This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009D0410
2009/410/Euratom: Council Decision of 25 May 2009 on the adoption of a supplementary research programme to be implemented by the Joint Research Centre for the European Atomic Energy Community
2009/410/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
2009/410/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
ĠU L 132, 29.5.2009, p. 13–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Mejju 2009
dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
(2009/410/Euratom)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Proposta mill-Kummissjoni ppreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,
Billi:
(1) |
Fil-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “HFR”), kien, u ser jibqa’ għal xi żmien, mezz importanti disponibbli għall-Komunità sabiex tagħti kontribut għax-xjenzi u għall-ittestjar tal-materjali, għall-mediċina nukleari u għar-riċerka dwar is-sikurezza fil-qasam tal-enerġija nukleari. |
(2) |
It-tħaddim tal-HFR kien appoġġat minn serje ta’ programmi supplimentari ta’ riċerka, l-aħħar wieħed fosthom, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/773/Euratom tas-26 ta’ Novembru 2007 dwar estensjoni ta’ sena għall-programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) skada fil-31 ta’ Diċembru 2007. |
(3) |
It-tħaddim tal-HFR kompla matul l-2008 mingħajr programm supplimentari ta’ riċerka, filwaqt li saru sforzi sabiex it-tħaddim u l-isfruttar tiegħu jkunu bbażati fuq reġim legali awtonomu u li jservi għal perijodu ta’ żmien itwal. Peress li dawk l-isforzi fallew, jeħtieġ li jkun previst appoġġ finanzjarju kontinwu taħt programm supplimentari ta’ riċerka ġdid. |
(4) |
Minħabba l-ħtieġa kontinwa tal-HFR bħala infrastruttura li ma tistax tiġi sostitwita għar-riċerka Komunitarja fl-oqsma tat-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari eżistenti, tas-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ iżotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet ta’ riċerka medika, tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali u tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-iskart inkluża l-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-karburanti nukleari għall-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistemi ta’ reatturi, dan għandu jkompli jitħaddem taħt dan il-programm supplimentari ta’ riċerka sal-2011. |
(5) |
Minħabba l-interess partikolari tagħhom li l-HFR jibqa’ jitħaddem, il-Belġju, Franza u l-Olanda għandhom, hekk kif indikaw, jiffinanzjaw dan il-programm permezz ta’ kontributi finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala dħul assenjat. |
(6) |
Parti mill-kontributi taħt dan il-programm supplimentari għandhom ikopru wkoll in-nefqa li saret matul is-sena 2008, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar it-tħaddim tar-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (HFR), (minn hawn ’il quddiem “il-programm”), li l-objettivi tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I, huwa adottat għal perjodu ta’ tliet snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2009.
Artikolu 2
Il-kontribut finanzjarju stmat li hu meħtieġ biex jitwettaq il-programm jammonta għal EUR 34,992 miljun. Dan l-ammont huwa maqsum kif stabbilit fl-Anness II. Dan il-kontribut għandu jitqies bħala dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm. Għal dan il-għan, hija għandha tirrikorri għas-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
2. Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jinżamm infurmat bl-implimentazzjoni tal-programm.
Artikolu 4
Il-Kummissjoni għandha kull sena, qabel il-15 ta’ Settembru, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magmula fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ŠEBESTA
(1) ĠU L 312, 30.11.2007, p. 29.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).
ANNESS I
OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI
L-objettivi prinċipali ta’ dan il-programm huma dawn li ġejjin:
(1) |
Li jkun żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tar-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (HFR), sabiex tkun garantita d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għall-finijiet ta’ esperimenti. |
(2) |
Li jitħalla jsir użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari eżistenti, is-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ iżotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet ta’ riċerka medika, il-fużjoni nukleari, ir-riċerka fundamentali u t-taħriġ u l-ġestjoni tal-iskart inkluża l-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-karburanti nukleari għall-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistemi tar-reatturi. |
ANNESS II
TAQSIM TAL-KONTRIBUTI
Il-kontributi għall-programm ġejjin mill-Belġju, Franza u l-Olanda.
Dawn il-kontributi huma maqsuma kif ġej:
|
Il-Belġju: EUR 1,2 miljun |
|
Franza: EUR 0,9 miljun |
|
L-Olanda: EUR 32,892 miljun |
|
Total: EUR 34,992 miljun. |
Dawk il-kontributi għandhom isiru għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu assenjati għal dan il-programm. Parti mill-kontributi taħt dan il-programm supplimentari jistgħu jkopru wkoll in-nefqa li saret għat-tħaddim tal-HFR matul is-sena 2008 f’konformità mal-programm ta’ ħidma li ser jiġi maqbul fost il-pajjiżi li qegħdin jikkontribwixxu u l-Kummissjoni.
Dawk il-kontributi huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward tal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni.