Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0999

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 999/2008 ta’ l- 14 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi, għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-iffinanzjar tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet

    ĠU L 273, 15.10.2008, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/999/oj

    15.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 273/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 999/2008

    ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008

    li jistabbilixxi, għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-iffinanzjar tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet

    Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, għall-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Garanzija (FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħażna pubblika u l-kontabbiltà tat-transazzjonijiet ta’ ħażna pubblika mill-entitajiet ta’ pagament tal-Istati Membri (2), jistipula li l-ispejjeż korrispondenti għall-fondi maħruġin mill-Istati Membri għax-xiri tal-prodotti għandhom jiġu ddeterminati skond il-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fl-Anness IV għal dak ir-Regolament, abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità kollha.

    (2)

    Ir-rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità tikkorrispondi għall-medja tar-rati Euribor fit-tul, fuq tliet xhur u fuq tnax-il xahar, irreġistrati matul is-sitt xhur ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri pprovduta fil-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006, b’koeffiċjent ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata għandha tkun iffissata fil-bidu ta’ kull sena tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Garanzija (FAEG).

    (3)

    Madankollu, jekk ir-rata tal-imgħax innotifikata minn Stat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax uniformi ffissata għall-Komunità, għandha tiġi stipulata rata tal-imgħax speċifika għal dak l-Istat Membru, skond it-tieni subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ notifika, sal-aħħar tas-sena tal-kontijiet, mingħand Stat Membru tar-rata medja tal-ispejjeż tal-imgħax tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rata tal-imgħax għal dak l-Istat Membru fil-livell tar-rata uniformi stabbilita mill-Komunità.

    (4)

    Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG għandha tiġi ffissata b’qies għal dawn il-fatturi varji.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-infiq marbut mal-ispejjeż maħruġin mill-Istati Membri għax-xiri ta’ prodotti ta’ intervent, li għandhom jitħallsu mis-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax ipprovduti fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skond l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dak ir-Regolament huma fissati kif ġej:

    (a)

    4.1 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fi Franza, fl-Irlanda u fir-Repubblika Ċeka;

    (b)

    4.3 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fis-Slovakkja;

    (c)

    4.4 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Olanda u fl-Iżvezja;

    (d)

    4.5 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Greċja;

    (e)

    5.0 % għar-rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità, applikabbli f’dawk l-Istati Membri li għalihom ma ġietx iffissata rata tal-imgħax speċifika.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

    (2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.


    Top