Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0157

2009/157/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Lulju 2008 dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP (C 51/05 (ex NN 84/05)) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1330) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 53, 26.2.2009, p. 13–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/157(1)/oj

26.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Lulju 2008

dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP (C 51/05 (ex NN 84/05))

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1330)

(It-test bil-lingwa Franċiża biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/157/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’konformità mal-Artikoli msemmija (1) u wara li kkunsidrat dawk l-osservazzjonijiet,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet ilment bil-posta fil-25 ta’ Novembru 2004, li ġie rreġistrat fid-29 ta’ Novembru 2004 taħt in-numru CP221/2004, dwar għajnuna mill-Istat li tista’ tkun illegali favur l-Institut Français du Pétrole (IFP) u waħda mis-sussidjarji tiegħu, il-kumpanija Axens. L-ilmentatur talab li l-identità tiegħu ma tiġix żvelata minħabba li jista’ jkun hemm xi riperkussjonijiet negattivi fuq is-suq.

(2)

B’ittra datata 21 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni informat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat kontra din il-miżura.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura kkonċernata.

(4)

B’ittra datata 16 ta’ Jannar 2006, irreġistrata fl-istess jum, Franza talbet żmien addizzjonali ta’ xahar biex tagħti l-osservazzjonijiet tagħha, u dan iż-żmien ġie konċess mill-Kummissjoni b’ittra datata 19 ta’ Jannar 2006. Franza tat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni b’ittra datata 23 ta’ Frar 2006, li ġiet irreġistrata fl-istess jum.

(5)

Il-kumpanija UOP talbet żmien addizzjonali ta’ xahar biex tagħti l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra datata 15 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fl-istess jum, u dan ġie konċess mill-Kummissjoni b’ittra datata 22 ta’ Marzu 2006.

(6)

B’ittra datata 17 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fl-istess jum, il-kumpanija Haldor Topsoe A/S talbet żmien addizzjonali ta’ xahar biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, u dan ġie konċess mill-Kummissjoni b’ittra datata 22 ta’ Marzu 2006.

(7)

B’ittra datata 20 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fit-22 ta’ Marzu 2006, il-kumpanija Axens tat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura kkonċernata.

(8)

B’ittra datata 12 ta’ April 2006, irreġistrata fl-istess jum, il-kumpanija Haldor Topsoe A/S talbet żmien addizzjonali sal-24 ta’ April 2006 biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha li ġie kunċess mill-Kummissjoni b’ittra datata d-19 ta’ April 2006.

(9)

B’ittra datata 18 ta’ April 2006, irreġistrata fid-19 ta’ April 2006, il-kumpanija UOP tat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura kkonċernata.

(10)

B’ittra datata 19 ta’ April 2006, il-Kummissjoni talbet lill-ilmentatur biex jagħti verżjoni mhux konfidenzjali tal-ilment tiegħu. Din il-verżjoni ngħatat lill-Kummissjoni b’ittra datata s-26 ta’ April 2006, irreġistrata fis-27 ta’ April 2006.

(11)

B’ittra datata 3 ta’ Mejju 2006, irreġistrata fl-istess jum, il-kumpanija Haldor Topsoe A/S talbet żmien addizzjonali li ġie rrifjutat mill-Kummissjoni b’ittra datata 4 ta’ Mejju 2006.

(12)

B’ittra datata 22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni tat kopja tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn UOP u Axens kif ukoll tal-ilment lil Franza. Hija talbet ukoll xi informazzjoni oħra. B’ittra datata 4 ta’ Lulju 2006, irreġistrata fil-5 ta’ Lulju 2006, Franza talbet estensjoni taż-żmien li l-Kummissjoni kkonċediet b’ittra datata 7 ta’ Lulju 2006. B’ittra datata 8 ta’ Settembru 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2006, Franza tat lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet li ngħataw mill-partijiet interessati kif ukoll ir-risposti għall-mistoqsijiet addizzjonali tal-Kummissjoni.

(13)

Minbarra dan, b’ittra datata 18 ta’ Lulju 2006, irreġistrata fid-19 ta’ Lulju 2006, Franza infurmat lill-Kummissjoni bit-tibdil ta’ IFP fi stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali (Établissement Public à Caractère Industriel et Commercial – EPIC).

(14)

B’ittra datata 13 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni talbet lil Franza għal informazzjoni addizzjonali. Franza tat din l-informazzjoni lill-Kummissjoni b’ittra datata 24 ta’ Ottubru 2006, irreġistrata fis-26 ta’ Ottubru 2006.

(15)

Saret laqgħa ta’ ħidma bejn Franza u l-Kummissjoni fil-15 ta’ Ġunju 2007.

(16)

B’ittra datata 19 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni talbet lil Franza informazzjoni addizzjonali. B’ittra datata 10 ta’ Lulju 2007, Franza talbet żmien addizzjonali sal-31 ta’ Awwissu 2007. B’ittra datata 11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni kkonċediet żmien addizzjonali sat-13 ta’ Awwissu 2007. Franza tat l-informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni b’ittri datati 9 u 22 ta’ Awwissu 2007, irreġistrati rispettivament fid-9 u t-22 ta’ Awwissu 2007.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-grupp IFP

(17)

Sal-2006, IFP kien stabbiliment professjonali taħt id-dritt privat (3) mingħajr kapital jew azzjonisti, li kien jaqa’ taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-gvern Franċiż (4). Wara d-digriet Nru 2006-797 tas-6 ta’ Lulju 2006, li ġie adottat b’applikazzjoni tal-liġi Nru 2005-781 tat-13 ta’ Lulju 2005, IFP sar stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali (Établissement Public à Caractère Industriel et Commercial – EPIC). Il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, li tirriżulta minn dan it-tibdil fl-istatut, qed tiġi investigata mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ proċedura oħra (NN 11/08).

(18)

Skont it-termini tal-istatuti tiegħu, IFP jissodisfa tliet missjonijiet: missjoni ta’ riċerka u żvilupp fl-oqsma tal-prospetti fiż-żejt u l-gass, tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-industriji petrokimiċi, missjoni ta’ taħriġ għall-inġiniera u t-teknixins u missjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni tas-setturi. Kuntratt ta’ objettivi mal-Istat jistabilixxi l-orjentazzjonijiet l-aktar importanti tal-azzjoni tiegħu għal kull ħames snin.

(19)

Min-naħa l-oħra, IFP jibbenefika minn allokazzjoni baġitarja annwali. Din l-għajnuna pubblika kienet ta’ 144 miljun ewro fl-2005 u 167,5 miljun ewro fl-2006 (5).

(20)

Il-kumpanija Axens tirriżulta mill-amalgamazzjoni, fid-29 ta’ Mejju 2001 (b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2001), bejn il-kumpanija Procatalyse SA (sussidjarja ta’ ISIS b’100 % tal-ishma, hi stess ikkontrollata dak iż-żmien minn IFP b’52,8 % tal-ishma) u s-sezzjoni industrijali ta’ IFP li ġiet esternalizzata f’din l-okkażjoni. Fit-22 ta’ Ottubru 2001, IFP xtrat is-sehem tagħha f’Axens mingħand ISIS. Bħalissa, IFP għandu 100 % tal-kapital ta’ Axens. Axens hija attiva fis-suq tal-katalizzaturi u tat-teknoloġiji għall-industriji tar-raffinar u petrokimiċi. Il-fatturat ikkonsolidat kien ta’ 304,9 miljun ewro fl-2005 u 308,45 miljun ewro fl-2006, waqt li l-attività ta’ liċenzji tal-ipproċessar tirrapreżenta madwar terz tal-fatturat tagħha (6). Hija kienet timpjega 636 persuna fl-2006 (7). Is-sehem tagħha fis-suq dinji tal-unitajiet tar-raffinar liċenzjati eżistenti hija stmata għal 7 % (8).

(21)

Minbarra hekk, IFP għandha direttament u indirettament (permezz tal-kumpanija holding finanzjarja IFP Investissements) it-totalità tal-ishma f’bosta kumpaniji, fosthom Beicip-Franlab u Prosernat. Beicip-Franlab hija kumpanija kummerċjali li kienet mwaqqfa minn IFP fl-1967. Din il-kumpanija tispeċjalizza fil-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni tas-softwer fil-qasam ta’ Esplorazzjoni ta’ Riżervi ta’ Żejt kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ studji u konsulenza. Fl-2006, il-fatturat tagħha kien ta’ 42 miljun ewro u kienet timpjega 166 persuna (9). Prosernat hija kumpanija kummerċjali li nxtrat fl-2001 fil-qafas tat-trasferiment minn ISIS ta’ IFP Investissements lil IFP. Din il-kumpanija tipprovdi studji u servizzi kif ukoll tagħmir fil-qasam tat-trattament tal-gass u l-irkupru tal-kubrit. Fl-2006, il-fatturat tagħha kien ta’ 49,9 miljun ewro u hija timpjega 71 persuna (10).

2.2.   Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda minn qabel

(22)

Mill-1944, id-data meta twaqqfet, sal-aħħar tal-2002, IFP rċeviet ir-rikavat ta’ taxxa parafiskali fuq ċerti prodotti taż-żejt. Il-ħlas ta’ dik it-taxxa kien is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/615/KE tad-29 ta’ Mejju 1996 dwar it-tiġdid, għall-perijodu 1993-1997, tat-taxxa fuq ċerti prodotti taż-żejt għall-benefiċċju tal-Institut français du Pétrole (11), li kkonkludiet li l-ħlas tar-rikavat ta’ taxxa parafiskali għall-benefiċċju ta’ IFP għall-perijodu 1993-1997 ma kienx jaqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, b’applikazzjoni tal-punt 2.4 tal-qafas tal-għajnuniet tal-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp (12) tal-1996 (“il-qafas R & Ż tal-1996”).

(23)

Fit-3 ta’ Ottubru 1997, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni b’digriet ġdid fuq it-taxxa parafiskali li rċeviet fuq ċerti prodotti taż-żejt għall-benefiċċju ta’ IFP, mingħajr tibdil sostanzjali, għall-perijodu 1998-2002. Fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Frar 1998 (13), il-Kummissjoni ma sabitx oġġezzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu għall-perijodu 1998-2002.

2.3.   Ftehimiet esklużivi bejn IFP u Axens

(24)

B’ittri datati 1 ta’ Marzu u 18 ta’ Mejju 2001 (iktar ‘il quddiem “l-ittri tal-2001”), Franza infurmat lill-Kummissjoni bi proġett ta’ riorganizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka ta’ IFP fl-oqsma tar-raffinar, tal-petrokimika u tal-gass u staqsiet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li dan il-proġett ma kienx jimplika r-rikonsiderazzjoni tal-analiżi adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet li ħadet qabel.

(25)

Il-proġett kien jistabbilixxi li l-ġestjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati fil-qasam tiġi fdata lil entità kummerċjali kkostitwita mill-amalgamazzjoni tas-sezzjoni industrijali ta’ IFP u l-kumpanija Procatalyse, li hija kkontrollata indirettament minn IFP u speċjalizzata fl-iżvilupp industrijali, il-manifattura u l-bejgħ ta’ kull prodott kimiku.

(26)

Minbarra t-trasferiment tal-elementi essenzjali tas-sezzjoni industrijali ta’ IFP, inklużi l-klijentela u l-kuntratti eżistenti, li l-ħlas għalih kien jikkonsisti fl-maġġoranza tal-ishma fis-sussidjarja l-ġdida, il-proġett kien jimplika li IFP u s-sussidjarja tiegħu jiffirmaw il-ftehimiet u l-konvenzjoni li ġejjin:

(a)

kuntratt esklużiv ta’ liċenzja ta’ qafas, b’terminu ta’ għaxar snin, li bih is-sussidjarja tista’ tuża l-proprjetà intellettwali preżenti u tal-futur ta’ IFP essenzjalment għal dak li għandu x’jaqsam ma’ proċeduri fil-qasam tal-attività tagħha biex tipprovdi servizzi ta’ inġinerija lill-klijenti fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri u li jagħtuhom id-dritt li jużaw it-teknoloġiji relatati fil-forma ta’ sub-konċessjonijiet ta’ liċenzji ta’ privattivi;

(b)

kuntratt esklużiv ta’ liċenzja ta’ prodotti, b’terminu ta’ għaxar snin, li bih is-sussidjarja tista’ tuża t-teknoloġija preżenti u futura ta’ IFP fil-qasam tal-attività tagħha għall-manifattura u l-bejgħ ta’ katalizzaturi, assorbenti, trapping masses, tagħmir, prodotti oħra u softwer żviluppati minn IFP;

(ċ)

ftehim ta’ riċerka industrijali, b’terminu ta’ għaxar snin, li skont it-termini tiegħu [IFP jipproponi lis-sussidjarja tiegħu ir-riżultati tar-riċerki tiegħu fil-qasam tar-raffinar u tal-petrokimika, sabiex tkun tista’, jekk trid, tkompli r-riċerka f’proġett konġunt ma’ IFP, imbagħad tuża dawn ir-riżultati. Jekk is-sussidjarja ma tużax din il-possibbiltà, IFP jista’ jipproponi r-riżultati tiegħu lil impriżi oħra. Kull sieħeb iħallas l-ispejjeż tas-sehem tiegħu fil-proġett u wara li jintemm il-proġett ta’ riċerka, IFP jkollu d-drittijiet ta’ proprjetà fuq il-prodotti u l-proċeduri filwaqt li s-sussidjarja tiegħu jkollha d-drittijiet ta’ proprjetà relatati mal-istadji tal-industralizzazzjoni tal-prodotti u tal-proċeduri] (*).

(27)

Bħala kumpens, is-sussidjarja tħallas lil IFP, minn naħa waħda, onorarji għall-kuntratti ta’ liċenzja u, min-naħa l-oħra, rimunerazzjoni […] (**) għall-aċċess għall-kapaċità ta’ riċerka ta’ IFP.[…] (**)

(28)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-proġett ta’ riorganizzazzjoni ta’ IFP li ġie ppreżentat kien konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 1998 dwar it-tiġdid għall-perijodu 1998-2002 tat-taxxa parafiskali li tinġabar fuq ċerti prodotti taż-żejt, u infurmat lil Franza dwar dan permezz ta’ ittra ta’ notifika D/52473, datata 19 ta’ Ġunju 2001.

(29)

B’konformità mal-proġett ippreżentat, il-kumpanija Axens, sussidjarja ta’ IFP, ġiet mwaqqfa fid-29 ta’ Mejju 2001. Il-ftehimiet bejn IFP u Axens daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 b’terminu ta’ għaxar snin.

(30)

B’ittra datata 27 ta’ Novembru 2002, Franza infurmat lill-Kummissjoni bis-sostituzzjoni tar-rikavat mit-taxxa parafiskali b’allokazzjoni baġitarja għall-benefiċċju ta’ IFP mill-1 ta’ Jannar 2003.

2.4.   Ftehimiet esklużivi bejn IFP u Beicip-Franlab

(31)

Konvenzjoni esklużiva ta’ żvilupp, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu, iffirmata fit-28 ta’ Mejju 2003, b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2003, b’terminu ta’ għaxar snin, tistabbilixxi li [IFP jipproponi lil Beicip-Franlab ir-riżultati tar-riċerki tiegħu dwar l-algoritmi, il-mudelli jew il-metodi żviluppati minn IFP fil-qasam “Esplorazzjoni – Depożiti” u li Beicip-Franlab tista’ titlob lil IFP jagħmel prodotti fuq din il-bażi. IFP għandu d-drittijiet kollha ta’ proprjetà fuq il-prodotti tas-softwer żviluppati. Beicip-Franlab tkopri l-ispejjeż kollha għall-iżvilupp tal-prodotti magħmula minn IFP, u tħallas diversi ammonti addizzjonali għall-manutenzjoni u d-drittijiet għall-użu] (*).

(32)

Klawżola addizzjonali ġiet iffirmata fis-16 ta’ Diċembru 2005, b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2005. Din temenda l-arranġamenti ta’ remunerazzjoni filwaqt li żżomm il-prinċipju ta’ kopertura totali tal-ispejjeż tal-iżvilupp minn Beicip-Franlab.

2.5.   Ftehimiet esklużivi bejn IFP u l-Prosernat

(33)

Ftehim ta’ liċenzja ta’ qafas u konvenzjoni ta’ riċerka industrijali bejn IFP u Prosernat ġew iffirmati fit-18 ta’ Awwissu 2003, b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2002, b’terminu ta’ għaxar snin, li bihom [IFP jipproponi r-riżultati tar-riċerki tiegħu fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit. IFP għandu d-drittijiet ta’ proprjetà relatati mal-korrelazzjonijiet, mal-proċeduri u mat-tagħmir speċifiku assoċjat mal-proċeduri. Jekk Prosernat tkun interessata fil-kummerċjalizzazzjoni tagħħom, hija għandha tagħmel dan għal rasha, filwaqt li żżomm id-drittijiet ta’ proprjetà relatati, u x-xogħol ta’ industrijalizzazzjoni ta’ dawn il-proċeduri li għalihom tkun tista’ tieħu konċessjoni ta’ liċenzja esklużiva] (*).

(34)

Bħala remunerazzjoni għal-liċenza tal-proċeduri, Prosernat għandha tħallas onorarju ta’ […] (**) fuq il-fatturat annwali magħmul minn onorarji għas-subliċenzji għall-ewwel erba’ snin. Huwa stabbilit li r-rata tal-onorarju jinbidel għal […] (**) wara l-ewwel erba’ snin. Ir-rata tal-onorarju għat-tagħmir huwa stabbilit għal kull każ. Ir-remunerazzjoni ta’ IFP għall-aċċess ta’ Prosernat għar-riżultati tar-riċerki huwa ta’ […] (**) tal-fatturat annwali globali ta’ Prosernat.

3.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(35)

Fil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet dawn id-dubji li ġejjin dwar l-intervenzjoni tal-Istat Franċiż favur il-grupp IFP u dwar il-ġustifikazzjonijiet li Franza tat dak iż-żmien.

(36)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet li saru qabel ma kinux għadhom sodisfaċenti. Pro memoria, dawn id-deċiżjonijiet ta’ qabel ittieħdu minħabba:

a)

in-nuqqas ta’ għajnuna diretta fuq il-livell ta’ IFP, għalkemm IFP kien ċentru ta’ riċerka li ma jaħdimx għall-qligħ li ma kienx involut f’attività kummerċjali. B’konformità mal-ewwel inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jitwettqu minn stabbilimenti ta’ tagħlim superjuri jew ta’ riċerki pubbliċi li ma jaħdmux għall-qligħ, mhuwiex, b’regola ġenerali, stabbilit fid-dispozizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat;

b)

in-nuqqas ta’ għajnuna indiretta lill-impriżi li jixtru r-riċerka mwettqa minn IFP, għalkemm il-vantaġġ potenzjali li jirriżulta mit-trasferiment tar-riżultati kien miftuħ lill-impriżi kollha mingħajr diskriminazzjoni. Rigward dan, il-Kummissjoni kienet innutat li IFP kien jittrasferixxi r-riżultati tar-riċerki tiegħu b’erba’ modi: tqassim fil-qasam pubbliku, provvisti ta’ servizzi iċċarġjati bi prezz tal-ispejjeż reali li kellhom IFP, riċerka kollaborattiva u bejgħ ta’ liċenzji. F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, hija kkunsidrat li, jekk l-impriżi ma setgħux iħallsu l-ispejjeż kollha tar-riċerki, dan il-vantaġġ kien miftuħ mingħajr diskriminazzjoni għall-impriżi kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

ċ)

in-nuqqas ta’ għajnuna indiretta lill-kumpaniji li fihom IFP għandu xi ishma, għalkemm IFP kien jikkollabora ma’ dawn l-impriżi bl-istess kundizzjonijiet ta’ dawk l-impriżi l-oħra li fihom ma kellux ishma. Minħabba l-involviment ta’ azzjonisti oħra, il-parti minoritarja ta’ IFP f’kumpaniji attivi fil-qasam tiegħu ta’ riċerka u l-kollaborazzjoni tiegħu ma’ dawn l-impriżi bl-istess kundizzjonijiet ta’ dawk l-impriżi l-oħra li fihom m’għandux sehem, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-impriżi ma kinux jibbenefikaw minn trattament aktar favorevoli.

(37)

Il-Kummissjoni osservat li, mill-2001 min-naħa l-oħra, IFP beda’ proċess kummerċjali dejjem aktar strutturat u dejjem aktar sostanzjali, bis-saħħa tad-dħul ta’ Axens fis-suq tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet esklużivi ta’ riċerka u ta’ liċenzja magħha. Għalhekk, din is-sussidjarja kummerċjali, li l-maġġoranza tal-ishma tagħha huma ta’ IFP, għandha aċċess privileġġat għax-xogħol ta’ R & Ż li jagħmel IFP fil-qasam tal-attivitajiet tagħha. Minħabba dan, il-Kummissjoni kienet tal-fehma, fid-Deċiżjoni tagħha għall-ftuħ ta’ proċedura, li r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-Deċiżjonijiet tal-1996 u tal-1998 ma kinux aktar validi u li l-ewwel inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996 ma kienx għadu japplika fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Axens. Hija għalhekk ikkonkludiet li kienet teżisti għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, favur IFP u s-sussidjarja tiegħu Axens.

(38)

Minbarra hekk, inkwantu IFP kellu l-maġġoranza tal-ishma f’żewġ sussidjarji kummerċjali oħra, Beicip-Franlab u Prosernat, u inkwantu IFP iffirma ftehimiet esklużivi mas-sussidjarji tiegħu, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, fl-oqsma ta’ attivitajiet tas-sussidjarji Beicip-Franlab u Prosernat.

(39)

It-tieni nett, il-Kummissjoni analizzat il-kumpatibilità tal-għajnuna fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat. Hija waslet għall-konklużjoni li, meta jiġu kkunsidrati l-objettivi tagħha, l-għajnuna potenzjali tista’ tkun analizzata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u b’mod partikolari fid-dawl tal-qafas R & Ż tal-1996. Minħabba n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni minn Franza f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna skont dawn id-dispożizzjonijiet kienu ssodisfati.

(40)

Għalhekk il-Kummissjoni talbet lil Franza biex tagħti l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-punti li ġejjin:

a)

l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit kif IFP u s-sussidjarji tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala entitajiet distinti li r-relazzjonijiet tagħhom isegwu logika ta’ suq;

b)

id-delimitazzjoni ċara, b’konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjar[j]i bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (14), tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu sabiex tiġi ċċarata liema proporzjon tas-sussidju pubbliku tappoġġa l-attivitajiet kummerċjali tal-grupp;

ċ)

prova preċiża li l-għajnuniet li setgħu ngħataw huma kompatibbli mar-regoli Komunitarji għal dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuniet għar-R & Ż.

4.   L-OSSERVAZZJONIJIET TA’ FRANZA DWAR IL-FTUĦ FORMALI TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI

4.1.   Fuq il-kuntest tal-proċedura mibdija

(41)

L-ewwel nett, Franza tenfasizza li l-iskema ta’ finanzjament ta’ IFP kien is-suġġett ta’ żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kkonkludew li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(42)

It-tieni nett, hija tfakkar li r-riorganizzazzjoni tal-2001 wasslet għat-tqassim tal-attivitajiet kummerċjali ta’ IFP fil-qasam tar-raffinar u tal-petrokimika, li qabel kienu jsiru minn naħa waħda internament mis-sezzjoni industrijali ta’ IFP u min-naħa l-oħra mill-kumpanija Procatalyse, li hija kkontrollata indirettament minn IFP. Hija temmen li l-għan ta’ din ir-riorganizzazzjoni kienet iċ-ċentralizzazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet ta’ IFP li jirrigwardaw il-missjoni tagħha ta’ interess ġenerali, mogħtija mill-Istat, għall-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-idrokarbonji u għat-teknoloġiji ġodda tal-enerġija u l-ambjent.

(43)

F’dan il-kuntest, Franza hija tal-fehma li l-ittri tal-2001 huma notifiki skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Hija issostni li fl-ittra li ntbagħtet fil-5 ta’ Marzu 2001 hemm nota ta’ informazzjoni, formula ta’ notifika kompluta (15) u ħames annessi tekniċi, li fosthom hemm il-konvenzjoni ta’ riċerka industrijali u l-ftehimiet ta’ liċenzja. Barra minn hekk hija tfakkar il-laqgħa (16) u l-iskambju ta’ informazzjoni (17) li saru wara u minbarra hekk tindika li rċeviet nota ta’ rċevuta mill-Kummissjoni datata 7 ta’ Mejju 2001 (18). Hija tfakkar li kienet staqsiet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-proġett ta’ riorganizzazzjoni ma jimplikax rikonsiderazzjoni tal-analiżi tal-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tagħha li saru qabel.

(44)

Għalhekk, Franza tikkonsidra li l-ittra D/52473, tad-19 ta’ Ġunju 2001, li fiha l-Kummissjoni indikat li l-proġett ta’ riorganizzazzjoni ta’ IFP ippreżentat kien konformi mal-kundizzjonijiet stabbilit fid-Deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Frar 1998 dwar it-tiġdid għall-perijodu 1998-2002 tat-taxxa parafiskali li tinġabar fuq ċerti prodotti taż-żejt, wasslet għal sitwazzjoni ta’ aspettattiva leġittima. Hija tfakkar li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-proġett ta’ riorganizzazzjoni ma biddilx in-natura tal-attivitajiet ta’ IFP u lanqas il-pożizzjoni tal-impriżi Franċiżi kkumparati mal-impriżi Komunitarji l-oħra f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ proċeduri u ma qajmet ebda oġġezzjoni dwar l-abbozzi tal-konvenzjoni, b’mod partikolari fuq id-dritt tal-ewwel rifjut li hija madankollu kienet saret taf bih waqt l-iskambji ma’ Franza mill-5 ta’ Marzu 2001. Għalhekk skont Franza, setgħet ġustament tikkunsidra li l-ħolqien ta’ Axens u l-iffirmar tal-konvenzjonijiet bejn IFP u Axens ma kinux ser iwasslu għall-eżistenza ta’ għajnuniet tal-Istat. Franza issostni li l-ħolqien ta’ Axens u l-iffirmar tal-konvenzjonijiet bejn IFP u Axens saru b’konformità mal-abbozz ippreżentat lill-Kummissjoni f’Marzu 2001.

(45)

Dwar it-tibdil li sar wara u li l-Kummisjoni ma kinitx infurmata dwaru, Franza tat l-elementi li ġejjin. Minn naħa waħda, skont Franza, it-teħid tal-kontroll ta’ 100 % tal-ishma ta’ Prosernat u Axens minn IFP fl-aħħar tas-sena 2001 ma jistax jiġi attribwit lil għażla ta’ IFP minħabba l-fatt li dan sar minn atturi independenti. Minbarra dan, Franza rrimarkat li l-Kummissjoni, fl-ittra D/52473 tad-19 ta’ Ġunju 2001, ikkunsidrat il-fatt li IFP għandu għallinqas il-maġġoranza tal-ishma tal-entità l-ġdida bħala garanzija ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, Franza ssostni li, peress li l-konvenzjonijiet bejn IFP u Prosernat u bejn IFP u Axens huma simili, hija ma dehrilhiex li kien meħtieġ li tinnotifikhom lill-Kummissjoni. Fl-aħhar nett, Franza ħasbet li ma kienx meħtieġ li tinnotifika l-konvenzjoni ta’ bejn IFP u Beicip-Franlab lill-Kummissjoni minħabba li din il-konvenzjoni tistabbilixxi kopertura totali tal-ispejjeż ta’ IFP.

(46)

Franza tfakkar li hija infurmat lill-Kummissjoni bit-tibdil fil-mod ta’ finanzjament ta’ IFP b’ittra tas-27 ta’ Novembru 2002.

4.2.   Dwar ir-rispett minn IFP tad-Direttiva 80/723/KEE

(47)

Franza hija tal-fehma li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-kontijiet għal kull attività, imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/723/KEE huwa rrispettat. Hija ssostni rigward dan li l-baġit ta’ IFP huwa organizzat skont tqassim tar-riżultati f’ħames ċentri, missjoni “Informazzjoni” kif ukoll sezzjoni ta’ “Riċerka esploratorja” li tippermetti li jiġu distinti l-attivitajiet diversi ta’ IFP.

(48)

Minbarra hekk, Franza tiddeskrivi l-mod ta’ klassifikazzjoni tal-proġetti fi ħdan iċ-ċentri tar-riżultati:

a)

il-proġetti ta’ akkwist ta’ kompetenzi, li spiss ikunu żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ istituti ta’ riċerka oħrajn, għandhom l-għan li jiġu żviluppati ideat ġodda;

b)

il-proġetti ta’ riċerka industrijali huma mmexxija minn IFP bil-kollaborazzjoni jew mingħajr kollaborazzjoni ta’ terzi. Għaċ-ċentri tar-riżultati “Esplorazzjoni-Produzzjoni”, dawn ikollhom x’jaqsmu mar-riċerka ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jwasslu għal metodoloġiji, softwer, addittivi kimiċi, tagħmir, proċeduri u kompetenza. Għaċ-ċentru tar-riżultati “Raffinar-Petrokimika” dawn ikollhom x’jaqsmu mal-iżvilupp ta’ proċeduri u ta’ prodotti ta’ fjuwil, ta’ materjal kombustibbli u intermedjarji petrokimiċi minn kull sors ta’ karbonju aċċessibbli;

ċ)

il-proġetti “Tagħmir tal-professjoni” dwar l-iżvilupp ta’ bankijiet ta’ testijiet, ta’ tagħmir ta’ testijiet, ta’ installazzjonijiet għall-esperimenti u ta’ ċirkuwiti ta’ testijiet kif ukoll l-iżvilupp ta’ softwer speċifiku u l-ġestjoni ta’ databases;

d)

il-proġetti “Attivitajiet ta’ Appoġġ” jinkludu l-proċeduri ta’ kwalità, il-monitoraġġ tal-programm u l-ġestjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

(49)

Fl-aħhar nett, Franza tagħti informazzjoni dwar is-sistema ta’ kontabilità tal-ispejjeż ta’ IFP, li tippermetti allokazzjoni tal-prodotti (minbarra allokazzjoni baġitarja tal-Istat) u tal-prezzijiet għal kull proġett fi ħdan kull ċentru ta’ riżultati.

4.3.   Dwar id-distinzjoni bejn IFP u s-sussidjarji tiegħu

(50)

Franza tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni skont liema IFP u Axens huma entità ekonomika waħda. Hija tal-fehma li IFP u s-sussidjarji tiegħu huma entitajiet distinti li għandhom missjonijiet ta’ natura differenti.

(51)

L-ewwel nett, Franza hija tal-fehma li l-attività ta’ riċerka ta’ IFP hija missjoni ta’ interess ġenerali, li għandha x’taqsam ma’ loġika speċifika, rikonoxxuta fuq livell nazzjonali, Komunitarju u dinji, li tassigura fuq żmien twil is-sigurtà tal-provvisti tal-idrokarbonji.

(52)

It-tieni nett, hija tal-fehma li r-referenza għall-kunċett ta’ impriżi assoċjati mhijiex pertinenti f’dan il-każ, li hija msemmija fl-Anness I tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u medji (19) (“rakkomandazzjoni SME”). Franza tfakkar ukoll il-ġurisprudenza Komunitarja skont liema ż-żamma ta’ 100 % tal-ishma ta’ sussidjarja mill-kumpanija prinċipali tagħha mhijiex biżżejjed biex turi li hemm kontroll minn din il-kumpanija. Minbarra dan, Franza tindika li l-eżistenza ta’ ftehim esklużiv ma tfissirx li hemm nuqqas ta’ awtonomija, li mingħajrha l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi ftehimiet bħal dawn bejn impriżi indipendenti ma jkollux skop. Fl-aħhar nett, Franza hija tal-fehma li d-dehra komuni ta’ IFP u Axens fis-suq hija neċessarjament ir-riżultat tal-fatt li Axens tqassam prodotti li nħolqu mir-riċerka mmexxija minn IFP u li din id-dehra komuni għandha tiġi distinta min-nuqqas ta’ aġir awtonomu.

(53)

It-tielet nett, Franza tressaq provi li għandhom l-iskop li juru l-awtonomija tas-sussidjarji ta’ IFP. Hija tindika li kull sussidjarja telabora l-istrateġija tagħha li tiġi approvata mill-bord tat-tmexxija tagħha li mhuwiex magħmul biss minn rappreżentanti ta’ IFP. Hija tgħid ukoll li l-kuntratti bejn IFP u s-sussidjarji tiegħu jirrispettaw ir-regoli tad-dritt komuni għal dak li għandu x’jaqsam mal-konvenzjonijiet regolati u li fuq din il-bażi, ir-rappreżentant ta’ IFP jastjena milli jivvota dwar kwistjonijiet relatati ma’ dawn il-kuntratti; hija tispeċifika li kull sussidjarja għandha l-kumitati tagħha u għandha awtonomija sħiħa fil-ġestjoni taħt il-kontroll tal-azzjonisti, li jaħdmu b’metodu ta’ rapportaġġ klassiku. Minbarra dan, Franza tispjega li IFP u s-sussidjarji tiegħu għandhom servizzi finanzjarji u ta’ kontabilità li huma indipendenti fuq livell ta’ ġerarkija u ġeografija, u li għandhom sistemi ta’ informazzjoni u ta’ ġestjoni differenti. Fl-aħhar nett, Franza ssemmi l-fatt li s-sussidjarji ta’ IFP jiddefinixxu liberament il-prodotti u s-servizzi li jikkumerċjalizzaw. Rigward dan, Franza tispeċifika li Axens hija libera li taċċetta jew tirrifjuta x-xogħol ippreżentat minn IFP u tiddeskrivi bosta eżempji ta’ proċeduri fejn Axens tikkompleta l-bżonnijiet tagħha għal dak li għandu x’jaqsam mar-riċerki b’relazzjonijiet kuntrattwali oħra.

4.4.   Dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(54)

Franza temmen li l-finanzjament ta’ IFP, li huwa organizzazzjoni li ma taħdimx għall-qligħ, mhijiex għajnuna mill-Istat, konformi mal-ewwel inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996.

(55)

L-ewwel nett, Franza ssostni li, skont it-tieni inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996, “meta r-riżultati ta’ dan ix-xogħol ta’ riċerka u tal-iżvilupp iffinanzjati mill-Istat ikun disponibbli għall-impriżi Komunitarji fuq bażi mhux diskriminatorja, il-Kummissjoni tassumi li normalment m’hemmx għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 92(1) [li sar 87(1)] tat-Trattat”.

(56)

Rigward dan, Franza tindika li IFP jagħmel ħafna xogħol ta’ riċerka li r-riżultat tiegħu jkun disponibbli għall-impriżi Komunitarji mingħajr diskriminazzjoni. Fost il-mezzi implimentati biex tiġi assigurata l-aċċessibbiltà tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, hemm ġurnal xjentifiku u l-kitba ta’ artikli, il-preżentazzjoni ta’ xogħol waqt kungressi, il-pubblikazzjoni u t-tpoġġija ta’ xogħlijiet fuq l-Internet, il-preżenza f’assoċjazzjonijiet xjentifiċi u l-istabbiliment ta’ sħubija ma’ ċentri oħra ta’ riċerka u t-taħriġ dottorali.

(57)

Franza tispeċifika li tliet kwarti tal-baġit ta’ riċerka taċ-ċentru ta’ riżultati “Esplorazzjoni-Produzzjoni” jintuża għax-xogħol ta’ riċerka fundamentali li r-riżultati tiegħu huma mxerrda fuq bażi wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni. Rigward iċ-ċentru ta’ riżultati “Raffinar-Petrokimika”, Franza tindika li r-riżultati ta’ ħafna mix-xogħol ta’ riċerka huma wkoll mqassma mingħajr diskriminazzjoni.

(58)

It-tieni nett, Franza temmen li r-raġunament tal-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tagħha tal-1996 u tal-1998, skont liema “hemm raġuni li jiġi kkonstatat li IFP, minkejja l-fatt li mhux dejjem jiċċarġja l-prezz reali tar-riċerka, ma jagħmel ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ liema impriżi għandhom jingħataw ir-riżultati tar-riċerka li jmexxi waħdu kif ukoll b’kollaborazzjoni” għadu vverifikat.

(59)

Rigward dan, hija tenfasizza li, fil-qasam “Esplorazzjoni-Produzzjoni”, IFP jagħmel xogħol ta’ riċerka industrijali għal ħafna soċji industrijali, li jieħu forma ta’ kooperazzjoni sempliċi jew proġetti industrijali konġunti (Joint Industrial Projects) għal ħafna klijenti b’parteċipazzjoni miftuħa.

(60)

Għas-suq tar-raffinar u tal-petrokimika, Franza temmen li l-ħlasijiet li għamlet Axens għax-xogħol li IFP għamel disponibbli għaliha huma ekwivalenti għall-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward ta’ dan il-kumpens finanzjarju, Franza tgħid li għandhom jitqiesu wkoll l-ispejjeż li kellha Axens biex tagħmel xi xogħol addizzjonali li huwa neċessarju għall-użu ta’ dan ix-xogħol ta’ riċerka kif ukoll l-ispejjeż żejda mħallsin minn Axens għall-użu ta’ teknoloġiji u prodotti li m’humiex dawk ta’ IFP. Skont Franza, il-parti kbira tal-fatturat tagħha li tintuża għall-attivitajiet ta’ riċerka tindika sew in-nuqqas ta’ vantaġġ kompetittiv li ħadet Axens mix-xogħol ta’ riċerka li għamel IFP għaliha. Franza tippreżenta xi provi biex turi li l-ammonti mħallsin minn Axens għall-attivitajiet tagħha ta’ riċerka huma b’mod ċar superjuri mill-medja tas-settur.

(61)

Minbarra hekk, Franza tafferma li minkejja d-dritt tal-ewwel rifjut favur Axens, ħafna xogħol ta’ riċerka mmexxi miċ-ċentru ta’ riżultati “Raffinar-Petrokimika” kien ta’ benefiċċju għal diversi soċji industrijali li ġejjin minn Stati differenti.

(62)

Għalhekk Franza tikkonkludi li l-intervent tal-Istat għall-benefiċċju ta’ IFP m’huwiex għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u li s-sussidjarji ta’ IFP ma jieħdu ebda vantaġġ mill-aċċess tagħhom għar-riżultati tar-riċerka mmexxija minn IFP għalihom.

4.5.   Dwar il-kompatibbilità ta’ għajnuna potenzjali tal-Istat mat-Trattat

(63)

Franza tindika li, jekk l-intervent mill-Istat favur IFP għandu jkun interpretat bħala għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għall-benefiċċju ta’ Axens, din l-għajnuna tkun f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni. Franza ppreżentat xi elementi li juru li l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli mat-Trattat b’applikazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) tiegħu.

(64)

L-ewwel nett, Franza temmen li l-finanzjament mill-Istat għax-xogħol ta’ riċerka industrijali ta’ Axens ma jaqbiżx il-limiti ffissati mill-qafas R & Ż tal-1996. Rigward dan hija tipprovdi l-ammonti tal-onorarji ta’ IFP, tax-xogħol ta’ riċerka industrijali mmexxi ma’ Axens, u tar-redditu finanzjarju mħallas minn Axens. […] (**)

(65)

It-tieni nett, Franza tindika li għajnuna potenzjali favur Axens jkollha effett ta’ inċentiv. Hija tipprovdi statistiċi li juru żieda fl-ammont kemm tal-ispejjeż li Axens iddedikat għar-R & Ż tal-personal tagħha tar-R & Ż kif ukoll fil-proporzjon tal-infiq intern meta jiġi mqabbel mal-fatturat. Minbarra dan, Franza tagħti eżempji ta’ xi proġetti ta’ Axens li ma setgħux jsiru mingħajr l-appoġġ ta’ IFP. Fl-aħħar, Franza tiddiskuti l-fatt li l-kompetituri kollha ta’ Axens, b’mod partikolari l-Amerikani, jibbenefikaw minn għajnuniet pubbliċi kbar.

(66)

Fl-aħħar nett, Franza tfakkar l-importanza strateġika tal-għajnuniet tal-Istat għall-innovazzjoni u għar-R & Ż, rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-qafas tat-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija ta’ Liżbona u msemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-għajnuniet mill-Istat.

5.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   Kontenut tal-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura

(67)

L-ilmentatur, minħabba li jista’ jkun hemm effetti kummerċjali negattivi, ma jixtieqx li l-identità tiegħu tkun żvelata. L-ilmentatur jemmen li l-interessi tiegħu huma direttament mhedda mis-sussidju allokat minn Franza lil IFP u/jew is-sussidjarja tiegħu Axens. Mit-twaqqif tagħha fl-2001, Axens, li hija kompetitriċi tal-ilmentatur, kienet qed tuża politika kummerċjali aggressiva relatata ma’ liċenzji ta’ teknoloġiji żviluppati totalment grazzi għall-attivitajiet ta’ R & Ż tal-kumpanija prinċipali tagħha, IFP.

(68)

L-ilment jikkonċentra fuq oqsma ta’ attivitajiet speċifiċi ta’ IFP, bħal m’huma t-teknoloġiji u l-katalizzaturi għar-raffinar, it-trattament tal-gass u l-produzzjoni petrokimika kif ukoll l-attività ta’ liċenzja ta’ Axens f’dawn l-oqsma. L-ilmentatur jemmen li, f’dawn l-oqsma, Axens tinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ operaturi oħra tas-suq mingħajr ma tkopri l-ispejjeż tar-R & Ż, minħabba li Axens hija d-distributriċi esklużiva tat-teknoloġiji żviluppati minn IFP bl-għajnuna finanzjarja tal-Istat. Minbarra dan, skont l-ilmentatur, l-għaqda IFP/Axens tista’ tmexxi attivitajiet ta’ R & Ż li ma jkunux ta’ benefiċċju għal operaturi li ma jieħdux sussidju.

(69)

L-ilmentatur jemmen li l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu identifikati fis-sussidju dirett tal-Istat favur IFP, fil-ħolqien u l-kapitalizzazzjoni minn IFP tas-sussidjarja kummerċjali tiegħu Axens, fil-finanzjament tas-settur tar-raffinar u petrokimika ta’ IFP, li d-distributiċi esklużiva tiegħu hija Axens, kif ukoll fil-liċenzji esklużivi li IFP talloka lil Axens għat-teknoloġiji tagħha.

(70)

L-ilmentatur jemmen li l-finanzjament attwali tal-attivitajiet ta’ IFP u ta’ Axens mill-Istat, li ma kienx innotifikat lill-Kummissjoni u mhu kopert minn ebda Deċiżjoni li ħadet qabel, huma għajnuna illeċita mill-Istat. Rigward dan, l-ilmentatur jispeċifika d-differenzi fattwali bejn il-konklużjonijiet tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda qabel u s-sitwazzjoni attwali ta’ IFP u ta’ Axens:

is-sussidjarja Axens hija entità kummerċjali;

Axens għadha aċċess esklużiv jew privileġġat għas-servizzi jew għar-riżultati ta’ riċerka ta’ IFP;

IFP għandha l-100 % tal-ishma tal-kapitali ta’ Axens;

fis-suq tat-teknoloġiji, il-maġġoranza tal-operaturi, inkluż l-ilmentatur, m’għandhomx sussidji. L-attivitajiet issussidjati tal-għaqda IFP/Axens iwasslu għal żbilanċ fil-prezz.

(71)

Għalhekk, l-ilmentatur jemmen li IFP huwa differenti ħafna mill-mudell ta’ stabbiliment pubbliku ta’ riċerka li ma jaħdimx għal qligħ, kif imsemmi fil-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996, fil-qasam tal-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarja tiegħu Axens. L-ilmentatur anzi jemmen li IFP u Axens huma entità waħda ekonomika li taġixxi fis-suq b’kompetizzjoni diretta mal-operaturi l-oħra. Skont l-ilmentatur, bosta elementi jindikaw li IFP u Axens għandhom jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda u għalhekk bħala impriża skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat:

IFP għandha l-100 % tal-kapital ta’ Axens;

IFP jaġixxi bħala azzjonist attiv peress li jieħu sehem fid-definizzjoni tal-istrateġija tas-sussidjarja tiegħu;

l-impjegati ta’ Axens u ta’ IFP jżuru l-klijenti potenzjali flimkien;

Axens tuża l-isem tagħha b’kollegament mat-teknoloġiji ta’ IFP (kif jidher fuq il-logo ta’ Axens li jinkorpora dak ta’ IFP).

(72)

Ir-riżorsi allokati mill-Istat Franċiż lill-għaqda IFP/Axens biex jiffinanzjaw ir-riċerka fl-oqsma tat-teknoloġiji tar-raffinar, tat-trattament tal-gass u tal-petrokimika huma riżorsi tal-Istat. Skont l-istimi tal-ilmentatur, l-infiq ta’ R & Ż magħmul minn IFP f’dawn l-oqsma kien ta’ madwar 100 miljun ewro filwaqt li Axens ma kinitx tagħti lura aktar minn nofs dawn l-ispejjeż lill-kumpanija prinċipali tagħha. L-ilmentatur għalhekk jemmen li l-għajnuna favur l-għaqda IFP/Axens hija ta’ 50 miljun ewro fis-sena.

(73)

Il-vantaġġ kompetittiv, skont l-ilmentatur, jiġi mill-fatt li l-entità IFP/Axens m’għandhiex għalfejn tkopri l-ispejjeż kollha tar-R & Ż u li għalhekk jista’ jkollha influwenza qawwija fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet tas-suq fl-oqsma kkonċernati. L-ilmentatur jemmen li vantaġġ bħal dan jintroduċi riskju ta’ effett ta’ żgumbrament għall-operaturi l-oħra fis-suq.

(74)

Skont l-ilmentatur, is-suq tat-teknoloġiji huwa suq dinji, jew għallinqas Ewropew. L-għajnuna mill-Istat favur l-għaqda IFP/Axens għalhekk taffettwa l-kummerċ intra-komunitarju.

(75)

Għalhekk, l-ilmentatur huwa tal-fehma li l-għajnuna mill-Istat favur l-għaqda IFP/Axens hija tassew għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(76)

L-ilmentatur isostni li, inkwantu l-iżvilupp tat-teknoloġiji tar-raffinar huwa attività qrib is-suq li r-riżultati tagħha jistgħu jiġu kkummerċjati direttament, dan ma jaqax taħt id-definizzjoni tal-attivitajiet prekompetittivi stabbiliti fil-qafas R & Ż tal-1996. Għalhekk, din l-għajnuna allokata lill-għaqda IFP/Axens hija għajnuna għall-funzjonament, li hija inkompatibbli mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

(77)

L-ilmentatur jenfasizza li, anke jekk l-attivitajiet tal-għaqda IFP/Axens jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittivi, l-għajnuna xorta taqbeż il-limitu ammissibbli stabbilit fil-qafas R & Ż tal-1996 għal attivitajiet bħal dawn, li hija ta’ 25 %, u tista’ wkoll taqbeż il-limitu ta’ 50 % stabbilit għar-riċerka industrijali.

(78)

Jekk nassumu li dawn huma attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp kif iddefiniti fil-qafas R & Ż tal-1996, l-ilmentatur jemmen li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna huwa diskutibbli. Skont l-ilmentatur, l-għajnuna lill-għaqda IFP/Axens tiddiswadi lill-operaturi l-oħra fis-suq milli jinvestu fir-R & Ż f’dawn l-oqsma, minħabba li d-dħul tagħħom huwa effettwat mill-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u ma jippermettix li jkopru l-ispejjeż ta’ R & Ż.

(79)

L-ilmentatur għalhekk jikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat favur l-għaqda IFP/Axens hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

5.2.   Osservazzjonijiet ippreżentati minn Axens

(80)

L-ewwel nett, il-kumpanija Axens tfakkar li hija kienet mwaqqfa fl-2001 sabiex jinġabru flimkien f’entità waħda b’vokazzjoni kummerċjali l-attivitajiet ta’ IFP li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ raffinar u petrokimika u dawk tas-sussidjarja li tipproduċi katalizzaturi. Il-kumpanija tindika li hija għandha l-funzjonijiet kollha (finanzjarji, legali, riżorsi umani) li jippermettuha tipprattika l-attività tagħha b’mod totalment awtonomu u li l-ġestjoni tagħha ta’ kuljum hija assigurata mill-istaff maniġerjali tagħha, taħt ir-responsabbiltà tal-President-Direttur Ġenerali. Hija temmen li numru limitat ħafna ta’ deċiżjonijiet jaslu sal-bord tad-diretturi tagħha u li l-azzjonist tagħha jħalli libertà kbira lid-diretturi tagħha fid-deċiżjonijiet kummerċjali u industrijali. Għalhekk hija tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni skont liema IFP u Axens huma entità ekonomika waħda.

(81)

It-tieni nett, il-kumpanija Axens tfakkar li r-riorganizzazzjoni tal-2001 saret b’konformità mal-proġett li ġie vvalidat espliċitament mill-Kummissjoni. Hija temmen li kellha raġuni leġittima li tafda fil-validità ta’ dan il-qafas legali u finanzjarju li r-rikonsiderazzjoni tiegħu tkun ostakolu serju għall-iżvilupp tiegħu.

(82)

It-tielet nett, il-kumpanija Axens issostni li ħafna mill-operaturi fis-swieq tat-teknoloġiji u l-katalizzaturi fir-raffinar u l-petrokimika jirrikorru għal arranġament ta’ riċerka interna u fi sħubija. Il-kumpanija Criterion, sussidjarja ta’ Shell, għandha aċċess għar-riċerka ta’ din tal-aħħar, ABB Lummus għandha xi ftehimiet ma’ Chevron u Shell, UOP ma’ Total u operaturi oħra u Albermale ma’ ExxonMobil. Il-kumpanija Axens tindika li l-kollaborazzjoni tagħha ma’ IFP taqa’ f’dan il-kuntest u kienet strutturata b’mod trasparenti skont it-tliet konvenzjonijiet ta’ riċerka u ta’ liċenzja. Dawn tal-aħhar jibbażaw ruħhom, mil-lat ta’ kull wieħed mill-partijiet, fuq loġika kummerċjali klassika. Il-kumpanija Axens temmen li l-fatt li s-sehem tal-fatturat tagħha li jintuża għall-ispejjeż ta’ riċerka huwa komparabbli mal-isforzi magħmula mill-kompetituri tagħha huwa ħjiel ieħor li Axens ma tikseb ebda vantaġġ mir-relazzjonijiet tagħha ma’ IFP.

(83)

Fl-aħħar nett, il-kumpanija Axens tenfasizza li hija tiffaċċja kompetizzjoni minn operaturi b’saħhithom ħafna, li huma ta’ spiss appoġgati mill-Istati ta’ oriġini tagħhom. Fl-Istati Uniti, id-Department of Energy fil-fatt jalloka baġit ta’ bosta mijiet ta’ miljuni ta’ dollari għall-appoġg ta’ proġetti.

5.3.   Osservazzjonijiet ippreżentati mill-UOP

(84)

L-uffiċju prinċipali tal-kumpanija UOP Limited jinsab fir-Renju Unit. Il-kumpanija għandha żewġ siti ta’ produzzjoni, fir-Renju Unit u fl-Italja, u hija attiva fi sbatax-il Stat Membru. Din il-kumpanija hija speċjalizzata fil-ħolqien, l-inġinerija, il-liċenzjar u s-servizzi ta’ proċeduri, bħall-ipproċessar taż-żejt, il-produzzjoni ta’ fjuwils nodfa, it-tneħħija tal-kubrit mill-fjuwils u t-teknoloġiji petrokimiċi. Hija tipproduċi wkoll katalizzaturi, filtri molekolari, assorbenti u tagħmir ieħor speċjalizzat.

(85)

UOP u l-għaqda IFP/Axens huma kompetituri fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ produzzjoni u ta’ tneħħija tal-kubrit mill-petrol, ta’ produzzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ aromatiċi kif ukoll fil-qasam tal-katalizzaturi għal varjetà kbira ta’ proċessi ta’ produzzjoni ta’ fjuwils nodfa. UOP hija favur il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mogħtija lil IFP u taqbel mal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet l-aktar importanti tagħha.

(86)

L-ewwel nett, UOP tara evoluzzjoni netta fl-attivitajiet ta’ IFP f’dawn l-ahhar snin. IFP irristrutturat attività ta’ liċenzji, relattivament insinifikanti u miftuħa lill-kumpaniji kollha, b’mod li tikkompeti direttament mal-operaturi privati fis-suq tal-proċessi. UOP tfakkar li l-ġurisprudenza Komunitarja titlob li, meta l-Istat jiddeċiedi li jaġixxi bħala operatur ekonomiku, huwa għandu jaġixxi bl-istess kundizzjonjiet ta’ operatur privat. Rigward dan, il-kumpanija UOP temmen li defiċit operattiv ta’ aktar minn 555 miljun ewro f’dawn l-aħħar tliet snin mhuwiex aċċettabbli għal azzjonista normali.

(87)

F’dan il-kuntest, UOP staqsiet lill-Kummissjoni biex toħroġ inġunzjoni għal Franza biex tissospendi l-għajnuna pubblika favur IFP, b’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (20).

(88)

It-tieni nett, UOP temmen li l-fatt li l-għaqda IFP/Axens m’għandhiex tkopri l-ispejjeż kollha ta’ R & Ż mhux biss ippermetta li tirbaħ parti sinifikanti tas-suq tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika, imma wkoll thedded il-profitti tal-kompetituri tagħha. Minbarra hekk, UOP issostni li l-prossimità tas-suq u l-livell baxx tal-attivitajiet ta’ R & Ż tal-għaqda IFP/Axens juru n-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. Fl-aħhar nett, UOP hija tal-fehma li l-benefiċċju li tista’ tagħti għajnuna tkun ikkumpensata bil-kbir bir-riskju ta’ żgumbrament tal-operaturi privati fis-swieq ikkonċernati, minħabba li UOP hija tal-fehma li fi żmien medju l-operaturi privati jkollhom inaqqsu l-ispejjeż tagħhom ta’ R & Ż sabiex jibqgħu kompetittivi mal-kompetituri li huma ssussidjati ħafna.

(89)

It-tielet nett, il-kumpanija UOP taqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni skont liema IFP u s-sussidjarja tagħha Axens huma entità ekonomika waħda. Minn naħa waħda, l-istruttura kapitali, l-istaff maniġerjali, ir-relazzjonijiet preferenzjali u l-livell ta’ integrazzjoni ekonomika ta’ IFP u s-sussidjarja tiegħu Axens iwasslu għal din il-konklużjoni. Rigward dan, UOP tenfasizza li l-integrazzjoni ekonomika taż-żewġ entitajiet hija ppruvata mill-fatt li Axens hija l-unika distributriċi tat-teknoloġiji żviluppati minn IFP u l-ewwel u potenzjalment l-unika destinatarja tar-riżultati ta’ IFP. Ftehimiet bħal dawn juru, skont UOP, li IFP u Axens bilfors jiddependu fuq xulxin, jaħdmu flimkien u għandhom l-istess interessi fis-suq. Min-naħa l-oħra, UOP hija tal-fehma li bħala azzjonist uniku ta’ Axens, IFP jista’ jistabbilixxi l-istrateġija ta’ din il-kumpanija fi żmien qasir u medju.

(90)

Ir-raba’ nett, UOP hija tal-fehma, bħall-Kummissjoni, li biex ma jkunx hemm vantaġġ favur l-għaqda IFP/Axens, il-baġit ta’ IFP li huwa allokat għar-R & Ż mmexxija b’kollaborazzjoni ma’ jew għal Axens għandu jkun iffinanzjat mid-dħul akkwistat mis-suq.

(91)

Il-ħames nett, UOP tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra n-natura speċifika tas-suq tal-liċenzji tat-teknoloġiji ta’ proċessi meta tkun qed tipprova tistabbilixxi korrispondenza bejn l-attivitajiet ta’ R & Ż tal-għaqda IFP/Axens u l-kategoriji ta’ riċerka stabbiliti fl-Anness I tal-qafas R & Ż tal-1996. Din in-natura speċifika tiġi mill-fatt li l-għaqda IFP/Axens u l-kompetituri tagħha ma jikkummerċjalizzawx prodotti jew servizzi iżda proċessi. Skont UOP, il-fatt li l-industrija normalment issemmi l-iżvilupp ta’ proċess li jista’ jiġi kkummerċjalizat bit-termini “R & Ż” m’għandhux jiżvija lill-Kummissjoni mill-fatt li dan l-iżvilupp jinsab ‘l isfel fl-attivitajiet ta’ R & Ż bħal m’huma stabbiliti fil-qafas R & Ż tal-1996. F’dan ir-rigward, UOP issostni li r-R & Ż għall-industriji ta’ proċessi tar-raffinar u tal-petrokimika tista’ tkun ikkategorizzata fi tliet stadji:

a)

stadju ta’ riċerka bażika, li fih il-materjali l-ġodda u kunċetti ta’ proċessi jiġu żviluppati u ttestjati sakemm jiġi ppruvat il-prinċipju tagħhom (21);

b)

stadju ta’ żvilupp tal-proċessi u tal-materjali, li fih il-kunċetti tal-materjali u l-proċessi skoperti huma żviluppati għal applikazzjoni kummerċjali;

ċ)

stadju ta’ żvilupp ta’ applikazzjoni, li fih l-istrumenti jiġu mibnija, li tippermetti l-previżjoni ta’ eżekuzzjonijiet li jistgħu jkunu riprodotti u l-manifattura ta’ materjali sabiex il-proċess jiġi offrut kompetittiv.

(92)

UOP temmen li l-istadji 0 u 0 huma parti integrali tal-iżvilupp kummerċjali.

(93)

Fl-aħħar nett, il-kumpanija UOP, filwaqt li taqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar li IFP u s-sussidjarja tiegħu Axens huma entità ekonomika waħda, xtaqet tagħti ċerti elementi addizzjonali fl-ipotesi li l-Kummissjoni tikkonkludi fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li IFP u Axens huma żewġ entitajiet ekonomiċi separati. Skont UOP, is-suq tal-proċessi joffri prodotti mhux komparabbli. Għalhekk, l-uniku mod kif jista’ jiġi ggarantit li Axens tħallas il-prezz tas-suq għar-riżultati ta’ IFP huwa l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Għaldaqstant, UOP temmen li d-dritt tal-ewwel rifjut huwa fih innifsu vantaġġ minħabba li, jekk jiġi konċess dritt tal-ewwel rifjut lil Axens, IFP jirrinunzja għall-possibilità li jittrasferixxi r-riżultati tiegħu bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti lill-operatur li joffri l-aktar fis-suq.

6.   KUMMENTI TA’ FRANZA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(94)

Il-kummenti ta’ Franza huma dwar l-osservazzjonijiet ta’ UOP u dwar l-ilment.

6.1.   Bħala risposta lill-osservazzjonijiet ta’ UOP

(95)

L-ewwel nett, Franza tikkontesta l-affermazzjoni ta’ UOP dwar l-eżistenza ta’ entità waħda IFP/Axens billi tinsisti fuq l-awtonomija ta’ Axens meta kkumparata ma’ IFP u fuq il-fatt li IFP huwa istitut ta’ riċerka, ta’ taħriġ u ta’ dokumentazzjoni, li jagħmluh fondamentalment differenti mis-sussidjarja tiegħu Axens u minn UOP Limited.

(96)

Rigward l-awtonomija ta’ Axens fir-rigward ta’ IFP, Franza tfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza Komunitarja konstanti, l-istruttura azzjonarja ta’ sussidjarja mhijiex, fiha nnifisha, kriterju suffiċjenti biex turi jekk din is-sussidjarja tistax titqies jew le bħala entità li għandha awtonomija ekonomika mill-kumpanija prinċipali tagħha. Axens, minkejja li 100 % tal-ishma tagħha huma miżmuma minn IFP, hija totalment indipendenti fis-suq. Hemm bosta ħjiel li juru din l-indipendenza:

a)

Axens għandha proċess ta’ deċiżjoni awtonomu u organizzazzjoni finanzjarja u umana indipendenti;

b)

Axens tispeċifika liberament il-politika kummerċjali tagħha u l-objettivi ta’ bejgħ u l-marġni grossi tagħha;

ċ)

Axens tintervjeni fis-suq tar-raffinar u tal-petrokimika f’isimha u għaliha stess u għandha l-poter li tagħmel kuntratti mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ IFP;

d)

Axens għandha awtonomija finanzjarja fil-konfront ta’ IFP fil-limitu tal-poteri kkonferiti speċifikati fl-istatuti tagħha u mhijiex l-unika distributriċi tat-teknoloġiji ta’ IFP.

(97)

Rigward in-natura ta’ IFP, jiġifieri dik ta’ istitut ta’ riċerka li ma jaħdimx għal skopijiet ta’ qligħ, Franza tennet l-affermazzjoni tagħha li IFP huwa istitut ta’ riċerka li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jwettaq attivitajiet ta’ riċerka u jqassam ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet bit-tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment ta’ teknoloġiji, u l-profitti jeġgħu jiġu totalment investiti fir-riċerka jew fit-tqassim tar-riżultati ta’ dik ir-riċerka.

(98)

It-tieni nett, billi r-riżorsi ttrasferiti mill-Istat lil IFP m’humiex għajnuna mill-Istat skont l-ewwel inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996, Franza tikkontesta l-affermazzjoni ta’ UOP li tgħid li dawn ir-riżorsi (22) huma għajnuna għall-funzjonament.

(99)

It-tielet nett, skont UOP, kważi t-total tal-appoġġ pubbliku mogħti lil IFP jintuża għall-finanzjament ta’ xogħol orjentat lejn is-suq u, għalhekk, il-qafas ta’ R & Ż tal-1996 ma japplikax. Din l-affermazzjoni hija kkontestata minn Franza, li tfakkar li IFP iwettaq qabel kollox missjoni ta’ interess ġenerali bbażata fuq ir-riċerka fondamentali u l-promozzjoni tar-riżultati tiegħu, kif ukoll fuq it-tagħlim u t-tqassim tal-għarfien tiegħu, li ma jistax jiġi mħallat mal-objettivi kummerċjali stretti li għandhom l-operaturi privati, bħal UOP u Axens.

(100)

Minbarra hekk, ix-xogħol ta’ riċerka li jwettaq IFP għal Axens fil-qafas tal-konvenzjoni ta’ riċerka industrijali huma, minn naħa waħda, studji ta’ vijabilità teknika, u min-naħa l-oħra, xogħol ta’ riċerka industrijali. IFP ma jwettaqx xogħol ta’ riċerka prekompetittiva għal Axens li tagħmel u tiffinanzja dan ix-xogħol waħedha. Inwantu t-tabelli finanzjarji mogħtija mal-osservazzjonijiet ta’ Franza ta’ Frar 2006 jikkonfermaw li IFP jirrispetta totalment id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 80/723/KEE, Franza temmen li l-allokazzjoni baġitarja tabilħaqq tintuża biex taqdi il-missjoni tagħha ta’ interess ġenerali u tiffinanzja x-xogħol ta’ R & Ż skont il-qafas R & Ż tal-1996.

(101)

Ir-raba’ nett, skont UOP, id-dritt tal-ewwel rifjut jagħti vantaġġ lil Axens, li ma jkollhiex tħallas il-prezz tas-suq għal dritt bħal dan. Franza tenfasizza l-importanza li jiġi evalwat ir-riżultat ekonomiku globali tar-remunerazzjonijiet mħallsin minn Axens lil IFP. Minbarra d-dividendi, l-elementi ta’ din ir-remunerazzjoni globali (li hija magħmula mir-remunerazzjoni mħallsa taħt id-dritt tal-ewwel rifjut u t-taxxi mħallsin taħt il-konvenzjonijiet ta’ liċenzja ta’ qafas u liċenzja ta’ prodotti) kienu ddeterminati fl-2001 skont loġika ekonomika. Din il-loġika għandha l-iskop li tiggarantixxi li Axens ma jkollhiex vantaġġ ekonomiku mir-relazzjoni tagħħa ma’ IFP u li tassigura redditu deċenti u stabbli minn sena għal sena għal IFP, indipendenti biżżejjed mill-kombinazzjoni li tirriżulta mill-bejgħ istantanju ta’ Axens sabiex jiġi evitat ir-riskju għal IFP ta’ varjazzjonijiet eċċessivi tar-riżorsi.

(102)

Franza ssostni li hija biss din ir-remunerazzjoni globali, appoġġata effettivament minn Axens, miżjuda mal-fatturat totali tagħha, li għandha tiġi analizzata skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-dritt tal-ewwel rifjut ma joħloqx vantaġġ kompetittiv favur Axens u lanqas distorzjoni tal-kompetizzjoni.

(103)

Fl-aħhar nett, Franza tikkontesta wkoll l-affermazzjoni skont liema l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna illeċita mill-Istat favur l-għaqda IFP/Axens ipprovokat xi danni lill-kompetituri u fixklet id-dinamika tal-innovazzjoni. Franza tindika li UOP Limited hija l-unika kompetitriċi, fost dawk il-ħafna li jeżistu, li ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. Franza tenfasizza wkoll li m’hemm ebda prova tad-danni allegati.

(104)

Fl-aħhar nett, Franza temmen li d-dinamika tal-innovazzjoni ma kinitx effettwata fis-suq tar-raffinar u tal-petrokimika. Rigward dan, fis-suq tal-liċenzji ta’ teknoloġiji u tal-katalizzaturi, l-analiżi tal-ishma tas-suq turi dominanza netta tal-grupp UOP. Jekk veru jeżisti poter tas-suq, skont Franza, dan jeżisti fi ħdan UOP, u mhux fi ħdan Axens. Hija tgħid ukoll li, anke jekk il-poter tas-suq ta’ UOP naqas, dan it-tnaqqis kien minħabba l-iżbalji strateġiċi ta’ UOP stess, b’mod partikolari fis-suq tat-tneħħija tal-kubrit li fih UOP irrinunzjat li tinvesti u għalhekk baqgħet ‘l barra minn attività li tiġġenera redditi kbar.

6.2.   Risposta għall-ilment anonimu

(105)

L-ewwel nett, Franza terġa’ tafferma li r-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ IFP kienet innotifikata lill-Kummissjoni. L-ittri tal-2001, li bihom infurmat lill-Kummissjoni bil-proġett ta’ riorganizzazzjoni interna li wasslet għas-sussidjarjetà tal-attivitajiet kummerċjali ta’ IFP, huma tassew notifiki skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(106)

It-tieni nett, Franza tfakkar l-argumenti kkwotati fl-osservazzjonijiet tagħha (ara s-sezzjoni 0) u b’risposta għall-kummenti ta’ UOP (ara l-premessi 0 et sequitur) li jikkontradixxu l-affermazzjoni li tgħid li IFP u Axens huma entità ekonomika waħda.

(107)

It-tielet nett, Franza tinsisti fuq il-fatt li x-xogħol ta’ riċerka ta’ IFP imwettaq fil-qafas taċ-ċentru tar-riżultati “Raffinar-Petrokimika” jibbenefika lill-assoċjati industrijali diversi li ġejjin minn bosta Stati […] (**) u mhux biss lil Axens kif jgħid l-ilmentatur.

(108)

Ir-raba’ nett, kontra l-affermazzjoni tal-ilmentatur li tgħid li aktar min-nofs tad-dħul ta’ Axens ġej mill-bejgħ ta’ liċenzji ta’ proċessi u l-provvista ta’ servizzi li għandhom x’jaqsmu, Franza tindika li s-sehem tal-attività “liċenzja ta’ teknoloġiji” (process licensing) fil-fatturat ta’ Axens tas-snin 2003, 2004 u 2005 kien rispettivament ta’ 36 %, 38 % u 31 %.

(109)

Il-ħames nett, Franza tikkontesta l-affermazzjoni tal-ilmentatur li tgħid li Axens m’għandhiex il-faċilitajiet ta’ riċerka tagħha stess. Axens min-naħa l-oħra għadha r-riżorsi umani u materjali tagħha stess biex twettaq ix-xogħol tagħha ta’ żvilupp prekompetittiv għall-iskop ta’ awtorizzazzjoni qabel it-tpoġġija fis-suq: softwer ta’ kejl, strumenti ta’ simulazzjoni ta’ proċeduri, tagħmir ta’ evalwazzjoni ta’ katalizzaturi u ta’ assorbenti u installazzjonijiet pilota ta’ żvilupp ta’ katalizzaturi u ta’ simulazzjoni ta’ sekwenzi ta’ fażijiet unitarji qabel l-estrapolazzjoni industrijali. Ir-riżorsi ta’ Axens ippermettewlha li tiffinalizza l-iżvilupp ta’ prodotti u proċeduri proposti minn terzi oħra minbarra IFP.

(110)

Is-sitt nett, Franza terġa’ tafferma li IFP għad għandha, bil-missjoni tagħha u l-attivitajiet tagħha, il-karatteristiċi ta’ istitut li ma jaħdimx għall-qligħ li jipprattika totalment missjoni ta’ interess ġenerali kkonferita mill-Istat. Din l-analiżi tista’ tkun ikkonfermata mill-funzjonament u l-organizzazzjoni ta’ IFP u tas-sussidjarji tagħha peress li IFP għamel dak kollu possibbli sabiex is-sussidjarji kummerċjali tiegħu jkunu kompletament awtonomi u indipendenti. Għalhekk hija temmen li l-finanzjament ta’ IFP, istitut li ma jaħdimx għall-qligħ, mhuwiex għajnuna mill-Istat konformi mal-ewwel inċiż tal-punt 2.4 tal-qafas R & Ż tal-1996.

(111)

Is-seba’ nett, Franza ma taċċettax speċifikament il-punt li jgħid li l-attività ta’ riċerka ta’ IFP għandha tkun assimilata għas-sempliċi żvilupp ta’ “proċess ta’ teknoloġija” (technology process) li għandu l-possibbiltà kbira li jintuża direttament mill-kumpaniji kummerċjali għall-produzzjoni industrijali tagħhom. Fuq dan il-punt hija tagħti informazzjoni dettaljata dwar iċ-ċikli ta’ żvilupp ta’ proċeduri u ta’ prodotti.

(112)

It-tmien nett, hija tirreferi għall-osservazzjonijiet mogħtija wara l-ftuħ tal-proċedura dwar l-affermazzjoni tal-ilmentatur li tgħid li r-remunerazzjoni tax-xogħol ta’ riċerka mmexxija minn IFP għal Axens mhijiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (ara l-premessa 60).

(113)

Id-disa’ nett, Franza tikkontesta l-affermazzjoni li tgħid li l-ammont tal-għajnuna possibbli li tibbenefika minnha Axens hija ta’ 50 miljun ewro għas-sena 2003 u għal dan tirreferi għat-tabelli finanzjarji pprovduti.

(114)

Fl-aħhar nett, Franza temmen li, kontra dak li jafferma l-ilmentatur, il-kompetituri ta’ Axens jibbenefikaw ġeneralment minn għajnuniet pubbliċi (diretti u indiretti) biex iwettqu x-xogħol tagħhom ta’ R & Ż. Pereżempju, il-grupp UOP jirċievi finanzjamenti għall-programmi interni tiegħu tar-R & Ż, min-National Institute of Standards and Technologies (NIST). Minbarra hekk, huwa jesternalizza parti mir-riċerka tiegħu permess ta’ sħubija ma’ istituti, laboratorji ta’ riċerka jew universitajiet, li jibbenefikaw huma stess minn fondi pubbliċi. UOP tikkollabora għalhekk mal-Pacific Northwest National Laboratory, l-Argonne National Laboratory, is-Synchrotron Catalysis Consortium tal-Università tad-Delaware, kif ukoll mal-College of Engineering tal-Università tal-Illinois f’Urbana Champaign, jew ukoll mas-SINTEF Norveġiż.

7.   EVALWAZZJONI

7.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

7.1.1.   Identifikazzjoni tal-benefiċjarji potenzjali

(115)

Fid-deċiżjonijiet tagħha tal-1996 u tal-1998, il-Kummissjoni dehrilha li l-għajnuna pubblika allokata lill-attivitajiet ta’ R & Ż immexxija minn IFP ma kellhomx x’jaqsmu mal-qasam ta’ applikazzjon tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat minħabba li IFP kienet organizzazzjoni ta’ riċerka li ma taħdimx għall-qligħ u li ma kienitx involuta fi proċess kummerċjali.

(116)

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċedura, għal raġunijiet miġburin fil-qosor fil-premessa 37 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat mill-ġdid parti minn din l-analiżi. B’mod partikolari hija dehrilha li IFP, permess tas-sussidjarji tagħha Axens, Beicip-Franlab u Prosernat, kienet involuta f’attivitajiet ekonomiċi rispettivament fis-suq tat-teknoloġiji ta’ raffinar u tal-petrokimika, fis-suq ta’ parir fl-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt kif ukoll fis-suq tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit (hawn taħt “is-swieq ikkonċernati”). Għalhekk, għandu jiġi investigat jekk is-sussidju pubbliku mogħti lil IFP ma jirriżultax f’għajnuna mill-Istat fis-swieq ikkonċernati.

(117)

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni bdiet l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji eventwali. Il-Kummissjoni temmen li, f’analiżi kompetittiva, IFP u s-sussidjarji tagħha Axens, Beicip-Franlab u Prosernat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala operaturi ekonomiċi distinti. Hija tibbaża ruħha l-aktar fuq iż-żamma diretta minn IFP ta’ 100 % tal-kapital ta’ Axens u ta’ 100 % tal-kapital tal-Beicip-franlab u fuq iż-żamma indiretta ta’ 100 % tal-kapital ta’ Prosernat.

(118)

L-istruttura kapitali hija komunament użata mill-Kummissjoni fl-analiżi kompetittivi tagħha bħala indikazzjoni tal-indipendenza tal-impriżi. Rigward dan, il-Kummissjoni tfakkar li l-konsiderazzjoni tal-kriterju tal-istruttura kapitali, bħal m’hija speċifikata fl-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-rakkomandazzjoni SME, tippermetti li jiġu esklużi mill-kwalifikazzjoni ta’ SME il-gruppi ta’ impriżi li għandhom poter ekonomiku li jaqbeż dak ta’ SME. Ir-rakkomandazzjoni dwar l-SME’s tikkunsidra li xi impriżi huma “ikkollegati” minn meta xi impriża jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ voti tal-azzjonisti ta’ impriża oħra. Din ir-rakkomandazzjoni hija wkoll użata f’rapporti oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet tal-Istat għas-salvataġġ u t-tibdil radikali ta’ impriżi f’diffikultà (23) sabiex tiġi ddeterminata l-indipendenza ta’ impriża. L-istruttura kapitali hija wkoll imsemmija fl-Artikolu 5(4)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (24), jew fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-27 ta’ April 2004 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (25).

(119)

Minbarra l-kriterju tal-istruttura kapitali, il-Kummissjoni tikkunsidra bosta elementi li, jekk jiġu kkunsidrati flimkien, jikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li IFP u s-sussidjarji tagħha, min-naħa tal-klijenti u tal-kompetituri fis-swieq ikkonċernati, m’humiex separabbli. Kif tgħid is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Eworopej Intermills vs Il-Kummissjoni (26), “minkejja l-fatt li t-tliet kumpaniji industrijali għandhom personalità ġuridika distinta mill-kumpanija preċedenti Intermills, il-kumpaniji kollha jiffurmaw flimkien grupp uniku, almenu fir-rigward tal-għajnuna allokata mill-awtoritajiet Belġjani. Il-Kummissjoni għalhekk kellha raġun li tikkunsidra l-grupp kollu bħala “impriża” unika fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 92 tat-Trattat.”

(120)

Rigward il-missjonijiet u l-attivitajiet ta’ IFP u tas-sussidjarji tagħha, il-Kummissjoni tosserva li anke jekk l-objettiv ewlieni u l-istatut ta’ IFP jkunu differenti minn dawk tas-sussidjarji tiegħu, il-promozzjoni tar-riżultati ta’ R & Ż ta’ IFP fis-suq jidhru minkejja kollox fost il-prijoritajiet stabbiliti mill-Istat fil-kuntratt tiegħu ta’ objettivi ma’ IFP u tagħmel parti mill-istrateġija ta’ żvilupp ta’ IFP. Il-punt wara dan huwa li “jinkiseb redditu finanzjarju fuq l-ispejjeż ta’ R & Ż, li jżid l-isforz tar-riċerka” filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offerti mis-swieq:

fil-qasam “Raffinar-Petrokimika”, il-kuntratt ta’ objettivi jindika li “l-ambizzjoni ta’ IFP, waqt dawn l-għaxar snin, huwa li jestendi l-qasam ta’ intervent u li jżid l-ishma tiegħu fis-suq biex isir, fuq livell dinji, attur ewlieni. … [Il-punt huwa li] isaħħaħ is-settur il-ġdid magħmul mid-Direttorat Industrijali ta’ IFP u Procatalyse [Axens], li għandu l-iskop li jibbenefika mill-effett multiplikatorju assoċjat mal-bejgħ ta’ liċenzji u li jippromwovi bl-aħjar mod il-potenzjal ta’ R & Ż ta’ IFP f’dan il-qasam.”

fil-qasam “Esplorazzjoni-Produzzjoni”, “hemm bżonn, għal kull każ, li jintużaw bl-aħjar mod possibbli l-“kompetenzi tal-Grupp”, b’mod partikolari dawk tas-sussidjarji diretti, u li jittieħdu minnhom is-sinerġiji kollha possibbli ta’ din is-sistema, biex tiġi assigurata l-kopertura l-aktar effikaċi tas-swieq” (27).

(121)

Rigward il-kontroll effettiv tas-sussidjarji, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa waħda, il-preżenza tal-istaff maniġerjali ta’ IFP fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sussidjarji, u min-naħa l-oħra, iċ-ċentri ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u d-deċiżjonijiet fondamentali:

Axens: sal-10 ta’ Novembru 2005, minn disa’ membri tal-bord tad-diretturi, sitt amministraturi kienu parti wkoll mill-istaff maniġerjali ta’ IFP, u b’mod partikolari ħames amministraturi kienu fil-kumitat eżekuttiv ta’ IFP. Il-bord tad-diretturi kien l-uniku wieħed li kellu l-awtorizzazzjoni li jadotta l-baġit, il-pjan ta’ investiment u l-pjan ta’ finanzjament annwali ta’ Axens u l-ispejjeż ta’ investiment ta’ aktar minn 762 000 ewro kellhom ikunu validati mill-bord tad-diretturi.

Beicip-Franlab: sal-1 ta’ Jannar 2003, tliet membri tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ Beicip-Franlab minn sebgħa kienu parti mill-istaff maniġerjali ta’ IFP. Skont l-istatut ta’ Beicip-Franlab, il-kunsill ta’ sorveljanza kellu kontroll permanenti fuq il-ġestjoni mill-bord tad-diretturi tiegħu.

Prosernat: sal-1 ta’ Jannar 2003, tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prosernat minn ħamsa kienu wkoll parti mill-kumitat eżekuttiv ta’ IFP. Il-bord tad-diretturi ta’ Prosernat kien jiddeċiedi l-pjanijiet strateġiċi, il-baġit annwali, il-ħolqien ta’ attivitajiet ġodda, u l-ftehimiet ta’ negozji kontġunti.

(122)

Il-Kummissjoni tindika li l-ftehimiet esklużivi, bħala konvenzjonijiet regolamentati, huma rregolati minn regoli preċiżi skont liema r-rappreżentant ta’ IFP fil-bord tad-diretturi ma jiħux sehem fil-votazzjoni fuq il-kwistjonijiet dwar il-ftehimiet esklużivi. Madankollu, jekk ir-rappreżentant ta’ IFP ma jiħux sehem fil-votazzjoni, membri oħra tal-bord tad-diretturi, li huma wkoll diriġenti ta’ IFP, jieħdu sehem f’din il-votazzjoni.

(123)

Il-Kummissjoni tikkonċedi li l-ftehimiet esklużivi m’humiex fihom infushom indikazzjoni tan-nuqqas ta’ awtonomija tal-impriżi. Mandankollu, l-Kummissjoni tosserva li dawn il-kuntratti huma essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi tas-sussidjarji.

(124)

Hija tikkunsidra wkoll il-fatt li l-possibbiltajiet ta’ riċerka b’kollaborazzjoni ma’ impriżi oħra fil-qasam tal-attivitajiet tas-sussidjarji huma strettament imfissra fil-ftehimiet esklużivi. Għalhekk, IFP tista’ tibda proġett fil-qasam tal-attivitajiet tas-sussidjarji kkonċernati biss jekk dawn ma jixtiqux iwettqu l-proġett ta’ riċerka, wara li jeżerċitaw id-dritt tal-ewwel rifjut (1). Barra dan, IFP għandu dritt tal-ewwel rifjut fuq ix-xogħol ta’ riċerka kollu li s-sussidjarji ikkonċernati jixtiequ jagħmlu. Huwa biss wara li ma jiġix eżerċitat id-dritt tal-ewwel rifjut minn IFP li s-sussidjarji kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jipproponu l-proġett ta’ riċerka lil impriżi oħra (2). Il-Kummisjoni temmen li dawn ir-restrizzjonijiet huma indikatur tal-integrazzjoni ekonomika qawwija ta’ IFP u s-sussidjarji ikkonċernati.

(125)

Minbarra hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat l-eżistenza ta’ kuntratti ta’ provvista, b’mod partikolari ta’ bini u staff:

għal Axens: bini, servizzi ta’ kejtering tal-impriża, staff, servizzi amministrattivi;

għal Beicip-Franlab: teżorier, staff;

għal Prosernat: servizzi legali u finanzjarji.

(126)

Rigward il-kwistjoni tad-dħul ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu fis-swieq ikkonċernati, il-Kummissjoni temmen li hemm bosta elementi li jindikaw li IFP u s-sussidjarji kkonċernati għandhom preżenza u dehra komuni għall-klijenti tagħhom u l-kompetituri tagħhom. Minbarra l-kliem “IFP Group Technologies” fil-logos ta’ Axens u Prosernat, hemm xi kollegamenti diretti bejn is-siti elettroniċi tas-sussidjarji kkonċernati u s-sit elettroniku ta’ IFP. Minbarra hekk, fuq is-sit elettroniku tagħhom, Axens u Prosernat jirreferu għall-isforzi ta’ R & Ż ta’ IFP fil-qasam ta’ attivitajiet tagħhom (28). Hekk ukoll, l-uffiċju ta’ Beicip-Franlab f’Bahrain jismu “IFP Middle East Consulting”. Minbarra hekk, IFP u Axens jipparteċipaw flimkien f’diversi konferenzi (29). Il-Kummissjoni sabet ukoll bosta referenzi għal entità waħda IFP/Axens f’pubbliċità u pubblikazzjonijiet (30) u fis-siti elettroniċi ta’ atturi fis-settur (31).

(127)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva kontro-referenza bejn l-oqsma ta’ attivitajiet ta’ IFP u dawk tas-sussidjarji Axens, Beicip-Franlab u Prosernat, u dan iżid in-neċessità li l-grupp IFP jiġi kkunsidrat bħala impriża waħda.

(128)

Bħala konklużjoni, l-objettiv ta’ valorizzazzjoni tar-riżultati ta’ R & Ż jinsab fil-qalba tal-istrateġija ta’ żvilupp ta’ IFP bħal m’huwa speċifikat fil-kuntratt ta’ objettivi tiegħu mal-Istat. Barra hekk, iż-żamma tal-kapital tas-sussidjarji u l-preżenza tal-istaff ta’ diriġenti ta’ IFP fil-qafas tas-sussidjarji huma prova ta’ kontroll ġuridiku u de facto ta’ IFP fuq is-sussidjarji kkonċernati. Fl-aħħar nett, il-ftehimiet esklużivi bejn IFP u s-sussidjarji kkonċernati fl-oqsma essenzjali tal-attivitajiet tagħhom juru l-integrazzjoni ekonomika tal-entitajiet preżenti. Minbarra dan, id-dehra u l-preżenza komuni ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu fis-swieq ikkonċernati huma indikaturi oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li skont il-prattika deċiżjonali tagħha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sussidjarji kkonċernati ma jistgħux jiġu sseparati mill-kumpanija prinċipali tagħhom IFP, bħala operaturi ekonomiċi fis-swieq ikkonċernati.

(129)

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni temmen li l-benefiċjarji ta’ għajnuna possibbli tal-Istat huma l-entitajiet IFP, Axens, Beicip-Franlab u Prosernat għall-attivitajiet tagħhom fis-suq tat-tekonoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika, fis-suq tal-konsulenza fl-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt kif ukoll fis-suq tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit.

7.1.2.   Determinazzjoni tal-vantaġġ selettiv iffinanzjat minn riżorsi tal-Istat

(130)

Billi ġie pprovat li IFP, permezz tas-sussidjarji tiegħu Axens, Beicip-Franlab u Prosernat, iwettaq attivitajiet ekonomiċi, l-għajnuna pubblika allokata mill-Istat lil IFP fl-oqsma tal-attivitajiet tat-tliet sussidjarji aktarx taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(131)

Il-mistoqsija li l-Kummissjoni għandha twieġeb qabel ma tikkonkludi li hemm vantaġġ kompetittiv hija jekk il-finanzjament pubbliku ta’ IFP jibbenefikax wkoll l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu fis-swieq ikkonċernati. Rigward dan, il-Kummissjoni speċifikat l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ għajnuna, fil-każ fejn l-istess entità tipprattika attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi, fil-qafas il-ġdid Komunitarju tal-għajnuniet tal-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (32) tal-2006, li jirrifletti l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq is-suġġett: “Jekk l-istess entità twettaq attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, sabiex jiġi evitat il-kontro-sussidju favur l-attività ekonomika, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ma jaqax taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet u l-ispejjeż tagħhom u finanzjament jistgħu jiġu distinti b’mod ċar. Prova li l-ispejjeż ġew allokati korrettement tista’ tikkonsisti f’rapporti finanzjarji annwali tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka” (33).

(132)

Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk jeżistix kontro-sussidjar tal-attivitajiet ekonomiċi permezz tal-finanzjament mill-Istat tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ IFP. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tal-kontijiet ta’ IFP sabiex tidentifika l-ammont possibbli tas-sussidju pubbliku li jiġi allokat għall-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Fil-fatt, billi IFP u s-sussidjarji kkonċernati huma entitajiet ġuridiċi distinti, il-kontijiet tagħhom huma separati. Il-Kummissjoni temmen li, jekk hemm sussidju ta’ attivitajiet ekonomiċi, dan jirriżulta mir-remunerazzjonijiet mħallsin mis-sussidjarji kkonċernati lill-kumpanija prinċipali u jirrifletti fil-kontijiet ta’ IFP.

(133)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota sew li l-baġit ta’ IFP huwa organizzat, għal kull tip ta’ attività, f’seba’ ċentri ta’ riżultati, u dan jippermetti li jkun hemm separazzjoni effettiva tal-kontijiet tal-attivitajiet ta’ R & Ż, tat-taħriġ, tat-trasmissjoni ta’ tagħrif u tal-ġestjoni tal-fondi ta’ IFP.

(134)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni temmen li l-kontijiet rilevanti fil-qafas tal-investigazzjoni tagħha huma dawk taċ-ċentru tar-riżultati “Raffinar-Petrokimika” għall-attivitajiet fil-qasam tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika kif ukoll għall-attivitajiet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-irkupru tal-kubrit u dawk taċ-ċentru tar-riżultati “Esplorazzjoni-Produzzjoni” għall-attivitajiet fil-qasam tal-konsulenza fl-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt kif ukoll għall-attivitajiet fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass. Il-Kummissjoni temmen li l-finanzjament pubbliku tal-proġetti mmexxija ġewwa s-settur “Riċerka esploratorja” ma jaqax taħt l-investigazzjoni tagħha minħabba li dawn il-proġetti li għandhom x’jaqsmu mar-riċerka fondamentali, skont l-Anness I tal-qafas R & Ż tal-1996, huma ta’ riskju kbir u m’humiex iddestinati lis-sussidjarja preċiża.

(135)

It-tieni nett, il-Kummissjoni temmen li s-sistema ta’ verifika analitika implimentata fi ħdan IFP tippermetti effettivament allokazzjoni tal-prodotti (minbarra l-allokazzjoni baġitarja tal-Istat) u tal-ispejjeż ġewwa kull ċentru tar-riżultati. Hija tosserva f’dan ir-rigward li l-verifika analitika ta’ IFP hija bbażata fuq il-kunċett tal-proġett. Il-proġetti huma miġbura flimkien f’ċentri ta’ riżultati. Fi ħdan kull ċentru ta’ riżultati, il-proġetti huma elenkati f’segmenti jew tipi. L-allokament tal-ispejjeż u tal-prodotti f’kull ċentru ta’ riżultati jsir proġett proġett. Minbarra dan, il-Kummissjoni tosserva li l-baġit u l-kontijiet annwali ta’ IFP huma soġġetti għall-kontroll estern u indipendenti ta’ żewġ kummissarji tal-kontijiet.

(136)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li ċ-ċentri ta’ riżultati għandhom id-dħul tagħhom stess billi l-allokazzjoni baġitarja tal-Istat m’hijiex allokata b’mod analitiku liċ-ċentri ta’ riżultati. Minn dan eventwalment jirriżulta defiċit kontabilistiku bejn il-prodotti u l-ispejjeż allokati għalihom. Id-dħul tagħhom stess jinkludu r-remunerazzjonijiet ta’ servizzi, it-taxxi fuq liċenzji u d-dividendi mħallsin mis-sussidjarji.

(137)

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tosserva li l-ispejjeż totali li jkollu IFP fuq proġett speċifiku huma kkunsdrati, u jinkludu mhux biss l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu direttament mal-proġett (xiri ta’ provvisti u tagħmir żgħir li ma jistax ikun mobilizzat, servizzi ta’ barra, spostamenti, assigurazzjonijiet, dokumentazzjoni, manuntenzjoni u lokazzjoni speċifika għall-proġett) imma wkoll l-ispejjeż indiretti (salarji u kontribuzzjonijiet soċjali tal-istaff, ħlas ta’ beni kapitali tanġibbli u intanġibbli, spejjeż ġenerali). L-ispejjeż indiretti huma ċċarġjati lill-proġett b’mod pro rata għan-numru ta’ persuni * siegħa skont rata għal kull siegħa kkalkolata skont il-kategorija tal-istaff ikkunsidrat (inġiniera, teknixins, eċċ.). Il-Kummissjoni temmen li dan il-metodu ta’ imputazzjoni huwa objettiv u relattiv mil-lat kontabilistiku rigward l-attivitajiet kkunsidrati.

(138)

Il-ħames nett, il-Kummisjoni tosserva li l-ispiża tal-proġetti orizzontali mmexxija fi ħdan iċ-ċentri ta’ riżultati fuq is-segmenti “Tagħmir tal-professjoni” u “Attivitajiet ta’ Appoġġ” hija wkoll mogħdija lil kull proġett jew direttament, jew b’mod pro rata tat-total tal-ispejjeż tas-segment li qiegħed fih (Xiri ta’ kompetenzi jew riċerka industrijali).

(139)

Fl-aħhar nett, il-Kummissjoni tinnota sew li l-provvisti l-oħra, imsemmija fil-premessa 124, huma soġġetti għall-konvenzjonijiet bejn IFP u s-sussidjarji kkonċernati. Dawn is-servizzi huma ċċarġjati minn IFP skont l-ispejjeż totali u imputati liċ-ċentri ta’ riżultati kkonċernati.

(140)

Il-Kummissjoni għalhekk tista’ tikkonkludi li l-ispejjeż taċ-ċentri ta’ riċerka “Raffinar-Petrokimika” u “Esplorazzjoni-Produzzjoni” jirriflettu effettivament it-total tal-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ IFP fis-swieq ikkonċernati.

(141)

Madankollu, il-Kummisjoni tinnota sew li m’hemmx korrespondenza eżatta bejn iċ-ċentri ta’ riżultati “Raffinar-Petrokimika” u “Esplorazzjoni-Produzzjoni” minn naħa waħda, u, min-naħa l-oħra, l-oqsma ta’ attivitajiet tas-sussidjarji kkonċernati. Fi kliem ieħor, f’terminoloġija użata fil-konvenzjonijiet ta’ riċerka, iċ-ċentri ta’ riżultati jiġbru attivitajiet f’oqsma esklużivi tas-sussidjarji iżda wkoll f’oqsma mhux esklużivi.

(142)

Minn naħa waħda, iċ-ċentru ta’ riżultati “Raffinar-Petrokimika” jiġbor l-attivitajiet ta’ R & Ż ta’ IFP fil-qasam tat-teknoloġiji tal-irkupru tal-kubrit li r-riżultati tiegħu jintużaw mis-sussidjarja Prosernat, fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ raffinar, petrokimika, GTL (gas to liquid), tal-esteri taż-żjut veġetali għal żjut tad-diżil li r-riżultati tagħhom jintużaw mis-sussidjarja Axens, kif ukoll fil-qasam tas-CTL (coal to liquid), tal-bijomassa (minbarra l-esteri taż-żjut veġetali għaż-żjut tad-diżil) u tal-produzzjoni tal-idroġenu li r-riżultati tagħhom jintużaw b’kollaborazzjoni ma’ sħab industrijali oħra.

(143)

Min-naħa l-oħra ċ-ċentru ta’ riżultati “Esplorazzjoni-produzzjoni” jinkludi x-xogħol ta’ R & Ż ta’ IFP fil-qasam tal-konsulenza dwar l-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt, li r-riżultati tagħhom jintużaw mis-sussidjarja Beicip-Franlab, fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass, li r-riżultati tagħhom jintużaw mis-sussidjarja Prosernat, iżda wkoll fil-qasam tal-irkupru tas-CO2 u tat-trasport tal-idroġenu li r-riżultati tagħhom jintużaw b’kollaborazjoni ma’ sħab industrijali oħra.

(144)

Minbarra hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-fatt li ħafna proġetti mmexxija fi ħdan iċ-ċentri ta’ riżultati “Raffinar-Petrokimika” u “Esplorazzjoni-Produzzjoni” fis-segment “Xiri ta’ kompetenzi” jaqgħu taħt ir-riċerka fondamentali skont l-Anness I tal-qafas R & Ż tal-1996 u r-riżultati tagħhom huma trasmessi b’mod estensiv lill-impriżi Komunitarji mingħajr diskriminazzjoni. L-għan ta’ dawn il-proġetti huwa l-ħruġ ta’ ideat ġodda minn riċerka kreattiva li qed tintuża ħafna kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi. Franza tat lill-Kummissjoni lista ta’ proġetti mmexxija fuq dawn is-segmenti u fuljetti deskrittivi. Minbarra dan, il-Kummissjoni tinnota li IFP tqassam ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ numru ta’ strumenti, bħal pereżempju l-ġurnal xjentifiku tiegħu stess Oil & Gas Science and Technology, li huwa aċċessibbli fuq l-Internet liberament, l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’kungressi, il-pubblikazzjoni ta’ kotba, l-isħubijiet ma’ ċentri ta’ riċerka oħra u l-appoġġ għad-dottorati.

(145)

Billi tikkunsidra l-elementi msemmija fil-premessi 132 sa 138, il-Kummissjoni temmen li s-sistema ta’ verifika analitika ta’ IFP tippermetti li jiġu ntraċċati l-ispejjeż kollha li kellhom u r-remunerazzjonijiet li daħħlu mill-attivitajiet ekonomiċi. Minkejja dan, il-Kummissjoni tosserva li fl-organizzazzjoni attwali tal-kontijiet ta’ IFP, id-distinzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mill-attivitajiet mhux ekonomiċi tirrikjedi analiżi dettaljata tal-kontijiet taċ-ċentri ta’ riżultati, proġett proġett. Hija temmen għalhekk li, fil-futur, IFP għandu jorganizza u jippubblika l-kontijiet tiegħu sabiex ikunu delimitati b’mod aktar ċar l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomċi tiegħu, pereżempju billi jinġabru l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu ġewwa l-istess ċentru ta’ riżultati, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE.

(146)

Wara l-investigazzjoni tal-kontijiet taċ-ċentri ta’ riżultati ta’ IFP, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi l-ammont tal-ispejjeż tal-proġetti R & Ż kif ukoll tar-riżorsi proprji ta’ IFP fl-oqsma tal-attivitajiet esklużivi tas-sussidjarji Axens u Prosernat, li huma t-teknoloġiji tar-raffinar, tal-petrokimika, tal-GTL u tal-esteri taż-żjut veġetali għaż-żjut tad-diżil, kif ukoll it-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit:

Tabella 1

(EUR)

 

2003

2004

2005

2006

Spejjeż

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Riżorsi proprji

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Defiċit kontabilistiku

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

(147)

Dawn l-istatistiċi li jindikaw defiċit kontabilistiku, l-attivitajiet kummerċjali ta’ IFP fl-oqsma tat-teknoloġiji tar-raffinar, tal-petrokimika, tal-GTL u tal-esteri taż-żjut veġetali għaż-żjut tad-diżil, kif ukoll tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit m’humiex totalment iffinanzjati mir-riżorsi proprji u għalhekk jibbenefikaw mill-finanzjament allokat mill-Istati lil IFP. Dan huwa vantaġġ selettiv iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat.

(148)

Id-defiċit akkumulat fil-perijodu 2003-2006 għalhekk, għaż-żewġ swieq ikkonċernati, jilħaq [inqas minn 50 miljun ewro] (**). Dan l-ammont huwa minkejja kollox nettament inferjuri mill-ammont mogħti minn UOP.

(149)

L-attivitajiet ta’ IFP fil-qasam tal-konsulenza fl-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt jimmeritaw aċċenn speċjali. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva li l-konvenzjoni ta’ żvilupp bejn IFP u s-sussidjarja tiegħu Beicip-Franlab, kif kien emendat mill-klawżola addizzjonali ffirmata fis-16 ta’ Diċembru 2005 u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2005, jistabbilixxi li Beicip-Franlab għandha tagħti lura lil IFP it-total tal-ispejjeż, aġġornati bir-rata ta’ imgħax legali, tax-xogħol li għamel fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Beicip-Franlab, inkluż ix-xogħol ta’ riċerka fuq l-algoritmi, mudelli u metodi. Minbarra dan, il-Kummissjoni vverifikat ir-remunerazzjonijiet mħallsin minn Beicip-Franlab lil IFP fl-2003 u fl-2004 u tinnota li dawn ikopru faċilment l-ispejjeż tax-xogħol immexxi minn IFP fil-qasam esklużiv tas-sussidjarja tiegħu.

(150)

Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li x-xogħol ta’ IFP u ta’ Beicip-Franlab huwa integralment iffinanzjat mid-dħul li ġej mis-suq tal-konsulenza fl-isfruttament tal-meded taż-żejt u l-ikkummissjonar ta’ softwer tal-isfruttament taż-żejt. Għalhekk f’dan is-suq, IFP u l-Beicip-Franlab m’għandhomx vantaġġ kompetittiv.

7.1.3.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(151)

Bħala konklużjoni, ċerti attivitajiet ta’ IFP ma jaqgħux fil-qasam tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tiegħu minħabba li jwasslu għal użu kuumerjali mis-sussidjarji tiegħu. Il-Kummissjoni fil-fatt waslet għall-konklużjoni li s-sussidjarji kkonċernati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala operaturi awtonomi mill-kumpanija prinċipali tagħhom minħabba li l-attivitajiet tagħhom jagħmlu parti mill-istrateġija ta’ żvilupp ta’ IFP, minħabba li IFP għandu kontroll mhux biss ġuridiku iżda wkoll de facto, minħabba li xi ftehimiet esklużivi juru integrazzjoni ekonomika qawwija u minħabba li IFP u s-sussidjarji kkonċernati għandhom dehra komuni f’għajnejn l-operaturi tas-setturi kkonċernati.

(152)

Minbarra dan, IFP għandu, għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-qasam ta’ attivitajiet tas-sussidjarja Beicip-Franlab, finanzjament pubbliku parzjali, li huwa vantaġġ selettiv minħabba li huwa allokat għal impriżi waħda biss. Minbarra hekk, dan il-finanzjament jiġi mill-Istat.

(153)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Axens u Prosernat, il-kriterji l-oħra tal-eżistenza tal-għajnuna huma ssodisfati wkoll.

(154)

Il-Kummissjoni temmen li kull kontribuzzjoni lill-attivitajiet fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Axens u Prosernat issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ IFP u s-sussidjarji tagħha u tista’ timplika distorzjoni ta’ kompetittività.

(155)

Rigward il-qasam tal-attivitajiet ta’ IFP u ta’ Axens, il-Kummissjoni tinnota sew l-informazzjoni rrappurtata minn Franza, imsemmija minn Axens fl-osservazzjonijiet tagħha, li turi l-ammont għoli, b’mod partikolari meta kkumparat mal-impriżi oħrajn tas-settur, tal-ispejjeż tar-riċerka addizzjonali ffinanzjati mis-sussidjarja Axens mir-riżorsi proprji. Mandankollu, il-Kummissjoni temmen li n-nuqqas ta’ vantaġġ ma jistax jiġi mnaqqas minn dan l-ammont għoli minħabba li l-analiżi tal-kontijiet ta’ IFP turi b’mod ċar defiċit kontabilistiku bejn l-ispejjeż u r-riżorsi fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Axens.

(156)

Rigward il-qasam tal-attivitajiet ta’ IFP u ta’ Prosernat, il-Kummissjoni tinnota sew l-osservazzjonijiet ta’ Franza li tgħid li l-kollaborazzjoni fil-maġġoranza tal-proġetti mmexxija fil-qasam tar-riċerka u tal-esplorazzjoni taż-żejt hija miftuħa mingħajr diskriminazzjoni għal bosta sħab industrijali. Madankollu ċerti proġetti jaqgħu taħt xi ftehimiet esklużivi bejn IFP u Prosernat u minħabba dan, il-kollaborazzjonijiet ma’ sħab industrijali oħrajn huma strettament ikkontrollati u limitati. Minn dan, Prosernat tieħu vantaġġ selettiv iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat.

(157)

Minbarra hekk, hemm possibbiltà li din id-distorzjoni ta’ kompetittività jkollha impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, minħabba li s-setturi tal-attivitajiet tas-sussidjarji kkonċernati huma swieq kompetittivi fuq livell dinji. Is-suq tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika huwa suq ta’ dimensjoni dinjija, miftuħ għall-kompetittività mis-snin 50. Il-kompetituri ta’ IFP u ta-Axens f’dan is-suq huma prinċipalment l-impriżi UOP, Chevron, Lummus, Shell, ExxonMobil, Haldor Topsoe u ConocoPhillips. Fis-suq tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u tal-irkupru tal-kubrit, IFP u Prosernat jikkompetu ma’ fornituri ta’ tagħmir tat-trattament tal-gass, bħal m’huma l-kumpaniji KCC, KPS, SIIRTEC-NIGI, Hanover Maloney, Frames, TDE u GPS, ma’ dawk li jagħtu l-liċenzji tat-teknoloġija biex tħaffef il-gass, bħall-UOP, ExxonMobil, Shell Global Solutions, BASF, Eneos u Huntsman kif ukoll ma’ xi speċjalisti tal-kubrit, bħal m’huma Jacobs, Black & Veath Pritchard, Lurgi, Parsons, Technip-KTI, SIIRTEC-NIGI, CBI &TPA.

(158)

Għalhekk, il-Kummissjoni rribattiet l-argument ta’ Franza li jgħid li l-elementi kollha neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-għajnuna pubblika għall-attivitajiet ta’ IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat m’humiex preżenti.

(159)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tispeċifika li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat addizzjonali skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, li tirriżulta mill-istatut il-ġdid tal-EPIC u tal-possibbiltà ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur IFP li tirriżulta minn dan l-istatut (34) hija s-suġġett ta’ investigazzjoni separata tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ proċedura oħra (NN11/2008). Din l-investigazzjoni separata hija possibbli b’mod partikolari minħabba l-karattru relattivament reċenti ta’ dan l-istatut il-ġdid tal-EPIC meta kkumparat mal-miżuri kollha investigati f’din id-deċiżjoni.

7.2.   Legalità tal-għajnuna

(160)

Il-Kummissjoni wriet li IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat għandhom vantaġġ selettiv iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat. Dan il-vantaġġ jirriżulta min-nuqqas tal-kopertura mir-riżorsi tagħhom stess tal-attivitajiet R & Ż fl-oqsma tal-attivitajiet ta’ Axens u Prosernat. In-nuqqas ta’ kopertura tal-ispejjeż ta’ IFP fl-oqsma ta’ Axens u ta’ Prosernat jirriżulta mis-sistemi ta’ trasferiment intra-grupp, bħal m’huma stabbiliti fil-ftehimiet esklużivi bejn IFP u Axens minn naħa, u IFP u Prosernat min-naħa l-oħra. Għalhekk il-Kummissjoni temmen, li l-eżistenza tal-għajnuna tirriżulta mis-simultanjetà tal-eżistenza ta’ sussidjarji kummerċjali u l-iffirmar ta’ ftehimiet esklużivi bejn dawn is-sussidjarji u l-kumpanija prinċipali, minħabba li dawn ma jiggarantux il-kopertura totali tal-ispejjeż tax-xogħol immexxi minn IFP għal Axens u Prosernat. Tajjeb infakkru li l-ftehimiet bejn IFP u Axens daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 u l-ftehimiet bejn IFP u Prosernat fl-1 ta’ Jannar 2002.

(161)

Il-Kummissjoni tinnota sew l-osservazzjonijiet ta’ Franza u msemmijin fil-qosor fis-sezzjoni 0. Il-Kummissjoni tifhem b’mod partikolari li Franza dehrilha li rrapportat l-elementi essenzjali tat-tibdil strutturali u kuntrattwali lill-Kummissjoni fl-2001. Minkejja dan, il-Kummissjoni temmen li l-evoluzzjoni tal-attività kummerċjali ta’ IFP mill-2001 permezz tas-sussidjarji tiegħu hija tant kbira li teffettwa b’mod sinjifikattiv kull analiżi ekonomika u ġuridika li saret qabel. Għalhekk il-Kummissjoni żżomm mal-evalwazzjoni tagħha, żviluppat fil-punt 3.2 tad-deċiżoni tal-ftuħ tal-proċedura f’dak li għandu x’jaqsam mal-illegalità tal-għajnuna, li tgħid li l-għajnuna msemmija għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda illegali mid-data ta’ għeluq tal-validità tad-deċiżjoni tagħha tal-1998, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2003.

(162)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-osservazzjonijiet ta’ Franza u tal-kumpanija Axens dwar is-sitwazzjoni ta’ fiduċja leġittima li rriżultat bejn il-benefiċjarji. Madankollu, fid-dawl tal-elementi li ġejjin, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna allokata lil IFP u s-sussidjarji tagħha hija kompatibbli mas-suq komuni, m’huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha fuq din il-kwistjoni.

7.3.   Ordni ta’ sospensjoni

(163)

Il-Kummissjoni ma approvatx it-talba tal-kumpanija UOP biex tadotta deċiżjoni li tordna lil Franza tissospendi l-ħlas ta’ kull għajnuna illegali. Fil-fatt, minn naħa waħda, l-appoġġ pubbliku allokat lil IFP huwa s-sors prinċipali tal-finanzjament ta’ attivitajiet oħra għajr dawk ekonomiċi ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat, bħall-attivitajiet ta’ taħriġ, ta’ riċerka fondamentali u ta’ R & Ż b’kollaborazzjoni kif ukoll it-tqassim tar-riżultati ta’ R & Ż, li l-Kummissjoni tikkunsidrahom teoretikament bħala mhux ekonomiċi u li jirrapreżentaw aktar minn 90 % tal-għajnuna pubblika allokata lil IFP. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni dehrilha li deċiżjoni bħal din ma kinitx relevanti minħabba li huwa raġonevoli li tiġi antiċipata l-kompatibbiltà ta’ għallinqas parti mill-għajnuna.

7.4.   Bażi għall-investigazzjoni tal-kompatibbilità tal-għajnuna

(164)

Qabel ma jiġu investigati l-istadji ta’ riċerka stabbiliti fil-qafas R & Ż tal-1996, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk l-attivitajiet immexxija minn IFP, li huma suġġetti għal għajnuna mill-Istat, għandhomx x’jaqsmu tassew mar-riċerka u l-iżvilupp. Rigward dan, il-Kummisjoni tirreferi għall-manwal ta’ Frascati (35) li jagħti xi definizzjonijiet tar-R & Ż u xi klassifikazzjonijiet tal-attivitajiet kostitwenti tagħha.

(165)

Dan il-manwal jipprovdi kriterji li jippermettu li tiġi distinta r-R & Ż mill-attivitajiet xjentifiċi, teknoloġiċi u industrijali kkollegati. Il-kriterju fondamentali propost mill-manwal huwa l-eżistenza, fir-R & Ż, ta’ element ta’ novità mhux negliġibbli u t-tixrid ta’ inċertezza xjentifika u/jew teknoloġika.

(166)

Xi kriterji addizzjonali jikkonsistu b’mod partikolari f’objettivi ta’ proġetti, il-karattru mhux magħruf tal-fenomeni, tal-istrutturi jew tar-relazzjonijiet li jittrattaw dwarhom il-proġetti, in-novità tal-applikazzjoni ta’ għarfien jew tekniċi akkwistati diġa, il-probabbiltà qawwija li l-proġetti jirriżultaw f’għarfien ġdid (aktar estensiv jew fil-fond) ta’ fenomeni, relazzjonijiet jew prinċipji ta’ trattament li jistgħu jinteressaw aktar minn organizzazzjoni waħda, il-fatt li tista’ tingħata privattiva għar-riżultati, it-tip ta’ personal li jaħdmu fuq il-proġetti, il-metodi użati, il-karattru ġenerali tal-konklużjonijiet u tar-riżultati ta’ proġett u, jekk ikun neċessarju, il-klassifikazzjoni regolari tal-proġett f’kategoriji ta’ attivitajiet oħra.

(167)

Fl-aħħar nett, il-manwal ta’ Frascati jispeċifika li “jekk l-objettiv prinċipali tax-xogħol huwa li jkun hemm titjib ġdid tekniku għall-prodott jew il-proċedura, huma jaqgħu taħt id-definizzjoni tar-R & Ż. Jekk, bil-kontra, il-prodott jew il-proċess jew l-approċċ huwa l-parti l-kbira “iffissat” u jekk l-objettiv prinċipali huwa li jinsabu opportunitajiet għax-xogħol, li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ pre-produzzjoni jew li jiġi assigurat li s-sistema ta’ produzzjoni jew ta’ kontroll taħdem sew, dan ma jkunx R & Ż”.

(168)

Il-Kummissjoni tosserva li attivitajiet immexxija minn IFP b’kollaborazzjoni mas-sussidjarja tiegħu Axens għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp ta’ proċeduri ġodda u prodotti ġodda (katalizzaturi, assorbenti) għall-produzzjoni ta’ kombustibbli, ta’ fjuwils u ta’ intermedjarji petrokimiċi bl-inqas ammont ta’ spejjeż u b’rispett għall-ambjent mis-sorsi kollha ta’ karbonju aċċessibbli. Il-Kummissjoni tosserva li l-attivitajiet immexxija minn IFP b’kollaborazzjoni mas-sussidjarja tiegħu Prosernat għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp ta’ proċeduri ġodda u ta’ tagħmir għat-trattament tal-gass naturali u l-irkupru tal-kubrit.

(169)

F’dan il-kuntest, l-element il-ġdid tal-proġetti jinsab fil-komponenti, ir-relazzjonijiet tagħhom u/jew il-karatteristiċi tal-proċeduri jew prodotti speċifiċi. Fuq kull proġett, hemm xi punti li jfixklu li ġew identifikati. Għall-fini ta’ illustrazzjoni, IFP mexxa proġett bl-iskop ta’ żvilupp ta’ proċedura ġdida ta’ produzzjoni ta’ bażijiet ta’ paraffin b’livell għoli ta’ octane minn tagħbija aktar tqila minn dik użata issa, li tippermetti li tipprovdi għall-problema ta’ tnaqqis fil-kontenut ta’ aromatiċi tal-pool fjuwil.

(170)

Minbarra hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-fatt li x-xogħol li huwa suġġett għal għajnuna pubblika huwa magħmul qabel l-approvazzjoni tal-proċeduri u l-prodotti. Hija tosserva, minbarra dan, li r-riżultati tal-proġetti mmexxija għandhom influwenza kbira u huma protetti bi privattiva, li l-personal li jaħdem fuq dawn il-proġetti huwa prinċipalment magħmul minn riċerkaturi u teknixins u li l-metodi huma bbażati fuq l-esperimentazzjoni, l-interpretazzjoni u l-immudellar. Fl-aħhar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-attivitajiet tal-istess tip immexxija minn operaturi oħra tas-settur huma regolarment ikklassifikati bħala attivitajiet ta’ riċerka (36).

(171)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-ilmentatur, li jgħid li l-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-proċedura ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala R & Ż. Il-Kummissjoni, bil-kontra, temmen li l-attivitajiet immexxija minn IFP b’kollaborazzjoni mas-sussidjarji tiegħu huma parti mill-qasam tar-R & Ż.

(172)

Għal għajnuna mill-Istat għax-xogħol ta’ R & Ż, ir-regoli li japplikaw għall-investigazzjoni ta’ kumpatibbiltà huma r-regoli li jikkonċernaw l-għajnuniet tal-Istat tar-riċerka u l-iżvilupp. Jekk l-għajnuna, li tirriżulta mill-eżistenza ta’ sussidjarji kummerċjali li magħhom IFP għamel ftehimiet esklużivi bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-1 ta’ Jannar 2003, hija kkunsidrata bħala illegali mill-1 ta’ Jannar 2003, ir-regoli li japplikaw għall-investigazzjoni ta’ kumpatibbiltà huma komposti mill-qafas R & Ż tal-1996.

7.5.   Kumpatibbiltà tal-għajnuna

7.5.1.   Stadji ta’ riċerka

(173)

L-Anness I tal-qafas R & Ż tal-1996 jipprovdi definizzjoni tar-riċerka industrijali u tal-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittivi:

(a)

ir-riċerka industrijali hija magħmula minn riċerki ppjanati jew investigazzjonijiet kritiċi “li għandhom l-iskop li jinkiseb għarfien ġdid, bl-objettiv li dan l-għarfien jkun ta’ għajnuna biex jiġu żviluppati prodotti, proċeduri jew servizzi ġodda jew biex ikun hemm titjib notevoli tal-prodotti, proċeduri jew servizzi li diġà jeżistu”;

(b)

l-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv għandhom l-iskop li “jikkonkretizzaw ir-riżultati tar-riċerka industrijali fi pjan, skema jew disinn għal prodotti, proċeduri jew servizzi ġodda, immodifikati jew imtejbin, li ser ikunu mibjugħin jew użati, inkluż il-ħolqien tal-ewwel prototip li ma jkunx jista’ jintuża fil-kummerċ. Din tista’ tinkludi wkoll il-formulazzjoni kunċettwali u d-disinn ta’ prodotti, proċessi u servizzi oħra kif ukoll proġetti ta’ dimostrazzjoni inizjali jew proġetti pilota, b’kundizzjoni li dawn il-proġetti ma jistgħux jinbidlu jew jintużaw għal applikazzjonijiet industrijali jew użu kummerċjali. Din ma tinkludix il-modifikazzjonijiet ta’ rutina jew modifikazzjonijiet perjodiċi li jsiru fuq prodotti, linji ta’ produzzjoni, proċessi ta’ manifattura, servizzi eżistenti u operazzjonijiet oħra li qed isiru, anke jekk dawn il-modifijazzjonijiet jistgħu jwasslu għal titjib”.

(174)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni investigat iċ-ċiklu u t-tqassim tax-xogħol li jirriżulta mill-konvenzjoni ta’ riċerka industrijali li jikkollega lil IFP u s-sussidjarja tiegħu Axens kif ukoll il-listi kompluti u l-fuljetti ta’ spjegazzjoni tal-proġetti mmexxija bejn l-2003 u l-2006 ipprovduti minn Franza:

(175)

IFP tagħmel xogħol ta’ riċerka (XR). Dan ix-xogħol għandu l-iskop li jassigura l-possibbiltà ta’ metodu ta’ sinteżi u jikkorrispondi ma’ studji ta’ possibbiltà, li jsiru qabel ix-xogħol ta’ riċerka industrijali skont il-qafas R & Ż tal-1996:

(a)

għal katalizzatur, kampjuni fuq kwantitajiet żgħar (ta’ madwar gramma), ħafna drabi f’forma ta’ trab, huma ppreparati u eżaminati biex jiġu studjati ir-reazzjonijiet kimiċi. Dan l-istadju jirriżulta fid-deskrizzjoni ta’ metodu ta’ operazzjoni li jippermetti l-preparazzjoni ta’ kampjun ta’ katalizzatur li jkollu attività u/jew selettività riċerkata;

(b)

għal-teknoloġija jew proċedura, il-probabbilità hija stabbilita minn simulazzjonijiet numeriċi, studji fuq il-karta ta’ skemi u ta’ esperimenti ta’ kunċetti.

(176)

Minbarra hekk, issir eżaminazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ privattivi biex jiġi assigurat li r-riċerka hija ta’ natura innovativa. Wara dan ix-xogħol, IFP jippreżenta dokumentazzjoni xjentifika u teknika lis-sussidjarja tiegħu li teżerċita d-dritt tagħħa tal-ewwel rifjut.

(177)

Meta Axens tkun tixtieq tkompli r-riċerki fuq il-bażi ta’ dokumentazjzoni bħal din, IFP iwettaq xogħol ta’ riċerka industrijali (XRI) “bl-għan li jwassal għal għarfien ġdid jew titjib, li jippermettu l-iżvilupp ta’ proċessi, prodotti u teknoloġiji ġodda jew il-perfezzjonament ta’ dawk li diġà jeżistu” (37). Dan ix-xogħol jikkonsisti fl-istudju ta’ metodi ġodda ta’ sinteżi jew il-perfezzjonament tagħhom, fi skala li m’għandhiex x’taqsam mal-iskala industrijali. Il-Kummissjoni temmen li dawn għandhom l-għan li jivvalidaw il-kunċetti u għandhom x’jaqsmu mar-riċerka industrijali skont il-qafas R & Ż tal-1996:

(a)

għal katalizzatur, dan l-istadju jkopri l-esperimentazzjoni ta’ metodi ta’ sintesi ġodda. Il-formulazzjoni definita matul ix-xogħol ta’ riċerka hija eżeminata fuq lottijiet ta’ madwar kilo, u dan il-kambjament ta’ skala jiġġenera bosta drabi xi differenzi ta’ struttura u ta’ proprjetajiet. Isiru bilanċi u analiżi dettaljati tal-materjal prodott mill-katalizzatur miksub u l-effetti tal-komponenti inibituri u ta’ xi velenu huma studjati;

(b)

għal proċess, ix-xogħol ta’ riċerka industrijali huwa maħsub li jistudja elementi bażiċi tat-teknoloġiji, il-kundizzjonijiet xierqa għall-implimentazzjoni tal-katalizzatur u l-elementi ta’ qies tas-sistema ta’ reazzjoni. Mudell numeriku huwa mibni minn kartografija tar-riżultati ġġenerati.

(178)

Wara x-xogħol ta’ riċerka industrijali, dokumentazzjoni tal-katalizzatur jew tal-proċess tingħata minn IFP lis-sussidjarja tiegħu. F’dan l-istadju, Axens tista’ tiddeċiedi li tkompli l-iżvilupp b’xi xogħol ta’ żvilupp prekompetittiv (XŻP) sabiex tħejji għall-industrijalizzazzjoni. Ix-xogħol ta’ dan l-istadju jkopri t-testijiet u l-konsolidazzjoni tar-riżultati tax-xogħol tal-istadju deskritt fil-premessa 0 fuq xi prototipi rappreżentattivi tal-katina industrijali:

(a)

għal katalizzatur, lott għall-prova ta’ prodott huwa ffabbrikat fi skala rappreżentattiva tal-katina industrijali billi jiġu adattati l-metodi ta’ operazzjoni li jirriżultaw mix-xogħol ta’ riċerka industrijali. Dan l-adattament iwassal, jekk ikun il-każ, għal kambjamenti ta’ materji primi għal raġunijiet ta’ spejjeż, ta’ iġjene, sigurtà jew ambjentali. Il-prototipi huma ttestjati fuq tagħbija ta’ referenza u mmodifikati sabiex jilħqu ir-riżultati mixtieqa. Dawn it-testijiet isiru biex tiġi kompluta l-kartografija tar-riżultati tal-katalizzatur. F’dan l-istadju biss, l-għażla tal-analizzaturi u tat-tagħmir jieqaf;

(b)

għal proċess, isiru studju ta’ analiżi ta’ riskji, skemi industrijali ta’ proċeduri jew ta’ kombinazzjonijiet ta’ proċessi u white paper ta’ proċeduri li tispeċifika l-ġestjoni tal-avvenimenti.

(179)

Minbarra hekk, jiġi stabbilit kumitat ta’ esperti biex jiddetermina u jivvalida l-istadji tal-approvazzjoni tal-prodott jew proċess. Huwa biss wara din l-approvazzjoni, li tippermetti li jiġu vverifikati li r-restrizzjonijiet ambjentali u ta’ sigurtà kienu kkunsidrati sew, li tittieħed id-deċiżjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-proċess u/jew tal-prodott u li l-prodott u/jew il-proċess jistgħu jkunu s-suġġett ta’ innovazzjoni industrijali (38). Għalhekk, il-prodotti u l-proċessi li jirriżultaw minn dan ix-xogħol jkunu soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni biss wara l-approvazzjoni tagħhom u ma jkunu soġgetti għal innovazzjoni industrijali fil-qafas ta’ dan ix-xogħol biss.

(180)

Il-Kummissjoni temmen li dan ix-xogħol ma jistax jiġi assimilat ma’ operazzjonijiet ta’ rutina fil-katina industrijali b’mod partikolari minħabba li jinsab ‘il barra mill-qafas tal-użu industrijali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan ix-xogħol għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv skont il-qafas R & Ż tal-1996. Hija tosserva wkoll li xorta waħda, l-ispejjeż ta’ dan ix-xogħol huma ffinanzjati kollha mis-sussidjarja Axens mir-riżorsi tagħha stess.

(181)

Rigward ix-xogħol immexxi minn IFP b’kollaborazzjoni mas-sussidjarja tiegħu Prosernat, il-Kummissjoni tosserva li ċ-ċiklu u t-tqassim tax-xogħol bejn IFP u s-sussidjarja tiegħu Prosernat huma kkontrollati minn konvenzjoni ta’ riċerka industrijali li, meta applikata fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trattament tal-gass u l-irkupru tal-kubrit, issegwi l-istess mudell tal-konvenzjoni ta’ riċerka industrijali li tikkolega IFP mas-sussidjarja tiegħu Axens. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-investigazzjoni tal-listi kompluti u fuljetti ta’ spjegazzjoni tal-proġetti li saru bejn l-2003 u l-2006 pprovduti minn Franza.

(182)

B’konklużjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li l-attivitajiet li huma soġġetti għal finanzjament mir-riżorsi tal-Istat huma effettivament konformi mal-istadji ta’ riċerka definiti fl-Anness I tal-qafas R & Ż tal-1996. Hija tosserva li xorta waħda l-attivitajiet l-aktar qrib tas-suq, bħal m’huma l-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv u ta’ żvilupp kummerċjali, huma totalment iffinanzjati mis-sussidjarji mir-riżorsi tagħhom stess, mid-dħul li sar mis-swieq u li l-finanzjament pubbliku jikkonċerna biss l-istadji ta’ riċerka industrijali. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax taċċetta l-argument ta’ UOP skont liema l-għajnuna mill-Istat li hija ta’ benefiċċju lill-attivitajiet ekonomiċi ta’ IFP u tas-sussidjarji tagħha Axens u Prosernat hija għajnuna għal funzjonament.

7.5.2.   Spejjeż eliġibbli

(183)

L-Anness II tal-qafas R & Ż tal-1996 jiddefinixxi l-ispejjeż li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-intensità tal-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp:

spejjeż tal-personal (riċerkaturi, teknixins u personal ieħor ta’ appoġġ li huma impjegati biss għall-attività ta’ riċerka);

spejjeż tal-istrumenti, tat-tagħmir u l-artijiet u bini li jintużaw biss u b’mod permanenti (ħlief f’każ ta’ trasferiment fuq bażi kummerċjali) għall-attività ta’ riċerka;

spejjeż ta’ servizzi ta’ konsulenti u tas-servizzi ekwivalenti li jintużaw biss għall-attività ta’ riċerka, inklużi r-riċerka, l-għarfien tekniku, il-privattivi, eċċ mixtrijin minn sorsi esterni;

spejjeż ġenerali supplementari li jirriżultaw direttamenjt mill-attività ta’ riċerka;

spejjeż oħra ta’ użu (pereżempju spejjeż għat-tagħmir, provvisti u prodotti simili) li jirriżultaw direttament mill-attività ta’ riċerka.

(184)

L-Anness II tal-qafas R & Ż tal-1996 jispeċifika wkoll li, meta jkunu jirriżultaw minn attivitajiet oħra wkoll, b’mod partikolari minn xogħol ta’ riċerka u ta’ żvilupp ieħor, l-ispejjeż għanhom jitqassmu bejn l-attività ssussidjata ta’ riċerka u żvilupp u attivitajiet oħra.

(185)

Minn naħa waħda, il-Kummissjoni tinnota li l-ispejjeż li jikkonċernaw direttament il-proġetti ta’ subkuntrattar, l-ispostamenti, l-assigurazzjonijiet u d-dokumentazzjoni kif ukoll il-provvisti u tagħmir żgħir. Dawn jikkorrespondu rispettivament għal spejjeż ta’ servizzi ta’ konsulenti u ta’ servizzi ekwivalenti, għal spejjeż ġenerali supplementari u spejjeż oħra ta’ użu. Il-Kummissjoni tosserva li dawn l-ispejjeż jirriżultaw direttament u esklużivament mill-attivitajiet ta’ riċerka.

(186)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li l-ispejjeż l-oħra tal-proġetti jikkonċernaw l-ispejjeż ta’ personal ta’ riċerka, il-ħlas ta’ assi kapitali tanġibbli u intanġibbli kif ukoll spejjeż ġenerali oħra u jikkorrispondu rispettivament għall-ispejjeż tal-personal, għall-ispejjeż tal-istrumenti, tat-tagħmir u tal-artijiet u bini kif ukoll għall-ispejjeż ġenerali supplementari. Dawn l-ispejjeż jirriżultaw direttament mill-attivitajiet ta’ riċerka u huma mqassma bejn il-proġetti diversi ta’ riċerka bi pro rata taż-żmien li l-personal qatta’ fuq kull proġett.

(187)

Minbarra hekk, l-ispejjeż tal-proġetti R & Ż orrizzontali li jikkonċernaw il-metodi u tagħmir li ntużaw fil-proġetti l-oħra ta’ R & Ż jistgħu jiġu assimilati ma’ spejjeż ġenerali supplementari li jirriżultaw direttament mill-attivitajiet ta’ riċerka. L-ispejjeż ta’ dawn il-proġetti orrizzontali jitqassmu bi pro rata tal-ispejjeż ta’ kull proġett ta’ R & Ż. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-metodi ta’ tqassim użati huma adegwati.

(188)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ispejjeż tal-proġetti huma konformi mal-ispejjeż eliġibbli definiti tal-Anness II tal-qafas R & Ż tal-1996.

7.5.3.   Intensità tal-għajnuniet

(189)

B’konformità mal-punt 5.4 tal-qafas R & Ż tal-1996, l-intensità massima awtorizzata għal xi studji ta’ possibbiltà teknika qabel xi proġetti ta’ riċerka industrijali hija ta’ 75 %. B’konformità mal-punt 5.3 tal-qafas imsemmi, l-intensità massima awtorizzata għal proġetti ta’ riċerka industrijali hija ta’ 50 %. B’konformità mal-punt 5.5 tal-qafas imsemmi l-intensità massima awtorizzata għal proġetti ta’ żvilupp prekompetittivi hija ta’ 25 %. B’konformità mal-punt 5.9 tal-qafas imsemmi, għal attivitajiet li jkopru kemm ir-riċerka industrijali kif ukoll l-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittivi, l-intensità massima awtorizzata hija l-medja peżata tal-intensitajiet ta’ għajnuna awtorizzati għal dawn iż-żewġ tipi ta’ riċerka.

(190)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li IFP iffinanzja mir-riżorsi tiegħu stess, permezz tar-remunerazzjonijiet mogħtija mis-sussidjarji tiegħu u mingħajr intervent finanzjarju mill-Istat, aktar minn 50 % tal-ispejjeż tal-istudji ta’ fattibbiltà teknika u x-xogħol tiegħu ta’ riċerka industrijali bejn l-2003 u l-2006. Il-Kummissjoni tinnota li l-intensità ammissibbli tista’ tkun aktar minn 50 %, jekk tikkunsidra l-parti tal-istudji ta’ fattibbiltà teknika li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna ta’ intensità ta’ 75 %. Il-Kummissjoni stabbilixxiet it-tabella li ta’ listi ta’ proġetti li tispeċifika l-ispejjeż annwali għal kull proġett u għal kull stadju ta’ riċerka kif ukoll mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi ta’ IFP. F’dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni użat approċ ċ konservattiv billi inkludiet l-ispejjeż kollha li kellhom x’jaqsmu, direttament jew indirettament (39), mal-oqsma ta’ attivitajiet esklużivi ta’ Axens u ta’ Prosernat u billi eskludiet id-dħul kollu li mhuwiex dak imħallas minn Axens u Prosernat (40).

Tabella 2

 

2003

2004

2005

2006

Numru annwali ta’ proġetti mmexxija (41)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Axens

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Prosernat

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Total

48

54

55

68

Spiża annwali tal-istudji ta’ fattibbiltà teknika (EUR)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Axens

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Prosernat

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Total

5 759 184

4 032 859

4 392 411

7 393 767

Spiża annwali tax-xogħol ta’ riċerka industrijali (EUR)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Axens

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Qasam ta’ attivitajiet IFP/Prosernat

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Total

40 180 231

48 536 142

38 183 597

49 007 913

Riżorsi proprji (EUR)

Ammont

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

[…] (**)

Għajnuna tal-Istat annwali (EUR)

Ammont

18 958 910

19 243 217

8 952 630

11 280 522

Intensità

41  %

37  %

21  %

20  %

Intensità massima awtorizzata (42)

53  %

52  %

53  %

53  %

(191)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li hemm possibbiltà kbira li l-parti ta’ finanzjament mir-riżorsi proprji tal-attivitajiet ta’ riċerka ta’ IFP u tas-sussidjarji tagħha tkun aktar għolja jekk tikkunsidra l-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna ta’ intensità ta’ 25 %. Fil-fatt, l-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv huma totalment iffinanzjati mis-sussidjarji Axens u Prosernat mir-riżorsi proprji, mingħajr intervenzjoni finanzjarja tal-Istat jew ta’ IFP.

(192)

It-tielet nett, il-Kummissjoni vverifikat li jkunu rispettati l-intensitajiet ammissibbli għal kull stadju ta’ riċerka fuq il-bażi tal-listi annwali tal-proġetti mmexxija bejn l-2003 u l-2006. Għas-snin ta’ wara, Franza għandha tagħti rapport annwali lill-Kummissjoni sabiex din tassigura li l-intensitajiet ta’ għajnuna għal kull stadju ta’ riċerka u għal kull proġett huma ssodisfati wkoll. Dan ir-rapport għandu jippreżenta l-proġetti kollha mmexxija fl-oqsma ta’ attivitajiet ta’ Axens u Prosernat filwaqt li jispeċifika l-ispejjeż tagħhom għal kull stadju ta’ riċerka, l-ammont ta’ finanzjament pubbliku u tar-riżorsi proprji mogħtija minn IFP u s-sussidjarji tiegħu. Il-Kummissjoni temmen li l-parti tal-għajnuna għandha tkun inqas minn 50 % sabiex tiggarantixxi li jkunu ssodisfati l-intensitajiet ammissibbli.

(193)

Fl-aħhar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-ilħuq tal-intensitajiet jiddependi ħafna mill-ammont tar-riżorsi proprji li għandha IFP għal proġetti tagħha fl-oqsma kkonċernati. Dawn ir-riżorsi proprji huma magħmula prinċipalment mir-remunerazzjonijiet mħallsin mis-sussidjarji Axens u Prosernat lil IFP. Il-Kummissjoni għalhekk temmen li għandha tiddaħħal klawżola fil-ftehimiet esklużivi li jikkontrollaw dawn ir-remunerazzjonijiet sabiex jiġi assigurat li remunerazzjoni minima mhux fissa, li tkopri minimu ta’ 25 % tal-ispejjeż tal-istudji ta’ fattibbiltà ta’ qabel ix-xogħol ta’ riċerka industrijali, 50 % tal-ispejjeż ta’ riċerka industrijali, u, jekk ikun il-każ, 75 % tal-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv, immexxija minn IFP fl-oqsma ta’ attivitajiet tas-sussidjarji, tkun mħallsa lill-kumpanija prinċipali (43).

(194)

B’konklużjoni, il-Kummissjoni temmen li l-intensitajiet ta’ għajnuna awtorizzata mill-qafas R & Ż tal-1996 huma rrispettati sakemm il-kundizzjonijiet speċifikati fil-premessi 191 u 192 huma ssodisfati.

7.5.4.   Akkumulazzjoni

(195)

Id-dispożizzjonijiet tal-qafas R & Ż tal-1996 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ akkumulazzjoni, speċifikati fil-punt 5.12 tiegħu, huma ssodisfati. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku, irrispettivament mill-oriġini tiegħu.

7.5.5.   Effett ta’ inċentiv

(196)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-attivitajiet ta’ riċerka ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu huma mmexxija minn loġika, mibdija mill-Istat, biex tassigura f’perijodu ta’ żmien twil, is-sigurtà tal-provvisti ta’ enerġija. Fil-fatt l-idrokarbonji għandhom importanza strateġika għall-ekonomija attwali tal-Istati Membri, b’mod partikolari minħabba l-predominanza tagħhom fit-trasport u l-kimika. L-attivitajiet ta’ IFP u tas-sussidjarji tagħha huma parti minn tliet kuntesti ta’ tkabbir fid-domanda tal-enerġija, prinċipalment ġejja mill-progress fil-mobilità u l-kummerċ, mit-tnaqqis progressiv tar-riżervi taż-żejt u tal-gass u mill-kontroll tal-emissjonijiet ta’ gass li jikkawżaw l-effett serra. Il-Kummissjoni tinnota li r-riċerka ta’ IFP u tas-sussidjarji tiegħu hija b’mod partikolari bbażata fuq il-prioritajiet li ġejjin:

(a)

jiġġeddu r-riżervi u titkabbar il-produzzjoni taż-żejt u tal-gass. Mhux biss għandha tiżdied ir-rata ta’ suċċess fl-esplorazzjoni u r-rata tal-irkupru ta’ depożiti minerali iżda wkoll jiġi permess l-użu tar-riżorsi mhux konvenzjonali (offshore fond ħafna, żjut mhux raffinati tqal ħafna, ramel asfaltiku, eċċ.). Bħala eżempju, waħda mill-azzjonijiet ewlenin fuq dan il-punt huwa l-iżvilupp ta’ proċedura għall-gassijiet b’kontenut kbir ta’ H2S u CO2;

(b)

jinħolqu proċessi ta’ raffinar nodfa u ta’ effiċjenza kbira. Għandha tiġi użata aħjar il-produzzjoni ta’ fjuwils u ta’ bażijiet petrokimiċi filwaqt li jitnaqqas l-impatt tal-industriji tar-raffinar u tal-petrukimika fuq l-ambjent. Minbarra hekk, il-valorizzazzjoni tad-depożiti mhux konvenzjonali tfisser l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ konverżjoni. Dan il-punt jiġbor b’mod partikolari r-riċerki fuq il-hydrocracking;

(ċ)

jiġu żviluppati fjuwils innovattivi u teknoloġiji tal-makni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-konsum tal-vetturi. F’dan ir-rigward, l-użu ta’ fjuwils tal-gass b’kontenut kbir ta’ idroġenu huwa wieħed mill-assi maġġuri fis-suġġett;

(d)

jiġu diversifikati s-sorsi ta’ enerġija għall-produzzjoni ta’ fjuwils. F’dan ir-rigward, il-produzzjoni ta’ fjuwils ta’ sintesi minn diversi sorsi ta’ enerġija (bijomassa, gass jew faħam) hija għan prioritarju.

(197)

Il-Kummissjoni tinnota li l-programmi ta’ riċerka ta’ IFP huma eżaminati minn kumitati tekniċi li l-kompożizzjoni u l-arranġamenti ta’ intervent tagħhom huma rregolati mill-Ministeru tagħhom u li jippermettu li jiġi assigurat monitoraġġ effettiv ta’ dawn il-prioritajiet.

(198)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija, li fosthom b’mod partikolari hemm il-bijofjuwils u l-irkupru tal-gass, huwa fost il-prioritajiet tal-Komunità għal dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerka, l-politika enerġetika u l-politika tal-ambjent.

(199)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tinnota li, bis-saħħa tal-appoġġ pubbliku, IFP u s-sussidjarji tiegħu setgħu jikkonkludu xi attivitajiet ta’ riċerka supplementari li kieku ma kinux isiru minħabba r-riskji tekonoloġiċi jew minħabba n-natura inċerta tar-redditu fuq l-investiment. Fil-fatt, b’mod partikolari, fil-qasam tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-petrokimika, ir-riskji kbar assoċjati mal-ewwel unitajiet industrijali jimponu lill-impriżi li joperaw fis-suq għażla kbira għal dak li għandu x’jaqsam mal-proġetti R & Ż. Bħala eżempju, IFP u Axens setgħu jagħmlu l-proġetti ta’ riċerka li ġejjin: katalizzaturi ġodda u teknoloġiji fil-qasam tal-idrotrattamenti ta’ prodotti ta’ distillazzjoni medji, assorbenti u teknoloġija aktar effiċjenti għall-produzzjoni ta’ paraxilene, proċedura ġdida fil-qasam tal-LNG bbażata fuq l-użu ta’ kunċetti u teknoloġiji ġodda li ġejjin mill-qasam tat-tkessiħ, proċedura ġdida aktar nadifa u aktar effiċjenti għall-produzzjoni ta’ bijodiżil bl-esterifikazzjoni ta’ żjut veġetali.

(200)

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tinnota mill-2002 evoluzzjoni pożittiva ta’ indikaturi diversi tal-isforz ta’ R & Ż immexxi minn IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat. L-ispejjeż kif ukoll il-personal iddedikati għar-R & Ż minn IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fl-oqsma esklużivi tal-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar marru għall-aħjar anke jekk l-għajnuna mill-Istat tnaqqset b’41 % fil-perijodu 2003-2006:

Tabella 3

Avvanz fil-perijodu 2003-2006 tal-indikaturi

IFP/Axens

IFP/Prosernat

Spejjeż allokati għar-R & Ż fil-qasam esklużiv

[…] (**)

[…] (**)

Personal allokat għar-R & Ż fil-qasam esklużiv

[…] (**)

[…] (**)

(201)

Il-ħames nett, il-Kummissjoni tinnota li s-sehem tal-ispejjeż tar-R & Ż fil-fatturat huwa sostanzjalment għoli. Fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Prosernat, dan kien 9 % fl-2006. Fil-qasam tal-attivitajiet ta’ Axens, kien 13 % fl-2006, u dan huwa ħafna aktar għoli miċ-ċifri osservati fis-settur. Fil-fatt, għal erba’ kumpaniji ta’ referenza fil-professjonijiet ta’ Axens, is-sehem tal-ispejjeż ta’ R & Ż fil-fatturat ivarja minn 2.3 għal 10 % (44).

(202)

Is-sitt nett, il-Kummissjoni tikkunsidra l-fatt li IFP u s-sussidjarji tiegħu jkollhom iħabbtu wiċċhom fl-oqsma ta’ applikazzjoni tar-riċerki tagħhom ma’ regolamenti differenti skont iż-żoni ġeografiċi, u li qed jevolvu l-ħin kollu. B’mod partikolari mill-2000, is-settur tar-raffinar huwa huwa soġġett għal standards ġodda tal-ambjent dejjem aktar stretti. Mar-riskji xjentifiċi u teknoloġiċi li jkollhom il-proġetti R & Ż għalhekk jiżdiedu riskji kbar ta’ regolamentazzjoni. Minbarra hekk, huwa diffiċli li jiġu protetti r-riżultati tar-riċerki mmexxija minn IFP u s-sussidjarji tiegħu minħabba, minn naħa, in-numru kbir ta’ pajjiżi li fihom isir l-użu tar-riżultati u, min-naħa l-oħra, id-diversità tal-leġislazzjonijiet fuq il-privattivi li japplikaw fl-Istati differenti.

(203)

Is-seba’ nett, il-Kummissjoni temmen li, bil-kontra ta’ dak li tafferma UOP, l-appoġġ pubbliku allokat lil IFP u s-sussidjarja tiegħu Axens m’huwiex, bin-natura jew il-proporzjoni tiegħu, suxxettibbli li jfixkel l-inċentivi dinamiċi tas-suq tat-teknoloġiji ta’ raffinar. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-offerta f’dan is-suq hija differenti ħafna, għal numru ristrett ta’ klijenti. Għalhekk stima dinjija tal-unitajiet ta’ raffinar jew ta’ petrokimika fl-użu fl-2005 elenkat seba’ tipi ta’ proċessi. Minbarra hekk, il-klijenti jagħżlu teknoloġija fir-rigward tal-kriterji differenti li xi wħud minnhom, bħall-ispiża tal-installazzjoni assoċjata u kemm irendi l-investiment, huma kkunsidrati bħala kritiċi iżda huma totalment estraneji għall-proġetti ta’ riċerka li huma appoġgati. Fl-aħhar nett, il-Kummissjoni tosserva li ċerti kompetituri ta’ IFP u ta’ Axens għandhom pożizzjoni kompetittiva qawwija li għandha tippermettihom li jżommu l-pjanijiet tagħhom ta’ R & Ż f’dan is-suq. Għalhekk, UOP għandha sehem fis-suq dinji li jikkorrispondi għal 57 % fil-valur ta’ unitajiet ta’ raffinar bil-liċenzja li jeżistu filwaqt li s-sehem ta’ IFP u ta’ Axens juwa ta’ 7 %.

(204)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li s-sħab kummerċjali tal-Unjoni Ewropea jiddedikaw ukoll baġits kbar għall-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tal-enerġija. Għaldaqstant, id-dipartiment tal-enerġija Amerikan fl-2005 kellu baġit ta’ 5 794 biljun dollaru, li żdiedu kontinwament f’dawn il-ħmistax-il sena. Dan id-dipartiment jissussidja bosta programmi ta’ riċerka, b’mod partikolari fil-qasam tal-bijodiżils. Il-Kummissjoni tinnota li l-kompetituri ta’ IFP u ta’ Axens jibbenefikaw ukoll minn appoġġi pubbliċi kbar. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ UOP, li tirċievi l-fondi tan-National Institute of Standards and Technology għax-xogħol tagħha ta’ riċerka fil-qasam tal-katalizzaturi (45). UOP tibbenefika wkoll minn appoġġi pubbliċi indiretti bis-saħħa ta’ bosta sħubijiet ma’ istituti ta’ riċerka u universitajiet.

(205)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni temmen li l-għajnuna favur IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat għandha effett ta’ inċentiv fir-rigward tal-qasam strateġiku tar-riċerki mwettqa, tal-avvanz fil-kwalità u l-kwantità tal-isforz ta’ riċerka kif ukoll tar-riskji u d-diffikultajiet li għandhom x’jaqsmu mas-setturi ta’ attività kkonċernati. Hija wkoll tal-fehma li l-għajnuna m’għandhiex tfixkel id-dinamika ta’ innovazzjoni fis-swieq. Minbarra hekk, hija tinnota l-appoġġ allokat mill-Istati l-oħra lill-kompetituri ta’ IFP.

(206)

Ir-rapport annwali li Franza għandha tagħti lill-Kummissjoni sa meta jagħlqu l-ftehimiet esklużivi bejn IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat, għandu juri li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għadu validu.

7.6.   Konklużjoni

(207)

Wara li ġew kkunsidrati l-elementi kollha msemmijin qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna allokata lil IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-qafas R & Ż tal-1996 diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-premessi 191, 192 u 205,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li Franza implimentat favur l-Institut Français du Pétrole (IFP) u s-sussidjarja tiegħu Beicip-Franlab mhijiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

1.   Il-miżura li Franza implimentat favur IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

2.   Din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   Din id-Deċiżjoni hija valida sal-għeluq tal-ftehimiet esklużivi li huma fis-seħħ fid-data ta’ din id-Deċiżjoni bejn IFP u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat (hawn taħt “il-ftehimiet esklużivi”).

2.   Kull tiġdid jew emenda tal-ftehimiet esklużivi għandha tiġi rrapportata lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

1.   IFP għandu jorganizza u jippubblika l-kontijiet tiegħu sabiex jiddistingwi b’mod ċar bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi tiegħu.

2.   Sad-data ta’ għeluq tal-ftehimiet esklużivi, Franza għandha tagħti lill-Kummissjoni rapport finanzjarju annwali sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-ammont tal-fondi pubbliċi allokati lill-attivitajiet ta’ IFP fl-oqsma tal-attivitajiet esklużivi ta’ Axens u ta’ Prosernat.

Artikolu 5

1.   Sad-data ta’ għeluq tal-ftehimiet esklużivi, Franza għandha tagħti lill-Kummissjoni rapport annwali ddettaljat tal-proġetti mmexxija minn IFP fl-oqsma tal-attivitajiet esklużivi ta’ Axens u ta’ Prosernat, li jispeċifika, għal kull proġett, l-ispejjeż f’kull stadju ta’ riċerka, l-ammont tal-fondi pubbliċi allokati u l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.

2.   Franza għandha tinnotifika individwalment lill-Kummissjoni l-għajnuniet ta’ ammont aktar għoli mill-limiti previsti mill-qafas Komunitarji tal-għajnuniet tal-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-2006.

Artikolu 6

Il-ftehimiet esklużivi għandhom jiġu emendati b’mod li tiġi prevista remunerazzjoni minima lil IFP minn Axens u Prosernat, li tkopri għallanqas 25 % tal-ispejjeż tal-istudji ta’ fattibbiltà ta’ qabel ix-xogħol ta’ riċerka industrijali, 50 % tal-ispejjeż ta’ riċerka industrijali u 75 % tal-ispejjeż ta’ żvilupp prekompetittiv ta’ IFP fl-oqsma koperti mill-ftehimiet esklużivi.

Artikolu 7

Franza għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ħadet biex tikkonforma magħha.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 42, 18.2.2006, p. 5.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.

(3)  Skont il-liġi Nru 43-612 tas-17 ta’ Novembru 1943 dwar il-ġestjoni tal-interessi professjonali.

(4)  Digriet Nru 2003-204 tal-5 ta’ Marzu 2003 u Digriet Nru 55-733 tas-26 ta’ Mejju 1955.

(5)  Sors: Rapport finanzjarju ta’ IFP 2006.

(6)  Sors: Kontijiet konsolidati Axens 2006.

(7)  Sors: Kontijiet konsolidati Axens 2006.

(8)  Sors: Statistiċi mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi.

(9)  Sors: Kontijiet konsolidati Beicip-Franlab 2006.

(10)  Sors: Kontijiet Prosernat 2006.

(11)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 53.

(12)  ĠU C 45, 17.2.1996, p. 5.

(13)  ĠU C 192, 19.6.1998, p. 4.

(*)  Parafrażi ta’ nformazzjoni koperta mis-sigriet professjonali.

(**)  Informazzjoni koperta uns-sigrier.

(14)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Direttiva abbrogata mid-Direttiva 2006/111/KE (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

(15)  p. 8 tal-formola tan-notifka, huwa msemmi li “b’din in-notifika l-Istat Franċiż jinfurmakom li l-IFP qed jippjana li jerġa’ jorganizza l-attivitajiet tiegħu ġewwa il-grupp tiegħu fil-qasam tar-raffinar/petrokimika.”

(16)  Laqgħa bejn il-Kummissjoni u Franza saret fl-4 ta’ Mejju 2001.

(17)  L-ittra ta’ Franza, datata t-18 ta’ Mejju 2001, tat informazzjoni addizzjonali dwar id-dritt tal-ewwel rifjut u dwar l-obbligu fuq l-importazzjonijiet tat-taxxa magħmula għall-benefiċċju tal-IFP.

(18)  Din in-nota ta’ rċevuta tindika li “fl-anness hemm ukoll preżentazzjoni tal-miżuri stabbiliti skont il-forma preskritta għan-notifiki stabbiliti fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat”.

(19)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(20)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(21)  Bl-ingliż “proof of principle”.

(22)  Dan l-ammont, skont l-UOP kien ta’ Eur 555 miljun f’dawn l-aħħar tliet snin u, skont Franza, jidher li jikkorrispondi għall-ammonti li rċieva l-IFP bħala dotazzjoni baġitarja fis-snin 2003, 2004 u 2005 (fir-realtà eżattament 507 miljun ewro).

(23)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2, nota fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22.

(24)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(25)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 11.

(26)  Sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Novembru 1984, 323/82, Ġabra, p. 3809.

(27)  Kuntratt ta’ objettivi 2001-2005, p. 3.

(1)  […] (**).

(2)  […] (**).

(28)  Silta mis-sit elettroniku ta’ Axens: “Axens hija impriża attiva fis-suq tar-raffinar, il-petrokimika u l-gass naturali li toffri prodotti ewlenin fis-suq li jinkludu proċessi, katalizzaturi, assorbenti u tagħmir appoġġat minn kważi ħamsin sena ta’ R & Ż u ta’ suċċess industrijali”. Silta mis-sit elettroniku ta’ Prosernat: “L-assoċjazzjoni tal-kompetenzi xjentifiċi kollha u l-għerf tas-sena għal dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp tal-kumpanija ewlenija ta’ Prosernat IFP, mal-esperjanza industrijali ta’ Prosernat toffri opportunità unika sabiex l-ideat innovattivi jsiru realtà industrijali”.

(29)  Per eżempju; ara r-rappreżentazzjoni unika IFP/Axens fl-għaxar Congrès de la Société Française de Génie des Procédés (Il-Kungress tal-Kumpanija Franċiża tal-Inġinerija Kimika) (http://inpact.inp-toulouse.fr/SFGP/pageaccueil.html).

(30)  Ara b’mod partikolari “Liquefin, developed and commercialised by IFP-Axens”, in New liquefaction process promises lower costs, Oil & Gas Journal, 19/08/2002, “IFP is the world’s second largest process licensor in refining and petrochemicals (via its subsidiary Axens) and is an internationally center of excellence in exploration and production.” (L-IFP huwa t-tieni l-akbar fornitur ta’ liċenzji għal dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri tar-raffinar u tal-petrokimika (permezz tas-sussidjarja tiegħu Axens) u huwa ċentru ta’ eċċellenza magħruf internazzjonalment fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni), www.tmcnet.com, 15/12/2005.

(31)  Ara b’mod partikolari fuq is-sit www.topsoe.com, referenzi għal unitajiet li ġew mogħtija l-liċenzja minn “IFP/Axens”, referenza għal “IFP (Axens)” fuq is-sit ta’ Nexant, kumpanija ta’ konsulenza fis-settur tal-enerġija (http://nexant.ecnext.com/coms2/summary_0255-3019_ITM), ara wkoll il-preżentazzjoni tal-proġett GTL Eni-IFP/Axens fuq http://gcceu-conference.epu.ntua.gr

(32)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(33)  L-ewwel inċiż tal-punt 3.1.1.

(34)  Ara d-deċiżjoni tal-ftuħ tad-29.11.2007, Garantie illimitée de l’État en faveur de la Poste (Garanzija llimitata tal-Istat favur il-Posta) (C 56/07).

(35)  Editjat mill-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żvilupp Ekonomiku fl-2002.

(36)  Rigward dan ara s-sit tas-SINTEF: http://www.sintef.no/ default.aspx?id = 490

(37)  Artikolu 1-22 tal-Konvenzjoni ta’ Riċerka Industrijali.

(38)  L-innovazzjoni industrijali hija l-ewwel unità kummerċjali mibnija fil-qafas ta’ sub-liċenzja tal-proċedura lil terz jew l-ewwel ammont kummerċjali ta’ prodott użat.

(39)  Inklużi l-ispejjeż tal-proġetti orizzontali, ara l-premessa 0.

(40)  Ir-riżorsi proprji huma magħmula mid-dividendi u mill-ħlas ta’ liċenzji kif ukoll minn dħul ieħor, bħal m’huwa dak li ġej mill-privattivi rreġistrati mill-IFP. Fl-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat biss ir-remunerazzjonijiet mħallsin minn Axens u Prosernat.

(41)  Ċerti proġetti jdumu ħafna snin. Għall-finijiet ta’ sħuħija, “numru ta’ proġetti” jfisser in-numru ta’ proġetti li qed isiru f’sena speċifika. L-ammonti huma elenkati, mhux b’mod kumulattiv, għal sena speċifika.

(42)  Medja peżata tal-intensitajiet ta’ għajnuna awtorizzati għar-riċerka industrijali u l-istudji ta’ possibiltà, b’konformità mal-punt 5.9 tal-qafas R&Ż tal-1996.

(43)  Dawn il-perċentwali jikkorispondu rispettivament għal għajnuniet li jirrapreżentaw 75 % tal-ispejjeż tal-istudji ta’ possibbiltà ta’ qabel xi xogħol ta’ riċerka industrijali, 50 % tal-ispejjeż ta’ riċerka industrijali u 25 % tal-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv.

(44)  Sors: Yahoo finance.

(45)  Sors: stqarrijiet tal-istampa tal-UOP u tal-NIST.


Top