tħallasha biss safejn għandhom x'jaqsmu l-impjegati tagħha ta’ wara l-privatizzazzjoni. Dik id-deroga ma setgħetx teżisti meta nħarġet il-garanzija pubblika għax ma kien hemm l-ebda obbligu li tikkontribwixxi għall-istess fond jew għal fond bħalu, iżda l-garanzija hija rrikonoxxuta mill-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet bħala ġustifikazzjoni għad-deroga.

    (78)

    L-allegazzjoni mill-BT u mill-BTPS li l-ħolqien tal-obbligu li jikkontribwixxu huwa esogenu għall-garanzija pubblika ma tagħtix kas tal-fatt li n-natura tal-benefiċċju u tal-benefiċjarju mhumiex l-istess fl-1984 u fl-2004. Il-kopertura tad-drittijiet tal-pensjoni f'każ ta’ insolvenza tal-BT hija benefiċċju għall-impjegati ta’ qabel il-privatizzazzjoni għax tiggarantixxi l-ħlas ta’ drittijiet li huma dovuti lilhom. Madankollu, l-eżenzjoni mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet u mill-ħlas tal-imposta sħiħa huma benefiċċju għall-BT għax tnaqqas l-imposta li kieku kienet tkun dovuta u għax dik l-eżenzjoni taf l-eżistenza tagħha lill-garanzija pubblika.

    (79)

    Il-Kummissjoni tirrifjuta wkoll l-argument li m'hemm l-ebda vantaġġ għar-raġunijiet li din il-garanzija diġà tħallset mill-azzjonisti tal-BT fil-prezz totali li ħallsu għall-kumpanija fl-1984. Kif spjegat fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli li l-garanzija pubblika fiha nnifsiha, safejn tkopri r-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet tal-BT, ma tat l-ebda vantaġġ lill-BT fiż-żmien meta ngħatat u għaldaqstant m'hemm l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li l-azzjonisti tal-BT ħallsu rigal għal vantaġġ għal ċerti impjegati li jimmaterjalizza biss f'każ li l-BT ssir insolventi. Ma implikatx li kien hemm xi vantaġġ sal-2004, meta l-implikazzjonijiet tagħha nbidlu sostanzjalment mil-leġiżlazzjoni. Meta seħħet il-privatizzazzjoni, il-garanzija pubblika dwar ir-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet ma kellha l-ebda valur fid-dieher għall-azzjonisti tal-BT meta wieħed iqis il-modifiki sussegwenti u li wieħed ma setax jipprevedihom għall-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet. Fl-1984, ma kienx possibbli li wieħed jantiċipa xi obbligu għall-BT li tikkontribwixxi lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li ġie stabbilit fl-2004, u lanqas il-vantaġġ ekonomiku potenzjali li rriżulta mill-eżenzjoni minn dawn l-obbligi permezz tal-garanzija pubblika.

    (80)

    Il-BTPS targumenta wkoll li l-vantaġġ potenzjali li jinkiseb mill-imposti iċken lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet huwa aktar minn kumpensat mir-responsabbiltajiet u l-piżijiet finanzjarji addizzjonali ta’ GBP […] li ħadu fuqhom il-BT u l-BTPS minħabba n-natura speċjali tal-BTPS. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-allegati żvantaġġi jistgħu jintużaw biex ipattu għal dan il-vantaġġ:

    L-ewwel nett, il-benefiċċju miksub għall-impjegati f'każ ta’ falliment tal-BT ftit li xejn, jew xejn, ma kien ta’ interess għall-azzjonisti tal-BT.

    It-tieni nett, m'hemm l-ebda konnessjoni temporali bejn dawn l-allegati żvantaġġi u l-vantaġġi li jirriżultaw minn kontribuzzjoni mnaqqsa lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, li mmaterjalizzat 20 sena wara u li għaliha m'hemm l-ebda indikazzjoni fil-liġi fis-sens li kienet maħsuba biex tpatti għall-allegati żvantaġġi. Lanqas m'hemm konnessjoni sustantiva fid-dieher bejn l-allegati piżijiet mitfugħa fuq il-BT u r-responsabbiltajiet koperti mill-garanzija pubblika li fl-1984 kienet tinkludi wkoll, inter alia, is-self fuq medda qasira ta’ żmien, il-kredituri tan-negozju, it-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi fuq il-pagi u s-self barrani fuq medda twila ta’ żmien.

    It-tielet nett, il-BT tirreferi għall-piżijiet ta’ responsabbiltajiet addizzjonali ta’ drittijiet li jixbhu lil dawk tal-ħaddiema taċ-ċivil. Wieħed ma jistax, madankollu, jeskludi li dawk id-drittijiet, imbagħad, wasslu għal benefiċċji għall-BT bħalma huma iktar lealtà jew aċċettazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti tas-salarju u tax-xogħol mill-impjegati konċernati milli kien ikun hemm kieku dawk id-drittijiet ma kinux jeżistu.

    (81)

    Għall-kuntrarju ta’ impriżi oħra fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u f'setturi oħra li ma jingħatawx il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-ħlas tal-imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet imsemmi fl-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet u li jikkorrispondi mar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika, il-BT tikseb vantaġġ ekonomiku għax tħallas imposta mnaqqsa bil-kbir lill-Fond għall-Protezzjoni tal-Pensjonijiet. B'riżultat ta’ dan, il-BT tista' tuża dawn ir-riżorsi finanzjarji biex tiffinanzja l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fis-swieq li fihom hija attiva.

    (82)

    Biex wieħed jikkonkludi, jidher li ngħata vantaġġ ekonomiku ffinanzjat mill-Istat lill-BT mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-2005 dwar il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet (Regoli tad-Dħul).

    5.1.3.   Impriża li bbenefikat minn miżuri selettivi

    (83)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-benefiċjarju tal-miżuri msemmija, wieħed għandu jenfasizza li l-BTPS u l-BT huma żewġ entitajiet legali differenti. L-eżenzjoni mill-ħlas ta’ imposta adegwata lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjoni tikkonċerna direttament lill-BTPS, li l-amministraturi tagħha huma responsabbli mill-ħlas. Ngħidu aħna, id-dritt pagabbli mill-BTPS għall-2005/2006 kien allegatament finanzjat mill-assi tal-iskema. Madankollu, sakemm hija solventi l-BT għandha tikkontribwixxi biex jiġu koperti kwalunkwe defiċit u spejjeż amministrattivi tal-iskema tagħha tal-pensjoni. Anki jekk il-BT innifsiha ma tkunx fatturata u ma tiżborżax l-ammont tal-imposta għall-protezzjoni tal-pensjonijiet meta ssir dovuta, imposta iżgħar tnaqqas l-ispejjeż tal-BTPS u tagħti benefiċċju lill-assi tal-BTPS, u b'hekk tnaqqas ir-reponsabbiltajiet tal-BT innifisha lejn il-BTPS. B'konsegwenza ta’ dan, kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li rriżulta għall-BTPS mill-miżura li qed insemmu hija trasferita kollha kemm hi lill-BT.

    (84)

    Aktar minn hekk, il-miżura hija selettiva għax id-dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-2005 dwar il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet (Regoli tad-Dħul) li jimplimentaw l-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet u li jagħtu eżenzjoni mill-imposta għall-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet hija selettiva minħabba li rriżultat mill-eżistenza tal-garanzija pubblika, preskritta fl-Att tal-1984 li indirizza biss ir-responsabbiltajiet li kienet ngħatat il-BT. Dawk il-miżuri, meta moqrija flimkien, daħħlu derogi mill-obbligi ġenerali imposti mill-Att dwar il-Pensjonijiet fuq impriżi oħra li ma kellhomx tali benefiċċju u, għaldaqstant, huma selettivi.

    5.1.4.   Distorsjoni ta’ kompetizzjoni li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri

    (85)

    Il-BT, permezz ta’ diversi sussidjarji, hija attiva mhux ħażin fil-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika f'diversi Stati Membri li jinkludu l-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Olanda, Franza u, mhux l-inqas, fir-Renju Unit (3). Il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fih innifsu jinkludi l-komunikazzjoni tal-kontenut bejn netwerks li jaqsmu l-fruntieri fi ħdan is-suq komuni, indipendentement minn jekk tali servizzi jkunux fornuti fuq bażi lokali, nazzjonali jew li taqsam il-fruntieri.

    (86)

    B'mod partikulari fir-Renju Unit, l-awtorità regolatorja għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-OFCOM, identifikat lill-BT bħala impriża li għandha f'idejha setgħa sinifikanti fis-suq skont it-tifsira tal-qafas regolatorju tal-UE dwar is-servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika fuq għadd ta’ swieq tas-servizzi bl-imnut jew bl-ingrossa. Dawk is-swieq jinkludu s-swieq kollha, jew partijiet minnhom, għas-servizzi bl-imnut tal-faxx dejjaq fiss, għas-servizzi bl-ingrossa tal-linji tal-faxx dejjaq li jikkollegaw mal-fornitur tan-netwerk, għall-ħolqien u l-komunikazzjoni tas-sejħiet, għall-aċċess bl-ingrossa għall-faxx wiesa', għall-aċċess lokali bl-ingrossa u għal-linji mikrijin (4). F'dawn is-swieq kollha tas-servizzi fir-Renju Unit, il-BT tikkompeti ma' kompetituri li huma iktar dgħajfa minnha qatigħ, li ma jgawdux il-vantaġġ ekonomiku għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjoni li l-garanzija pubblika tagħti lill-BT. Il-kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi u l-BT, li hija mdgħajfa b'riżultat tas-setgħa sinifikanti li l-BT għandha fis-suq, hija b'hekk mgħawġa iktar bil-miżura inkwistjoni.

    (87)

    Meta wieħed jara l-attivitajiet tal-BT u l-pożizzjoni tagħha fis-swieq nazzjonali u internazzjonali għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, dan il-vantaġġ jista' jaffettwa lill-kompetizzjoni u lill-kummerċ bejn Stati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

    (88)

    Bħala konklużjoni, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ imposta għall-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li jkun jikkorrispondi mar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika mogħtija fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-BT għall-pensjonijiet tagħti vantaġġ ekonomiku lill-BT permezz tal-użi ta’ riżorsi tal-Istat attribwibbli lir-Renju Unit. Dan il-vantaġġ jista' jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

    5.1.5.   Legalità tal-miżura

    (89)

    Minn mindu ġie approvat l-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet u r-Regolamenti tal-2005 dwar il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet (Regoli tad-Dħul), ingħata vantaġġ lill-BT fl-għamla ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjoni sħiħa għall-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet.

    (90)

    Din l-eżenzjoni tikkonstitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u ma ġietx notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. B'riżultat ta’ dan, din il-miżura hija illegali.

    5.2.   Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri

    (91)

    Minħabba li l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjoni sħiħa għall-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet hija kkonfermata, huwa meħtieġ li wieħed iqis il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mill-Istat skont ir-regoli Komunitarji. F'dak ir-rigward, la r-Renju Unit u lanqas il-BT jew il-BTPS ma argumentaw li jista' jinstab li l-miżura li qed nitkellmu dwarha hija kumpatibbli mas-suq komuni.

    5.2.1.   L-Artikolu 86(2) KE

    (92)

    Għalkemm il-BT hija fdata b'ċerti obbligi ta’ interess ekonomiku ġenerali, skont it-tifsira tal-Artikolu 86(2) KE, l-għajnuna mhix limitata jew konnessa b'xi mod ieħor mat-twettiq ta’ dawk l-obbligi u, għaldaqstant, igawdu minnha l-attivitajiet tagħha kollha kemm huma. Lanqas ma l-awtoritajiet tar-Renju Unit jew tal-BT jargumentaw li l-ħlas ta’ imposta sħiħa lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet ixekkel it-twettiq tal-biċċiet xogħol ta’ interess ġenerali li ġew assenjati lill-BT. F'dawk iċ-ċirkustanzi, id-deroga li jipprovdi għaliha l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE mhix applikabbli.

    5.2.2.   L-Artikolu 87(2) u 87(3) KE

    (93)

    Lanqas ma jidher li l-miżura involuta hija kompatibbli skont l-Artikolu 87(2) tat-Trattat tal-KE. B'mod partikulari, l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat tal-KE għandu x'jaqsam ma' għajnuna ta’ natura soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali. L-għajnuna mill-Istat diskussa tgawdi minnha l-BT nnifisha. Konsegwentement, tali għajnuna ma taqax fl-ambitu tal-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat tal-KE.

    (94)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 87(3)(a), 87(3)(b) u 87(3)(d) tat-Trattat tal-KE huma biċ-ċar mhux applikabbli u la l-awtoritajiet tar-Renju Unit u lanqas il-BT jew il-BTPS ma ressqu argumenti f'dan ir-rigward.

    (95)

    L-unika bażi possibbli għall-kompatibbilità għall-miżura inkwistjoni f’dan l-istadju jidher li hija l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Madankollu, il-miżura involuta ma jidhirx li tikkonforma ma' xi waħda mir-regoli dwar l-applikazzjoni ta’ dak is-sottoparagrafu li l-Kummissjoni ppromulgat s'issa fl-għamla ta’ linji gwida u komunikazzjonijiet. Konsegwentement, il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura trid tiġi evalwata direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li jiddikjara li: “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    (96)

    Sabiex tkun kompatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, għajnuna għandha tkun timmira għal għan ta’ interess komuni b'mod meħtieġ u proporzjonat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tevalwa dawn il-mistoqsijiet:

    (1)

    Il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat hija mmirata lejn għan definit kif imiss ta’ interess komuni (jiġifieri, l-għajnuna proposta tindirizza nuqqas tas-suq jew objettiv ieħor)?

    (2)

    L-għajnuna hija mfassla tajjeb biex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni? B'mod partikulari:

    Il-miżura ta’ għajnuna hija strument xieraq?

    Jeżisti effett ta’ inċentiv, ċjoè, l-għajnuna tibdel l-imġiba tal-impriżi?

    Il-miżura ta’ għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri, l-istess bidla fl-imġiba tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

    (3)

    Id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati, sabiex il-bilanċ globali jkun pożittiv?

    (97)

    Ir-Renju Unit ma indikax li l-miżura inkwistjoni tfasslet biex jintaħaq xi għan partikulari ta’ interess komuni. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda indikazzjonijiet jew raġunijiet fid-dieher li juru li l-provvediment tal-għajnuna inkwistjoni mill-Istat hija strument adegwat u proporzjonat li jipprovdi xi effett xieraq ta’ inċentiv għall-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi li fihom hija mdaħħla l-BT, fost kompetituri oħrajn. Kif ġie indikat hawn fuq, il-miżura inkwistjoni la hija relatata mat-twettiq tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġiet fdata f'idejn il-BT, u lanqas limitata għalih.

    (98)

    Għalhekk, l-uniku għan fid-dieher ta’ interess komuni li jista' jitfittex li jintlaħaq permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet jidher li hu l-ħarsien supplimentari tad-drittijiet tal-pensjoni tal-ħaddiema f'każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom. Il-garanzija addizzjonali li l-ħaddiema rtirati effettivament se jgawdu benessri finanzjarju li jkun fi proporzjon ma' ħidmiethom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom hija fl-interess komuni li jkun hemm żvilupp ġenerali u soċjalment bilanċjat tal-attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, bil-ħolqien ta’ deroga fuq l-imposta pagabbli mill-BTPS, il-miżura ta’ għajnuna ma tikkontribwixxix għall-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.

    (99)

    Bl-istess mod, skont ir-Renju Unit, il-miżuri ta’ ħarsien tal-pensjonijiet jistgħu joffru ħarsien biss fejn dik l-alternattiva l-oħra u ħarsien adegwat ma jeżistux. F'dak il-każ, l-Att tal-2004 dwar il-Pensjonijiet jista' jidher ukoll bħala li jipprovdi inċentiv lill-kumpaniji li joħolqu arranġamenti jew mekkaniżmi tagħhom stess, bi spejjeż għalihom infushom, li jkunu jeskludu l-kontribuzzjoni ta’ imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet ġenerali u s-serħan fuqu. Madankollu, il-miżura ta’ għajnuna mingħajr l-ebda ħlas li jikkontrobilanċja telimina kwalunkwe inċentiv biex il-BT toħloq xi arranġamenti alternattivi. Għall-kuntrarju, kieku l-għajnuna kellha titrażżan, il-BT jkollha inċentiv biex tagħmel dan jew, għall-inqas, isserraħ fuq il-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, li hu ffinanzjat privatament, biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati tagħha ta’ qabel il-privatizzazzjoni.

    (100)

    Għadaqstant il-miżura ta’ għajnuna mhix strument xieraq biex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni li jista' jiġi identifikat fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-pensjonijiet. Għall-kuntrarju, l-għajnuna teħles lill-BTPS u, b'hekk, lill-BT, mill-ispejjeż operazzjonali li normalment tpoġġilhom fuq spallejhom il-mixja lejn l-ilħuq ta’ tali għan. B'riżultat ta’ dan, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna operazzjonali fil-kummerċ bejn Stati Membri u fil-kompetizzjoni mhumiex imċekkna minn effetti pożittivi oħra f'oqsma oħra, b'mod li l-bilanċ huwa, meta tqis kollox, negattiv.

    (101)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni sħiħa lill-imposta tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 86(2) tat-Trattat tal-KE jew 87(3) tat-Trattat tal-KE.

    6.   KONKLUŻJONI

    (102)

    Fid-dawl ta’ dak li għadu kif ingħad, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ imposta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet li jkun jikkorrispondi mar-responsabbiltajiet għall-pensjonijiet koperti mill-garanzija pubblika mogħtija fuq il-responsabbiltajiet tal-BT għall-pensjonijiet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE, li ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    7.   IRKUPRU

    (103)

    Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (5), fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. Hija biss l-għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni li għandha tinġabar lura.

    (104)

    L-iskop tal-ġbir lura huwa li wieħed imur lura għall-qagħda ta’ qabel ma ngħatat l-għajnuna. Dan jinkiseb malli l-għajnuna inkompatibbli titħallas lura mill-BT, li għalhekk titlef il-vantaġġ li gawdiet fuq il-kompetituri tagħha fis-suq minħabba li mill-2005 'l hawn il-BTPS ma ħallsitx l-imposta sħiħa lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet. L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jkun tali li jwarrab il-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-BT li, għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq fil-premessa 83, hija l-benefiċjarju tal-miżura.

    (105)

    Ġaladarba l-għajnuna inkompatibbli lill-BT hija daqs id-differenza bejn l-imposta dovuta lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet kieku ma kienx hemm il-garanzija pubblika minn mindu nbeda l-fond fl-2005 u d-dritt li l-BTPS effettivament ħallset, dik id-differenza tikkostitwixxi l-ammont li jrid jinġabar lura, u miegħu l-imgħax fuq l-irkupru effettivament dovut fuq dak l-ammont, li ma jistax ikun inqas minn kif ikkalkulat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (6).

    (106)

    Wieħed għandu jinnota li skont it-tagħrif fornut mir-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2007, il-Bord tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet, il-BT u l-amministraturi tal-BTPS daħlu f'arranġament f'idejn terzi li imblokka f'kont f'idejn terzi d-differenza bejn is-somma li l-BTPS kien ikollha tħallas fl-2005/2006 kieku wieħed ma tax kas tal-garanzija pubblika, u l-ammont li fil-fatt tħallas mill-BTPS. Fis-snin ta’ wara, il-BTPS kellha tħallas fil-kont f'idejn terzi s-somma li l-BTPS kien ikollha tħallas kieku wieħed ma tax kas tal-garanzija pubblika. Dawk l-ammonti kisbu imgħax ta’ […], li, skont ir-Renju Unit, huwa […].

    (107)

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim f'idejn terzi, dawn l-arranġamenti jibqgħu sakemm il-Kummissjoni tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha dwar jekk it-tnaqqis fl-imposti tal-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet jikkostitwixxix għajnuna inkompatibbli jew tiddeċiedi li ma tkomplix issegwi aktar il-materja. Fil-każ tal-ewwel, l-ammont finali fatturat mill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet għall-imposti għall-ħarsien tal-pensjonijiet għandhom ikunu jinkludu wkoll l-imgħax dovut fuq l-ammonti mħallsa fil-kont f'idejn terzi. […] għandhom għaldaqstant ikunu dovuti lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet f'każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli, u mhux lill-BTPS jew lill-BT. Dan għandu jiżgura li l-imgħax dovut fuq il-kont f'idejn terzi ma jkomplix ikabbar il-vantaġġ ekonomiku li ngħatat il-BT,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq lil BT plc, il-benefiċjarju, fl-għamla ta’ eżenzjoni għall-kontribuzzjoni tal-Fond tal-Pensjonijiet tal-BT lill-Fond għall-Ħarsien tal-Pensjonijiet fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-benefiċjarju għall-pensjonijiet koperti mit-Taqsima 68(2) tal-Att tal-1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet kif emendat, hija inkompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jwaqqaf l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat lil BT plc.

    Artikolu 2

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jikseb lura mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 1.

    Is-somma li trid tinġabar lura għandu jkollha magħha l-imgħax għall-perjodu kollu mid-data ta’ meta bdiet isseħħ sad-data ta’ meta tinġabar lura.

    L-imgħax għandu jiġi kkalkulat bħala imgħax kapitalizzat f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    Artikolu 3

    L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 4

    Fi żmien xahrejn wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    l-ammont totali li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma' din id-Deċiżjoni; u

    (c)

    id-dokumenti li jipprovaw li l-benefiċjarju ġie obbligat iħallas lura l-għajnuna.

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata. Għandu jibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma' din id-Deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 15, 22.1.2008, p. 8.

    (*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

    (2)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2007, paragrafi 42 sa 60.

    (3)  Ara http://www.btplc.com/Report/Report08/pdf/AnnualReport2008.pdf

    (4)  Ara http://www.btplc.com/Report/Report08/pdf/AnnualReport2008.pdf. Ara wkoll l-Avviż tat-30 ta' Ġunju 2005 tal-OFCOM skont it-Taqsima 155(1) tal-Att tal-2002 dwar l-Impriżi f'http://www.ofcom.org.uk/consult/condocs/sec155/sec155.pdf u l-Istqarrijiet Finali dwar ir-Reviżjoni Strateġika tat-Telekomunikazzjonijiet, u impriżi minflok referenza skont l-Att tal-2002 dwar l-Impriżi, tat-22 ta' Settembru 2005 f': http://www.ofcom.org.uk/consult/condocs/statement_tsr/statement.pdf

    (5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (illum l-Artikolu 88) tat-Trattat tal-KE, (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (6)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


    Top