Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1009

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1009/2008 tad- 9 ta' Ottubru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa

    ĠU L 276, 17.10.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/02/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R0073

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1009/oj

    17.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 276/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1009/2008

    tad-9 ta' Ottubru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2) jipprevedi li, fil-każ ta’ pagamenti għaċ-ċanga u l-vitella, pagamenti addizzjonali magħmula mill-Istati Membri lill-bdiewa għandhom jingħataw taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 12 tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jipprevedi li, biex jikkwalifika għall-pagamenti diretti taħt il-Kapitolu 12 tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament, annimal għandu jiġi identifikat u rreġistrat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ifrat u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga (3).

    (3)

    It-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi li kull sid ta’ l-annimali għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-impriża u t-twelid u l-imwiet kollha tal-bhejjem fuq l-impriża, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perijodu stabbilit mill-Istat Membru bejn tlieta u sebat ijiem minn meta jkun ġara l-avveniment.

    (4)

    Madankollu, jeħtieġ li jiġi ċċarat l-iskop ta’ l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Il-fatt biss li d-data tat-twelid, tal-mewt jew ta’ kwalunkwe moviment ta’ l-annimal ma tiġix irrappurtata lill-awtorità kompetenti fil-perijodu msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 m’għandux jiddiskwalifikah awtomatikament minn kwalunkwe pagament. Il-bidu tal-perijodu taż-żamma ta’ l-annimal jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala l-waqt opportun biex wieħed jivverifika jekk l-annimal ikkonċernat huwiex fil-fatt identifikat u rreġistrat għall-iskop ta’ l-għoti tal-pagamenti taħt il-Kapitolu 12 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    (5)

    L-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (6)

    L-iskop ta’ din l-emenda huwa limitat għall-għan li tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-pagamenti. Din l-emenda ma tbiddilx it-traċċabbiltà ta’ l-annimali, peress li l-bdiewa jibqgħu obbligati li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni kollha stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    (7)

    L-obbligu stabbilit fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu japplika għall-pagamenti kollha taħt il-Kapitolu 12 tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament. Billi l-perijodu ta’ referenza stabbilit għall-ġestjoni ta’ dawk il-pagamenti huwa s-sena kalendarja, din l-emenda għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2008 sabiex tapplika għall-pagamenti kollha li jsiru matul is-sena kalendarja 2008 kollha,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “Madankollu, annimal għandu wkoll jitqies eliġibbli għall-pagament meta l-informazzjoni stabbilita fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tkun ġiet irrappurtata lill-awtortià kompetenti fl-ewwel jum tal-perijodu taż-żamma ta’ l-annimal, kif determinat skond l-Artikolu 144(2) ta’ dan ir-Regolament.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 9 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. BUSSEREAU


    (1)  Opinjoni mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

    (3)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.


    Top