Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1339

Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Tfassil mill-ġdid)

ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1339/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/82


REGOLAMENT (KE) Nru 1339/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

(Tfassil mill-ġdid)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Strasburgu fit-8 u d-9 ta' Diċembru 1989, talab lill-Kunsill sabiex fil-bidu ta' l-1990, jaddotta id-deċiżjonijiet neċessarji għall-istabbiliment ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, fis-7 ta' Mejju 1990, il-Kunsill addotta il-Regolament (KEE) Nru 1360/90.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3) ġie emendat sostanzjalment kemm-il darba. Ladarba għandhom isiru aktar emendi, għandu jiġi mfassal mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza.

(3)

Fit-18 ta' Diċembru 1989 il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 dwar għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk (4) li pprovda għal għajnuna f'oqsma li jinkludu t-taħriġ sabiex jissaħħaħ il-proċess ta' riforma ekonomika u soċjali fl-Ungerija u l-Polonja.

(4)

Il-Kunsill sussegwentement estenda din l-għajnuna lil pajjiżi oħra fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant taħt atti legali rilevanti.

(5)

Fis-27 ta’ Lulju 1994, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2063/94 (5) li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil-għan li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ l-Istati li jirċievu assistenza taħt ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2053/93 tad-19 ta' Lulju 1993 dwar l-għoti ta' assistenza teknika għar-riforma u r-risanament ta' l-ekonomiji ta' l-Istati indipendenti ta' l-ex Unjoni Sovjetika u tal-Mongolja (6) (il-Programm TACIS).

(6)

Fis-17 ta’ Lulju 1998, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1572/98 (7) li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil- ħsieb li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ il-pajjiżi u t-territorji Mediterranji extra-Komunitarji li huma benefiċjarji tal-miżuri finanzjarji u tekniċi sabiex dawn jakkumpanjaw ir-riforma ta' l- ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96 tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-miżuri finanzjarji u tekniċi sabiex dawn jakkumpanjaw (MEDA) ir-riforma ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja (8).

(7)

Fil-5 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2666/2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, għall-Bożnja u Ħerzegovina, għall-Kroazja, għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (9) li emenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil-għan li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ l-Istati Balkani tal-Punent koperti mir-Regolament (KE) Nru 2666/2000.

(8)

Il-programmi ta’ assistenza esterna relatati mal-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandhom jiġu sostitwiti mill-istrumenti l-ġodda tal-politika tar-relazzjonijiet esterni, primarjament l-istrument stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (10) u l-istrument stabbilit mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (11).

(9)

Permezz ta’ l-appoġġ ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni, l-Unjoni Ewropea tagħti kontribut għall-iżvilupp f’dawn il-pajjiżi billi tipprovdi l-ħiliet meħtieġa għat-tkattir tal-produttività u l-impjiegi u tappoġġa l-koeżjoni soċjali billi tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika.

(10)

Fil-kuntest ta' l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi sabiex jirriformaw l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom, l-iżvilupp tal-kapital uman huwa essenzjali għall-kisba ta' stabbiltà u prosperità għall-perijodu fit-tul u b'mod partikolari għall-kisba ta' ekwilibriju soċjoekonomiku.

(11)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tista’ tagħti kontribut importanti fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, lejn żvilupp aħjar tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva ta’ tagħlim matul il-ħajja.

(12)

Sabiex tagħti l-kontribut tagħha, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ikollha tirrikorri għall-esperjenza li akkwistat fl-UE fir-rigward ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja u għal dawk l-istituzzjonijiet tagħha li huma nvoluti f’din l-attività.

(13)

Fil-Komunità u f'pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, jeżistu faċilitajiet reġjonali u/jew nazzjonali, pubbliċi u/jew privati li jistgħu jintalbu jikkollaboraw fl-għoti effettiv ta' għajnuna fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja.

(14)

L-istat u l-istruttura tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tiffaċilita rispons flessibbli għar-rekwiżiti speċifiċi u varjati tal-pajjiżi individwali li għandhom ikunu assistiti, u jippermettulha li taqdi l-funzjonijiet tagħha f'koperazzjoni mill-qrib ma’ l-entitajiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti.

(15)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha jkollha personalità ġuridika, u fl-istess waqt iżżomm fil-kompożizzjoni tagħha relazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u tirrispetta r-responsabbilitajiet politiċi u operattivi ġenerali tal-Komunità u ta' l-istituzzjonijiet tagħha.

(16)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha jkollha rabtiet mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), ma’ l-Iskema ta' Mobbiltà Trans-Ewropea għall-Istudji Universitarji (Tempus) u kwalunkwe skema oħra stabbilita mill-Kunsill sabiex tipprovdi għajnuna fil-qasam tat-taħriġ lill-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tagħha.

(17)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Komunità u li jħaddnu l-impenn tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-għoti ta' għajnuna lill- pajjiżi koperti mill-attivitjiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja, taħt arranġamenti li għandhom isiru fi ftehim bejn il-Komunità u dawn l-istess pajjiżi.

(18)

L-Istati Membri kollha, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jiġu rrappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija sabiex jissorveljaw effettivament il-funzjonijiet tal-Fondazzjoni.

(19)

Sabiex ikunu garantiti l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-Fondazzjoni, din għandha tingħata baġit awtonomu li d-dħul tiegħu jiġi primarjament minn kontribuzzjoni Komunitarja. Il-proċedura Komunitarja tal-baġit għandha tkun applikabbli safejn għandhom x’jaqsmu l-kontribuzzjoni Komunitarja u kull sussidju ieħor li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti ta' l-Awdituri.

(20)

Il-Fondazzjoni hija entità mwaqqfa mill-Komunitajiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 185 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”) u għandha tadotta r-regoli finanzjarji tagħha kif meħtieġ.

(21)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (13) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju Qafas”) għandu japplika għall-Fondazzjoni.

(22)

Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14), għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni għall-Fondazzjoni.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (15) għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (16) għandu japplika għall-ipproċessar tad-data mill-Fondazzjoni.

(25)

Skond id-Deċiżjoni tad-29 ta' Ottubru 1993, meħuda bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-livelli ta' Kap ta' Stat u ta' Gvern, dwar il-post tas-sede ta' ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Europol (17), il-Fondazzjoni għandu jkollha s-sede tagħha f'Turin ġewwa l-Italja.

(26)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l- assistenza lil pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(27)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni”) hija b'dan stabbilita. L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi, fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, sabiex ittejjeb l-iżvilupp tal-kapital uman, fil-pajjiżi li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi eliġibbli għall-appoġġ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 u taħt atti ġuridiċi relatati sussegwenti;

(b)

il-pajjiżi eliġibbli għall-appoġġ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 u taħt atti ġuridiċi relatati sussegwenti;

(c)

pajjiżi oħra nominati mid-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi ta' proposta appoġġata minn żewġ terzi tal-membri tiegħu u opinjoni tal-Kummissjoni, u koperti minn strument Komunitarju jew ftehim internazzjonali li jinkludi element ta' żvilupp tal-kapital uman, u safejn jippermettu r-riżorsi disponibbli.

Il-pajjiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) huma b'dan nominati bħala “pajjiżi msieħba”.

2.   Għall-fini ta' dan ir-Regolament, “l-iżvilupp tal-kapital uman” għandu jkun definit bħala “ħidma li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwu permezz tat-titjib tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.”

3.   Sabiex jinkiseb l-għan tagħha, il-Fondazzjoni tista' tipprovdi assistenza lill-pajjiżi msieħba

(a)

fir-rigward ta': il-faċilitazzjoni ta' l-adattament għat-tibdil industrijali, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ vokazzjonali mill-ġdid;

(b)

it-titjib tat-taħriġ vokazzjonali inizjali u dak kontinwu sabiex ikunu faċilitati l-integrazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

(c)

il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u l-inkoraġġiment tal-mobbiltà ta' dawk li jħarrġu u ta' dawk imħarrġa u b'mod partikolari taż-żgħażagħ;

(d)

l-istimolu tal-koperazzjoni fir-rigward tat-taħriġ bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-intrapriżi;

(e)

l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi tat-taħriġ ta' l-Istati Membri;

(f)

iż-żieda fl-adattabbiltà tal-ħaddiema, b'mod partikolari permezz ta' parteċipazzjoni akbar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja;

(g)

it-tfassil, l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' l-impjegabbiltà u tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol.

Artikolu 2

Funzjonijiet

Bil-għan li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(1), il-Fondazzjoni, fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Bord tat-Tmexxija, u filwaqt li ssegwi l-linji gwida ġenerali stabbiliti fil-livell Komunitarju, għandha jkollha l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta' informazzjoni, ta' analiżi tal-politika u ta' pariri dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

(b)

il-promozzjoni tal-konoxxenza u l-analiżi tal-ħtiġijiet ta' kompetenzi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u lokali;

(c)

appoġġ lill-partijiet interessati rilevanti fil-pajjiżi msieħba fil-bini tal-kapaċità fl-iżvilupp tal-kapital uman;

(d)

faċilitazzjoni ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-esperjenza fost id-donaturi involuti fir-riforma ta' l-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

(e)

appoġġ fit-twassil ta' l-assistenza Komunitarja lil pajjiżi msieħba fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman;

(f)

disseminazzjoni ta' informazzjoni u tħeġġig tan-netwerking u tal-iskambji ta' esperjenza u prassi tajba bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba u fost il-pajjiżi msieħba dwar kwistjonijiet ta' l-iżvilupp tal-kapital uman;

(g)

kontribut, fuq talba tal-Kummissjoni, lejn l-analiżi ta’ l-effikaċja globali ta’ l-assistenza f'taħriġ lill-pajjiżi msieħba;

(h)

it-twettiq ta' kompiti oħra skond kif jiġi miftiehem bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ġenerali ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha personalità ġuridika u għandha tgawdi f'kull wieħed mill-Istati Membri l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tista' tingħata lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħha. Il-Fondazzjoni tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali. Il-Fondazzjoni ma għandhiex taħdem għall-profitt.

2.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha s-sede tagħha f’Turin, l-Italja.

3.   Il-Fondazzjoni għandha tikkopera mal-korpi l-oħra rilevanti tal-Komunità bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Il-Fondazzjoni għandha tikkopera, b’mod partikolari, maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma annwali konġunt anness mal-programm ta’ ħidma annwali ta’ kull waħda miż-żewġ aġenziji bil-għan li tkun promossa s-sinerġija u l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet tagħhom.

4.   Ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew li huma diġà attivi fil-ħidma ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tat-taħriġ, jistgħu, fejn ikun il-każ, jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Fondazzjoni.

5.   Il-Fondazzjoni għandha tkun suġġetta għall-kontroll amministrattiv ta’ l-Ombudsman Ewropew, skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 195 tat-Trattat.

6.   Il-Fondazzjoni tista’ tistabbilixxi strumenti ta' ftehim ta’ koperazzjoni ma’ entitajiet rilevanti oħra attivi fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman fl-UE u madwar d-dinja. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dawn l-istrumenti ta' ftehim fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha. L-arranġamenti ta’ ħidma inklużi fihom għandhom ikunu konformi mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 4

Trasparenza

1.   Il-Fondazzjoni għandha taġixxi b’livell għoli ta’ trasparenza u tikkonforma, b' mod partikolari, ma l-paragrafi 2 sa 4.

2.   Il-Fondazzjoni għandha tippubblika fi żmien sitt xhur mill-istabbiliment tal-Bord tat-Tmexxija tagħha:

(a)

ir-regoli ta’ proċedura tal-Fondazzjoni u dawk tal-Bord tat-Tmexxija;

(b)

ir-rapport annwali ta' l-attività tal-Fondazzjoni.

3.   Fejn ikun il-każ, il-Bord tat-Tmexxija jista' jawtorizza rappreżentanti tal-partijiet interessati sabiex jattendu laqgħat ta' l-entitajiet tal-Fondazzjoni fil-kapaċità ta' osservaturi.

4.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Fondazzjoni.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4), il-Fondazzjoni ma għandhiex tiżvela lil partijiet terzi informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali li tkun irċeviet, li għaliha jkun intalab u ġie ġġustifikat trattament kunfidenzjali.

2.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tas-sigriet professjonali msemmi fl-Artikolu 287 tat-Trattat.

3.   L-informazzjoni miġbura mill-Fondazzjoni skond l-att bażilari tagħha għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 6

Rimedji

Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Fondazzjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' ilment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 7

Il-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha Bord tat-Tmexxija li jkun jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll tliet esperti li ma jivvutawx maħtura mill-Parlament Ewropew.

Addizzjonalment, tliet rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi.

Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu sostitwiti minn supplenti, maħtura fl-istess waqt.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom kull wieħed jaħtru r-rappreżentant tagħhom u s-supplenti tagħhom għall-Bord tat-Tmexxija.

Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati proposti minn dawk il-pajjiżi abbażi ta’ l-esperjenza u l-konoxxenza esperta tagħhom fl-oqsma ta' ħidma tal-Fondazzjoni.

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu sabiex jiksbu rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa fuq il-Bord tat-Tmexxija.

3.   It-terminu tal-mandat tar-rappreżentanti għandu jkun ta' ħames snin. Għandu jkun jista' jiġġedded darba.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi presedut minn wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. It-terminu tal-mandat tal-President għandu jiskadi meta tintemm is-sħubija tiegħu jew tagħha fil-Bord tat-Tmexxija.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 8

Regoli ta' votazzjoni u dmirijiet tal-President

1.   Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fuq il-Bord tat-Tmexxija għandhom ikollhom vot wieħed kull wieħed. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikollhom vot wieħed kondiviż bejniethom.

Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jeħtieġu maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkollhom dritt jivvutaw, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi, b'deċiżjoni unanima tal-membri tiegħu li jkollhom dritt jivvutaw, ir-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Fondazzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċess u l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha interessati fil-ħidma tal-Fondazzjoni.

3.   Il-President għandu jlaqqa’ lill-Bord tat-Tmexxija mill-inqas darba fis-sena. Aktar laqgħat jistgħu jissejħu fuq talba ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija li jkollhom jivvutaw.

Il-President għandu jkun responsabbli sabiex jinforma lill-Bord tat-Tmexxija b'attivitajiet oħra tal-Komunità rilevanti għax-xogħol tal-Bord u bl-aspettattivi tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni fis-sena li tkun ġejja.

Artikolu 9

Setgħat tal-Bord tat-Tmexxija

Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu l-funzjonijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jaħtar u, fejn ikun meħtieġ, ineħħi lid-Direttur skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(5);

(b)

li jeżerċita awtortità dixxiplinarja fuq id-Direttur;

(c)

li jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha, skond l-Artikolu 12;

(d)

li jfassal stima annwali ta’ nefqa u dħul għall-Fondazzjoni u jgħaddiha lill-Kummissjoni;

(e)

li jadotta l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment u l-baġit definittiv tal-Fondazzjoni wara t-tlestija tal-proċedura annwali tal-baġit, skond l-Artikolu 16;

(f)

li jadotta r-rapport annwali tal-Fondazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 u jibgħatu lill-istituzzjonijiet tal-Kommunita' u lill-Istati Membri;

(g)

li jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha;

(h)

li jadotta r-regoli finanzjarji tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur tal-Fondazzjoni wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha, skond l-Artikolu 19;

(i)

li jadotta l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Direttur

1.   Id-Direttur tal-Fondazzjoni għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija għal perijodu ta' ħames snin minn lista ta’mill-inqas tliet kandidati ppreżentata mill-Kummissjoni. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu/tagħhom.

Matul l-aħħar disa' xhur ta’ dak il-perijodu ta' ħames snin, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni minn qabel minn esperti esterni, għandha tagħmel evalwazzjoni, b’mod partikolari, ta' dawn li ġejjin:

il-prestazzjoni tad-Direttur;

id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Fondazzjoni fis-snin li jkunu ġejjin.

Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, u filwaqt li jqis ir-rapport ta' evalwazzjoni u f'dawk il-każijiet biss fejn ikun ġustifikabbli mid-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Fondazzjoni, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux iktar minn tliet snin.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fix-xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tagħhom.

Jekk il-mandat tiegħu ma jiġix estiż, id-Direttur għandu jibqa’ fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar abbażi tal-mertu, tal-ħiliet amministrattivi u maniġerjali u tal-konoxxenza esperta u esperjenza fil-qasam tal-ħidma tal-Fondazzjoni.

3.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.

4.   Id-Direttur għandu jkollu l-funzjonijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jħejji, abbażi tal-linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Kummissjoni, l-abozz tal-programm ta’ ħidma annwali, l-abbozz ta' l-istima għall-infiq u d-dħul tal-Fondazzjoni, l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura tagħha u dawk tal-Bord tat-Tmexxija, l-abbozz tar-regoli finanzjarji tagħha u l-ħidma tal-Bord tat-Tmexxija, u ta' kwalunkwe grupp ta' ħidma ad hoc imlaqqa' mill-Bord tat-Tmexxija;

(b)

li jieħu sehem, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija;

(c)

li jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija;

(d)

li jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Fondazzjoni u jirrispondi għar-rikjesti ta’ assistenza mill-Kummissjoni;

(e)

li jwettaq id-dmirijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti, skond l-Artikoli 33 sa 42 tar-Regolament Finanzjarju Qafas;

(f)

li jimplimenta l-baġit tal-Fondazzjoni;

(g)

li jistabbilixxi sistema effikaċi ta’ monitoraġġ sabiex ikunu jistgħu jsiru l-evalwazzjonijiet regolari msemmija fl-Artikolu 24 u, fuq din il-bażi, iħejji abbozz ta’ rapport t'attivita' annwali;

(h)

li jippreżenta r-rapport annwali ta' l-attivitajiet lill-Parlament Ewropew;

(i)

li jieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-persunal, u partikolarment, jeżerċita s-setgħat previsti fl-Artikolu 21;

(j)

li jiddefinixxi l-istruttura organizzattiva tal-Fondazzjoni u jippreżentaha lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(k)

li jirrappreżenta lill-Fondazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill skond l-Artikolu 18.

5.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu quddiem il-Bord tat-Tmexxija, li jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jneħħi lid-Direttur mill-kariga tiegħu qabel ma jkun skadielu l-mandat.

Artikolu 11

Interess pubbliku u indipendenza

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur għandhom jaġixxu fl-interess tal-pubbliku u indipendentement minn kwalunkwe influwenza esterna. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub ta' l-impenn tagħhom u dikjarazzjoni bil-miktub ta' l-interessi tagħhom kull sena.

Artikolu 12

Programm ta' ħidma annwali

1.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti ma' l-għan, l-ambitu u l-funzjonijiet tal-Fondazzjoni kif definiti fl-Artikoli 1 u 2.

2.   Il-programm tal-ħidma annwali għandu jiġi abbozzat fi ħdan il-qafas ta’programm ta' ħidma pluriennali ta' erba' snin f’koperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-prijoritajiet tar-relazzjonijiet esterni mal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati u abbażi ta' l-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni u t-taħriġ ġewwa l-Komunità.

3.   Il-proġetti u attivitajiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali għandhom ikunu akkumpanjati minn stima tan-nefqa meħtieġa u minn allokazzjonijiet ta' persunal u ta' riżorsi baġitarji.

4.   Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali lill-Bord tat-Tmexxija wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha dwaru.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru tas-sena preċedenti. L-adozzjoni finali tal-programm ta’ ħidma annwali għandha ssir fil-bidu tas-sena finanzjarja konċernata.

6.   Meta jkun meħtieġ, il-programm ta’ ħidma annwali jista’ jiġi adattat matul is-sena billi tiġi użata l-istess proċedura sabiex tiġi żgurata effikaċja akbar tal-politika Komunitarja.

Artikolu 13

Rapport ta' attività annwali

1.   Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-qadi ta' dmirijietu permezz ta' rapport ta' attività annwali.

2.   Ir-rapport ta' attivita' annwali għandu jkun fih informazzjoni finanzjarja u maniġerjali li tindika r-riżultati ta’ l-operazzjonijiet b’referenza għall-programm ta' ħidma annwali u l-għanijiet stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawk l-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u l-mod kif ħadmet is-sistema interna tal-kontroll.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jabozza analiżi u evalwazzjoni tar-rapport ta' attività annwali tas-sena finanzjarja preċedenti.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-rapport ta' attività annwali tad-Direttur u jgħaddih flimkien ma’ l-analiżi u l-evalwazzjoni tiegħu lill-korpi kompetenti fil-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju tas-sena sussegwenti. Ir-rapport għandu jintbagħat ukoll lill-Istati Membri u, għall-informazzjoni, lill-pajjiżi msieħba.

5.   Id-Direttur għandu jippreżenta r-rapport ta' attività annwali tal-Fondazzjoni quddiem il-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u l-korpi preparatorji tal-Kunsill.

Artikolu 14

Rabtiet ma' azzjonijiet Komunitarji oħra

Il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija għandha tiżgura konsistenza u komplementarjetà bejn il-ħidma tal-Fondazzjoni u azzjonijiet oħra fil-livell Komunitarju, kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll fl-għoti ta' assistenza lill-pajjiżi msieħba

Artikolu 15

Baġit

1.   Għandha tiġi mħejjija stima tad-dħul u l-infiq kollu tal-Fondazzjoni għal kull sena finanzjarja u għandha tiġi murija fil-baġit tal-Fondazzjoni, li għandu jinkludi pjan ta' stabbiliment. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

2.   Id-dħul u l-infiq murija fil-baġit tal-Fondazzjoni għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   Id-dħul tal-Fondazzjoni għandu jinkludi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' dħul, sussidju mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, pagamenti magħmula bħala remunerazzjoni għal servizzi mwettqa kif ukoll finanzjament minn sorsi oħra.

4.   Il-baġit għandu jinkludi wkoll dettalji ta' kwalunkwe tip ta' fondi li jkunu saru disponibbli mill-pajjiżi msieħba stess għal proġetti li jgawdu minn assistenza finanzjarja mill-Fondazzjoni.

Artikolu 16

Proċedura baġitarja

1.   Kull sena, il-Bord tat-Tmexxija, abbażi ta' l-abbozz imħejji mid-Direttur, għandu jipproduċi stima tad-dħul u ta’ nfiq tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja sussegwenti. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tkun mgħoddija mill-Bord tat-Tmexxija lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-istima, filwaqt li tqis il-limiti proposti ta’ l-ammont globali disponibbli għall-azzjonijiet esterni, u ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea r-riżorsi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejħa flimkien “l-awtorità baġitarja”) flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju li jingħata lill-Fondazzjoni.

L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment tal-Fondazzjoni.

5.   Il-baġit tal-Fondazzjoni għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Dan il-baġit għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk ikun meħtieġ, il-baġit tal-Fondazzjoni għandu jiġi aġġustat skond il-ħtieġa.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, mill-aktar fis possibli, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tal-Fondazzjoni, partikolarment kwalunkwe proġett relatat mal-proprjetà bħal kiri jew xiri ta' bini. Għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni.

Fejn fergħa ta’ l-awtorità baġitarja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, din għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord tat-Tmexxija fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 17

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Fondazzjoni għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandhom jintbagħtu wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit tal-Fondazzjoni.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Fondazzjoni li jaqgħu taħt ir-responsibbiltà tiegħu u jgħaddihom lill-Bord tat-Tmexxija għall-opinjoni tiegħu.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Fondazzjoni.

6.   Id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jgħaddi dawn il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu pubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri risposta għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru ta' wara kull sena finanzjarja. Għandu wkoll jibgħat dik ir-risposta lill-Bord tat-Tmexxija.

9.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

11.   Id-Direttur għandu jieħu l-passi adatti kollha li jkunu mitluba, mill-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza.

Artikolu 18

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 17 u, partikolarment il-proċeduri baġitarji u ta' kwittanza, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu fi kwalunkwe waqt li ssir seduta mad-Direttur dwar kwalunkwe suġġett marbut ma’ l-attivitajiet tal-Fondazzjoni.

Artikolu 19

Regoli Finanzjarji

1.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Finanzjarju Qafas sakemm dan ma jkunx rikjest speċifikament għall-operat tal-Fondazzjoni u mhux qabel jingħata l-kunsens mill-Kummissjoni.

2.   Skond l-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju, il-Fondazzjoni għandha tapplika r-regoli tagħha tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni sabiex il-kontijiet tagħha jkunu jistgħu jiġu kkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni.

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandu japplika għall-Fondazzjoni fl-intier tiegħu.

4.   Il-Fondazzjoni għandha tirrispetta l-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (18). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jgħin lill-OLAF iwettaq dawn l-investigazzjonijiet interni.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandu japplikagħall-Fondazzjoni.

Artikolu 21

Ir-Regolamenti tal-Persunal

1.   Il-persunal tal-Fondazzjoni għandu jkun regolat mir-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Il-Fondazzjoni għandha teżerċita fuq il-persunal tagħha s-setgħat devoluti lill-Awtorità responsabbli mill-Ħatriet.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli adegwati ta' implimentazzjoni skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jadotta dispożizzjonijiet oħra għall-impjieg ta' esperti nazzjonali minn Stati Membri jew pajjiżi msieħba billi jiġu sekondati mal-Fondazzjoni.

Artikolu 22

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Fondazzjoni għandha tiġi regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt imsemmi.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Fondazzjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Fondazzjoni jew mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ kumpens għal kwalunkwe dannu bħal dan.

3.   Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn il-Fondazzjoni għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni.

Artikolu 23

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   Il-Fondazzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-Komunità u li jikkondividu l-impenn tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-għoti ta’ għajnuna fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba msemmija fl-Artikolu 1(1), taħt arranġamenti li għandhom isiru bi ftehim bejnhom u l-Komunità, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 300 tat-Trattat.

Kull ftehim għandu, inter alia, jispeċifika n-natura, il-firxa u r-regoli dettaljatital-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-Fondazzjoni inklużi dispożizzjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u persunal. Dawn l-istrumenti ta' ftehim ma jistgħux jipprevedu li pajjiżi terzi jiġu rappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija bi dritt għall-vot jew ikunu jinkludu dispożizzjonijiet mhux konformi mar-regolamenti tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi gruppi ta' ħidma ad hoc tista' tkun deċiża bħala meħtieġa mill-Bord tat-Tmexxija mingħajr il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

1.   Skond l-Artikolu 25(4) tat-Regolament Finanzjarju, il-Fondazzoni għandha twettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post regolarment ta’ l-attivitajiet tagħha fejn dawn jinneċessitaw nefqa sinifikanti. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi nnotifikat bir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq kull erba’ snin, f'konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija, evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ir-riżultati miksuba mill-Fondazzjoni u l-metodi operattivi tagħha fid-dawl ta'l-għanijiet, mandat u funzjonijiet definiti f'dan ir-Regolament. L-evalwazzjoni għandha titwettaq minn esperti esterni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

3.   Il-Fondazzjoni għandha tieħu l-passi adatti kollha sabiex tirrimedja kwalunkwe problema li tista’ tirriżulta waqt il-proċess ta’ l-evalwazzjoni.

Artikolu 25

Reviżjoni

Wara l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn ikun meħtieġ, proposta għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżistenza tal-Fondazzjoni ma għadhiex ġustifikata fir-rigward ta’ l-għanijiet assenjati lilha, tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jitħassar.

Artikolu 26

Tħassir

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1360/90, Nru 2063/94, Nru 1572/98, Nru 1648/2003 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2666/2000, elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, huma b'dan imħassra.

Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall- Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tat-22 ta' Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komunitat-18 ta' Novembru 2008 (ĠU C 310 E, 5.12.2008, p. 1.) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(4)  ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11.

(5)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 9.

(6)  ĠU L 187, 29.7.1993, p. 1.

(7)  ĠU L 206, 23.7.1998, p. 1.

(8)  ĠU L 189, 30.7.1996, p. 1. Regolament imħassar mir-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

(9)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(11)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(12)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(14)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1

(15)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43

(16)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1

(17)  ĠU C 323, 30.11.1993, p. 1.

(18)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.


ANNESS I

Ir-Regolament imħassar u l-emendi suċċessivi

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) No 1360/90

(ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2063/94

(ĠU L 216, 20.8.1994, p. 9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1572/98

(ĠU L 206, 23.7.1998, p. 1)

L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000

(ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) No 1648/2003

(ĠU L 245, 29.9.2003, p. 22)


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 1360/90

Dan ir-Regolament

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu

Artikolu 1(1), il-kliem introduttiv

Artikolu 1, mill-ewwel sar-raba' inċiż

Artikolu 1, it-tieni sentenza

Artikolu 1(1) punti (a) sa (c)

Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(2) u (3)

Artikolu 2

Artikolu 3, l-ewwel paragrafu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu

Artikolu 3 punti (a) sa (g)

Artikolu 2 punti (a) sa (f)

Artikolu 3 punt (h)

Artikolu 2 punt (g)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 3(3) l-ewwel sentenza

Artikolu 3(3) it-tieni sentenza

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(4) u (5)

Artikolu 4(1) sa (3)

Artikolu 4a(1)

Artikolu 4(4) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 4a(2)

Artikolu 4(4), it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 5

Artikolu 4a(3)

Artikolu 6

Artikolu 5(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 7(2), l-ewwel u t-tieni sub-paragrafi

Artikolu 7(2), it-tielet u r-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 5(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 5(4), l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 7(4) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(4), it-tieni sentenza

Artikolu 5(4) it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(5)

Artikolu 5(4), it-tielet u r-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 8(1), l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 8(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(4), l-aħħar sub-paragrafu

Artikolu 8(1), l-aħħar sub-paragrafu

Artikolu 5(5) u (6)

Artikolu 8(2) u (3)

Artikolu 5(7) sa (10)

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 7(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 10(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(1), tmiem ta' L-ewwel sentenza u tieni sentenza

Artikolu 10(1), it-tieni sentenza u t-tieni sar-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 10(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 10(5) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4), il-punti a) sa k)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 8

Artikolu 14

Artikolu 9

Artikolu 15

Artikolu 10(1)

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(2)

Artikolu 10(2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4) sa (6)

Artikolu 16(4) sa (6)

Artikolu 11(1)

Artikolu 17(3)

Artikolu 11(2) u (3)

Artikolu 17(1) u (2)

Artikolu 11(4) sa (10)

Artikolu 17(4) sa (10)

Artikolu 17(11)

Artikolu 18

Artikolu 12

Artikolu 19(1)

Artikolu 19(2) sa (4)

Artikolu 13

Artikolu 20

Artikolu 14

Artikolu 21(1)

Artikolu 21(2) sa (4)

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 16(1)

Artikolu 23(1) l-ewwel subparagrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu

Artikolu 23(1), l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu

Artikolu 16(2)

Artikolu 23(2)

Artikolu 24(1)

Artikolu 17

Artikolu 24(2)

Artikolu 24(3)

Artikolu 18

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 19

Artikolu 27

Anness


Top