Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0333

2009/333/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ April 2009 dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għas-sena 2009 għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji, is-sistema ta’ notifika ta’ mard tal-annimali, miżuri ta’ komunikazzjoni u studji u evalwazzjonijiet u dwar għotja diretta għall-OIE bbażata fuq l-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002

ĠU L 101, 21.4.2009, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/333/oj

21.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2009

dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għas-sena 2009 għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji, is-sistema ta’ notifika ta’ mard tal-annimali, miżuri ta’ komunikazzjoni u studji u evalwazzjonijiet u dwar għotja diretta għall-OIE bbażata fuq l-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002

(2009/333/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 17, 20, 37(2) u 37a(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tfassal il-proċeduri li jirregolaw il-kontribut finanzjarju Komunitarju lejn miżuri veterinarji speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika ta’ tagħrif għal saħħet l-annimali, il-benessri tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel, miżuri tekniċi u xjentifiċi u kontroll.

(2)

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għat-twaqqif ta’ politika ta’ informazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel fi prodotti li joriġinaw mill-annimali inkluż li jsiru studji neċessarji għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali.

(3)

Huwa għalhekk xieraq li l-Komunità tiffinanzja għas-sena 2009, studji, valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet tal-impatt, u politika ta’ informazzjoni li jkopru l-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u ż-żooteknika. L-ammont massimu li għandu jiġi allokat għal dawn l-azzjonijiet għandu jkun speċifikat.

(4)

Għandu jitwettaq studju ta’ fattibilità dwar il-reviżjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-benessri tal-annimali tal-irziezet u l-integrazzjoni ta’ indikaturi tal-benessri tal-annimali tal-irziezet fil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, għandu jsir studju tal-evalwazzjoni tal-impatt dwar il-benessri tal-annimali matul it-trasport u l-qtil ta’ ħut tal-akkwakultura. Dawn l-istudji se jsostnu l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kommunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010.

(5)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (2) b’mod partikolari jipprevedi evalwazzjoni tal-progress kif ukoll programmar ta’ segwitu wara l-2010. Hemm għalhekk il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni globali tal-politika Komunitarja dwar il-benessri tal-annimali qabel l-2010.

(6)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “il-prevenzjoni aħjar mill-kura” (3) tipprevedi l-iżvilupp tal-Liġi Ġenerali tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali u qafas armonizzat tal-UE tal-kriterji għal responsabilità u skemi ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż. Għalhekk, għandu jitwettaq studju biex isostni l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Liġi Ġenerali dwar is-Saħħa tal-Annimali u studju ta’ fattibilità għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(7)

L-istudji kollha minbarra l-istudju ta’ fattibilità għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni 90/424/KEE huma suġġetti għal kuntratti speċifiċi taħt il-Kuntratt ta’ Qafas dwar l-Evalwazzjoni, l-Istima tal-Impatt u servizzi relatati Lott 3 (Katina tal-Ikel) tad-DG SANCO (li għalihom tnediet sejħa għall-offerti fl-2004. Dawn il-kuntratti speċifiċi għandhom jiġu ffirmati bejn il-Kummissjoni u l-kuntrattur magħżul kif definit fil-kuntratt ta’ qafas. Għandha tiġi mnedija fl-2009 sejħa għall-offerti sabiex jitwettaq l-istudju ta’ fattibilità għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(8)

L-Artikolu 37a(1)(b) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistipula li jista’ jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji relatati mal-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ sistemi veterinarji kompjuterizzati integrati, inklużi konnessjonijiet ma’ databases nazzjonali, fejn xieraq. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-akkomodazzjoni, ġestjoni u manutenzjoni tas-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata TRACES (Trade Control and Expert System), introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta’ Diċembru 2002 dwar l-iżvilupp ta’ sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata (4), biex ikun żgurat li s-sistema hija disponibbli, sikura u aġġornata.

(9)

L-Artikolu 37(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistipula li l-introduzzjoni ta’ sistemi sabiex jiġu identifikati annimali u jiġi nnotifikat mard skont il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna kontrolli veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin, bil-ħsieb li jitlesta s-suq intern, tista’ tirċevi għajnuna finanzjarja mill-Komunità. Għalhekk għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja biex tiġi aġġornata s-sistema ta’ notifika tal-mard tal-annimali (ADNS), ibbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/176/KE tal-1 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-għamla kkodifikata u l-kodiċijiet għan-notifika tal-mard tal-annimali skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (5), bit-titjib tekniku neċessarju.

(10)

Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013) tirrikonoxxi l-importanza tad-djalogu bejn iċ-ċittadini, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-KE (b’mod partikolari l-Kummissjoni). Hija għalhekk meħtieġa strateġija ta’ komunikazzjoni effettiva biex tippromwovi kwistjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali lill-partijiet interessati, organizzazzjonijiet u s-soċjetà kollha kemm hi.

(11)

Skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità għandha twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(12)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja. Hija rikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ referenza mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-iffissar ta’ standards għall-kummerċ internazzjonali tal-annimali u l-prodotti tagħhom.

(13)

L-OIE qed tippjana Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer. Din il-konferenza se ssostni l-azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE għall-UE (2007-2013). Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tikkontribwixxi għal din l-inizjattiva sabiex tinkiseb protezzjoni aħjar minn din il-marda. Għalhekk, il-Komunità għandha ssostni din l-inizjattiva tal-OIE.

(14)

L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6); għaldaqstant is-sejħa għall-proposti mhix meħtieġa sabiex il-Komunità tikkontribwixxi għall-organizzazzjoni u l-akkomodazzjoni ta’ Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer.

(15)

Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7) u l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

(16)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ studju dwar il-fattibilità ta’ reviżjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-benessri tal-annnimali tal-irziezet u l-integrazzjoni ta’ indikaturi tal-benessri ta’ annimali tal-irziezet fil-leġiżlazzjoni sa massimu ta’ EUR 250 000 hija hawnhekk approvata.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ studju tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq il-benessri tal-annimali matul it-trasport u l-qtil ta’ ħut tal-akkwakultura sa massimu ta’ EUR 150 000 hija hawnhekk approvata.

Artikolu 3

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ studju dwar l-evalwazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-benessri tal-annimali sa massimu ta’ EUR 350 000 hija hawnhekk approvata.

Artikolu 4

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ studju biex isostni l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq il-Liġi Ġenerali dwar is-Saħħa tal-Annimali sa massimu ta’ EUR 150 000 hija hawnhekk approvata.

Artikolu 5

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ studju ta’ fattibilità għall-reviżjoni tad-Deċiżjoni 90/424/KEE sa massimu ta’ EUR 250 000 hija hawnhekk approvat.

Artikolu 6

Kontribuzzjoni finanzjarju Komunitarja għall-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u l-manteniment tas-sistema TRACES, introdotta mid-Deċiżjoni 2003/24/KE, hija hawnhekk approvata għall-ammonti u l-objettivi li ġejjin:

(a)

EUR 600 000 għall-akkomodazzjoni;

(b)

EUR 450 000 għall-akkwist tal-appoġġ loġistiku neċessarju fi ħdan il-qafas tal-għajnuna għall-utenti;

(c)

EUR 400 000 għax-xiri ta’ manutenzjoni ta’ sostenn neċessarja sabiex is-sistema tiġi konformi mal-iżviluppi legali u tekniċi;

(d)

EUR 380 000 għall-iżviluppi neċessarji tal-ipproċessar tad-dejta;

(e)

EUR 300 000 għall-iżvilupp tal-konnessjoni bejn id-databases nazzjonali ta’ identifikazzjoni tal-bovini;

(f)

EUR 120 000 għax-xiri tal-liċenzji tal-informatika.

Artikolu 7

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ta’ EUR 270 000 għall-aġġornament tas-sistema ta’ notifika tal-mard tal-annimali (ADNS) bbażata fuq id-Deċiżjoni 2005/176/KE hija hawnhekk approvata.

Artikolu 8

Il-provvediment ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-saħħa u benessri tal-annimali huwa hawnhekk approvat għall-ammonti u l-għanijiet li ġejjin:

EUR 1 400 000 għal pubblikazzjonijiet u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u l-istrateġija dwar is-saħħa tal-annimali,

EUR 150 000 għal pubblikazzjonijiet u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u l-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali.

Artikolu 9

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer, organizzata mill-OIE fl-2009, ta’ EUR 200 000 li tikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 33 % tal-ispejjeż totali eliġibbli hija hawnhekk approvata.

Artikolu 10

Il-kontribuzzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikoli 1 sa 9 għanda tkun iffinanzjata permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2009.

Kuntratturi għall-istudji previsti fl-Artikoli 1, 2, 3 u 4 għandhom jintagħżlu fuq il-bażi tal-Kuntratt ta’ qafas dwar l-Evalwazzjoni, Lott 3 (Katina tal-Ikel) ta’ DG SANCO.

Kuntratturi għall-istudju previst fl-Artikolu 5 ser ikunu magħżula fuq il-bażi ta’ sejħa għall-offerti għal kuntratt speċifiku tul l-aħħar trimestru tas-sena 2009.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikoli 6 u 7 għandha tkun mogħtija permezz tal-kuntratti qafas ta’ DIGIT li ġejjin: DI 5370, DI 5711, DI 5712, DI 5716, DI 5717, DI 5719, DI 5720, DI 6350.

Artikolu 11

Ftehim ta’ għotja għall-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikolu 9 se jingħata lill-OIE mingħajr sejħa għall-proposti billi l-OIE hija l-organizzazzjoni intergovernattiva għat-titjib tas-saħħa tal-annimali fid-dinja u għandha monopolju de facto.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  COM(2006) 13 finali.

(3)  COM (2007) 539 finali.

(4)  ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44.

(5)  ĠU L 59, 5.3.2005, p. 40.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


Top