Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1039

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1039/2008 tat- 22 ta’ Ottubru 2008 li jerġa’ jdaħħal id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2008/2009

    ĠU L 280, 23.10.2008, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010: This act has been changed. Current consolidated version: 26/10/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1039/oj

    23.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 280/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1039/2008

    tat-22 ta’ Ottubru 2008

    li jerġa’ jdaħħal id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2008/2009

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 143 u 187, flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2008 tas-26 ta’ Ġunju 2008 li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2008/2009, (2) waqqaf id-dazji doganali fuq l-importazzjoni għal uħud miċ-ċereali kemm fir-rigward tal-kwoti tariffarji b’dazju mnaqqas kif ukoll fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet b’dazju komuni. Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament imsemmi, id-dazji doganali jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-livelli u bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fejn, għal prodott wieħed jew aktar minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 608/2008, il-prezz FOB, osservat fil-portijiet Komunitarji, huwa inqas minn 180 % tal-prezz ta’ referenza mogħti fl-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew fejn il-kwantitajiet disponibbli fis-suq Komunitarju huma biżżejjed biex jiżguraw ekwilibriju fis-suq.

    (2)

    Il-prezz FOB għall-qamħ komuni, osservat fil-portijiet Komunitarji sa mid-29.9.2008, huwa stabbilit f’livell inqas minn 180 % tal-prezz ta’ referenza.

    (3)

    Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stipulati għall-istabbiliment mill-ġdid tad-dazji, skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 608/2008, bħalissa jintlaħqu għall-prodott msemmij fil-premessa ta’ hawn fuq.

    (4)

    Filwaqt li titqies l-interdipendenza tas-swieq taċ-ċereali differenti, kif ukoll ir-riperkussjonijiet immedjati ta’ l-evoluzzjoni tal-prezz ta’ ċereali fuq iċ-ċereali l-oħra, għandhom jerġgħu jiddaħħlu simultanjament id-dazji doganali għall-prodotti relevanti bil-kodiċijiet tan-NM bin-numri 1001 90 99, 1001 10, 1002 00 00, 1003 00, 1005 90 00, 1007 00 90, 1008 10 00 u 1008 20 00 fil-livelli u bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (5)

    Madankollu, m’għandhomx jiġu ppenalizzati l-operaturi f’każijiet fejn diġà jkun għaddej it-twassil taċ-ċereali għall-importazzjoni fil-Komunità. F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-ħin meħtieġ għat-trasport u l-operaturi għandhom jitħallew iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ċ-ċereali skond ir-reġim ta’ sospensjoni tad-dazji stipulat bir-Regolament (KE) Nru 608/2008, għall-prodotti kollha fejn it-trasport dirett lejn il-Komunità jkun inbeda sa mhux aktar tard mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għandha tiġi stabbilita wkoll l-evidenza li trid tingħata biex tiġġustifika t-trasport dirett lejn il-Komunità u d-data ta’ meta t-trasport ikun inbeda.

    (6)

    Għal finijiet ta’ ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 608/2008 għandu jitħassar.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-prodotti relevanti bil-kodiċijiet tan-NM bin-numri 1001 90 99, 1001 10, 1002 00 00, 1003 00, 1005 90 00, 1007 00 90, 1008 10 00 u 1008 20 00 hija b’dan stabbilita mill-ġdid għall-importazzjonijiet kollha bir-rata ta’ dazju komuni mwettqa skond l-Artikolu 130 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u għall-importazzjonijiet kollha li jsiru fil-qafas tal-kwoti tariffarji b’dazju mnaqqas miftuħin skond l-Artikolu 144 ta’ l-istess Regolament.

    2.   Id-dazji qed jerġgħu jiddaħħlu, skond l-Artikoli 135 u 136 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fil-livelli kif stipulati l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1026/2008 (3).

    3.   Meta, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċereali jkunu ttrasportati direttament lejn il-Komunità u tali trasport ikun inbeda l-aktar tard sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-waqfien tad-dazji doganali skond ir-Regolament (KE) Nru 608/2008 għandu jkompli jgħodd għall-finijiet tar-rilaxx tal-prodotti milquta fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa.

    Għandha tiġi pprovduta evidenza tat-trasport dirett lejn il-Komunità u tad-data meta t-trasport ikun inbeda, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet relevanti, fuq il-bażi tad-dokument oriġinali tat-trasport.

    Il-tul ta’ żmien ta’ dan it-trasport biex jinġarru l-prodotti sad-destinazzjoni tagħhom għandu jkun dak strettament meħtieġ skond id-distanza u l-metodu tat-trasport.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 608/2008 huwa mħassar.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 166, 27.6.2008, p. 19.

    (3)  ĠU L 277, 18.10.2008, p. 31.


    Top