Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0369

    Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà ATALANTA/3/2009 tal- 21 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bi ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)

    ĠU L 112, 6.5.2009, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/04/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/369/oj

    6.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 112/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ ATALANTA/3/2009

    tal-21 ta’ April 2009

    dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bi ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)

    (2009/369/PESK)

    IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (Atalanta), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 10(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) sabiex jieħu deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri (KK) għall-Operazzjoni Atalanta.

    (2)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, t-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002 stabbilixxew l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u fl-istabbiliment ta’ KK.

    (3)

    Il-KK ser ikollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Operazzjoni Atalanta. Huwa ser ikun il-forum prinċipali fejn l-Istati kontribwenti kollettivament jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-impjieg tal-forzi tagħhom fl-Operazzjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Operazzjoni, ser jieħu kont tal-opinjonijiet espressi mill-KK.

    (4)

    Skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Stabbiliment u termini ta’ referenza

    Huwa b’dan stabbilit Kumitat ta’ Kontributuri (KK) għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bi ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta). It-termini ta’ referenza tiegħu huma stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell ta’ Ottubru 2002.

    Artikolu 2

    Kompożizzjoni

    1.   Il-membri tal-KK għandhom ikunu kif ġej:

    rappreżentanti tal-Istati Membri kollha,

    rappreżentanti tal-Istati terzi parteċipanti fl-Operazzjoni u li jipprovdu kontributi militari sinifikattivi, kif imsemmi fl-Anness.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea, jew ir-rappreżentanti tagħhom u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jattendu l-laqgħat tal-KK.

    3.   Jistgħu jiġu mistiedna terzi persuni għal partijiet rilevanti tad-diskussjoni, skont il-każ.

    Artikolu 3

    Presidenza

    Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Presidenza, il-KK għandu jkun ippresjedut mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli jew mir-rappreżentant tiegħu f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Presidenza u mal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (CEUMC) jew mir-rappreżentant tiegħu.

    Artikolu 4

    Laqgħat

    1.   Il-KK għandu jitlaqqa’ mill-President tiegħu fuq bażi regolari. Fejn iċ-ċirkostanzi jitolbu hekk, jistgħu jissejħu laqgħat ta’ emerġenza fuq l-inizjattiva tal-President, jew fuq it-talba ta’ membru.

    2.   Il-President tal-KK għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Għandu jiġi ċċirkolat suċċint wara kull laqgħa tal-proċedimenti tal-laqgħat.

    Artikolu 5

    Proċedura

    1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-KPS u għar-responsabbiltajiet tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE,

    għandha tkun neċessarja l-unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati li jikkontribwixxu għall-Operazzjoni sabiex il-KK jieħu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ kuljum tal-Operazzjoni,

    għandha tkun neċessarja l-unanimità tal-membri tal-KK sabiex il-KK jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar aġġustamenti possibbli għall-ippjanar operattiv, inklużi aġġustamenti possibbli għall-objettivi.

    L-astensjoni ta’ membru m’għandhiex tipprekludi l-unanimità.

    2.   Il-President għandu jistabbilixxi li l-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati intitolati li jieħdu sehem fil-deliberazzjonijiet tkun preżenti.

    3.   Il-kwistjonijiet proċedurali kollha għandhom jiġu riżolti b’maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti fil-laqgħa.

    4.   Id-Danimarka m’għandha tieħu sehem f’ebda deċiżjoni tal-KK.

    Artikolu 6

    Kunfidenzjalità

    1.   Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar is-Sigurtà għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KK. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KK għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà adegwati.

    2.   Id-deliberazzjonijiet tal-KK għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali, ħlief meta l-KK b’mod unanimu jiddeċiedi mod ieħor.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussell, 21 ta’ April 2009

    Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

    Il-President

    I. ŠRÁMEK


    (1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.


    Top