Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0144

    2009/144/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta' Frar 2009 li testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-ACP-KE

    ĠU L 49, 20.2.2009, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/02/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/144(1)/oj

    20.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 49/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Frar 2009

    li testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-ACP-KE

    (2009/144/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija tal-AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2),

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija tal-AKP-KE (3) u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE ġew konklużi u ttieħdu miżuri adatti, kif speċifikat fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni,

    (2)

    Bid-Deċiżjoni 2008/158/KE (5), l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li ġiet estiża sal-20 ta' Frar 2004 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE (6), sal-20 ta' Frar 2005 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/157/KE (7), sal-20 ta' Frar 2006 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/139/KE (8) sal-20 ta' Frar 2007 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/114/KE (9) u sat-18 ta’ Frar 2008 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/127/KE (10) ġiet estiża għal perijodu ieħor ta' 12-il xahar sal-20 ta' Frar 2009.

    (3)

    L-elementi essenzjali ċċitati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija tal-AKP-KE għadhom qegħdin jiġu miksura mill-Gvern taż-Żimbabwe u l-kondizzjonijiet attwali fiż-Żimbabwe ma jiżgurawx ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.

    (4)

    Il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri għandu għalhekk jiġi estiż,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE għandu jkun estiż sal-20 ta’ Frar 2010. Il-miżuri għandhom jinżammu taħt reviżjoni kontinwa.

    L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-President taż-Żimbabwe.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ŘÍMAN


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 26.

    (3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (4)  ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64.

    (5)  ĠU L 51, 26.2.2008, p. 19.

    (6)  ĠU L 46, 20.2.2003, p. 25.

    (7)  ĠU L 50, 20.2.2004, p. 60.

    (8)  ĠU L 48, 19.2.2005, p. 28.

    (9)  ĠU L 48, 18.2.2006, p. 26.

    (10)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 23.


    ANNESS

    Brussell,

    L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE. Bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

    Bl-ittra tad-19 ta' Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-Deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija tal-AKP-KE u li tieħu ċerti “miżuri adatti” fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) ta' dak il-Ftehim.

    Bl-ittri tad-19 ta’ Frar 2003, id-19 ta’ Frar 2004, it-18 ta' Frar 2005, il-15 ta' Frar 2006, il-21 ta' Frar 2007 u d-19 ta’ Frar 2008, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjonijiet tagħha li ma kenitx ser tirrevoka l-“miżuri adatti” u li kienet ser testendi l-perijodu ta' applikazzjoni sal-20 ta' Frar 2004, l-20 ta' Frar 2005, l-20 ta' Frar 2006, l-20 ta' Frar 2007, l-20 ta' Frar 2008 u l-20 ta’ Frar 2009 rispettivament.

    L-Unjoni Ewropea tilqa′ l-fatt li ntlaħaq qbil bejn il-partijiet fiż-Żimbabwe taħt il-gwida tal-SADC. Hi tittama li l-gvern il-ġdid ser juri l-impenn tiegħu għar-riforma, inkluż dik fir-rigward ta' l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni.

    Madankollu, 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-aħħar deċiżjoni dwar il-miżuri adatti, l-Unjoni Ewropea tqis li ma sar l-ebda progress sinifikanti fil-ħames oqsma msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002.

    Fid-dawl tas-suespost, l-Unjoni Ewropea ma tqisx li tista′ tirrevoka l-miżuri adatti u ddeċidiet li testendi l-perijodu ta′ applikazzjoni tagħhom sal-20 ta' Frar 2010, filwaqt li tistenna l-ftuħ mill-ġdid tal-konsultazzjonijiet.

    L-Unjoni Ewropea tixtieq terġa′ tenfasizza li mhix qiegħda tippenalizza lin-nies taż-Żimbabwe u li ser tkompli bil-kontribut tagħha għall-operazzjonijiet ta' natura umanitarja u għall-proġetti b'sostenn dirett tal-popolazzjoni, fi proġetti partikolari fis-setturi soċjali, id-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li mhumiex affettwati b'dawn il-miżuri.

    L-Unjoni Ewropea tixtieq ittenni li l-applikazzjoni tal-miżuri adatti fis-sens ta' l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija tal-AKP-KE ma' toħloq ebda xkiel għad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 ta' dak il-Ftehim.

    B′dan il-ħsieb, l-Unjoni Ewropea tixtieq għal darba oħra tenfasizza l-importanza li hi tagħti lill-koperazzjoni futura bejn il-KE u ż-Zimbabwe u tikkonferma r-rieda tagħha li tkompli bid-djalogu u li fil-futur qrib tagħmel progress lejn sitwazzjoni fejn terġa′ ssir possibbli koperazzjoni sħiħa.

    Dejjem tiegħek,

    Ghall-Kummissjoni

    Għall-Kunsill


    Top