EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0412

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà EUPOL COPPS/1/2009 tas- 27 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

ĠU L 132, 29.5.2009, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/412/oj

29.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ EUPOL COPPS/1/2009

tas-27 ta’ Mejju 2009

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

(2009/412/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/797/PESK tal-14 ta’ Novembru 2005 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 12(3) tal-Azzjoni Konġunta 2005/797/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjoni rilevanti dwar l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri għal EUPOL COPPS.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 stabbilew prinċipji ta’ gwida u modalitajiet għall-kontributi ta’ Stati terzi lill-Missjonijiet tal-Pulizija. Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill approva d-dokument intitolat “Konsultazzjonijiet u modalitajiet għall-kontribut ta’ Stati mhux fl-UE lill-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet”, li żviluppaw aktar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri.

(3)

Il-Kumitat ta’ Kontributuri għal EUPOL COPPS għandu jkollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Huwa għandu jkun il-forum prinċipali biex jiġu diskussi l-problemi kollha relatati mal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni, għandu jqis il-fehmiet tal-Kumitat ta’ Kontributuri,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment

Kumitat ta’ Kontributuri (KtK) għall-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Funzjonijiet

1.   Il-KtK jista’ jesprimi fehmiet. Il-KPS għandu jqis tali fehmiet u jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni.

2.   It-termini ta’ referenza tal-KtK huma stabbiliti fid-dokument intitolat “Konsultazzjonijiet u modalitajiet għall-kontribut ta’ Stati mhux fl-UE lill-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet”.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom ikunu intitolati li jkunu preżenti waqt id-diskussjonijiet tal-KtK. Madankollu, l-Istati kontribwenti biss għandhom jieħdu sehem fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Ir-rappreżentanti tal-Istati terzi li qed jipparteċipaw fil-Missjoni jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-KtK. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jista’ wkoll jattendi għal-laqgħat tal-KtK.

2.   Il-KtK għandu jirċievi informazzjoni fuq bażi regolari mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

Presidenza

Għal EUPOL COPPS, il-KtK għandu jkun presjedut, skont it-termini ta’ referenza msemmijin fl-Artikolu 2(2), minn rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Presidenza.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-KtK għandu jitlaqqa’ mill-President fuq bażi regolari. Fejn jeħtieġu ċ-ċirkostanzi, jistgħu jitlaqqgħu laqgħat ta’ emerġenza fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba ta’ rappreżentat ta’ Stat parteċipanti.

2.   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda proviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK lill-KPS.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 (2), ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adegwata.

2.   Id-deliberazzjonijiet tal-KtK għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

Artikolu 7

Dħul b’effett

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Mejju 2009

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

I. ŠRÁMEK


(1)  ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 13-17.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top