EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0380

2009/380/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuniet mill-Istat C 22/07 (ex N 43/07) rigward l-estensjoni għal ċerti attivitajiet ta’ tħammil u tqegħid ta’ kejbils tar-reġim li jeżonera l-kumpaniji tat-trasport marittimu mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħrin fid-Danimarka (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8886) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

ĠU L 119, 14.5.2009, p. 23–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/380/oj

14.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Jannar 2009

dwar l-għajnuniet mill-Istat C 22/07 (ex N 43/07) rigward l-estensjoni għal ċerti attivitajiet ta’ tħammil u tqegħid ta’ kejbils tar-reġim li jeżonera l-kumpaniji tat-trasport marittimu mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħrin fid-Danimarka

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8886)

(It-test Daniż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/380/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Jannar 2007 (2), id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni dwar emenda għar-reġim li jeżonera lis-sidien tal-bastimenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tal-baħrin tagħhom fid-Danimarka (l-hekk imsejjaħ reġim DIS. Ir-reġim DIS ġie awtorizzat permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2002 (3).

(2)

L-emenda notifikata ġiet irreġistrata bin-numru N 43/07. Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2007 (4), id-Danimarka bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni ġdida li kienet talbet bl-ittra tal-20 ta’ Marzu 2007 (5).

(3)

Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2007 (6), il-Kummissjoni għarrfet lid-Danimarka dwar il-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (minn hawn ‘il quddiem ir-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat) (7). Id-Danimarka ppreżentat il-kummenti tagħha bl-ittra tal-5 ta’ Settembru 2007 (8).

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (9). B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri kkunsidrati.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand dawn il-partijiet interessati: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Bastimenti tat-Tħammil (European Dredgers’ Association), l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tal-Komunità Ewropea (European Community Ship-owners Association), il-Kamra tat-Tbaħħir tar-Renju Unit (Chamber of British Shipping), l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja (Norwegian Ship-owner Association), Armateurs de France, Alcatel-Lucent u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka (Danish Shipowners’ Association). Il-Kummissjoni għaddiet il-kummenti rispettivi tagħhom lid-Danimarka, li ngħatat l-opportunità twieġeb. Id-Danimarka bagħtet il-kummenti tagħha permezz tal-ittra tad-9 ta’ Jannar 2008 (10).

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI NOTIFIKATI

(6)

Id-deskrizzjoni tal-miżuri notifikati kienet diġà ġiet stabbilita fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 li ssemmiet qabel.

2.1.   Deskrizzjoni tal-emenda notifikata tar-reġim DIS

(7)

L-għan ewlieni tal-miżuri notifikati (L-Abbozz Nru L 110 (2006-07), it-Taqsima 11) huwa li jiġi estiż l-hekk imsejjaħ reġim DIS għall-baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils u dawk tat-tħammil.

(8)

Fil-każ tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils, sa issa, l-attivitajiet tagħhom għad ma kinux eliġibbli għar-reġim DIS, minkejja li dawn il-bastimenti setgħu jirreġistraw fir-reġistru DIS skont il-liġi Daniża.

(9)

Id-Danimarka tixtieq li minn issa ‘l quddiem anke l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tar-reġim DIS.

(10)

Rigward il-bastimenti tat-tħammil, Ordni Eżekuttiva tas-27 ta’ Mejju 2005 li timplimenta r-reġim DIS (minn hawn ‘il quddiem l-Ordni Eżekuttiva) tispeċifika x’jista’ jitqies bħala trasport marittimu għall-industrija tat-tħammil, bl-għan li jiġu stabbiliti regoli għall-eliġibbiltà tal-attivitajiet ta’ tħammil. Skont it-Taqsima 13 tal-Ordni Eżekuttiva, dawn l-attivitajiet ta’ bastimenti tat-tħammil jitqiesu bħala trasport marittimu:

(1)

tbaħħir bejn il-port u s-sit tal-estrazzjoni;

(2)

tbaħħir bejn il-post tal-estrazzjoni u l-post fejn il-materjali estratti għandhom jinħattu, inkluż il-ħatt innifsu;

(3)

tbaħħir bejn il-post fejn isir il-ħatt u l-port;

(4)

tbaħħir fil-postijiet tal-estrazzjoni u bejniethom;

(5)

tbaħħir li jsir fuq talba tal-awtoritajiet pubbliċi biex tingħata assistenza relatata mat-tindif wara tixrid ta’ żejt, eċċ.

(11)

Skont il-liġi attwali tad-Danimarka, il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel ma jistgħux jiddaħħlu fir-reġistru DIS. Għaldaqstant, il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet bażiċi biex japplikaw għar-reġim DIS. Barra minn hekk, minħabba li sa ċertu punt il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel jintużaw għal, pereżempju, xogħol ta’ kostruzzjoni f’ilmijiet territorjali – id-Danimarka sabitha bi tqila biex tinkludi l-bastimenti tat-tħammil tar-ramel fl-iskema ġenerali ta’ pagi netti. Minflok, id-Danimarka ddeċidiet li tintaxxa lill-persuni li jaħdmu abbord il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel skont ir-regoli ġenerali tat-tassazzjoni, u sussegwentement tagħti rifużjoni tat-taxxa lis-sidien tal-bastimenti hekk kif il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati.

(12)

B’hekk, it-tħammil huwa kopert indirettament bir-reġim DIS u jgawdi l-istess vantaġġi bħal dawk li jgawdu l-kumpaniji tat-trasport marittimu li joperaw bastimenti reġistrati fir-reġistru DIS.

2.2.   Deskrizzjoni tar-reġim DIS eżistenti

(13)

Ir-reġim DIS ġie deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 li ssemmiet qabel (11).

(14)

Ir-reġim eżistenti jikkonsisti f’eżenzjoni – favur is-sidien tal-bastimenti – mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxa fuq id-dħul tal-baħrin li jaħdmu abbord bastimenti reġistrati fid-Dansk Internationalt Skibsregister, ir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti Daniż (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-reġistru DIS”) meta l-bastimenti jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija.

(15)

Il-Kummissjoni tfakkar li r-reġistru DIS ġie introdott permezz tal-Liġi Nru 408 tal-1 ta’ Lulju 1988 u daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 1988. Dan ir-reġim kien maħsub biex jikkumbatti l-bdil tal-istat tal-bandiera minn dak tar-reġistru nazzjonali Daniż għal wieħed ta’ pajjiż terz.

(16)

Waħda mill-kundizzjonijiet hija li l-eżenjoni mit-taxxa tiġi kkunsidrata meta l-pagi jiġu ffissati. B’hekk, tkun il-kumpanija tat-tbaħħir li tgawdi l-benefiċċju fiskali u mhux il-baħrin b’mod individwali.

(17)

Madankollu, fit-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni approvat ir-reġim DIS.

(18)

Bħalissa, id-Danimarka tapplika wkoll skema oħra li tiffavorixxi lill-operaturi tat-trasport marittimu: skema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ (12).

2.3.   Baġit

(19)

Il-baġit totali tar-reġim DIS jammonta għal madwar DKK 600 miljun.

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI

3.1.   Dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri li jikkonċernaw it-tqegħid ta’ kejbils

(20)

Meta ħadet id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni kkunsidrat li għandha teżamina l-effetti ekonomiċi potenzjali li din l-estensjoni tista’ tħalli fuq is-settur konċernat. Is-settur konċernat huwa dak tat-tqegħid ta’ kejbils tat-telekomunikazzjoni jew tal-enerġija f’qiegħ il-baħar.

(21)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li hu impossibbli tifred attività marittima partikolari fi tnejn, parti meqjusa bħala trasport marittimu u l-oħra le. Minflok hi tal-fehma li jeħtieġ li ssir valutazzjoni globali tat-tipi kollha tal-attivitajiet marittimi biex jiġi ddeterminat jekk il-vjaġġ bil-baħar partikolari li jiġi eżaminat jistax jitqies totalment bħala trasport marittimu.

(22)

B’konsegwenza ta’ dan, fid-deċiżjoni li ħadet biex tinbeda proċedura b’mod formali l-Kummissjoni esprimiet il-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils fil-baħar ma jistax jitqies bħala superpożizzjoni ta’ servizz ta’ trasport marittimu u tat-tqegħid effettiv ta’ kejbils fil-baħar.

(23)

Normalment, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jittrasportawx irkiekel tal-kejbils minn port għall-ieħor, jew minn port għal installazzjoni offshore, peress li din hi d-definizzjoni tat-trasport marittimu stabbilita fir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (13) u (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (14). Minflok dawn il-bastimenti jqiegħdu l-kejbils, fuq talba ta’ klijent, minn punt partikolari li jinsab fuq kosta sa punt partikolari ieħor li jinsab fuq kosta oħra. Għaldaqstant, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jidhirx li jagħtu servizzi ta’ trasport marittimu diretti fis-sens ta’ dawn ir-Regolamenti tal-KE, jiġifieri l-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar bejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru u kwalunkwe port jew installazzjoni off-shore ta’ Stat Membru ieħor. Anke jekk xi drabi dawn il-bastimenti jistgħu jintużaw għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar, kif previst fir-Regolamenti (KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92, din l-attività li taqbel mad-definizzjoni ta’ trasport marittimu jidher li hija biss ta’ natura anċillari għall-attività prinċipali tagħhom, li hija t-tqegħid ta’ kejbils.

(24)

Barra minn hekk, f’dak l-istadju, il-Kummissjoni nnotat li kien għadu ma ġiex ippruvat jekk il-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils stabbiliti fil-Komunità jġarrbux l-istess problemi ta’ kompetizzjoni fis-suq dinji bħal dawk li jġarrbu l-operaturi tat-trasport marittimu. Skont il-Kummissjoni, għadu mhuwiex ċar jekk l-operaturi tal-Komunità li jqiegħdu l-kejbils jiffaċċawx il-kompetizzjoni minn bastimenti b’bandiera ta’ konvenjenza bl-istess intensità bħal fil-każ tat-trasport marittimu.

(25)

Għalhekk, il-Kummissjoni, meta ddeċidiet li tinbeda l-proċedura, ikkunsidrat li t-tqegħid ta’ kejbils jista’ ma jiġix meqjus li jikkostitwixxi trasport marittimu u konsegwentement jista’ ma jkunx eliġibbli għall-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu fis-sens tal-linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu (minn hawn ‘il quddiem il-Linji Gwida) (15).

3.2.   Dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri li jikkonċernaw it-tħammil

(26)

Fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni wriet dubji serji dwar jekk l-attivitajiet ta’ tħammil kollha koperti bl-iskema jikkostitwixxux trasport marittimu fis-sens tal-Linji Gwida. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li mhux l-attivitajiet ta’ tħammil kollha jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu.

4.   KUMMENTI MID-DANIMARKA DWAR ID-DEĊIŻJONI LI JINBEDA PROĊESS TA’ INVESTIGAZZJONI

4.1.   Kummenti dwar it-tqegħid ta’ kejbils

(27)

Fir-rigward ta’ bastimenti li jqiegħdu l-kejbils, id-Danimarka enfasizzat li s-servizzi tal-Kummissjoni, f’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006 (16), żguraw lid-Danimarka li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jkunu koperti bil-miżuri ta’ għajnuniet mill-Istat konċernati sakemm jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ 50 % ta’ trasport marittimu.

(28)

Skont id-Danimarka, il-Kummissjoni ddikjarat li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jistgħu jitqiesu bħala trasport marittimu fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet li jinvolvu t-trasport ta’ rkiekel ta’ kejbils mill-port tat-tagħbija għal post f’ibħra miftuħa fejn ikun se jinbeda t-tqegħid ta’ kejbils, li jimplika li l-proporzjon ta’ attivitajiet marittimi mal-ammont totali ta’ attivitajiet għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-distanza li l-bastiment ibaħħar mingħajr ma jqiegħed kejbils.

(29)

Barra minn hekk, id-Danimarka tenfasizza li ma fehmitx għalfejn il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007, kienet tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils ma jistax ikun taħlita ta’ trasport marittimu u attivitajiet oħrajn u tinsisti li din il-fehma tikkontradixxi l-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Awwissu 2006.

4.2.   Kummenti dwar it-tħammil

(30)

Skont id-Danimarka, il-Linji Gwida jippermettu li l-attività ġenerali tal-bastimenti tat-tħammil titqassam bejn trasport marittimu u attivitajiet oħra. Għaldaqstant, id-Danimarka ma tarax għalfejn ma jistax isir l-istess tip ta’ tqassim fil-każ tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils.

(31)

Id-Danimarka tenfasizza li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-251/04, li ssemmiet mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura, ma tibdilx il-bażi tal-garanzija li l-Kummissjoni tat lid-Danimarka permezz tal-ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006 li ssemmiet qabel. Skont id-Danimarka, il-Qorti ċċarat il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet tat-tug boats humiex koperti bir-Regolament 3577/92, fejn ikkonkludiet li mhumiex koperti. Id-Danimarka hi tal-fehma li din id-deċiżjoni mhix rilevanti għall-applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils.

(32)

L-awtoritajiet Daniżi jindikaw li l-Linji Gwida ma jittrattawx biss it-trasport marittimu kif iddefinit fir-Regolamenti (KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92 iżda, “… anke, f’partijiet speċifiċi, jittrattaw l-irmonk u t-tħammil.”

(33)

Skont il-Linji Gwida, mill-inqas 50 % tal-attivitajiet kollha jikkostitwixxu trasport marittimu li, għall-bastimenti tat-tħammil, huwa ddefinit fil-Linji Gwida, skont l-awtoritajiet Daniżi, bħala “… trasport bil-baħar ta’ materjal estratt …”. Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-Linji Gwida għandhom jiġu interpretati li jikkwalifikaw it-trasport bil-baħar ta’ materjal estratt bħala trasport marittimu.

(34)

Barra minn hekk, id-Danimarka ma taqbilx mal-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi b’mod unilaterali l-ambitu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni biex ikopri l-oqsma li mhumiex inklużi fin-notifika li hija s-suġġett tal-investigazzjoni, kif jidher li qed tagħmel il-Kummissjoni (17). Skont id-Danimarka, fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar għajnuniet notifikati li tippermetti lill-Kummissjoni tinkludi fl-investigazzjoni miżuri ta’ għajnuniet mill-Istat li jkunu diġà eżistenti. Meta l-Kummissjoni tkun tixtieq tinvestiga miżuri eżistenti ta’ għajnuniet mill-Istat, skont id-Danimarka, din għandha tagħmel hekk skont il-Kapitolu V dwar il-proċedura relatata mal-iskemi tal-għajnuna eżistenti tar-Regolament imsemmi.

(35)

Id-Danimarka tiddikjara li nnotifikat l-emendi fil-21 ta’ Jannar 2005 permezz ta’ żewġ abbozzi li l-Gvern kien ippreżenta lill-Parlament fit-12 ta’ Jannar 2005 (Abbozz dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin u Abbozz li jemenda l-Att tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ). Skont id-Danimarka, iż-żewġ abbozzi konċernati jistgħu jitqiesu bħala approvati mill-Kummissjoni minħabba dawn iż-żewġ raġunijiet:

L-ewwel nett, kif allegaw l-awtoritajiet Daniżi, minħabba li l-Kummissjoni ma ħadet ebda azzjoni dwar l-ittra tal-21 ta’ Jannar 2005 mir-Rappreżentanza Permanenti sal-limitu ta’ żmien stabbilit bir-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat.

It-tieni nett, sussegwentement, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermaw li l-emendi kienu konformi mal-Linji Gwida.

(36)

Għaldaqstant, id-Danimarka tallega li l-Att dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin fil-verżjoni oriġinali tagħha tar-rebbiegħa 2005 tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuniet mill-Istat approvata skont il-liġijiet tal-UE.

(37)

Għalhekk, id-Danimarka tikkonkludi li l-proċedura ta’ investigazzjoni tista’ tkopri biss l-allegata miżura unika notifikata, jiġifieri l-possibbiltà tal-inklużjoni, fl-iskema DIS, ta’ baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils.

(38)

Rigward il-bastimenti tat-tħammil, il-gvern Daniż jindika li fit-13 ta’ Diċembru 2006 kien adotta l-Att li jemenda l-Att dwar it-tassazzjoni tal-baħrin. L-emenda tal-Att dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin konċernata ġiet innotifikata fil-15 ta’ Jannar 2007.

(39)

Għall-fini tal-Linji Gwida, id-Danimarka tqis it-trasport ta’ materjal estratt f’ibħra fondi bħala trasport marittimu. Għalhekk, il-bastimenti tat-tħammil jaqgħu taħt l-ambitu tal-Linji Gwida, indipendentement mill-kontenut tar-Regolamenti(KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92 li l-attivitajiet tagħhom jinkludu t-trasport marittimu (iddefinit, skont id-Danimarka, bħala “trasport bil-baħar ta’ materjal estratt”) għal mill-inqas 50 % tal-ħin operattiv tagħhom.

(40)

L-awtoritajiet Daniżi jiddikjaraw ukoll li l-attivitajiet fi “traffiku marittimu limitat” mhumiex koperti mill-iskemi Daniżi ta’ għajnuniet mill-Istat. “Traffiku marittimu limitat” jinftiehem bħala pereżempju, l-attivitajiet fil-portijiet u l-fjordi. Għaldaqstant, ix-xogħol ta’ tħaffir u tħammil fil-portijiet u l-fjordi u madwarhom dejjem jaqa’ lil hinn mill-ambitu tar-reġim DIS. Dan japplika wkoll għall-bastimenti li jkunu weqfin.

(41)

L-awtoritajiet Daniżi jispjegaw li, fil-prattika, ix-xogħol ta’ tħaffir u tħammil (spiss) jitwettaq bl-użu ta’ bastimenti tat-tħammil tat-tip “bucket chain” li ma jkollhomx il-magni tagħhom stess u għal din ir-raġuni wkoll ma jaqgħux fl-ambitu tar-reġim DIS. Il-bastimenti li jkollhom il-magni tagħhom stess jistgħu jiġu koperti bir-reġim. Madankollu, il-bastimenti li jintużaw għal attivitajiet kuntrattwali fuq il-baħar huma esklużi mir-reġim DIS. B’attivitajiet kuntrattwali, wieħed jifhem li huma x-xogħol ta’ kostruzzjoni u tiswija ta’ portijiet, mollijiet, pontijiet, rigs taż-żejt, impjanti ta’ mtieħen tar-riħ u installazzjonijiet oħrajn fuq il-baħar.

5.   OSSERVAZZJONIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   L-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tħammil (European Dredging Association), minn hawn ‘il quddiem (EUDA)

(42)

Skont l-EUDA, il-Kummissjoni introduċiet reġim ferm aktar strett għall-għajnuniet mill-Istat għall-attivitajiet ta’ tħammil minn dak stabbilit permezz tal-Linji Gwida tal-1997. Filwaqt li tappoġġa l-għan li tinżamm flotta ta’ bastimenti tat-tħammil fil-Komunità, l-EUDA tesprimi żewġ preokkupazzjoniet ġenerali:

L-ewwel nett, l-EUDA tappoġġa l-fehma li l-grupp marittimu tal-Industrija Ewropea tat-tħammil għandu jkollu l-possibbiltà li jibbenifika mill-għajnuniet mill-Istat skont il-Linji Gwida kull meta jkun qed jiffaċċa kompetizzjoni minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi.

It-tieni nett, l-EUDA tqis li l-għajnuniet mill-Istat li jiġu approvati mill-Kummissjoni abbażi tal-Linji Gwida ma għandhom jimponu l-ebda piż amministrattiv bla bżonn fuq il-grupp marittimu tal-industrija Ewropea tat-tħammil.

5.2.   L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA)

(43)

L-ECSA tqis l-approċċ tal-Kummissjoni bħala wieħed teoretiku ħafna u li ma jqisx l-għanijiet u l-kontenut tal-Linji Gwida.

(44)

Skont l-ECSA, fil-Linji Gwida diġà hemm prekondizzjoni li parti sostanzjali mill-attività ta’ tħammil tkun magħmula minn trasport marittimu. L-ECSA hi tal-fehma li l-bastimenti tat-tħammil u dawk li jqiegħdu l-kejbils rispettivament jittrasportaw il-materjal estratt u l-kejbils minn punt A għal punt B. F’dan ir-rigward, il-punt tat-tagħbija u l-punt tal-ħatt, skont l-ECSA, mhux rilevanti.

(45)

L-ECSA tenfasizza li l-ambitu li jkopri l-attivitajiet ta’ trasport tal-bastimenti tat-tħammil u ta’ dawk li jqiegħdu l-kejbils permezz tal-Linji Gwida huwa konformi għal kollox mal-għanijiet tal-Linji Gwida peress li dawn il-bastimenti speċjalizzati joperaw ukoll f’suq globali li jiffaċċa kompetizzjoni globali ħarxa u f’suq tax-xogħol dinji.

5.3.   Il-Kamra tat-Tbaħħir tar-Renju Unit (Chamber of British Shipping)

(46)

Iċ-Chamber of British Shipping tenfasizza li l-Linji Gwida jirrikonoxxu li l-attivitajiet eliġibbli u mhux eliġibbli ta’ bastimenti tat-tħammil tassew jistgħu jitwettqu mill-istess bastiment u għaldaqstant għandhom jiġu ddifferenzjati. Għalhekk, iċ-Chamber of British Shipping tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha għad-dikjarazzjoni li “l-Kummissjoni tqis li hu impossibbli taqsam attività partikolari fi tnejn, parti meqjusa bħala trasport marittimu u l-oħra le”.

(47)

Skont il-fehma taċ-Chamber of British Shipping, mhemmx għalfejn issir distinzjoni bejn it-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri li jitwettaq lejn jew minn post li jidher f’lista ta’ portijiet u installazzjonijiet u t-tali trasport lejn xi punti oħrajn speċifiċi fil-baħar. Iċ-Chamber hija preokkupata li jidher li se jiġi introdott test ġdid, li jkun marbut mar-raġuni għalfejn il-merkanzija jew il-passiġġieri jkunu qed jiġu ttrasportati. Għaldaqstant, hija tal-fehma li l-motiv tal-klijent mhux rilevanti għall-eliġibilità tal-operazzjoni tat-tbaħħir. Iċ-Chamber of British Shipping tiċċara li d-destinazzjoni speċifika tal-materjal trasportat tiġi ddeterminata fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mill-klijent skont l-użu futur tiegħu u/jew skont il-liċenzji ambjentali u liċenzji oħrajn tiegħu.

(48)

Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-operat normali tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils kif tidher fl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iċ-Chamber of British Shipping ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni: skont iċ-Chamber, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jgħabbu l-merkanzija ta’ kejbils tal-klijenti tagħhom fil-faċilitajiet ta’ portijiet u jittrasportawha għal serje ta’ postijiet oħrajn, li jistgħu jinkludu portijiet oħrajn, fejn tiġi kkonsenjata permezz ta’ tqegħid progressiv fuq jew f’qiegħ il-baħar.

5.4.   L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja (Norwegian Shipowner Association)

(49)

Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja, il-Kummissjoni għandha tinterpreta l-kunċett tat-“trasport marittimu” b’mod flessibbli, peress li l-kumpaniji tat-tqegħid tal-kejbils u tat-tħammil għandhom l-istess mobbiltà internazzjonali u huma soġġetti għall-istess forzi ta’ kompetizzjoni globali bħal dawk tat-“trasport marittimu” klassiku.

(50)

Fil-fehma tagħhom, it-trasport u t-tqegħid ta’ kejbil minn punt A sa punt B hija operazzjoni simultanja u integrata, li fiha, il-kejbil “jinħatt” gradwalment f’qiegħ il-baħar.

(51)

Bl-istess mod, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja hi tal-fehma li t-trasportazzjoni għall-fini tar-rimi ta’ ħama li jiġi minn tħammil għandha titqies bħala trasportazzjoni, anke meta is-sit tat-tħammil u/jew tal-ħatt la jkun port u lanqas installazzjoni offshore.

5.5.   L-Armateurs de France

(52)

Skont l-Armateurs de France, it-trasport marittimu mhux definit b’mod identiku fir-Regolamenti (KEE) Nru 3577/92 u (KEE) Nru 4055/86, kif imsemmi fil-Linji Gwida. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ trasport marittimu fir-rigward tal-għajnuniet mill-Istat ma għandhiex għalfejn tkun l-istess bħad-definizzjoni stabbilita fir-Regolamenti. L-Armateurs de France hija tal-fehma li minkejja dan, id-definizzjoni li jipprovdi r-Regolament (KEE) Nru 3577/92 għandha tiġi interpretata li mhix eżawrjenti. Skont l-Armateurs de France, għalhekk, il-Linji Gwida ma jeskludux l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils u ta’ tħammil.

(53)

Fil-fehma tal-Armateurs de France, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, mhix rilevanti għall-attivitajiet inkwistjoni peress li ma teskludix l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jew ta’ tħammil tat-trasport marittimu. L-Armateurs de France tenfasizza li dawn l-attivitajiet mhumiex servizzi “relatati, inċidentali jew anċillari għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport marittimu”, fis-sens tad-deċiżjoni, iżda pjuttost jikkostitwixxu trasport ta’ merkanzija fuq il-baħar lejn jew minn installazzjonijiet offshore.

(54)

L-Armateurs de France issostni li, jekk il-Linji Gwida jiġu interpretati fis-sens li t-trasport purament marittimu biss jista’ jkun eliġibbli għall-għajnuna għat-trasport marittimu, din l-interpretazzjoni, fit-teorija, teskludi wkoll mill-ambitu tal-Linji Gwida lil dawk il-bastimenti li jbaħħru bla tagħbija fi triqthom lura wara li jkunu ttrasportaw il-merkanzija. Peress li l-Linji Gwida diġà jkopru l-bastimenti tal-irmonk u tat-tħammil f’każ li aktar minn 50 % tal-attività li tkun twettqet mill-bastiment tal-irmonk matul sena speċifika jkun jikkostitwixxi trasport marittimu, skont l-Armateurs de France, dan il-kunċett għandu jiġi estiż għall-bastimenti kollha tas-servizz, bħal mhuma l-bastimenti tat-tħammil u tat-tqegħid ta’ kejbils.

5.6.   Alcatel-Lucent

(55)

L-Alcatel-Lucent tenfasizza l-importanza li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils għandhom fis-suq tax-xogħol marittimu, speċjalment meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ għarfien teknoloġiku meħtieġ f’dak il-qasam. Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jimpjegaw l-aktar ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol marittimu. Għalhekk, l-estensjoni tar-reġim DIS għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils tissodisfa l-għan tal-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu kif definit fil-Linji Gwida peress li tissalvagwardja l-impjieg ta’ kwalità għolja fl-Ewropa għall-impjegati marittimi Ewropej. Minħabba l-kriżi tas-suq tat-telekomunikazzjoni, il-flotta tal-bastimenti bil-bandiera Komunitarja li jqiegħdu l-kejbils tat-telekomunikazzjoni naqset minn 80 għal 35 bastiment, li jikkompetu ma’ bastimenti reġistrati taħt bnadar ta’ konvenjenza.

(56)

Is-suq għandu dimensjoni globali. Fl-aqwa tal-introduzzjoni tal-Internet laħaq il-100 000 km fis-sena, imbagħad, bejn l-2003 u l-2006 naqas għal 20 000 km fis-sena u bħalissa jinsab bejn 50 000 u 70 000 km fis-sena.

(57)

Meta wieħed iqis li l-konnessjonijiet permezz tal-kejbils jinkludu vjaġġi transoċeaniċi u li l-akbar bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jesgħux aktar minn 3 000 km ta’ kejbils fuq l-irkiekel, l-Alcatel-Lucent hi tal-fehma li l-aktar attività sinifikanti tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils hi li jittrasportaw l-irkiekel tal-kejbils mill-fabbrika li tipproduċi l-irkiekel tal-kejbils sal-punt fil-baħar fejn il-kejbil għandu jiġi konness u fejn ikun se jitqiegħed f’qiegħ il-baħar. Skont l-Alcatel, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jaqgħu fl-ambitu tat-trasport marittimu, minħabba l-ħatt kostanti ta’ tagħbija minn fuq il-bastiment waqt li jkun qed ibaħħar. Għalhekk, l-attività tat-tqegħid tal-kejbils għandha titqies bħala trasport tat-tagħbija.

(58)

Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, ir-Regolamenti 3577/92 u 4055/86 ma jillimitawx b’mod strett it-tipi ta’ destinazzjonijiet fil-baħar (bejn żewġ portijiet jew bejn port u installazzjoni offshore). Fil-fehma tagħha, punt speċifiku fil-baħar għandu jitqies bħala destinazzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, jista’ jitqies li mal-ewwel metru ta’ tqegħid ta’ kejbil f’qiegħ il-baħar, l-attività ta’ tqegħid ta’ kejbils tinbidel f’installazzjoni offshore u għaldaqstant, it-tqegħid ta’ kejbils li jsir wara ma jkun xejn għajr operazzjoni ta’ trasport għal din l-installazzjoni offshore.

(59)

Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, tippermetti indirettament l-estensjoni tad-definizzjoni ta’ trasport marittimu, sakemm tkun koperta mill-għanijiet tal-Linji Gwida. Skont l-Alcatel-Lucent, l-għanijiet ewlenin tagħhom huma li jissalvagwardjaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Komunità u li jsostnu l-preżenza ta’ flotta kompetittiva fis-swieq dinjin. Għaldaqstant, minkejja li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jistgħu jitqiesu bħala forniment ta’ servizz (inċidentali jew anċillari għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport marittimu), il-Linji Gwida huma applikabbli għall-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils, peress li dawn l-attivitajiet jissodisfaw ukoll l-għanijiet tal-Linji Gwida.

(60)

Fl-aħħarnett, l-Alcatel-Lucent hija tal-fehma li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, huwa importanti li tinżamm flotta kbira ta’ bastimenti li jqiegħdu l-kejbils u li jtajru l-bandiera Komunitarja.

5.7.   L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka (Danish Shipowners’ Association)

(61)

Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka, it-tqegħid ta’ kejbils huwa attività “fiha nfisha” u mhux servizz ta’ assistenza relatat mal-attività ta’ rmonk, li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, qieset li ma taqax taħt l-ambitu tar-Regolamenti 3577/92 u 4055/86. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka tagħti aktar importanza li l-għanijiet tal-Linji Gwida jiġu kkunsidrati. Għalhekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka tfakkar li l-industrija Ewropea tat-tqegħid ta’ kejbils timpjega ħafna baħrin fl-Ewropa. Barra minn hekk, it-tqegħid ta’ kejbils jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ regoli u standards ta’ sikurezza, kif ukoll għar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ bastimenti fir-reġistri Komunitarji.

(62)

L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka hija tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils huwa espost għall-istess pressjoni kompetittiva bħal dik li jesperjenzaw l-operaturi tat-trasport marittimu Komunitarji fis-swieq dinjin. It-tbaħħir bejn kontinent u ieħor huwa wieħed mill-funzjonijiet tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils.

(63)

Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka hija tal-fehma li r-regoli Daniżi dwar it-tħammil tar-ramel jaqgħu fl-ambitu tal-Linji Gwida, minħabba li għandhom l-istess formulazzjoni ta’ kliem. Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka, it-tħaffir ma jaqax taħt l-ambitu tal-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni. Barra minn hekk, it-tħammil huwa eliġibbli biss meta jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li mill-inqas 50 % tal-attivitajiet konċernati jikkostitwixxu trasport marittimu.

5.8.   Kummenti mid-Danimarka dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

(64)

Fil-kummenti tagħhom dwar l-osservazzjonijiet li ressqu l-partijiet interessati, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu l-argumenti li kienu esprimew qabel u jenfasizzaw li l-partijiet interessati kollha wrew l-appoġġ tagħhom biex il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jiddaħħlu fl-ambitu tal-Linji Gwida.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

6.1.   Tqegħid ta’ kejbils

(65)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li, bħat-trasport marittimu, l-attivitajiet tat-tqegħid ta’ kejbils jeħtieġ baħrin kwalifikati, bi kwalifiki simili għal ta’ dawk li jaħdmu abbord bastimenti tradizzjonali tat-trasport marittimu. Tinnota wkoll li l-baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma rregolati bl-istess liġi tax-xogħol u qafas soċjali bħal baħrin oħrajn.

(66)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma bastimenti marittimi u li għandhom l-obbligu li jgħaddu mill-istess kontrolli tekniċi u kontrolli tas-sikurezza bħall-bastimenti tat-trasport marittimu.

(67)

It-tielet nett, il-Kummissjoni taqbel li hemm ir-riskju li l-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jieħdu l-attivitajiet on-shore tagħhom lil hinn mill-Komunità sabiex isibu ambjenti fiskali aktar favorevoli u sussegwentement jibdlu l-istat tal-bandiera tagħhom għal wieħed ta’ bandiera ta’ konvenjenza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-tqegħid ta’ kejbils huwa, minnu nnifsu, suq globali.

(68)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-estensjoni tar-reġim DIS għall-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils fil-baħar għandha tgħin biex jinżammu l-impjiegi Komunitarji abbord bastimenti marittimi li jqiegħdu l-kejbils u li jkunu kkontrollati minn interessi Daniżi.

(69)

L-isfidi li l-kumpaniji Komunitarji li jqiegħdu l-kejbils ikollhom jiffaċċaw fir-rigward tal-kompetizzjoni globali u l-bdil tal-istat fejn jagħmlu l-attivitajiet on-shore tagħhom huma simili għal dawk tat-trasport marittimu Komunitarju. Bl-istess mod, l-attivitajiet Komunitarji ta’ tqegħid ta’ kejbils huma soġġetti għall-istess ambjent legali fl-oqsma tax-xogħol, tekniċi u dawk tas-sikurezza bħat-trasport marittimu Komunitarju. Fl-aħħar nett, bħal fil-każ tat-trasport marittimu, huma meħtieġa baħrin kwalifikati u mħarrġin.

(70)

Dawn huma l-istess fatturi li jiffurmaw il-bażi tal-Linji Gwida. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tat-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida jsemmi t-titjib tas-sikurezza fuq il-baħar, l-inkoraġġiment biex il-bastimenti jibqgħu jtajru bnadar tal-Istati Membri jew jibdluhom għal dawk fir-reġistri tal-Istati Membri, il-kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni tas-settur marittimu fl-Istati Membri, il-ħarsien u t-titjib tal-għarfien marittimu u l-promozzjoni tal-impjieg ta’ baħrin Ewropew bħala l-għanijiet ewlenin li għandhom jiġu segwiti. Dan japplika, b’mod speċjali, fir-rigward tal-għajnuniet mill-Istat f’għamla ta’ tnaqqis fl-ispejjeż relatati max-xogħol (It-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida) li jitqiesu bħala “miżuri soċjali biex tissaħħaħ il-kompetittività” (ara t-titlu tat-Taqsima 3 tal-Linji Gwida).

(71)

Konsegwentement, minkejja li l-Kummissjoni għadha tinsisti li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils ma jaqgħux fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ trasport marittimu kif stipulata fir-regolamenti msemmijin qabel u fil-Linji Gwida, hi tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils għandu jiġi assoċjat b’analoġija mat-trasport marittimu sabiex tiġi applikata t-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida u li t-tqegħid ta’ kejbils għandu jiddaħħal fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni.

(72)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-estensjoni tar-reġim DIS għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils tista’ tiġi aċċettata permezz tal-applikazzjoni b’analoġija mat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida, u li b’hekk, din l-estensjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

6.2.   Tħammil

(73)

Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument li għamlet id-Danimarka dwar l-allegat abbuż ta’ poter mill-parti tal-Kummissjoni meta din bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tar-reġim DIS li għandhom x’jaqsmu mat-tħammil. L-Ordni Eżekuttiva msemmija qabel ġiet annessa man-notifika: il-Kummissjoni tqis li kellha l-obbligu li teżamina dan l-anness ukoll u li tiddetermina jekk l-Ordni Eżekuttiva kinetx timmodifika r-reġim DIS li kien approvat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2002, fil-Kawża NN 116/98, u l-miżuri li d-Danimarka kkomunikat lill-Kummissjoni fl-2005 sabiex tadatta r-reġim DIS għal-Linji Gwida tal-2004.

(74)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonfuta l-allegazzjoni li ż-żewġ abbozzi ġew approvati permezz tal-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2005. Din l-ittra ċċarat il-fatt li l-aċċettazzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni permezz tal-Linji Gwida ma għandhiex titqies, mil-lat ta’ proċedura, bħala notifika ta’ għajnuna ġdida jew ta’ emenda għal għajnuna eżistenti. F’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ċċarat ukoll il-fatt li l-miżuri mressqa mill-awtoritajiet Daniżi kienu jikkostitwixxu biss traspożizzjoni tal-miżuri xierqa proposti fil-Linji Gwida u li dawn ma kinux jeħtieġu notifika skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE.

(75)

Barra minn hekk, l-Ordni Eżekuttiva, li hi mehmuża man-notifika, tvarja b’mod sostanzjali mill-abbozz imressaq permezz tal-ittra tal-21 ta’ Jannar 2008 li ssemmiet qabel, peress li testendi b’mod wiesa’ ħafna l-ambitu ta’ attivitajiet eliġibbli ta’ tħammil lil hinn minn dak previst fl-abbozz li ntbagħat permezz ta’ din l-ittra. Meta ħadet deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ma qisetx id-dispożizzjonijiet tal-Ordni Eżekuttiva bħala għajnuna ġdida (u għajnuna illegali, peress li dawn il-miżuri kienu diġà daħlu fis-seħħ) iżda bħala użu ħażin ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat. Għalhekk, il-kapitolu rilevanti tar-Regolament mhuwiex il-Kapitolu V tal-proċedura relatata ma’ skemi tal-għajnuna eżistenti, kif assumew l-awtoritajiet Daniżi fil-kummenti tagħhom, iżda l-Kapitolu VI dwar il-proċedura relatata mal-użu ħażin tal-għajnuna.

(76)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha d-dritt kollu li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-Ordni Eżekuttiva.

(77)

Il-ħames subparagrafu tat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jingħataw l-għajnuniet mill-Istat f’għamla ta’ tnaqqis fl-ispejjeż relatati max-xogħol għal attivitajiet ta’ tħammil. Il-kundizzjonijiet li l-baħrin għandhom ikunu baħrin Komunitarji li jaħdmu abbord bastimenti fis-sens tat-tielet subparagrafu tat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida u li l-bastimenti tat-tħammil għandhom ikunu rreġistrati fi Stat Membru huma kundizzjonijiet diġà eżistenti għar-reġim DIS.

(78)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi, fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni, iċċaraw li l-bastimenti tat-tħammil li jaħdmu bil-magni tagħhom stess biss huma eliġibbli għar-reġim DIS u li, fost ħwejjeġ oħra, l-attivitajiet ta’ tħammil li jitwettqu fil-portijiet u l-fjordi u madwarhom huma esklużi mir-reġim DIS.

(79)

Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-bastimenti tat-tħammil għandhom iwettqu attivitajiet ta’ trasport marittimu fuq il-baħar għal mill-inqas 50 % tal-ħin operattiv tagħhom, il-Kummissjoni tinnota li “t-trasport marittimu” fil-każ tat-tħammil huwa ddefinit fis-sittax-il subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida bħala “it-trasport ta’ materjal estratt f’ibħra fondi” u jeskludi “estrazzjoni jew tħammil bħala tali”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li l-estrazzjoni jew it-tħammil bħala tali huma esklużi mid-definizzjoni ta’ attivitajiet eliġibbli ta’ tħammil kif deskritti fl-Ordni Daniża msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tqis ukoll li fil-fatt, “it-tbaħħir bejn il-post tal-estrazzjoni u l-post fejn il-materjal estratt għandu jinħatt” u “t-tbaħħir bejn postijiet ta’ estrazzjoni” jikkostitwixxu trasport tal-materjal estratt. Il-Kummissjoni taċċetta wkoll li fit-trasport marittimu, il-bastimenti mhux dejjem ikollhom tagħbija meta jbaħħru, minħabba l-iżbilanċ ta’ ċerti skambji kummerċjali. Għalhekk, hija ħaġa loġika li, b’analoġija, jiġi kkunsidrat li “t-tbaħħir bejn il-port u s-sit tal-estrazzjoni” u “t-tbaħħir bejn il-post tal-ħatt u l-port” jikkostitwixxu trasport marittimu. B’mod simili, il-“ħatt” huwa inerenti għat-trasport marittimu. Fl-aħħar nett, meta l-bastimenti tat-tħammil jipprovdu assistenza f’ibħra fondi fuq talba tal-awtoritajiet pubbliċi, il-ħin li huma jiddedikaw direttament jew esklussivament għal dik l-attività ikun ta’ benefiċċju għat-trasport marittimu.

(80)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-attivitajiet ta’ bastimenti tat-tħammil kif definiti mill-Ordni Eżekuttiva jistgħu jibbenifikaw mir-reġim DIS, għajr għal attivitajiet li jikkorrispondu mat-“tbaħħir fil-post tal-estrazzjoni”, li fil-fatt ma jistgħux jiġu distinti mill-estrazzjoni jew it-tħammil bħala tali.

(81)

L-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni ta’ bosta mill-attivitajiet iddefiniti mill-awtoritajiet Daniżi fl-Ordni msemmija hawn fuq bħala attivitajiet eliġibbli għar-reġim DIS hija bbażata wkoll fuq dawn l-elementi li ġejjin.

(82)

It-tħammil jeħtieġ baħrin li jkunu rregolati bl-istess liġi tax-xogħol u qafas soċjali bħall-baħrin l-oħrajn.

(83)

Il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma bastimenti marittimi u għandhom l-obbligu li jgħaddu mill-istess kontrolli tekniċi u kontrolli tas-sikurezza bħall-bastimenti tat-trasport marittimu.

(84)

Fl-aħħar nett, hemm ir-riskju li l-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jieħdu l-attivitajiet on-shore tagħhom lil hinn mill-Komunità sabiex isibu ambjenti fiskali u reġimi ta’ sigurtà soċjali aktar favorevoli u sussegwentement jibdlu l-istat tal-bandiera tagħhom għal wieħed ta’ bandiera ta’ konvenjenza.

(85)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-reġim DIS jista’ jiġi applikat għall-attivitajiet ta’ tħammil fil-baħar kif iddefinit mill-Ordni Eżekuttiva, għajr għat-tbaħħir f’postijiet tal-estrazzjoni.

6.3.   Limitazzjoni għall-perjodu ta’ validità ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat

(86)

Fil-prattika reċenti tagħha, il-Kummissjoni ma għadhiex tapprova reġimi tal-għajnuniet mill-Istat għal perjodi mhux definiti – jew emendi għalihom – u għalhekk, issa qed titlob li l-iskemi għandhom jiġu nnotifikati għal tul ta’ żmien ta’ mhux aktar minn 10 snin.

(87)

Din hi r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timponi data ta’ skadenza għall-miżura notifikata, b’konsistenza mal-prattika attwali. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-awtoritajiet Daniżi jerġgħu jinnotifikaw l-emenda għall-iskema DIS kif ġiet ivvalutata f’din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE sa mhux aktar tard minn 10 snin wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri li d-Danimarka qed tipprevedi li timplimenta favur bastimenti marittimi li jqiegħdu l-kejbils huma kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

2.   Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur bastimenti marittimi tat-tħammil huma kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk it-tbaħħir fil-postijiet tal-estrazzjoni jkun eskluż mill-attivitajiet eliġibbli.

Artikolu 2

Id-Danimarka għandha terġa’ tinnotifika l-emenda għall-iskema DIS kif ivvalutata f’din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE sa mhux aktar tard minn għaxar snin mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU C 213, 12.9.2007, p. 22.

(2)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/21157.

(3)  It-test tad-deċiżjoni fil-Kawża N 116/98 huwa disponibbli fil-lingwa uffiċjali fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/transports-1998/nn116-98.pdf

(4)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/28077.

(5)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) D/306985.

(6)  Irreġistrata bir-Referenza C(2007) 3219 finali.

(7)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(8)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/41561.

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(10)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2008) A/80508.

(11)  Irreġistrata bir-Referenza C(2007) 3219 finali.

(12)  Il-Kawża NN 116/98 approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2002. It-test ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli fil-lingwa uffiċjali fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/state_aids/transports-1998/nn116-98.pdf

(13)  ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1.

(14)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(15)  ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3

(16)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2006) D/212345.

(17)  L-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/07/1047 tal-10 ta’ Lulju 2007.


Top