Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0406

    Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020

    ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/406/oj

    5.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 140/136


    DEĊIŻJONI Nru 406/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ April 2009

    dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    L-għan aħħari tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-Klima (UNFCCC), li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE (3), huwa li jiġu stabilizzati l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni ndħil antropoġeniku perikoluż fis-sistema tal-klima.

    (2)

    L-opinjoni tal-Komunità, espressa dan l-aħħar b’mod partikulari mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, hija li sabiex jintlaħaq dan l-għan, iż-żieda globali annwali fit-temperatura medja tal-wiċċ m’għandhiex taqbeż il-livelli preindustrijali b’aktar minn 2 °C, li jimplika li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra għandhom jitnaqqsu għal mill-inqas 50 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra Komunitarji koperti b’din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu jonqsu wara l-2020 bħala parti mill-isforz tal-Komunità biex tagħti l-kontribut tagħha għal dan l-għan globali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-pajjiżi żviluppati, fosthom l-Istati Membri tal-UE, għandhom ikomplu jmexxu, billi jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu b’mod kollettiv, l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra bi 30 % sal-2020, meta mqabbel mal-emissjonijiet fl-1990. Għandhom jagħmlu dan ukoll bil-ħsieb li kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom b’bejn 60 % u 80 % sal-2050 meta jitqabbel mal-1990. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet, fosthom dawk tat-tbaħħir marittimu internazzjonali u l-avjazzjoni. L-avjazzjoni qiegħda tikkontribwixxi għal dan it-tnaqqis bid-dħul tagħha fl-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (minn hawn ‘il quddiem “l-iskema Komunitarja”). Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali lijtinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fil-miri ta’ tnaqqis tiegħu permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima ma jkun ġie approvat mill-Istati Membri u/jew l-ebda ftehim bħal dan permezz tal-UNFCCC ma jkun ġie approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta li tinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fl-impenn għat-tnaqqis Komunitarju bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ sal-2013. Tali proposta għandha timminimizza kull impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Komunità waqt li tikkunsidra l-benefiċċji ambjentali li jista’ jkun hemm.

    (3)

    Barra minn hekk, sabiex jinkiseb dan l-għan, il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, approva l-għan tal-Komunità ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 meta mqabbel mal-1990 bħala l-kontribut tiegħu għal ftehim globali u komprensiv għall-perjodu wara l-2012, sakemm pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom ukoll fi tnaqqis ta’ emissjonijiet komparabbli, u sakemm il-pajjiżi li huma l-aktar ekonomikament avvanzati fost dawk li qegħdin jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom biex jikkontribwixxu b’mod adegwat konformement mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 enfasizza li l-Komunità hija impenjata li tittrasforma lill-Ewropa f’ekonomija effiċjenti ħafna fl-enerġija u b’emissjonijiet tal-gassijiet serra baxxi u ddeċidiet li, sakemm ikun konkluż ftehim globali u komprensiv għall-perjodu wara l-2012, u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fin-negozjati internazzjonali, il-Komunità tagħmel impenn sod u indipendenti biex tilħaq tnaqqis talanqas ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 meta mqabbla mal-1990.

    (5)

    It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huwa element kruċjali biex l-Istati Membri jilħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib il-progress lejn l-għan biex il-konsum tal-enerġija jonqos b’20 % sal-2020, u tipproponi azzjonijiet oħra jekk il-progress ma jkunx biżżejjed.

    (6)

    Id-Direttiva 2003/87/KE (4) stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità, li tkopri ċerti setturi tal-ekonomija. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jinkiseb, b’mod ekonomiku, l-għan ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw linji politiċi u miżuri addizzjonali bi sforz li jillimitaw iktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn sorsi mhux koperti mid-Direttiva 2003/87/KE.

    (7)

    L-isforz ta’ kull Stat Membru għandu jkun determinat abbażi tal-livell tal-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet serra fl-2005 koperti b’din id-Deċiżjoni, aġġustata biex teskludi l-emissjonijiet minn istallazzjonijiet li eżistew fl-2005 iżda li ddaħħlu fl-iskema tal-Komunità fil-perjodu mill-2006 sal-2012. L-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 f’termini tal-ekwivalenti tat-tunnellaġġ tas-CO2 għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ data riveduta u verifikata.

    (8)

    L-isforzi ta’ tnaqqis mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli madwar il-Komunità, filwaqt li jitqies il-PGD per capita relattiv tal-Istati Membri. L-Istati Membri li bħalissa għandhom PGD per capita relattivament baxx, u għalhekk għandhom aspettattivi għoljin għat-tkabbir tal-PGD, jistgħu jżidu fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom meta mqabbla mal-2005, iżda għandhom jillimitaw din iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra biex jikkontribwixxu għall-impenn indipendenti ta’ tnaqqis tal-Komunità. L-Istati Membri li bħalissa għandhom PGD per capita relattivament għoli jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-2005.

    (9)

    Biex tkun żgurata firxa ġusta bejn l-Istati Membri fl-isforzi għall-kontribut għall-implimentazzjoni tal-impenn indipendenti ta’ tnaqqis tal-Komunità, l-ebda Stat Membru m’għandu jkollu jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2020 għal aktar minn 20 % inqas mil-livelli tal-2005, jew jitħalla jżid l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2020 għal aktar minn 20 % ogħla mil-livelli tal-2005. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandu jsir bejn l-2013 u l-2020. Kull Stat Membru għandu jitħalla jittrasferixxi, mis-sena ta’ wara, ammont daqs 5 % tal-allokazzjoni annwali tiegħu ta’ emissjonijiet. Fejn l-emissjonijiet ta’ Stat Membru jkunu inqas minn dik l-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet, Stat Membru għandu jitħalla jittrasferixxi t-tnaqqis żejjed tal-emissjonijiet għas-snin ta’ wara.

    (10)

    Sabiex jiġu bbilanċjati d-differenzi fl-ispejjeż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffaċċjaw Stati Membri differenti billi tkun permessa aktar flessibiltà ġeografika u, fl-istess ħin, bħala mezz sabiex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali fl-ispejjeż tal-impenji totali tal-Komunità, Stat Membru għandu jkun jista’ jittrasferixxi parti mill-emissjonijiet annwaliallokati lilu lil Stat Membru ieħor. It-trasparenza ta’ trasferimenti bħal dawn għandha tkun żgurata permezz ta’ notifikazzjoni lill-Kummissjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kull trasferiment fir-reġistri taż-żewġ Stati Membri involuti. Dawn it-trasferimenti jistgħu jsiru b’mod li jkun reċiprokament konvenjenti, anke bl-irkantar, bl-użu tal-intermedjari tas-suq li jaġixxu abbażi ta’ aġenzija, jew permezz ta’ arranġamenti bilaterali.

    (11)

    Għandu jsir tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni. L-użu tal-krediti mill-attivitajiet tal-proġetti għandu jkun limitat b’tali mod li jkun supplimentari għall-azzjoni domestika. L-Unjoni tibqa’ impenjata biex tkompli ttejjeb il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (MIN) u tfittex titjib permess tal-proċessi internazzjonali xierqa. Huwa importanti li l-krediti mill-attivitajiet tal-proġetti li jintużaw mill-Istati Membri jirrappreżentaw tnaqqis reali, verifikabbli, addizzjonali u permanenti tal-emissjonijiet u li jkollhom benefiċċji ċari ta’ żvilupp sostenibbli u l-ebda impatt negattiv ambjentali u soċjali sinifikanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapporti wkoll dwar il-kriterji kwalitattivi li japplikaw għall-użu ta’ krediti bħal dawn.

    (12)

    Biex tipprovdi għall-flessibbiltà għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi terzi, b’mod partikulari fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u biex tipprovdi ċertezza għall-investituri, il-Komunità għandha tkompli tirrikonoxxi ċertu ammont ta’ krediti mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi, qabel ma jintlaħaq ftehim internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima (minn hawn ‘il quddiem “il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima”). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji politiċi tagħhom dwar l-akkwist ta’ dawn il-krediti jtejbu l-firxa ġeografika ġusta tal-proġetti, b’mod partikulari billi jiżdied il-proporzjon tat-Tnaqqis Ċertifikat tal-Emissjonijiet (CERs) mixtri mill-Pajjiżi L-Inqas Żviluppati (PLŻ) u mill-Istati Gżejjer Żgħar li qegħdin Jiżviluppaw (SGŻJ), u jtejbu l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.

    (13)

    Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-krediti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li saru matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw minn tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul dak il-perjodu. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi wkoll jużaw dawn il-krediti għat-tnaqqis li jsir wara l-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw minn proġetti reġistrati matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw mit-tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul dak il-perjodu.

    (14)

    Ftit ħafna mill-proġetti tal-MIN ġew implimentati fil-PLŻ. Billi l-Komunità tappoġġa l-firxa ġusta tal-proġetti tal-MIN inkluża l-Alleanza Globali dwar il-bidla fil-Klima tal-Kummissjoni, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2007 bit-titolu “Il-bini ta’ Alleanza Globali dwar il-bidla fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima”, huwa xieraq li tingħata ċertezza dwar l-aċċettazzjoni ta’ krediti minn proġetti li jibdew wara l-perjodu mill-2008 sal-2012 fil-PLŻ, għat-tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012. Dik l-aċċettazzjoni għandha tkompli sal-2020 jew sal-konklużjoni ta’ ftehim rilevanti mal-Komunità, ikun liema jkun li jiġi l-ewwel.

    (15)

    Sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà għall-Istati Membri u biex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw krediti addizzjonali mill-proġetti li jirriżultaw minn strumenti ta’ ftehim konklużi mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi. Mingħajr ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jiddetermina l-ammont allokat għall-pajjiżi żviluppati, proġetti ta’ Implimentazzjoni Konġunta (JI) ma jistgħux jitkomplew wara l-2012. Madankollu, il-krediti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jirriżultaw minn proġetti bħal dawn għandhom ikomplu jkunu rikonoxxuti permezz ta’ strumenti ta’ ftehim ma’ pajjiżi terzi.

    (16)

    Il-kapaċità kontinwa li l-Istati Membru jkunu jistgħu jużaw il-krediti CDM hija importanti biex tgħin għall-iżgurar ta’ suq għal dawk il-krediti wara l-2012. Biex ikun żgurat dan is-suq u jiġi assigurat iktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fi ħdan il-Komunità, u b’hekk iktar implimentazzjoni tal-għanijiet Komunitarji dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività, huwa propost li jitħalla l-użu annwali mill-Istati Membri tal-krediti mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi, sa kwantità li tirrappreżenta 3 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ kull Stat Membru li ma kienx kopert bid-Direttiva 2003/87/KE fl-2005 jew fi Stati Membri oħra, sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima. L-Istati Membri għandhom jitħallew jittrasferixxu l-parti mhux użata ta’ dan l-ammont għal Stati Membri oħra. Uħud mill-Istati Membri b’limitu negattiv jew b’limitu pożittiv ta’ mill-inqas 5 %, kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni, għandhom, minbarra l-krediti msemmija hawn fuq, jitħallew jużaw annwalment il-krediti addizzjonali li jammontaw għal 1 % tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom fl-2005 minn proġetti fil-PLŻ u f’SGŻJ, suġġett għall-konformità tagħhom ma’ waħda mill-erba’ kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal għanijiet nazzjonali iktar stretti. Fejn l-Istati Membri jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni lil hinn mill-obbligi tagħhom skont din id-Deċiżjoni sabiex jiksbu għan iktar esiġenti, il-limitazzjoni imposta b’din id-Deċiżjoni dwar l-użu tal-krediti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma għandhiex tapplika għat-tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet biex jinkiseb l-għan nazzjonali.

    (18)

    Sabiex tiżdied l-effikaċja meta mqabbel man-nefqa magħmula għall-kisba tal-għanijiet nazzjonali, b’mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li jkollhom għanijiet ambizzjużi, l-Istati Membri jistgħu jużaw krediti minn proġetti fil-livell Komunitarju kif definit fl-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE.

    (19)

    Ladarba jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss krediti ta’ tnaqqis ta’ emissjoni mill-pajjiżi li jkunu rratifikaw dak il-ftehim u suġġett għal approċċ komuni.

    (20)

    Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jirriferu għall-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima mill-Komunità huwa bla ħsara għall-konklużjoni ta’ dak il-ftehim mill-Istati Membri wkoll.

    (21)

    Mal-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu wara l-2012 u kif previst f’dak il-ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu sehem fil-finanzjament ta’ azzjoni ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li tkun tista’ titkejjel u tiġi rapportata, li tkun verifikabbli u adegwata fil-kuntest nazzjonali, u li tkun konsistenti mal-għan li tiġi limitata żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ għal 2 °C meta mqabbla ma’ livelli preindustrijali, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkunu rratifikaw il-ftehim.

    (22)

    Wara l-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu ta’ wara l-2012, u kif previst f’dak il-ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu sehem fil-finanzjament tal-assistenza għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkunu rratifikaw il-ftehim, b’mod partikulari lill-komunitajiet u lill-pajjiżi li l-aktar jinsabu fil-periklu minħabba bidla fil-klima, bil-għan li dawn jiġu appoġġati fl-istrateġiji tal-adattament u t-tnaqqis tar-riskju tagħhom.

    (23)

    Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġi approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta li tinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn Komunitarju għat-tnaqqis, konformement mal-modalitajiet armonizzati, filwaqt li jitkompla x-xogħol li sar fil-kuntest tal-UNFCCC, u tiġi żgurata l-permanenza u l-integrità ambjentali fil-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll il-monitoraġġ u verifika bir-reqqa, bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ mill-2013. Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-distribuzzjoni tal-isforzi ta’ Stati Membri individwali għandhomx ikunu aġġustati abbażi tal-każ.

    (24)

    Il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-impenji taħt din id-Deċiżjoni għandhom ikunu valutati kull sena abbażi ta’ rapporti preżentati taħt id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 280/2004/KE tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (5). Kull sentejn għandha ssir valutazzjoni dwar il-progress previst u għandha ssir evalwazzjoni kompluta tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fl-2016.

    (25)

    Kwalunkwe aġġustament fil-firxa tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jiġi pareġġat minn aġġustament korrispondenti fl-ammont massimu ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni.

    (26)

    Bl-approvazzjoni tal-Komunità dwar ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, il-limiti dwar l-emissjonijiet għall-Istati Membri għandhom ikunu aġġustati biex ikun onorat l-impenn tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjoniet tal-gassijiet serra stabbilit f’dak il-ftehim, billi jitqies il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli madwar il-Komunità. L-ammont ta’ krediti mill-proġetti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi li kull Stat Membru jista’ juża għandu jiżdied sa nofs l-isforz addizzjonali ta’ tnaqqis taħt din id-Deċiżjoni.

    (27)

    Il-reġistri stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE u l-Amministratur Ċentrali maħtur bid-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jintużaw għall-iżgurar ta’ proċessar u kontabbiltà preċiżi tat-tranżazzjonijiet kollha fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (28)

    Billi l-impenn għat-tnaqqis tal-Komunità jimponi dmirijiet mhux biss fuq il-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri imma wkoll fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali u fuq fora u organizzazzjonijiet lokali u reġjonali oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet lokali tagħhom f’livelli differenti.

    (29)

    Minbarra l-Istati Membri individwali, il-gvernijiet ċentrali u organizzazzjonijiet u awtoritajiet lokali u reġjonali, il-protagonisti tas-suq — flimkien mal-familji u l-konsumaturi individwali — għandhom ikunu involuti fil-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-impenn għat-tnaqqis tal-Komunità, irrispettivament mil-livell tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra li jista’ jkun attribwit lilhom.

    (30)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-finanzjament għall-użu ta’ tekniki ġodda u innovattivi sabiex l-operaturi industrijali jkunu jistgħu joħolqu impjiegi ġodda, u b’hekk tiżdied il-kompetittività u tkun promossal-kisba tal-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija ta’ Liżbona.

    (31)

    Billi ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu hija mezz importanti b’mod partikulari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-Istati Membri għandhom ifittxu li dan jagħmluh fil-kuntest tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu (6).

    (32)

    Għandhom jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7).

    (33)

    B’mod partikulari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 f’termini tal-ekwivalenza ta’ tunnellati tas-CO2, biex tindika l-modalitajiet sabiex jiġu faċilitati t-trasferimenti mill-Istati Membri ta’ partijiet mill-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet tagħhom u tiżdied it-trasparenza ta’ dawn it-trasferimenti, kif ukoll biex tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistri u l-Amministratur Ċentrali. Ladarba dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplementawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (34)

    Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kontribut minimu tal-Istati Membri biex jonoraw l-impenn tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-perijodu mill-2013 sal-2020 għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni, u regoli dwar kif isiru dawn il-kontribuzzjonijiet u għall-evalwazzjoni tagħhom.

    Din id-Deċiżjoni tistipula wkoll id-dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ impenji ta’ tnaqqis aktar riġidi tal-Komunità li jaqbeż l-20 %, li jiġi applikat wara l-approvazzjoni tal-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis ta’ emissjonijiet li jaqbżu dawk meħtieġa taħt l-Artikolu 3, kif rifless fl-impenn għat-tnaqqis ta’ 30 % approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “emissjonijiet tal-gassijiet serra” għandha tfisser l-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju (CO2), il-metanu (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), il-karboni idrofluworidi (HFCs), il-karboni perfluworidi (PFCs) u l-eżafluworidu tal-kubrit (SF6) mill-kategoriji elenkati fl-Anness I, espressi f’termini ta’ ekwivalenza ta’ tunnellaġġ mad-dijossidu tal-karbonju, kif determinati konformement mad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti bid-Direttiva 2003/87/KE.

    2.

    “allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet” tfisser il-massimu annwali permess mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-snin mill-2013 sal-2020 kif speċifikat fl-Artikolu 3(2).

    Artikolu 3

    Livelli ta’ emissjonijiet għall-perjodu 2013 sa 2020

    1.   Kull Stat Membru għandu, sal-2020, jillimita l-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet serra talanqas b’perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tiegħu fl-2005.

    2.   Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru b’limitu negattiv taħt l-Anness II għandu jiżgura, inkluż bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, li l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra fl-2013 ma jaqbżux il-medja annwali tiegħu ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-2008, l-2009 u l-2010, kif rappurtat u verifikat konformement mad-Direttiva Nru 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE.

    Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru b’limitu pożittiv taħt l-Anness II għandu jiżgura, anke bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, li l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra fl-2013 ma jaqbżux il-livell definit bi trajettorja lineari, mill-bidu tal-2009, fuq il-medja annwali tiegħu ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-2008, l-2009 u l-2010, kif rappurtat u verifikat konformement mad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE, u jispiċċaw fl-2020 fuq il-limitu għal dak l-Istat Membru kif speċifikat fl-Anness II.

    Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru għandu jillimita kull sena l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra b’mod lineari, anke bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, biex ikun żgurat li l-emissjonijiet tiegħu ma jaqbżux il-limitu tiegħu għal dak l-Istat Membru fl-2020, kif spjegat fl-Anness II.

    Meta d-data rilevanti tal-emissjonijiet eżaminata u vverifikata tkun disponibbli, jiġu adottati miżuri fi żmien sitt xhur biex jiddeterminaw l-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet għall-perijodu mill-2013 sal-2020 f’termini ta’ tunnellati tal-ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju.

    Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    3.   Matul il-perijodu mill-2013 sal-2019, Stat Membru jista’ jittrasferixxi mis-sena ta’ wara kwantità sa 5 % tal-limitu annwali tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu. Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jkunu inqas mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali tiegħu, filwaqt li jitqies l-użu tal-flessibbiltajiet konformement ma’ dan il-paragrafu u mal-paragrafi 4 u 5, jista’ jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikulari li taqbeż l-emissjonijiet ta’ gassiijet b’effett ta’ serra tagħha f’dik is-sena għas-snin ta’ wara sal-2020.

    Stat Membru jista’ jitlob rata miżjuda ta’ trasferiment li taqbeż il-5 % fis-sena 2013 u fl-2014 fil-każ ta’ kondizzjonijiet meteoroloġiċi estremi li jkunu wasslu għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’dawk is-snin meta jitqabblu mas-snin b’kondizzjonijiet meteoroloġiċi normali. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni biex jissostanzja din it-talba. Fi żmien tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata ż-żieda fit-trasferiment.

    4.   Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa 5 % tal-allokazzjoni ta’ emissjonijiet annwali tiegħu għal sena partikulari lil Stati Membri oħra. Stat Membru riċevent jista’ juża din il-kwantità għall-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt dan l-Artikolu għal dik is-sena partikulari jew għas-snin sussegwenti sal-2020. Stat Membru ma jistax jittrasferixxi xi parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet jekk, fil-mument tat-trasferiment, dak l-Istat Membru ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.

    5.   Stat Membru jista’ jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet li taqbeż l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal dik is-sena, filwaqt li jqis l-użu tal-flessibbiltajiet konformement mal-paragrafi 3 u 4, lil Stati Membri oħra. Stat Membru riċevent jista’ juża din il-kwantità għall-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt dan l-Artikolu għal dik is-sena partikulari jew għas-snin sussegwenti sal-2020. Stat Membru ma jistax jittrasferixxi xi parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu jekk, fil-mument tat-trasferiment, ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.

    6.   Sabiex ikun iffaċilitat it-trasferiment msemmi fil-paragrafi 4 u 5 u tiżdied it-trasparenza tagħhom, għandhom jiġu adottati miżuri li jindikaw il-modalitajiet għal tali trasferiment.

    Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    Artikolu 4

    L-effiċjenza enerġetika

    1.   Sal-2012 il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni u tirrapporta dwar il-progress tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha għall-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20 % sal-2020 meta jitqabbel mal-projezzjonijiet għall-2020, kif imfassla fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza Enerġetika stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006.

    2.   Jekk ikun il-każ, b’mod partikulari sabiex ikunu megħjuna Stati Membri fil-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jilħqu l-impenji tal-Komunità fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2012, tipproponi miżuri msaħħa jew ġodda biex tħaffef it-titjib fl-effiċjenza enerġetika.

    Artikolu 5

    L-użu ta’ krediti mill-attivitajiet tal-proġetti

    1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-krediti li ġejjin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom fl-Artikolu 3:

    (a)

    Tnaqqis Ċertifikat ta’ Emissjonijiet (CERs) u Unitajiet ta’ Tnaqqis ta’ Emissjonijiet (ERUs), kif stabbilit fid-Direttiva Nru 2003/87/KE, mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2012 li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012.

    (b)

    CERs u ERUs mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013 minn proġetti li jkunu reġistrati qabel l-2013 u li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012.

    (c)

    CERs mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet miksuba minn proġetti implimentati fil-PLŻ li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012, sa meta dawk il-pajjiżi rratifikaw ftehim rilevanti mal-Komunità jew sal-2020, abbażi ta’ liema jiġi l-ewwel;

    (d)

    CERs temporanji (tCERs) jew CERs fit-tul (lCERs) minn proġetti ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni sakemm, fejn Stat Membru jkun uża tCERs jew lCERs għall-impenji tiegħu konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (8) għall-perjodu mill-2008 sal-2012, l-Istat Membru jikkommetti ruħu li jibdel kontinwament dwak il-krediti permezz ta’ tCERs, lCERs jew units oħra li huma validi taħt il-Protokoll ta’ Kyoto qabel id-data ta’ skadenza tat-tCERs jew l-lCERs, u l-Istat Membru jikkommetti ruħu wkoll li jibdel kontinwament tCERs jew lCERS użati taħt din id-Deċiżjoni b’tCERs, lCERs jew units oħra li jistgħu jintużaw għal dawk l-impenji qabel id-data ta’ skadenza tat-tCERs jew l-lCERs. Fejn it-tibdil isir bl-użu ta’ tCERs jew lCERs, l-Istat Membru għandu jibdel ukoll dawk it-tCERs jew lCERs fuq bażi kontinwa qabel id-data tal-iskadenza tagħhom, sa meta jinbidlu ma’ units li jkunu ta’ validità mingħajr limitu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji politiċi tagħhom dwar l-akkwist ta’ dawn il-krediti jtejbu l-firxa ġeografika ġusta tal-proġetti u jtejbu l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.

    2.   Minbarra l-paragrafu 1, u fil-każ li n-negozjati dwar ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġux konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri jistgħu, biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 3, jużaw krediti addizzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn proġetti jew attivitajiet oħra tat-tnaqqis tal-emissjonijiet konformement mal-istrumenti ta’ ftehim imsemmija fl-Artikolu 11a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.

    3.   Sakemm jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima kif imsemmi fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, mill-1 ta’ Jannar 2013, jużaw biss il-krediti mill-proġetti f’pajjiżi terzi li jkunu rratifikaw il-ftehim.

    4.   L-użu annwali ta’ krediti minn kull Stat Membru taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandux jaqbeż kwantità ekwivalenti għal 3 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2005, flimkien ma’ kwalunkwe kwantità trasferita konformement mal-paragrafu 6.

    5.   L-Istati Membri b’limitu negattiv jew b’limitu pożittiv talanqas ta’ 5 %, kif imfisser fl-Anness II, li huma elenkati fl-Anness III, għandhom, minbarra l-krediti użati taħt il-paragrafu 4, jitħallew jużaw kull sena l-krediti addizzjonali li jammontaw għal 1 % tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom fl-2005 minn proġetti fil-PLŻ u f’SGŻJ, suġġett għall-konformità tagħhom ma’ waħda mill-erba’ kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-ispejjeż diretti tal-pakkett globali jaqbżu 0,70 % tal-GDP abbażi tal-istima tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri implimentattivi għall-għanijiet tal-UE dwar il-bidla fil-klima u l-enerġija rinovabbli għall-2020;

    (b)

    ikun hemm żieda ta’ mill-inqas 0,1 % tal-GDP bejn il-mira li fil-fatt ġiet adottata għall-Istat Membru kkonċernat u x-xenarju effettiv mil-lat tal-ispejjeż abbażi tal-istima tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija fil-punt (a);

    (c)

    iktar minn 50 % tal-emissjonijiet koperti minn din id-Deċiżjoni għall-Istat Membru kkonċernat huma responsabbli għalihom l-emissjonijiet relatati mat-trasport; jew

    (d)

    l-Istat Membru kkonċernat għandu mira ta’ enerġiji li jiġġeddu għall-2020 li hija aktar minn 30 % kif stabbilit fid-Direttiva 2009/28/KE.

    6.   Kull sena, Stat Membru jista’ jittrasferixxi, lil Stat Membru ieħor, il-parti mhux użata tal-kwantità annwali ekwivalenti għal 3 % kif speċifikat fil-paragrafu 4. Fejn l-użu annwali tal-krediti ta’ Stat Membru ma jilħaqx il-kwantità fil-paragrafu 4, l-Istat Membru jista’ jħalli l-parti mhux użata ta’ dik il-kwantità għal snin sussegwenti.

    7.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, ikunu jistgħu jużaw krediti mill-proġetti fil-livell Komunitarju maħruġa taħt l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE għall-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, bla ebda limiti ta’ kwantità.

    Artikolu 6

    Ir-rappurtaġġ, l-evalwazzjoni tal-progress, l-emendi u r-reviżjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom preżentati taħt l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, jinkludu dan li ġej:

    (a)

    l-emissjonijiet annwali tagħhom ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 3;

    (b)

    l-użu, id-distribuzzjoni ġeografika u t-tipi tal-krediti użati taħt l-Artikolu 5, kif ukoll il-kriterji ta’ kwalità li japplikaw għalihom;

    (c)

    il-progress proġettat biex jiġu sodisfatti l-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, fosthom it-tagħrif dwar il-linji politiċi u l-miżuri nazzjonali kif ukoll il-projezzjonijiet nazzjonali;

    (d)

    tagħrif dwar linji politiċi u miżuri nazzjonali oħra ppjanati, maħsuba biex jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra lil hinn mill-impenji tagħhom taħt din id-Deċiżjoni u fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, kif imsemmi fl-Artikolu 8.

    2.   Fil-każ li Stat Membru jkun qiegħed juża krediti minn tipi ta’ proġetti li ma jkunux jistgħu jintużaw mill-operaturi fl-iskema Komunitarja, dak l-Istat Membru għandu jagħti ġustifikazzjoni dettaljata għall-użu ta’ dawn il-krediti.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, fir-rapport li tippreżenta taħt l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, tevalwa jekk il-progress tal-Istati Membri ikunx suffiċjenti biex jitwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni.

    L-evalwazzjoni għandha tqis il-progress fil-linji politiċi u miżuri Komunitarji u l-informazzjoni mill-Istati Membri taħt l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

    Kull sentejn li jibdew bl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rappurtati għall-2013, il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll il-progress previst tal-Komunità lejn it-twettiq tal-impenn tagħha ta’ tnaqqis u tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni.

    4.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni, fosthom l-użu u l-kwalità tal-krediti CDM u l-ħtieġa għal aktar linji politiċi u miżuri komuni u koordinati fil-livell Komunitarju fis-setturi koperti b’din id-Deċiżjoni, sabiex tassisti lill-Istati Membri biex jilħqu l-impenji tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, u għandha tagħmel proposti kif ikun jeħtieġ il-każ.

    5.   Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha, kif ikun jeħtieġ il-każ, tagħmel proposti biex tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE u tadotta emendi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/166/KE (9) għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-atti emendatorji mill-1 ta’ Jannar 2013, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikulari:

    (a)

    monitoraġġ, rappurtaġġ u verifiki tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jkunu aktar mgħaġġla, effiċjenti, trasparenti u effikaċi meta jitqabblu man-nefqa;

    (b)

    l-iżvilupp tal-projezzjonijiet nazzjonali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2020.

    Artikolu 7

    Azzjoni korrettiva

    1.   Fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ Stat Membru jeċċedu l-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet kif speċifikat taħt l-Artikolu 3(2), waqt li jitqiesu l-flessibbiltajiet użati taħt l-Artikoli 3 u 4, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    tnaqqis mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-Istat Membru għas-sena ta’ wara ekwivalenti għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju ta’ dawk l-emissjonijiet żejda mmultiplikat b’fattur ta’ tnaqqis ta’ 1,08;

    (b)

    l-iżvilupp ta’ pjan għal azzjoni korrettiva taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; u

    (c)

    is-sospensjoni temporanja tal-eliġibbiltà ta’ trasferiment ta’ parti mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet u tad-drittijiet JI/CDM tal-Istat Membru lil Stat Membru ieħor sa meta l-Istat Membru jkun konformi mal-Artikolu 3(2).

    2.   Stat Membru kopert mill-paragrafu 1għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta lill-Kummissjoni evalwazzjoni u pjan ta’ azzjoni korrettiva li jinkludi:

    (a)

    azzjoni li l-Istat Membru se jimplimenta sabiex jissodisfa l-obbligi speċifiċi tiegħu taħt l-Artikolu 3(2), waqt li jagħti prijorità lil-linji politiċi domestiċi u l-miżuri u l-implimentazzjoni tal-azzjoni Komunitarja;

    (b)

    skeda ta’ implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni, li tippermetti l-evalwazzjoni tal-progress annwali tal-implimentazzjoni.

    Il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni dwar il-pjan ta’ azzjoni korrettiva tal-Istat Membru kkonċernat.

    Qabel ma’ tagħti din l-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għall-kummenti tal-Kumitat għall-Bidla fil-Klima imsemmi fl-Artikolu 13(1).

    Artikolu 8

    L-aġġustamenti applikabbli wara l-approvazzjoni mill-Komunitàta’ ftehim internazzjonali futur dwar il-bidla fil-klima

    1.   Sa tliet xhur wara li l-Komunità tiffirma ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, li jwassal, sal-2020, għal livelli mandatorji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jaqbżu l-20 % meta mqabbla mal-livelli fl-1990, kif rifless fl-impenn għal tnaqqis ta’ 30 % kif approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jevalwa, b’mod partikulari, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    in-natura tal-miżuri miftiehma fil-qafas tan-negozjati internazzjonali, kif ukoll l-impenji magħmula minn pajjiżi żviluppati oħra għal tnaqqis, komparabbli ma’ dak tal-Komunità, ta’ emissjonijiet u l-impenji magħmula minn pajjiżi bi żvilupp ekonomiku aktar avvanzat biex jikkontribwixxu b’mod xieraq konformement mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;

    (b)

    l-implikazzjonijiet tal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, u konsegwentement, l-għażliet mitluba fil-livell Komunitarju, sabiex isir tqarrib għall-mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % b’mod bilanċjat, trasparenti u ġust, waqt li jitqies ix-xogħol tal-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto;

    (c)

    il-kompetittività tal-industriji Komunitarji tal-manifattura fil-kuntest tar-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

    (d)

    l-impatt tal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima fuq setturi ekonomiċi Komunitarji oħra;

    (e)

    l-impatt fuq il-qasam agrikolu Komunitarju, inklużi r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

    (f)

    modalitajiet xierqa biex jiġu inklużi emissjonijiet u assorbimenti relatati ma’ użu tal-art, bdil fl-użu tal-art u forestrija fil-Komunità;

    (g)

    l-afforestazzjoni, il-forestazzjoni mill-ġdid, l-evitar tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresta f’pajjiżi terzi, f’każ li tiġi stabbilita xi sistema internazzjonali rikonoxxuta f’dan il-kuntest;

    (h)

    il-ħtieġa għal aktar linji politiċi u miżuri Komunitarji fid-dawl tal-impenji Komunitarji u tal-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    2.   Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li temenda din id-Deċiżjoni konformement mal-paragrafu 1, bil-għan li l-att emendatorju jidħol fis-seħħ hekk kif il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima jiġi approvat mill-Komunità u fid-dawl tal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jrid jiġi implimentat konformement ma’ dak il-ftehim.

    Dik il-proposta għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ effiċjenza meta mqabbla man-nefqa, kif ukoll fuq l-ekwità u s-solidarjetà fid-distribuzzjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri.

    3.   Il-proposta għandha tippermetti, kif ikun jeħtieġ il-każ, lill-Istati Membri sabiex jużaw, addizzjonalment għall-krediti previsti f’din id-Decizjoni, CERs, ERUs jew krediti oħra approvati minn pajjizi terzi li jkunu rratifikaw il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.

    4.   Il-proposta għandha tinkludi wkoll, kif ikun jeħtieġ il-każ, miżuri li jippermettu lill-Istati Membri li jużaw il-parti mhux użata tal-kwantità addizzjonali li tkun tista’ tiġi użata, imsemmija fil-paragrafu 3, fis-snin ta’ wara jew jittrasferixxu l-parti mhux użata ta’ dik il-kwantità lil Stat Membru ieħor.

    5.   Il-proposta għandha tinkludi wkoll, kif ikun jeħtieġ il-każ, kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jgħinu ħalli jintlaħaq it-tnaqqis taħt il-paragrafu 1 b’mod trasparenti, bilanċjat u ġust u, partikolarment, għandha tinkludi miżuri implimentattivi li jipprovdu biex l-Istati Membri jużaw tipi addizzjonali ta’ krediti ta’ proġetti jew mekkaniżmi oħra maħluqa konformement mal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, kif ikun jeħtieġ il-każ.

    6.   Fuq il-bażi ta’ regoli miftiehma bħala parti mill-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi emissjonijiet u assorbimenti relatati ma’ użu tal-art, użu tal-art mibdul u forestrija f’din id-Deċiżjoni, kif ikun jeħtieġ il-każ, konformement mal-modalitajiet armonizzati li jiżguraw il-permanenza u l-integrità ambjentali fil-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, użu tal-art mibdul u forestrija kif ukoll sorveljar u responsabbiltà akkurati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-distribuzzjoni ta’ sforzi ta’ Stati Membri individwali għandhomx ikunu aġġustati b’dan il-mod.

    7.   Dik il-proposta għandha tinkludi il-miżuri tranżizzjonali u ta’ sospensjoni xierqa sa meta jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.

    Artikolu 9

    Proċedura fir-rigward tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-każ li ma jsirx ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima

    Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġi approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw l-intenzjonijiet tagħhom għall-inklużjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn ta’ tnaqqis tal-Komunità b’kunsiderazzjoni għall-metodoloġiji fil-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-UNFCCC. Il-kunsiderazzjoni ta’ speċifikazzjoni bħal din mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2011, tevalwa modalitajiet għall-inklużjoni ta’ emissjonijiet u assorbimenti minn attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn tat-tnaqqis tal-Komunità filwaqt li tiżgura l-permanenza u l-integrità ambjentali tal-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll monitoraġġ preċiż u responsabbiltà u tagħmel proposta kif ikun jeħtieġ il-każ bil-għan tad-dħul fis-seħħ tal-att propost mill-2013 ‘il quddiem. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk id-distribuzzjoni tal-isforzi ta’ Stati Membri individwali għandhiex tkun aġġustata konformement mal-każ.

    Artikolu 10

    Bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 24a tiegħu

    L-ammont massimu ta’ emissjonijiet għal kull Stat Membru taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi aġġustat abbażi tal-ammont ta’:

    (a)

    kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jingħataw skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE li jirriżulta minn bidla fil-firxa tas-sorsi taħt dik id-Direttiva wara l-approvazzjoni finali mill-Kummissjoni tal-pjanijiet dwar l-allokazzjoni annwali għall-perjodu mill-2008 sal-2012 taħt id-Direttiva 2003/87/KE;

    (b)

    kwoti jew krediti maħruġa skont l-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 2003/87/KE rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet fi Stat Membru kopert b’din id-Deċiżjoni;

    (c)

    kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn stallazzjonijiet esklużi mill-iskema Komunitarja taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE għaż-żmien li huma esklużi.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-figuri li jirriżultaw minn dak it-tibdil.

    Artikolu 11

    Ir-reġistri u l-Amministratur Ċentrali

    1.   Ir-reġistri tal-Komunità u tal-Istati Membri stabbiliti taħt l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE għandhom jiżguraw il-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

    2.   L-Amministratur Ċentrali maħtur bl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jwettaq, permezz tar-reġistru indipendenti ta’ tranżazzjonijiet, monitoraġġ ta’ kull tranżazzjoni taħt din id-Deċiżjoni, u fejn meħtieġ iwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex ikun żgurat li ma jkunx hemm irregolaritajiet. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

    Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    Artikolu 12

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 994/2008

    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 994/2008/KE tat-8 ta’ Ottubru 2008 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri konformement mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    Artikolu 13

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar il-Bidla fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 14

    Rapport

    Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dak ir-rapport għandu jevalwa wkoll kif l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni affettwat il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali, fil-livell Komunitarju u fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Ottubru 2016, flimkien ma’ proposti kif jixraq, partikolarment jekk hux xieraq li jkun hemm miri nazzjonali differenti għall-perjodu ta’ wara l-2020.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 16

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strażburgu, it-23 ta' April 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NEČAS


    (1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 71.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009.

    (3)  ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

    (4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (5)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.

    (6)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal uffiċjali.

    (7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/166/KE tal-10 ta’ Frar 2005 li tistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 57).

    (10)  ĠU L 271, 11.10.2008, p. 3.


    ANNESS I

    KATEGORIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1) TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI KIF SPEĊIFIKAT IKTAR FL-ANNESS I, KATEGORIJI 1 SA 4 U 6 TAD- DEĊIŻJONI 2005/166/KE

    Enerġija

    Kombustjoni tal-karburanti

    Emissjonijiet li jaħarbu mill-karburanti

    Proċessi industrijali

    Użu ta’ solventi u ta’ prodotti oħrajn

    Agrikoltura

    Skart


    ANNESS II

    LIMITI TA’ EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET SERRA TAL-ISTATI MEMBRI TAĦT L-ARTIKOLU 3

     

    Limiti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istat Membru fl-2020 kif imqabbel mal-livelli tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra

    Il-Belġju

    –15  %

    Il-Bulgarija

    20 %

    Ir-Repubblika Ċeka

    9 %

    Id-Danimarka

    –20  %

    Il-Ġermanja

    –14  %

    L-Estonja

    11 %

    L-Irlanda

    –20  %

    Il-Greċja

    –4  %

    Spanja

    –10  %

    Franza

    –14  %

    L-Italja

    –13  %

    Ċipru

    –5  %

    Il-Latvja

    17 %

    Il-Litwanja

    15 %

    Il-Lussemburgu

    –20  %

    L-Ungerija

    10 %

    Malta

    5 %

    L-Olanda

    –16  %

    L-Awstrija

    –16  %

    Il-Polonja

    14 %

    Il-Portugall

    1 %

    Ir-Rumanija

    19 %

    Is-Slovenja

    4 %

    Is-Slovakkja

    13 %

    Il-Finlandja

    –16  %

    L-Iżvezja

    –17  %

    Ir-Renju Unit

    –16  %


    ANNESS III

    L-ISTATI MEMBRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5(5)

     

    Il-Belġju

     

    Id-Danimarka

     

    L-Irlanda

     

    Spanja

     

    L-Italja

     

    Ċipru

     

    Il-Lussemburgu

     

    L-Awstrija

     

    Il-Portugall

     

    Is-Slovenja

     

    Il-Finlandja

     

    L-Iżvezja


    Top