EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0546

2009/546/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta' Lulju 2009 li teżenta l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-Olanda mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5381) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 181, 14.7.2009, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/546/oj

14.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Lulju 2009

li teżenta l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-Olanda mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5381)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/546/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba mressqa minn Nederlandse Aardolie Maatschappij B.V. (minn hawn ‘il quddiem “NAM”) permezz ta’ ittra elettronika fis-26 ta’ Frar 2009,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   FATTI

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 93/676/KEE (2), l-entitajiet kontraenti li jesploraw jew jestraġġu ż-żejt jew il-gass fl-Olanda kienu awtorizzati japplikaw sistema alternattiva minflok is-sett normali ta’ regoli pprovdut fl-ambitu tad-Direttiva applikabbli dak iż-żmien. Is-sistema alternattiva ġiebet magħha ċerti obbligi ta’ statistika u obbligu tar-rispett tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ akkwist kompetittiv fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti, xogħlijiet u servizzi, b’mod partikolari dwar it-tagħrif li l-entità tagħmel disponibbli lill-operaturi ekonomiċi dwar l-intenzjonijiet tagħha rigward l-akkwisti. L-effetti ta’ dik id-Deċiżjoni kienu salvagwardati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Nru 2004/17/KE, permezz tal-Artikolu 27 ta’ dik l-istess Direttiva, meta ħadet post id-Direttiva ta’ qabilha.

(2)

Fis-26 ta’ Frar 2009, NAM bagħtet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva Nru 2004/17/KE lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika. Skont l-l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5), il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Olandiżi dwar dan permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2009, li għaliha l-awtoritajiet Olandiżi wieġbu b’ittra elettronika fis-26 ta’ Marzu 2009. Fid-9 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra elettronika, talbet ukoll għal iktar tagħrif mingħand NAM, li bagħtitu fit-23 ta’ Marzu 2009 b’ittra elettronika.

(3)

It-talba mressqa minn NAM tikkonċerna l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u l-gass fl-Olanda. Skont id-Deċiżjonjijiet tal-Kummissjoni dwar l-Amalgamazzjonijiet (3) li ttieħdu qabel, f’din it-talba, ġew deskritti tliet attivitajiet distinti li NAM hija attiva fihom:

(a)

l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali

(b)

il-produzzjoni taż-żejt, u

(c)

il-produzzjoni tal-gass naturali.

Skont id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ssemmew hawn fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni “produzzjoni” tinkludi wkoll “żvilupp”, jiġifieri t-twaqqif ta’ infrastruttura xierqa li hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-ġejjieni (pjattaformi taż-żejt, pajpijiet, terminals, eċċ.).

II.   QAFAS LEGALI

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva Nru 2004/17/KE jipprovdi li l-kuntratti maħsuba biex jgħinu fit-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva Nru 2004/17/KE ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess ma jitqiesx limitat jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu.

(5)

Ġaladarba l-Olanda implimentat u applikat id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (4), l-aċċess għas-suq ma għandux jitqies ristrett skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva Nru 2004/17/KE. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f’suq partikolari għandu jiġi evalwat abbażi ta’ diversi kriterji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv per se.

(6)

Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b’din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-atturi ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jittieħed in konsiderazzjoni. Il-livell ta’ konċentrazzjoni f’dawk is-swieq huwa kriterju ieħor. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li tolqothom din id-Deċiżjoni, l-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva għandu jikkunsidra s-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(8)

Kull waħda mit-tliet attivitajiet li huma s-suġġett ta’ din it-talba (l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali, il-produzzjoni taż-żejt u l-gass naturali) ttieħdu inkonsiderazzjoni sabiex jikkostitwixxu swieq separati tal-prodotti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ttieħdu qabel, liema deċiżjonijiet huma msemmija fil-Premessa 3 ta’ hawn fuq. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

L-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali

(9)

Skont il-prattika stabbilita mill-Kummissjoni (5), l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali tikkostitwixxi suq wieħed rilevanti tal-prodotti, minħabba li mhuwiex possibbli li jkun determinat mill-bidu nett jekk l-esplorazzjoni hijiex se tirriżulta fis-sejbien taż-żejt jew tal-gass naturali. Din il-prattika tal-Kummissjoni hija bil-wisq iktar stabbilita minħabba li ilha teżisti u li minn dejjem kienet l-istess tant li l-ambitu ġeografiku ta’ dan is-suq huwa mifrux madwar id-dinja.

(10)

Hemm tliet modi distinti kif jitkejlu l-ishma tas-suq tal-operaturi li huma attivi fl-esplorazzjoni: in-nefqa kapitali, ir-riżervi ppruvati u l-produzzjoni prevista. Xi drabi, in-nefqa kapitali kienet tintuża bħala parametru fl-evalwazzjoni tal-ishma tas-suq tal-operaturi fis-suq tal-esplorazzjoni (6). Madankollu, instab li mhijiex parametru xieraq, fost l-oħrajn minħabba d-differenzi kbar bejn il-livelli meħtieġa ta’ investimenti li huma meħtieġa f’żoni ġeografiċi differenti. Għalhekk, jinħass il-bżonn ta’ investimenti ikbar sabiex issir esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass fil-Baħar tat-Tramuntana milli biex issir esplorazzjoni, pereżempju, fil-Lvant Nofsani. Min-naħa l-oħra, ġew applikati żewġ parametri oħra, sabiex ikunu vvalutati l-ishma tas-suq tal-operaturi ekonomiċi f’dan is-settur, jiġifieri s-sehem tagħhom f’riżervi ppruvati u fil-produzzjoni prevista (7).

(11)

Skont l-informazzjoni disponibbli, mill-31 ta’ Diċembru 2007, ir-riżervi ppruvati taż-żejt u tal-gass flimkien laħqu total ta’ 378.6 biljun metru kubu standard ekwivalenti ta’ żejt (minn hawn ‘il quddiem “Sm3 o. e.”) madwar id-dinja kollha (8). Fl-Olanda, mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-riżervi ppruvati taż-żejt u tal-gass flimkien ammontaw għal ftit iktar minn 1 426 biljun Sm3 o. e. (9), jew ftit iktar minn 3.7 ‰. Għalhekk, is-sehem li għandha NAM huwa saħansitra iżgħar. Skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem ta’ NAM mis-suq għandu jitqies ukoll bħala negliġibbli f’każ li l-produzzjoni prevista kienet użata bħala kejl. Għalhekk, filwaqt li bħalissa NAM tipproduċi b’rata ta’ 0.04 miljun barmil kuljum ta’ żejt, din mistennija tiżdied għal 0.06 miljun barmil kuljum bis-saħħa ta’ skjerament sħiħ mill-ġdid tal-bjar taż-żejt li jinsabu f’Schoonebeek fil-Lvant tal-Olanda, dan għandu, madankollu, jitqies fuq l-isfond ta’ produzzjoni ta’ kuljum taż-żejt, madwar id-dinja, ta’ 81 533 miljun barmil taż-żejt, u għandu għalhekk ikun ekwivalenti għal sehem ta’ madwar 0.7 ‰. Meta wieħed iqis ukoll li l-grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-esplorazzjoni, li ħlief għall-kumpaniji li huma proprjetà tal-istat, huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ tliet atturi internazzjonali privati li huma integrati vertikalment bħalma huma l-kumpaniji kbar nett (BP, ExxonMobil u Shell) kif ukoll ċertu għadd ta’ atturi msejħa “kbar ħafna”, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

Il-produzzjoni taż-żejt

(12)

Skont prattika stabbilita tal-Kummissjoni (10), l-iżvilupp u l-produzzjoni taż-żejt (mhux raffinat) huwa suq tal-prodotti għalih li jħaddan id-dinja kollha. Fl-2007, skont l-informazzjoni disponibbli (11), il-produzzjoni kollha ta’ kuljum taż-żejt madwar id-dinja telgħet għal 81 533 miljun barmil. F’dik is-sena stess, NAM ipproduċiet total ta’ 0.04 miljun barmil kuljum, liema rata wasslitha li jkollha 0.49 ‰ sehem mis-suq. Meta wieħed iqis ukoll li l-grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-produzzjoni taż-żejt mhux raffinat, li ħlief għall-kumpaniji li huma proprjetà tal-istat, huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ tliet atturi internazzjonali li huma integrati vertikalment bħalma huma l-kumpaniji kbar nett (BP, ExxonMobil u Shell), li skont l-informazzjoni disponibbli, il-partijiet rispettivi fil-produzzjoni taż-żejt tagħhom fl-2007 ammontaw għal 3.08 %, 2.32 % u 2.96 %, kif ukoll minħabba li ċertu għadd ta’ atturi msejħa “kbar ħafna” (12), dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

Il-produzzjoni tal-gass naturali

(13)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (13) preċedenti dwar il-forniment tal-gass lill-konsumaturi aħħarin iddistingwiet bejn il-Gass b’Valur Kalorifiku Baxx (LCV) u l-Gass b’Valur Kalorifiku Għoli (HCV). Il-Kummissjoni qieset ukoll jekk il-provvisti tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) għandhomx ikunu distinti mill-provvisti tal-gass naturali li jgħaddu mill-pajpijiet (14). Madankollu, Deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwenti (15) dwar, fost l-oħrajn,. l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-gass naturali għadha ma kkonfermatx, għall-fini ta’ dik id-Deċiżjoni, jekk eżistewx swieq separati għall-Gass b’Valur Kalorifiku Baxx (LCV), għall-Gass b’Valur Kalorifiku Għoli (HCV) u għall-Gass Naturali Likwifkat (LNG), “ġaladarba l-valutazzjoni aħħarija mhijex affettwata, irrispettivament mid-definizzjoni adottata”. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni tista’ tibqa’ ma tiġix ikkonfermata għar-raġunijiet li ġejjin:

NAM ma tipproduċix LNG;

Mill-1 ta’ Lulju 2008, NAM, li topera biss fl-Olanda, fejn l-iSpot market għall-gass, l-hekk imsejjaħ Title Transfer Facility (“TTF”), ma għadux jagħmel distinzjoni bejn LCV u HCV. Barra minn dan, minn dakinhar Gas Transport Services (li jmexxi n-netwerk Olandiża tal-gass naturali) għandu kontroll sħiħ tal-konverżjoni tal-kwalità. Għaldaqstant it-trasportaturi ma jeħtiġilhomx jirriżervaw il-kapaċità tal-konverżjoni.

(14)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, is-suq relevanti tal-prodott jista’ għalhekk jitħalla miftuħ kif ġara fil-produzzjoni tal-gass naturali b’mod ġenerali, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn l-LCV, l-HCV u l-LNG. F’dak li jirrigwarda suq ġeografiku, Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni preċedenti (16) qiesu li dan jinkludi ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u possibilment ir-Russja u l-Alġerija wkoll.

(15)

Skont l-informazzjoni disponibbli (17), fl-2007, il-produzzjoni kollha tal-gass fl-UE laħqet 191.9 biljun Sm3 u dik fiż-ŻEE laħqet 281.6 biljun Sm3. Fl-2007, NAM ipproduċiet 50 biljun Sm3, u b’hekk kellha sehem ta’ 17.76 % mis-suq. Għall-2007, il-produzzjoni fir-Russja u l-Alġerija laħqet 607.4 u 83.0 biljun Sm3 rispettivament. Għalhekk il-produzzjoni fiż-ŻEE flimkien mal-produzzjoni tar-Russja u l-Alġerija laħqet total ta’ 972 biljun Sm3, li minnu NAM għandha sehem ta’ 5.14 %. Meta wieħed iqis ukoll il-grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-produzzjoni tal-gass naturali, li huwa kkaraterizzat mill-preżenza tat-tliet kumpaniji kbar nett (BP, ExxonMobil u Shell) kif ukoll ta’ atturi oħrajn kbar ħafna bħalma hija l-Gazprom tar-Russja, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(16)

Minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi (3) sa (15), il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li hija milħuqa fl-Olanda fir-rigward tas-servizzi li ġejjin:

(d)

l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali

(e)

il-produzzjoni taż-żejt, u

(f)

il-produzzjoni tal-gass naturali.

(17)

Billi l-kundizzjoni ta’ aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li ntlaħqet, id-Direttiva Nru 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti intiżi biex jippermettu li jitwettqu fl-Olanda s-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-premessa 16, u lanqas meta jiġu organizzati konkorsi ta’ disinn għat-twettiq ta’ attività bħal din fl-Olanda.

(18)

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali kif kienet fi Frar u f’Marzu 2009, kif toħroġ mill-informazzjoni mressqa minn NAM u r-Renju tal-Olanda. Din tista’ tiġi riveduta, jekk bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabilità tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jibqgħux sodisfatti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva Nru 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u li huma intiżi biex jippermettu t-twettiq tas-servizzi li ġejjin fl-Olanda:

(a)

l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali

(b)

il-produzzjoni taż-żejt, u

(c)

il-produzzjoni tal-gass naturali.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Olanda.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 1993 li tistabbilixxi li l-isfruttament taż-żoni ġeografiċi għall-esplorazzjoni jew l-estrazzjoni taż-żejt jew il-gass fl-Olanda ma jikkostitwix attività definita fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/531/KEE u li l-entitajiet li jwettqu t-tali attività mhumiex meqjusa li joperaw fl-ambitu tad-drittijiet speċjali jew esklussivi fl-Olanda fit-tifsira tal-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva, ĠU L 316, 17.12.1993, p. 41.

(3)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/284/KE tad-29 ta’ Settembru 1999 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim taż-ŻEE (Każ Nru IV/M.1383 - Exxon/Mobil) u deċiżjonijiet sussegwenti, inter alia d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2007 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru COMP/M.4545 STATOIL/HYDRO) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.

(4)  ĠU L 79, 29.3.1996, p. 30.

(5)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni Exxon/Mobil imsemmija hawn fuq u, iktar riċenti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2007 li tiddikjara li konċentrazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru COMP/M.4934 – KAZMUNAIGAZ/ROMPETROL) skont ir-Regolament tal-Kunsill 139/2004.

(6)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni msemmija hawn fuq bejn Exxon/Mobil (il-paragrafi 23-24).

(7)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni msemmija hawn ta’ Exxon/Mobil (il-paragrafi 25 u 27).

(8)  Ara l-punt 5.2.1 tal-applikazzjoni u s-sorsi kkwotati hemmhekk, b’mod partikolari d-dokument BP Statistical Review of World Energy, Ġunju 2008, li huwa mehmuż magħhom.

(9)  Jiġifieri, 1 390 biljun Sm3 gass, daqs 1 390 miljun Sm3 o. e., u 36.6 miljun Sm3 żejt, flimkien jammontaw għal 1 426 600 000 Sm3.

(10)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni msemmija hawn fuq Exxon/Mobil u, iktar riċenti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2007 li tiddikjara li konċentrazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru COMP/M.4934 - KAZMUNAIGAZ/ROMPETROL) skont ir-Regolament tal-Kunsill 139/2004.

(11)  Ara p. 8 tal-“BP Statistical Review of World Energy, Ġunju 2008”, anness mal-applikazzjoni, f’li ġej “BP Statistics”.

(12)  Li l-ishma tas-suq huma iżgħar minn dawk li għandhom il-kumpaniji kbar nett.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/194/KE li ttieħdet fl-14 ta’ Novembru 2006 li tiddikjara li konċentrazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.4180 — Gaz de France/Suez), ĠU L 88, 29.3.2007, p. 47.

(14)  Ara b’mod partikolari d-Deċiżjoni msemmija hawn fuq tal-Gaz de France/Suez.

(15)  Il-każ Nru M4545 imsemmi hawn fuq, punt 12.

(16)  Ara pereżempju d-Deċiżjonijiet imsemmija taħt il-Premessa 3 hawn fuq.

(17)  Ara b’mod partikolari l-“BP Statistics” maħruġa mill-BP, p. 24.


Top