Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0317

    2009/317/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ April 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE rigward il-ġarr tal-annimali bl-ajru, it-tranżitu tal-annimali permezz ta’ ċerti pajjiżi terzi u ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għal ċertu laħam mis-solipedi għat-tranżitu u l-ħażna ta’ ċertu laħam frisk (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2273) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 94, 8.4.2009, p. 100–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/04/2010; Impliċitament imħassar minn 32010D0477

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/317/oj

    8.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/100


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ April 2009

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE rigward il-ġarr tal-annimali bl-ajru, it-tranżitu tal-annimali permezz ta’ ċerti pajjiżi terzi u ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għal ċertu laħam mis-solipedi għat-tranżitu u l-ħażna ta’ ċertu laħam frisk

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2273)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/317/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, punt (4) tal-Artikolu 8 u t-tielet inċiż tal-punt (5) tal-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-tranżitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, li temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tfassal il-lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minn pajjiżi terzi, u li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja, għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk (3) tagħhom tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sanitarji għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali ħajjin, minbarra l-ekwini, u l-importazzjoni tal-laħam frisk ta’ annimali ta’ din ix-xorta, inklużi l-ekwini, imma teskludi l-preparazzjonijiet tal-laħam.

    (2)

    L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 79/542/KEE jikkonċerna l-ġarr ta’ annimali ħajjin għall-importazzjoni fil-Komunità. It-trasport bl-ajru ta’ annimali ta’ din ix-xorta jippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali fil-Komunità, minħabba organiżmi insetti ta’ mard tal-annimali li jistgħu jkunu preżenti fil-mezz tat-trasport tal-ajru. Għalhekk huwa xieraq li jkunu previsti miżuri għal diżinfestazzjoni tal-mezzi ta’ trasport bħal dawn sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni aċċidentali fil-Komunità ta’ organiżmi insetti potenzjalment infettati flimkien ma’ annimali importati.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 79/542/KEE tipprovdi li annimali maħsuba għall-importazzjoni fil-Komunità jistgħu jagħmlu tranżitu biss minn pajjiżi terzi li għandhom permess jesportaw annimali tal-istess speċi lill-Komunità. Madankollu, huwa permess li jkun hemm tranżitu tal-annimali minn ċerti pajjiżi terzi li mhux permessi jesportaw annimali lill-Komunità. Tranżitu bħal dan hu permess biss jekk l-annimali jkunu maħsuba għal qatla minnufih hekk kif jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom fil-Komunità. Il-proċedura biex dawn il-pajjiżi terzi jkunu fil-lista ġiet stabbilita billi ġew ikkunsidrati diversi fatturi, b’mod partikolari s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali tal-pajjiż terz, il-garanziji dwar l-integrità tal-annimali waqt it-tranżitu, il-kontrolli tal-positijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri u fid-destinazzjoni finali.

    (4)

    Il-benessri tal-annimali u aspetti ta’ traċċabilità għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta wieħed iqis it-trasport tal-annimali lill-Komunità minn jew permezz ta’ pajjiżi terzi. Ir-Regoli tal-Komunità li huma attwalment fis-seħħ iwasslu għal sitwazzjoni fejn l-annimali bovini maħsuba għas-simna għandhom jinġarru fuq rotot itwal, sabiex jiġi evitat tranżitu minn ċerti pajjiżi terzi li mhumiex permessi jesportaw annimali lill-Komunità. Dan għandu impatt negattiv fuq il-benessri tal-annimali. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża wkoll il-possibbiltà ta’ tranżitu minn pajjiżi terzi li mhumiex permessi jesportaw annimali lill-Komunità għall-annimali maħsuba għas-simna.

    (5)

    Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiġi żgurata protezzjoni adegwata għas-saħħa tal-annimali fil-Komunità meta l-annimali maħsuba għas-simna jiġu introdotti wara t-tranżitu tagħhom minn pajjiżi terzi li mhumiex permessi jesportaw annimali lill-Komunità. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa, biex jiġu applikati kemm waqt it-tranżitu u waqt id-destinazzjoni finali. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw l-istatus tas-saħħa tal-annimali u l-integrità tal-konsenja waqt it-trasport, u jillimataw aktar movimenti tal-annimali mill-irziezet ta’ destinazzjoni fil-Komunità.

    (6)

    L-irziezet ta’ destinazzjoni għandhom jintgħażlu b’mod speċifiku mill-veterinarju kompetenti tal-awtorità tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Meta jiġu magħżula rziezet ta’ din ix-xorta, l-awtorità veterinarja kompetenti għandha, b’mod partikolari, tiżgura kontroll tal-annimali matul il-perjodu mid-data tal-wasla fir-razzett sad-data tal-qatla.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 79/542/KEE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/752/KE (4), tinkludi referenza għall-mard innotifikat b’mod obbligatorju mniżżla fl-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE (5) fiċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għal ċertu laħam minn solipedi domestiċi u selvaġġi. Madankollu, minħabba li l-marda Afrikana taż-żwiemel u l-glanders jistgħu jiġu trażmessi permezz tal-laħam, dawn iċ-ċertifikati għandhom jinkludu referenzi speċifiċi għal dan il-mard biss.

    (8)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għal “Tranżitu/Ħażna” għandu jitneħħa mill-Anness II tad-Deċiżjoni 79/542/KEE u l-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jiġi mibdul.

    (9)

    Id-Deċiżjoni 79/542/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 79/542/KEE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 6(1), huwa miżjud dan it-tieni subinċiż li ġej:

    “Meta l-annimali jinġarru bl-ajru, iċ-ċestun jew il-kontejner li jkunu qed jinġarru fihom u ż-żona tal-madwar għandhom jiġu sprejjati minnufih b’insettiċida xierqa qabel ma jingħalqu l-bibien tal-ajruplan u kull meta jinfetħu l-bibien tal-ajruplan sussegwentement qabel ma jaslu fid-destinazzjoni finali.”

    (2)

    L-Annessi I, II u III huma emendati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2009.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

    (3)  ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15.

    (4)  ĠU L 261, 30.9.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.


    ANNESS

    L-Annessi I, II u III tad-Deċiżjoni 79/542/KEE huma emendati kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti 1 tal-Anness I, fil-parti li tikkonċerna “Kundizzjonijiet Speċifiċi”, il-punt “I” hu mibdul b’dan li ġej:

    “ ‘I’

    :

    għat-tranżitu tul it-territorju kollu tal-annimali għal qtil dirett jew annimali bovini maħsuba għas-simna li jiġu kkonsenjati minn Stat Membru u li huma ddestinati lejn Stat Membru ieħor fi trakkijiet li ġew issiġillati permezz ta’ siġilli mgħammra b’siġill innumerat b’numru tas-serje. In-numru tas-siġill għandu jiddaħħal fiċ-ċertifikat tas-saħħa maħruġ skont il-mudell stabbilit fl-Anness F tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali bovini u majjali (1), għal annimali bovini u majjali, u skont il-Mudell I tal-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali ovini u kaprini, għal annimali ovini u kaprini (2). Barra minn hekk, is-siġill għandu jkun intatt mal-wasla tal-fruntiera magħżula tal-post tal-ispezzjoni tad-dħul fil-Komunità u n-numru tas-siġill irreġistrat fi TRACES. Iċ-ċertifikat għandu jiġi ttimbrat fil-post ta’ ħruġ tal-Komunità mill-awtoritajiet veterinarji kompetenti qabel it-trażmissjoni lejn pajjiż jew pajjiżi terzi bil-kliem xieraq li ġej ‘GĦAT-TRANŻITU BISS LEJN PARTIJIET DIFFERENTI TAL-UNJONI EWROPEA MILL-EX REPUBBLIKA JUGOŻLAVA TAL-MAĊEDONJA/MILL-MONTENEGRO/MIS-SERBJA (*)  (**)

    L-annimali bovini maħsuba għas-simna għandhom jinġarru direttament lejn ir-razzett ta’ destinazzjoni magħżul mill-awtorità veterinarja kompetenti ta’ destinazzjoni. Dawn l-annimali ma jistgħux jiċċaqilqu mir-razzett sakemm ma jkunux direttament għall-qatla.

    (1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977."

    (2)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19."

    (*)  Ħassar il-pajjiż kif applikabbli."

    (**)  Is-Serbja ma tinkludix il-Kosovo kif definit bir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999.’"

    (2)

    Il-Parti 2 tal-Anness II hi emendata kif ġej:

    (a)

    Il- “Mudell taċ-ċertifikat veterinarju EQU” huwa mibdul b’dan li ġej:

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    (b)

    Il-“Mudell taċ-ċertifikat veterinarju EQW” huwa mibdul b’dan li ġej:

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    (ċ)

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali “TRANŻITU/ĦŻIN” tħassar.

    (3)

    L-Anness III għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “ANNESS III

    (Tranżitu u/jew ħżin)

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni


    Top