EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1354

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1682/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 24–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/09/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1354/oj

30.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 350/24


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1354/2008

tat-18 ta’ Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1682/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi mhux Membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 u 19 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

I.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri attwali

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1628/2004 (2), impona dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafita ta’ tip użat għall-ifran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μΩ.m jew anqas, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 11 00 u nipils użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 90 90 kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja. Ir-rata ta’ dazju tinsab f’medda ta’ bejn 7,0 % u 15,7 % għal esportaturi msemmija individwalment b’rata residwa ta’ dazju ta’ 15,7 % imposta fuq importazzjonijiet minn esportaturi oħrajn.

(2)

Fl-istess waqt, bir-Regolament (KE) Nru 1629/2004 (3), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fl-Indja.

II.   Bidu ta’ reviżjoni parzjali interim

(3)

Wara l-impożizzjoni tad-dazju definittiv ta’ kumpens il-Gvern tal-Indja (“GI”) ressaq sottomissjonijiet li ċ-ċirkustanzi fir-rigward taż-żewġ skemi ta’ sussidju (l-Iskema ta’ Kreditu ta’ Dazju bil-Ktieb u l-Eżenzjoni mit-Taxxa tad-Dħul skont it-Taqsima 80 HHC tal-Att dwar it-Taxxa tad-Dħul) inbidlu u li dawn it-tibdiliet huma ta’ natura permanenti. Bħala konsegwenza, tressaq l-argument li l-livell ta’ sussidju x’aktarx li naqas u għaldaqstant il-miżuri li ġew stabbiliti parzjalment fuq dawn l-iskemi għandhom jiġu riveduti.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa mill-GI u sabitha suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni tat bidu għal reviżjoni parzjali interim ex officio tal-miżuri fis-seħħ b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4).

(5)

L-għan ta’ din l-investigazzjoni għal reviżjoni parzjali interim huwa li tanalizza l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri attwali fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji li bbenefikaw mill-iskema jew miż-żewġ skemi mibdula ta’ sussidju inkluż, għal dawk il-kumpaniji, fir-rigward ta’ skemi oħrajn fejn tingħata biżżejjed evidenza skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-avviż ta’ bidu.

III.   Perjodu ta’ investigazzjoni

(6)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni” jew il-“PIR”).

IV.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni għarrfet b’mod uffiċjali lill-GI, iż-żewġ produtturi esportaturi Indjani elenkati fl-avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni parzjali interim, kif ukoll il-produtturi tal-Komunità, dwar il-bidu tal-investigazzjoni għal reviżjoni parzjali interim. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta. Il-kummenti bil-miktub u bil-fomm ippreżentati mill-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn kien xieraq, ittieħed kont tagħhom.

(8)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil żewġ produtturi esportaturi li jikkooperaw u lill-GI. Waslu tweġibiet kemm mill-produtturi esportaturi li jikkooperaw kif ukoll mill-GI.

(9)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tas-sussidjar. Saru żjajjar ta’ verifika fil-bini tal-partijiet ikkonċernati li ġejjin:

(1)

Gvern tal-Indja

Ministeru tal-Kummerċ, New Delhi

(2)

Produtturi esportaturi fl-Indja

Graphite India Limited (GIL), Kolkatta

Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited, Noida

V.   Informazzjoni dwar dak li nstab u kummenti dwar il-proċedura

(10)

Il-GI u l-partijiet interessati l-oħra ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta l-emenda tar-rata ta’ dazju applikabbli għaż-żewġ produtturi Indjani li jikkooperaw u jinżammu l-miżuri eżistenti għall-kumpaniji l-oħra kollha li ma jikkooperawx ma’ din ir-reviżjoni parzjali interim. Ġew mogħtija wkoll żmien raġonevoli biex jikkummentaw. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kollha ttieħdu inkonsiderazzjoni kif jidher hawn taħt.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT

(11)

Il-prodott kopert minn din ir-reviżjoni huwa l-istess prodott bħal dak ikkonċernat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004, jiġifieri elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-ifran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μΩ.m jew anqas, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 11 00 u nipils użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 90 90 kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja.

Ċ.   SUSSIDJI

I.   Introduzzjoni

(12)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-GI u l-produtturi esportaturi li jikkooperaw u t-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-Kummissjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji, ġew investigati:

(a)

L-iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem (magħrufa qabel bħala Skema ta’ Liċenzjar bil-Quddiem),

(b)

L-Iskema ta’ Kreditu ta’ Dazju bil-Ktieb,

(ċ)

L-Iskema ta’ Importazzjoni b’eżenzjoni parzjali jew totali tad-dazju ta’ Beni Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni,

(d)

Eżenzjoni mit-Taxxa tad-Dħul,

(e)

Eżenzjoni ta’ dazju fuq l-elettriku tal-Istat ta’ Madhya Pradesh.

(13)

L-iskemi (a) sa (c) speċifikati hawn fuq huma bbażati fuq l-Att tal-1992 dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolamentazzjoni) (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (“Att dwar il-Kummerċ Barrani”). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-GI biex joħroġ notifiki dwar il-politika ta’ esportazzjoni u importazzjoni. Dawn jinsabu miġbura fil-qosor fid-dokumenti “Politika ta’ Esportazzjoni u Importazzjoni”, li l-Ministeru tal-Kummerċ joħroġ kull ħames snin u jaġġorna regolarment. Dokument wieħed dwar il-Politika ta’ Esportazzjoni u Importazzjoni huwa rilevanti għall-PIR ta’ dan il-każ, jiġifieri dak li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“Politika EXIM 04-09”). Barra minn hekk, il-GI jistipula wkoll il-proċeduri li jirregolaw il-politika-EXIM 04-09 f’“Manwal ta’ Proċeduri - mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009, Volum I” (“HOP I 04-09”). Il-Manwal ta’ Proċedura jiġi aġġornat ukoll fuq bażi regolari.

(14)

L-iskema ta’ Eżenzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul speċifikata hawn fuq taħt (d) hija bbażata fuq l-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1961, li tiġi emendata kull sena mill-Att tal-Finanzi.

(15)

L-iskema ta’ Eżenzjoni ta’ Dazju fuq l-Elettriku speċifikata hawn fuq taħt (e) hija bbażata fuq it-Taqsima 3-B tal-Att dwar id-Dazju fuq l-Elettriku ta’ Madhya Pradesh tal-1949.

(16)

Skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju, il-Kummissjoni stiednet lill-GI għal konsultazzjonijiet addizzjonali fir-rigward kemm ta’ skemi mibdula kif ukoll mhux mibdula bil-ħsieb li tiċċara l-qagħda tal-fatti fir-rigward tal-iskemi allegati u li tasal għal soluzzjoni li jaqblu magħha ż-żewġ naħat. Wara dawn il-konsultazzjonijiet, u fl-assenza ta’ soluzzjoni li jaqblu magħha ż-żewġ naħat fir-rigward ta’ dawn l-iskemi, il-Kummissjoni inkludiet dawn l-iskemi kollha fl-investigazzjoni tas-sussidju.

II.   Skemi Speċifiċi

1.   Skema ta’ Awtorizzazzjoni Bil-Quddiem (Advance Authorisation Scheme, “AAS”)

(a)   Bażi ġuridika

(17)

Id-deskrizzjoni fid-dettall tal-iskema tinsab fil-paragrafi 4.1.1 sa 4.1.14 tal-politika-EXIM 04-09 u l-kapitoli 4.1 sa 4.30 tal-HOP I 04-09. Din l-iskema kienet tissejjaħ l-Iskema ta’ Liċenzji bil-Quddiem matul l-investigazzjoni ta’ qabel għal reviżjoni li wasslet għall-impożizzjoni bir-Regolament (KE) Nru 1628/2004 tad-dazju definittiv ta’ kumpens attwalment fis-seħħ.

(b)   Eliġibilità

(18)

L-AAS tikkonsisti f’sitt sottoskemi, kif deskritti f’aktar dettall hawn taħt. Dawn is-sottoskemi inter alia huma differenti fl-ambitu ta’ eliġibilità. Il-produtturi esportaturi u n-negozjanti esportaturi “marbuta ma’ ” produtturi sekondarji huma eliġibbli għall-esportazzjonijiet materjali tal-AAS u għall-AAS għall-ħtieġa annwali. Il-produtturi esportaturi li jfornu l-esportatur finali huma eliġibbli għall-AAS għall-provvisti intermedji. Il-kuntratturi ewlenin li jfornu lill-kategoriji “meqjusa għall-esportazzjoni” imsemmija fil-paragrafu 8.2 tal-politika EXIM 04-09, bħall-fornituri ta’ unità orjentata lejn l-esportazzjoni (“EOU - Export Oriented Unit”), huma eliġibbli għall-AAS bħala meqjusa għall-esportazzjoni. Eventwalment, il-fornituri intermedji li jfornu lil manifatturi-esportaturi huma eliġibbli għal benefiċċji “meqjusa bħala għall-esportazzjoni” taħt is-sottoskemi Ordni ta’ Rilaxx bil-Quddiem (Advance Release Order - “ARO”) u Ittra Interna ta’ Kreditu ta’ Kumpens.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(19)

Awtorizazzjonijiet bil-quddiem jistgħu jinħarġu għal:

(i)

Esportazzjonijiet b’mod fiżiku: Din hija s-sottoskema prinċipali. Hija tippermetti l-importazzjoni bla ħlas ta’ dazju ta’ materjal li jidħol fil-produzzjoni ta’ prodott speċifiku li jirriżulta għall-esportazzjoni. “B’mod fiżiku” f’dan il-kuntest tfisser li l-prodott għall-esportazzjoni jrid jitlaq mit-territorju Indjan. Il-permess għall-importazzjoni u l-obbligu ta’ esportazzjoni inkluż it-tip ta’ prodott għall-esportazzjoni jkunu speċifikati fil-liċenzja.

(ii)

Ħtieġa annwali: Din l-awtorizzazzjoni mhix marbuta ma’ prodott speċifiku ta’ esportazzjoni, iżda ma’ grupp usa’ ta’ prodotti (pereżempju prodotti kimiċi u dawk relatati). Id-detentur ta’ liċenzja jista’- sa ċertu limitu fil-valur iffissat fuq kif tkun marret l-esportazzjoni fiż-żmien ta’ qabel - jimporta bla ħlas ta’ dazju dak kollu li jkun se jintuża fil-manifattura ta’ kull oġġett li jaqa’ taħt dan il-grupp ta’ prodotti. Jista’ jagħżel li jesporta kull prodott li jirriżulta li jaqa’ taħt dan il-grupp ta’ prodotti li juża dan il-materjal eżentat mid-dazju.

(iii)

Provvisti intermedji: Din is-sottoskema tkopri l-każijiet meta żewġ manifatturi jkollhom il-ħsieb li jipproduċu prodott wieħed għall-esportazzjoni u jaqsmu l-proċess tal-produzzjoni. Il-manifattur esportatur jipproduċi l-prodott intermedju. Huwa jista’ jimporta bla ħlas ta’ dazju l-materjal li jidħol fil-prodott u għal din ir-raġuni jista’ jikseb l-AAS għall-provvisti intermedji. L-esportatur finali jwassal fit-tmiem il-produzzjoni u jkun obbligat li jesporta l-prodott lest.

(iv)

Meqjusa għall-esportazzjoni: Din is-sottoskema tippermetti lil kuntrattur prinċipali li jimporta bla ħlas ta’ dazju dak li jkun meħtieġ li jidħol fil-produzzjoni ta’ prodotti li se jinbiegħu bħala “meqjusa għall-esportazzjoni” lill-kategoriji ta’ klijenti msemmija fil-paragrafu 8.2 (b) sa (f), (g), (i) u (j) tal-politika EXIM 04-09. Skont il-Gvern tal-Indja, meqjusa għall-esportazzjoni tirreferi għal dawk it-transazzjonijiet li fihom il-prodotti fornuti ma joħorġux mill-pajjiż. Għadd ta’ kategoriji ta’ provvista jitqiesu bħala meqjusa għall-esportazzjoni sakemm l-oġġetti jiġu mmanifatturati fl-Indja, pereżempju. provvista ta’ oġġetti lil EOU jew lil kumpanija li tkun tinsab f’żona ekonomika speċjali (“ŻES”).

(v)

ARO: Detentur ta’ AAS li jkollu l-ħsieb li jġib dak li juża fi prodott minn sorsi tal-lokal, minflok ma jimporta direttament, għandu l-għażla li jġibhom b’ARO. F’dawn il-każi l-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem ikunu kkonfermati bħala AROs u jkunu endorsjati lill-fornitur lokali mal-kunsinna tal-oġġetti speċifikati fihom. L-endorsjar tal-ARO jintitola l-fornitur lokali għall-benefiċċji bħal dawk meqjusa għall-esportazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (jiġifieri l-AAS għall-provvisti intermedji/meqjusa għall-esportazzjoni, ħlas lura ta’ dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa għall-esportazzjoni u rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali). Il-mekkaniżmu tal-ARO jirrifondi t-taxxi u d-dazji lill-fornitur minflok ma jirrifondi dawn lill-esportatur finali fil-forma ta’ ħlas lura/rifużjoni ta’ dazji. Ir-rifużjoni tat-taxxi/tad-dazji tista’ ssir fuq dak li jidħol fil-prodott kemm jekk dak li jidħol ikun tal-lokal kif ukoll jekk ikun importat.

(vi)

Ittra Interna ta’ Kreditu ta’ Kumpens: Din is-sottoskema għal darba oħra tkopri l-provvisti mil-lokal lid-detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem. Id-detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem jista’ javviċina bank biex jiftaħ ittra interna ta’ kreditu ta’ kumpens favur fornitur lokali. L-awtorizzazzjoni titħassar mill-bank għall-importazzjoni diretta, b’konnessjoni biss mal-valur u l-volum ta’ oġġetti miġjuba minn sorsi tal-lokal minflok ma jiġu importati. Il-fornitur lokali jkun intitolat għall-benefiċċji bħal dawk meqjusa għall-esportazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (jiġifieri l-AAS għall-provvisti intermedji/oġġetti meqjusa għall-esportazzjoni, ħlas lura ta’ dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa għall-esportazzjoni u rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali).

(20)

Ġie stabbilit li matul il-PIR wieħed mill-esportaturi li jikkooperaw kiseb konċessjonijiet taħt l-ewwel sottoskema, jiġifieri esportazzjonijiet b’mod fiżiku AAS. Għalhekk mhux meħtieġ li jiġi stabbilit jekk is-sottoskemi li jifdal jistgħux joffru kumpens.

(21)

Wara l-impożizzjoni bir-Regolament (KE) Nru 1628/2004 tad-dazju definittiv ta’ kumpens attwalment fis-seħħ, il-GI mmodifika s-sistema ta’ verifika applikabbli għall-AAS. F’termini konkreti, għall-finijiet ta’ verifika mill-awtoritajiet Indjani, detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem huwa obbligat legalment li jżomm “rendikont veru u proprju ta’ konsum u utilizzazzjoni ta’ prodotti mingħajr dazju importati/mixtrija lokalment” f’format speċifikat (kapitoli 4.26, 4.30 u Appendiċi 23 HOP I 04-09), jiġifieri reġistru veru tal-konsum. Dan ir-reġistru jrid jiġi vverifikat minn kontabilist estern skedat/kontabilist tal-kosti u x-xogħol li joħroġ ċertifikat li jistqarr li r-reġistri preskritti u d-dokumentazzjoni rilevanti ġew eżaminati u li l-informazzjoni mogħtija skont l-Appendiċi 23 hija vera u korretta f’kull rigward. Madankollu, id-dispożizzjonijiet imsemmija qabel japplikaw biss għal Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem maħruġa fit-13 ta’ Mejju 2005 jew wara. Għall-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem kollha jew Liċenzji bil-Quddiem qabel din id-data, id-detenturi huma mitluba jimxu skont id-dispożizzjonijiet ta’ verifika li kienu japplikaw qabel, jiġifieri li jżommu rendikont veru u proprju ta’ konsum u użu ta’ prodotti importati għal dik li hija liċenzja fil-format speċifikat tal-Appendiċi 18 (kapitolu 4.30 u l-Appendiċi 18 HOP I 02-07).

(22)

Fir-rigward tas-sottoskema użata matul il-PIR mill-produttur esportatur li jikkoopera, jiġifieri dik tal-esportazzjonijiet b’mod fiżiku, kemm il-konċessjoni ta’ importazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ esportazzjoni huma ffissati fil-volum u fil-valur mill-GI u jiġu dokumentati fuq l-Awtorizzazzjoni. Barra dan, fil-waqt tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, it-transazzjonijiet li jikkorrispondu jridu jkunu ddokumentati mill-uffiċjali tal-Gvern fuq l-Awtorizzazzjoni. Il-volum ta’ importazzjonijiet konċessi taħt din l-iskema huwa ddeterminat mill-GI fuq il-bażi tan-normi standard ta’ dħul-ħruġ (“SIONs” – Standard Input-Output Norms). Is-SIONs jeżistu għall-biċċa l-kbira tal-prodotti inkluż il-prodott ikkonċernat u huma ppubblikati fil-HOP II 04-09.

(23)

Il-materjali importati biex jidħlu fil-prodott mhumiex trasferibbli u jridu jintużaw biex jinħadem il-prodott ta’ esportazzjoni li jirriżulta. L-obbligu ta’ esportazzjoni jrid jiġi osservat f’medda ta’ żmien preskritt wara l-ħruġ tal-liċenzja (24 xahar b’żewġ estensjonijiet possibbli ta’ sitt xhur kull waħda).

(24)

L-investigazzjoni ta’ reviżjoni stabbilixxit li l-Liċenzji bil-Quddiem użati għall-importazzjoni ta’ materja prima matul il-PIR inħarġet qabel it-13 ta’ Mejju 2005. Għalhekk, ir-rekwiżiti ġodda ta’ verifika stipulati mill-awtoritajiet Indjani fil-HOP I 04-09, kif deskritti fi (21) hawn fuq, kienu għadhom ma ġewx ittestjati fil-prattika. Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx turi li kienu nżammu r-reġistri meħtieġa ta’ konsum attwali u ħażna fil-format meħtieġ mill-kapitolu 4.30 u l-Appendiċi 18 tal-HOP I 02-07, kif applikabbli għal-Liċenzji bil-Quddiem maħruġa qabel it-13 ta’ Mejju 2005. Wara li ttieħed kont ta’ din is-sitwazzjoni, qiegħed jitqies li l-esportatur investigat ma kienx f’qagħda li juri li ġew sodisfatti d-dispożizzjonijiet EXIM rilevanti dak iż-żmien.

(d)   Kummenti fuq dak li nstab

(25)

L-esportatur li kkoopera li kien għamel użu mill-AAS matul il-PIR sostna fl-argument tiegħu li kien bagħat b’mod volontarju l-liċenzji bil-quddiem użati, minkejja li kienu ħarġu qabel it-13 ta’ Mejju 2005, għal verifika ta’ kontabilist bil-liċenzja skont ir-rekwiżiti tal-HOP I 04-09, u li dan juri li issa teżisti sistema xierqa ta’ verifika skont id-dispożizzjonijiet ġodda tal-HOP.

(26)

Ċertifikat fil-forma ta’ Appendiċi 23 tal-HOP, iffirmat minn kontabilist bil-liċenzja u bid-data tal-1 ta’ Frar 2008, intbagħat tabilħaqq lis-servizzi tal-Kummissjoni matul il-verifika fil-bini tal-kumpanija. Iżda, peress li l-liċenzji bil-quddiem kellhom id-data ta’ mill-2004, u d-dispożizzjonijiet ġodda tal-HOP ma kinux japplikaw għalihom, il-konklużjoni hija li dan kien eżerċizzju volontarju mill-kumpanija, li ma jippruvax li ġiet fil-fatt implimentata sistema effettiva ta’ verifika mill-GI. Barra minn hekk, ma ġiex ippruvat li r-rifużjoni ta’ dazju żejjed, kif ikkalkolat mill-kontabilist bil-liċenzja, fil-fatt tħallset lura lill-gvern.

(e)   Konklużjoni

(27)

L-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni hija sussidju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri kontribuzzjoni finanzjarja tal-GI li tat benefiċċju lill-esportaturi investigati.

(28)

Barra dan, l-AAS għall-esportazzjonijiet b’mod fiżiku hija b’mod ċar kontinġenti fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk hija meqjusa bħala speċifika u kumpensatorja taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. Mingħajr impenn ta’ esportazzjoni kumpanija ma tistax tikseb benefiċċji taħt dawn l-iskemi.

(29)

Is-sottoskema użata fil-każ preżenti ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema ta’ sostituzzjoni ta’ ħlas lura ta’ dazju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti preskritti fl-Anness I partita (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Il-GI ma applikax effettivament xi sistema jew proċedura ta’ verifika biex jikkonferma jekk u f’liema ammonti l-materja għall-produzzjoni kinitx ikkunsmata fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi ta’ sostituzzjoni għall-ħlas lura ta’ dazju, l-Anness (III)(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-SIONs infushom ma jistgħux jitqiesu bħala sistema ta’ verifika tal-konsum attwali, peress li permezz tagħhom il-GI ma jistax jivverifika bi preċiżjoni suffiċjenti liema ammonti ta’ dak li kellu jidħol fil-prodott kienu kkunsmati fil-produzzjoni għall-esportazzjoni. Barra dan, ma sarx kontroll effettiv mill-GI bbażat fuq reġistru tal-konsum miżmum b’mod korrett matul il-PIR. Barra minn hekk, il-GI ma għamilx eżami addizzjonali bbażat fuq l-oġġetti attwalment użati fil-produzzjoni, għalkemm dan jeħtieġ li jsir normalment fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika applikata b’mod effettiv (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku).

(30)

Din is-sottoskema hija għalhekk kompensatorja.

(f)   Il-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(31)

Fin-nuqqas ta’ sistemi permessi ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistemi ta’ sostituzzjoni ta’ ħlas lura, il-benefiċċju kompensatorju huwa r-rinunzja tad-dazji totali ta’ importazzjoni normalment dovuti mal-importazzjoni tal-materjali li jidħlu fil-produzzjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li r-Regolament bażiku ma jistipulax biss għall-ikkompensar ta’ rinunzja “ta’ eċċess” ta’ dazji. Skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Anness I(i) tar-Regolament bażiku rinunzja ta’ eċċess biss ta’ dazji tista’ tiġi kkumpensata, dejjem jekk il-kundizzjonijiet tal-Annessi II u III tar-Regolament bażiku jkunu sodisfatti. Iżda, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti fil-każ preżenti. Għalhekk, jekk jiġi stabbilit nuqqas ta’ proċess xieraq ta’ monitoraġġ, l-eċċezzjoni msemmija hawn fuq għal skemi ta’ ħlas lura mhijiex applikabbli u r-regola normali tal-kumpens tal-ammont ta’ (id-dħul ċedut) dazji mhux imħallsa, aktar milli xi rinunzja intenzjonata ta’ eċċess, tapplika. Kif stabbilit fl-Anness II(II) u III(II) tar-Regolament bażiku l-piż tal-kalkolu ta’ din ir-rinunzja ta’ eċċess mhuwiex qiegħed fuq l-awtorità ta’ investigazzjoni. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku hija trid tistabbilixxi biss biżżejjed evidenza biex tikkonfuta kemm hija xierqa sistema ta’ verifika allegata.

(32)

L-ammont ta’ sussidju għall-esportatur li uża l-AAS ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ dazji ta’ importazzjoni ċeduti (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) fuq il-materjal importat taħt is-sottoskema użata għall-prodott ikkonċernat matul il-PIR (numeratur). Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-ammont ta’ sussidju meta saru talbiet iġġustifikati. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju ġie allokat fuq il-fatturat mill-esportazzjoni ġġenerat mill-prodott ikkonċernat matul il-PIR bħala denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(33)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-produttur ikkonċernat li jikkoopera tammonta għal 0,3 %.

2.   L-Iskema ta’ Kreditu ta’ Dazju bil-Ktieb (“DEPBS” – Duty Entitlement Passbook Scheme)

(a)   Bażi legali

(34)

Id-deskrizzjoni ddettaljata tad-DEPBS tinsab fil-paragrafu 4.3 tal-politika EXIM 04-09 u fil-kapitolu 4 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibilità

(35)

Kull produttur-esportatur jew negozjant-esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika tad-DEPBS

(36)

Esportatur eliġibbli jista’ japplika għall-krediti tad-DEPBS li jiġu kkalkulati bħala perċentwali tal-valur ta’ prodotti esportati taħt din l-iskema. Dawn ir-rati tad-DEPBS ġew stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Dawn huma ddeterminati fuq il-bażi tas-SIONs, billi jitqies kontenut importat preżunt ta’ dak li ntuża fil-prodott għall-esportazzjoni u l-inċidenza tad-dazju ta’ importazzjoni fuq dawn l-importazzjonijiet preżunti, mingħajr ma jingħata kas ta’ jekk id-dazji ta’ importazzjoni tħallsux jew le.

(37)

Biex tkun eliġibbli għall-benefiċċji taħt din l-iskema, il-kumpanija trid tesporta. Fil-mument li tkun qed issir it-tranżazzjoni tal-esportazzjoni, trid issir stqarrija mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li turi li l-esportazzjoni qed issir taħt id-DEPBS. Biex l-oġġetti jiġu esportati, l-awtoritajiet doganali Indjani joħorġu, waqt il-proċedura tad-dispaċċ, polza ta’ esportazzjoni. Dan id-dokument juri, inter alia, l-ammont ta’ kreditu ta’ DEPBS li jrid jingħata għal din it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni. F’dak il-mument, l-esporatur ikun jaf il-benefiċċju li jkun se jirċievi. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu l-polza ta’ esportazzjoni, il-GI ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti ta’ kreditu tad-DEPBS. Ir-rata tad-DEPBS rilevanti biex jiġi kkalkulat il-benefiċċju hija dik applikata fiż-żmien li ssir id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

(38)

Il-krediti tad-DEPBS huma trasferibbli mingħajr l-ebda ostakolu u validi għall-perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-ħruġ. Dawn jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti tal-prodotti kollha li jistgħu jkunu importati mingħajr restrizzjoni, ħlief beni kapitali. Il-prodotti importati bis-saħħa ta’ dawn il-krediti jistgħu jinbiegħu fis-suq domestiku (suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ) jew jintużaw mod ieħor.

(39)

Applikazzjonijiet għal krediti tad-DEPBS jiġu arkivjati elettronikament u jistgħu jkopru ammont bla tmiem ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. De facto ma jeżistu ebda skadenzi stretti biex wieħed japplika għall-krediti tad-DEPBS. Is-sistema elettronika użata biex titħaddem id-DEPBS ma tħallix barra awtomatikament tranżazzjonijiet li jkunu lilhinn mill-iskadenza tal-perjodi ta’ sottomissjoni msemmija fil-kapitolu 4.47 HOP I 04-09. Barra minn hekk, kif ipprovdut b’mod ċar fil-kapitolu 9.3 HOP I 04-09 l-applikazzjonijiet li jaslu wara l-iskadenza għas-sottomissjonijiet jistgħu wkoll jitqiesu b’impożizzjoni ta’ multa (jiġifieri 10 % fuq id-dritt).

(d)   Kummenti fuq dak li nstab

(40)

Esportatur li kkoopera sostna fl-argument tiegħu li l-krediti DEPBS kollha miksuba mill-kumpanija ntużaw biex jiġu importati materjali użati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, minkejja li fil-prinċipju seta’ jużahom għal għanijiet oħra, kif intqal hawn fuq. Dan l-esportatur sostna li għalhekk l-użu tagħhom attwali tad-DEPBS kien, f’dan ir-rigward, konformi ma’ sistema normali ta’ ħlas lura ta’ dazju, u li għalhekk ir-rifużjoni żejda biss, jekk ikun hemm, għandha tiġi kkumpensata. Madankollu, skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tal-Anness I(i) tar-Regolament bażiku jekk il-kondizzjonijiet tal-Annessi II u III biss tar-Regolament bażiku huma sodisfatti jista’ jsir kumpens ta’ rifużjoni ta’ dazji. Dawn il-kondizzjonijiet, kif spjegat fil-premessa (43) ma kinux sodisfatti fil-każ attwali. Għalhekk, tapplika r-regola normali tal-kumpens tal-ammont ta’ dazji mhux imħallsa (dħul ċedut) aktar milli xi rifużjoni intenzjonata.

(e)   Konklużjonjiet dwar id-DEPBS

(41)

Id-DEPBS tipprovdi sussidji fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu tad-DEPBS huwa kontribut finanzjarju mill-GI, billi l-kreditu jintuża eventwalment biex ipatti għad-dazji ta’ importazzjoni, b’hekk jitnaqqas id-dħul tal-GI mid-dazju li kieku kien ikun dovut lilu. Barra minn hekk, il-kreditu tad-DEPBS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għaliex itejjeb il-likwidità.

(42)

Id-DEPBS hija kontinġenti fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk titqies bħala speċifika u kumpensatorja taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(43)

Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema ta’ sostituzzjoni ta’ ħlas lura ta’ dazju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti preskritti fl-Anness I partita (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi ta’ sostituzzjoni ta’ ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Esportatur ma għandu l-ebda obbligu li fil-fatt jikkonsma fil-proċess ta’ produzzjoni l-prodotti importati bla ħlas ta’ dazju u l-ammont ta’ kreditu mhuwiex ikkalkulat b’konnessjoni mal-prodotti li fil-fatt jintużaw fil-produzzjoni. Barra dan, ma titħaddem ebda sistema jew proċedura li tikkonferma liema prodotti huma kkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk sarx ħlas żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni fil-kuntest tal-partita (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Finalment, esportatur ikun eliġibbli għall-benefiċċji tad-DEPBS mingħajr ma jingħata kas jekk fil-fatt huwa jimportax oġġetti biex jidħlu fil-prodott. Sabiex jikseb il-benefiċċju, ikun biżżejjed għal esportatur li sempliċiment jesporta l-prodotti mingħajr ma jipprova li kien importat materjal biex jidħol fil-prodott. B’hekk, ukoll l-esportaturi li jakkwistaw lokalment dak kollu li jidħol fil-prodott u ma jimportaw l-ebda oġġett li jista’ jintuża fil-prodott jibqgħu intitolati li jibbenifikaw mid-DEPBS.

(f)   Il-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(44)

Skont l-Artikoli 2(2) u 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidji kumpensatorji ġie kkalkulat f’termini tal-benefiċċju mogħti lil min jirċievi, li nstab li jeżisti matul il-PIR. F’dan ir-rigward, tqies li l-benefiċċju jingħata lil min jirċievi fil-mument meta t-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni ssir taħt din l-iskema. F’dan il-waqt, il-GI jkun suġġett li jċedi d-dazji ta’ importazzjoni, li jikkostitwixxi kontribut finanzjarju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Malli l-awtoritajiet doganali jirrilaxxjaw polza ta’ esportazzjoni li turi, inter alia, l-ammont ta’ kreditu DEPBS li jrid jingħata għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, il-GI ma għandu ebda diskrezzjoni dwar jekk jagħtix jew le s-sussidju u ma għandu ebda diskrezzjoni dwar l-ammont tas-sussidju. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi li jikkooperaw ipprenotaw il-krediti DEPBS fuq bażi ta’ akkumulu bħala dħul fl-istadju tat-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni.

(45)

Meta saru talbiet iġġustifikati, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-krediti hekk stabbiliti biex wieħed jasal għall-ammonti tas-sussidju bħala n-numeratur, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju ġie allokat fuq il-fatturat kollu ta’ esportazzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(46)

Ir-rati ta’ sussidju stabbiliti fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-produtturi kkonċernati li jikkooperaw jammontaw għal 62 % u 57 %.

3.   L-Iskema tal-Beni Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (Export Promotion Capital Goods Scheme - “EPCGS”)

(a)   Bażi ġuridika

(47)

Id-deskrizzjoni fid-dettall tal-EPCGS tinsab fil-paragrafu 5 tal-politika EXIM 04-09 u fil-kapitolu 5 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibilità

(48)

Manifatturi-esportaturi, negozjanti-esportaturi “marbuta ma’” manifatturi sekondarji u fornituri ta’ servizzi huma eliġibli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(49)

Taħt il-kundizzjoni ta’ obbligu ta’ esportazzjoni, kumpanija titħalla timporta beni kapitali (ġodda u – minn April 2003 – beni kapitali diġà użati mhux eqdem minn 10 snin) b’rata mnaqqsa ta’ dazju. Għal dan il-għan il-GI, wara applikazzjoni u ħlas ta’ dritt, joħroġ liċenzja EPCGS. Sal-31 ta’ Marzu 2000, kien hemm rata ta’ dazju effettiva ta’ 11 % (inkluż ħlas barrani ta’ 10 %) u, fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ oġġetti ta’ valur għoli kienet tapplika rata ta’ dazju ta’ żero. Minn April 2000, l-iskema tipprovdi għal rata ta’ dazju ta’ importazzjoni mnaqqsa ta’ 5 % applikabbli għall-beni kapitali kollha importati taħt l-iskema. Biex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ esportazzjoni, il-beni kapitali importati jridu jintużaw biex jiġi prodott ċertu ammont ta’ prodotti għall-esportazzjoni matul ċertu perjodu.

(50)

Id-detentur ta’ liċenzja EPCGS jista’ wkoll ifittex il-beni kapitali minn pajjiżu stess. F’dan il-każ, il-manifattur indiġenu ta’ beni kapitali jista’ japprofitta ruħu mill-benefiċċju ta’ importazzjoni ħielsa mid-dazju ta’ komponenti meħtieġa għall-manifattura ta’ dawn il-beni kapitali. B’mod alternattiv, il-manifattur indiġenu jista’ jitlob il-benefiċċju ta’ prodotti meqjusa bħala esportazzjoni fir-rigward tal-provvista ta’ beni kapitali lid-detentur tal-liċenzja EPCGS.

(d)   Konklużjoni fuq l-iskema tal-EPCG

(51)

L-EPCGS tipprovdi sussidji fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis fid-dazju jikkostitwixxi kontribut finanzjarju mill-GI, billi din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul mid-dazju, li kieku kien ikun dovut lilu. Barra dan, it-tnaqqis fid-dazju jagħti benefiċċju lill-esportaturi, għaliex id-dazji ffrankati waqt l-importazzjoni jtejbu l-likwidità.

(52)

Barra minn hekk, l-EPCGS hija kontinġenti fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, billi dawn il-liċenzji ma jistgħux jinkisbu mingħajr impenn ta’ esportazzjoni. Għaldaqstant, titqies bħala speċifika u kumpensatorja taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(53)

Eventwalment, din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema ta’ sostituzzjoni ta’ ħlas lura ta’ dazju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-beni kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta’ sistemi permissibbli bħal dawn, kif stabbilit fl-Anness I, partita (i), tar-Regolament bażiku, għaliex mhumiex ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodotti għall-esportazzjoni.

(e)   Il-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(54)

L-ammont ta’ sussidju ġie kkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tad-dazju doganali mhux imħallas fuq il-beni kapitali importati mifrux fuq perjodu li jirrefletti l-perjodu normali ta’ deprezzament ta’ dawn il-beni kapitali. Skont il-prassi stabbilita, l-ammont ikkalkolat b’dan il-mod, li huwa attribwibbli lill-PIR, ġie aġġustat biż-żieda ta’ imgħax matul dan il-perjodu biex jirrifletti l-valur sħiħ tal-benefiċċju tul iż-żmien. Ir-rata ta’ imgħax kummerċjali fuq medda ta’ żmien twil matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni fl-Indja tqies xieraq għal dan il-għan. Fejn saru talbiet iġġustifikati, tnaqqsu d-drittijiet imħallsa kif meħtieġ biex jinkiseb is-sussidju skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex jintlaħaq l-ammont tas-sussidju bħala numeratur. Skont l-Artikolu 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju ġie allokat fuq il-fatturat ta’ esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(55)

Ir-rati ta’ sussidju stabbiliti fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-produtturi li jikkooperaw jammontaw għal 0,7 % u 0,3 %.

(f)   Kummenti dwar dak li nstab

(56)

Esportatur minn dawk li kkooperaw ġibed l-attenzjoni għal żball fil-metodoloġija li ntużat fil-bidu għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-EPCG, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont ta’ imgħax applikat. Dan l-iżball, li affettwa ż-żewġ esportaturi li kkooperaw, ġie rranġat.

4.   Skema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax Exemption Scheme - “ITES”)

Taqsima 80HHC tal-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul 1961 (Income Tax Act - “Ita”)

(57)

Skont din l-iskema l-esportaturi setgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni parzjali mit-taxxa fuq id-dħul fuq profitti ġejjin mill-bejgħ tal-esportazzjoni. Il-bażi legali għal din l-eżenzjoni ġiet stabbilita bit-Taqsima 80HHC tal-ITA.

(58)

Din id-dispożizzjoni ġiet abolita mis-sena ta’ stima 2005-2006 (jiġifieri għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) ’il quddiem u għalhekk l-80HHC tal-ITA ma tagħti ebda benefiċċju wara l-31 ta’ Marzu 2004. Il-produtturi esportaturi li jikkooperaw ma bbenefikawx minn xi benefiċċji taħt din l-iskema matul il-PIR. Bħala konsegwenza ta’ dan, billi l-iskema ġiet irtirata, mhix se jkollha għalhekk kumpens, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament.

Taqsima 80IA tal-ITA

(a)   Bażi ġuridika

(59)

L-iskema hija bbażata fuq it-Taqsima 80 I A tal-ITA. Din id-dispożizzjoni ddaħlet fl-ITA permezz tal-Att Finanzjarju tal-2001.

(b)   Eliġibilità

(60)

It-Taqsima 80 I A tal-ITA tapplika għall-kumpaniji impenjati fit-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ infrastruttura, inklużi l-produzzjoni u t-tqassim tal-enerġija, fi kwalunkwe parti tal-Indja.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(61)

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 80 I A tal-ITA, somma li tikkorrispondi għall-qligħ prodott mill-attivitajiet li jipproduċu l-enerġija hija eżentata mit-taxxa fuq il-qligħ, għal għaxar snin konsekuttivi fl-ewwel 15-il sena ta’ tħaddim tal-unità ta’ produzzjoni. L-unità kkonċernata trid tkun ġdida u bdiet titħaddem fl-1 ta’ April 2003 jew wara u sal-31 ta’ Marzu 2010.

(62)

Il-kalkolu tat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul jifforma parti mid-denunzja tat-taxxa annwali, u jidħol fil-verifika tal-kontijiet flimkien mal-ħruġ u d-dħul u dikjarazzjonijiet finanzjarji oħra. Irid ikun konformi mar-regoli stipulati fl-ITA, jiġifieri li l-evalwazzjoni ta’ kontabilità tal-elettriku prodott trid tirrifletti l-valur tiegħu fis-suq. Huwa xogħol l-awtoritajiet tat-Taxxa tad-Dħul li jivverifikaw jekk il-kalkolu tat-tnaqqis tat-taxxa tad-dħul huwiex skont ir-regoli tal-ITA u l-kontabilità vverifikata tal-kumpaniji. L-investigazzjoni tat xhieda li l-awtoritajiet ivverifikaw fil-prattika l-kalkolu u għamlu tibdil fil-kalkoli meta kien iġġustifikat.

(63)

L-investigazzjoni wriet li ż-żewġ produtturi esportaturi investigati waqqfu impjanti tal-elettriku għall-konsum tagħhom stess bħala parti mill-unitajiet tagħhom ta’ produzzjoni tal-grafita. Għaldaqstant huma talbu t-tnaqqis korrispondenti fit-taxxa tad-dħul, skont id-dispożizzjonijiet tal-ITA.

(d)   Konklużjoni dwar l-ITES skont it-Taqsima 80 I A tal-ITA

(64)

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul hija sussidju fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri kontribut finanzjarju tal-GI li ta benefiċċju lill-esportaturi investigati.

(65)

Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-aċċess għall-ITES skont it-Taqsima 80 I A tal-ITA mhuwiex limitat għal ċerti intrapriżi fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku. Din l-iskema tidher li hija disponibbli għall-kumpaniji kollha fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Ma nstabet lanqas xi evidenza oħra f’dan il-każ li l-iskema hija speċifika.

(66)

Barra minn hekk, hija marbuta ma’ prodott (l-elettriku) li mhuwiex il-prodott ikkonċernat u l-benefiċċji skont l-iskema għalhekk jiġu fuq il-bażi ta’ attività li mhijiex il-produzzjoni ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, qiegħed jitqies li xi benefiċċji li jakkumulaw għall-esportaturi kkonċernati taħt din l-iskema ma għandhomx jiġu kkumpensati.

5.   Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku (Electricity Duty Exemption - “EDE”)

(67)

Skont il-Politika għall-Promozzjoni tal-Industrija tal-2004, l-Istat ta’ Madhya Pradesh (“MP”) joffri eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku lill-kumpaniji industrijali li jinvestu fil-produzzjoni tal-elettriku għall-konsum tagħhom stess.

(a)   Bażi ġuridika

(68)

Id-deskrizzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku applikata mill-Gvern tal-MP tinsab fit-Taqsima 3-B tal-Att dwar id-Dazju fuq l-Elettriku tal-1949.

(b)   Eliġibilità

(69)

Kull industrija li tinsab fil-ġurisdizzjoni tal-Gvern tal-MP li tinvesti f’impjanti ġodda ta’ elettriku għall-konsum tagħha stess.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(70)

Skont notifika tad-29 ta’ Settembru 2004 tal-Gvern tal-MP, kumpaniji jew persuni li jinvestu f’impjanti ġodda ta’ elettriku għall-konsum tagħhom stess ta’ kapaċità ta’ aktar minn 10 KW jistgħu jiksbu mill-Ispettorat għall-Elettriku tal-MP ċertifikat ta’ eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku. L-eżenzjoni tingħata biss għal elettriku prodott għall-awtokonsum, u biss jekk l-impjant ġdid ta’ elettriku għall-awtokonsum ma jkunx biex jieħu post impjant qadim. L-eżenzjoni tingħata għal perjodu ta’ ħames snin.

(71)

Notifika mill-Gvern tal-MP bid-data tal-5 ta’ April 2005 eżentat l-impjant ġdid ta’ elettriku stabbilit minn wieħed mill-produtturi esportaturi li jikkooperaw f’din l-investigazzjoni mid-dazju fuq l-elettriku għal perjodu ta’ għaxar snin.

(d)   Kummenti fuq dak li nstab

(72)

Esportatur li kkoopera li ngħatatlu eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku sostna li l-iskema EDE mhijiex speċifika, u hija applikata mingħajr diskriminazzjoni lill-kumpaniji kollha eliġibbli. Skont dan l-esportatur, il-politika inizjali ta’ għoti ta’ eżenzjoni għal ħames snin ġiet riveduta sussegwentement mill-Gvern ta’ Madhya Pradesh biex tingħata eżenzjoni ta’ għaxar snin. Madankollu, ebda notifika ppubblikata ma ntbagħtet dwar din il-bidla ta’ politika la mill-esportatur li jikkoopera lanqas mill-GI fit-tweġibiet tagħhom.

(e)   Konklużjoni dwar l-iskema tal-EDE

(73)

Din l-iskema hija sussidju fil-kuntest tal-Artikoli 2(1)(a)(i) u 2(2) tar-Regolament bażiku. Hija tikkostitwixxu kontribut finanzjarju mill-Gvern tal-MP peress li dan l-inċentiv inaqqas id-dħul tal-Istat li kien ikollu jitħallas. Barra minn hekk, tagħti benefiċċju lill-kumpanija li tirċevih.

(74)

Għalkemm il-Politika għall-Promozzjoni tal-Industrija tal-2004 u n-notifika tal-Gvern tal-MP tad-29 ta’ Settembru 2004 jipprevdu perjodu ta’ eżenzjoni ta’ ħames snin, il-produttur esportatur ikkonċernat ingħata eżenzjoni ta’ għaxar snin. Għalhekk, dan l-inċentiv ma jidhirx li ngħata skont kriterji u kondizzjonijiet stabbiliti b’mod ċar b’liġi, regolament jew xi dokument uffiċjali ieħor.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(75)

Il-benefiċċju għall-produttur esportatur ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-ammont ta’ dazju fuq l-elettriku li normalment jitħallas matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni iżda li baqa’ ma tħallasx taħt din l-iskema. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju (numeratur) ġie mbagħad allokat fuq il-bejgħ kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni (denominatur), għaliex huwa marbut mal-bejgħ kollu, domestiku u għall-esportazzjoni, u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(76)

Marġini ta’ sussidju ta’ 0,7 % ġie b’hekk stabbilit għal kumpanija waħda li rċiviet benefiċċji skont l-EDE.

III.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(77)

Ta’ min ifakkar li fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 l-ammont ta’ sussidji kumpensatorji, espressi ad valorem, instab li kien 15,7 % u 7 % rispettivament għaż-żewġ produtturi esportaturi li jikkooperaw mar-reviżjoni parzjali interim attwali.

(78)

Matul din ir-reviżjoni parzjali interim l-ammonti ta’ sussidji kumpensatorji, espressi ad valorem, instabu li kienu kif jidhru hawn taħt:

Kumpanija

ALS

DEPB

EPCG

EDE

Total

Graphite India Ltd.

xejn

6,2  %

0,1  %

xejn

6,3  %

HEG Ltd.

0,3  %

5,7  %

0,5  %

0,7  %

7,2  %

IV.   Miżuri kompensatorji

(79)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku anti-sussidju u r-raġunijiet ta’ din ir-reviżjoni interim parzjali msemmija fil-punt 3 tal-avviż ta’ bidu, huwa stabbilit li l-livell ta’ sussidju fir-rigward tal-produtturi li jikkooperaw inbidel u għaldaqstant ir-rata ta’ dazju kompensatorju impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 trid tiġi emendata skont dan.

(80)

Id-dazju kompensatorju li qed jiġi rivedut huwa r-riżultat ta’ investigazzjonijiet paralleli anti-sussidju u anti-dumping (“l-investigazzjonijiet oriġinali”). Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunitajiet Ewropej (5), id-dazji anti-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 ġew aġġustati sal-punt li l-ammonti ta’ sussidju u l-marġini ta’ dumping ħarġu mill-istess sitwazzjoni.

(81)

L-iskemi ta’ sussidju investigati u misjuba li kienu kompensatorji fil-proċediment tar-reviżjoni attwali, għajr għall-EDE, ikkostitwixxew sussidji fuq l-esportazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(82)

Huwa għalhekk xieraq li d-dazju anti-dumping jiġi aġġustat mill-ġdid biex jirrifletti l-livelli ġodda ta’ sussidju misjuba f’din ir-reviżjoni, għal dawk li huma sussidji fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-livell ta’ dazji kompensatorji ma għandux ikun ogħla mill-marġini tat-tneħħija tal-ħsara misjub fl-investigazzjoni oriġinali. Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, billi l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli (100 %) il-marġini ta’ sussidju li baqa’ ġie ssettjat fil-livell tal-kumpanija bl-ogħla marġini individwali.

(83)

Skont dan, il-livelli ta’ dazji kompensatorji u anti-dumping għandhom jiġu aġġustati kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ sussidju

Marġni ta’ dumping

Marġni ta tneħħija ta’ ħsara

Dazju kompensatorju

Dazju anti-dumping

Graphite India Ltd.

6,3  %

31,1  %

15,7  %

6,3  %

9,4  %

HEG Ltd.

7,2  %

24,4  %

7,0  %

7,0  %

0  %

L-oħrajn kollha

7,2  %

31,1  %

15,7  %

7,2  %

8,5  %

(84)

Esportatur li kkoopera sostna li billi r-reviżjoni parzjali attwali kienet limitata għal-livell ta’ sussidjar, id-dazji ta’ anti-dumping ma għandhomx jiġu modifikati.

(85)

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li fl-avviż ta’ inizjazzjoni tar-reviżjoni attwali kien mistqarr li “għal dawk il-kumpaniji li huma suġġetti kemm għal miżuri ta’ anti-dumping kif ukoll ta’ kumpens, il-miżura ta’ anti-dumping tista’ tiġi aġġustata skont dan, jekk ikun hemm tibdil fil-miżura ta’ kumpens.” It-tibdil fid-dazji ta’ anti-dumping mhux riżultat ta’ xi konklużjonijiet ġodda dwar il-livell ta’ dumping, iżda konsegwenza awtomatika tal-fatt li l-marġinijiet oriġinali ta’ dumping ġew aġġustati biex jirriflettu l-livell ta’ sussidji fuq l-esportazzjoni misjub, u li dawn tal-aħħar issa ġew riveduti.

(86)

Ir-rati individwali ta’ dazju kompensatorju tal-kumpaniji speċifikati f’dan ir-Regolament jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt ir-reviżjoni parzjali interim. Għalhekk, huma applikabbli biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat magħmul minn dawn il-kumpaniji. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet marbuta ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(87)

Kull talba biex ikunu applikati dawn ir-rati ta’ dazju kompensatorju individwali (eż wara bidla fl-isem tal-entità jew wara li jkunu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (6) bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikulari kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta ma’ produzzjoni, bejgħ domestiku jew esportazzjoni, marbuta, ngħidu aħna, ma’ din il-bidla fl-isem jew din il-bidla f’dawk l-entitajiet ta’ produzzjoni jew bejgħ. Jekk ikun xieraq, u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza, il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li temenda r-Regolament skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1628/2004 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-rata tad-dazju kompensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett bla ħlas fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti tal-kumpaniji li ġejjin, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Graphite India Limited (GIL), 31 Chowringhee Road, Kolkatta — 700016, West Bengal

6,3  %

A530

Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited, Bhilwara Towers, A-12, Sector- 1, Noida — 201301, Uttar Pradesh

7,0  %

A531

L-oħrajn kollha

7,2  %

A999 ”

Artikolu 2

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1629/2004 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett bla ħlas fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, għall-prodotti tal-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Graphite India Limited (GIL), 31 Chowringhee Road, Kolkatta — 700016, West Bengal

9,4  %

A530

Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited, Bhilwara Towers, A-12, Sector- 1, Noida — 201301, Uttar Pradesh

0  %

A531

L-oħrajn kollha

8,5  %

A999 ”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 295, 18.9.2004, p. 4.

(3)  ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10.

(4)  ĠU C 230, 2.10.2007, p. 9.

(5)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea – Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ – Id-Direttorat H – Uffiċċju N-105 4/92, 1049 Brussell, Il-Belġju.


Top