Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0856

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/08 ta' l- 24 ta' Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża fir-rigward tan-numerar tal-viża

    ĠU L 235, 2.9.2008, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/856/oj

    2.9.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 235/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 856/08

    ta' l-24 ta' Lulju 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża fir-rigward tan-numerar tal-viża

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62 (2) (b) (iii) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Il-qafas legali kurrenti previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (1) u l-ispeċifiċitajiet tekniċi addizzjonali, adottati mill-Kummissjoni, ma jippermettux tiftix affidabbli fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal żjajjar qosra (Regolament tal-VIS) (2).

    (2)

    Is-sistema ta’ numerar li attwalment qed tintuża ma tippermettix, b’mod partikolari, li għadd suffiċjenti ta’ karattri jkunu indikati fuq il-viżi maħruġa minn Stati Membri b'għadd kbir ta' applikazzjonijiet.

    (3)

    Għalhekk sistema tan-numerar ta’ l-istiker tal-viża kemm konsistenti kif ukoll unika, hija essenzjali għall-verifika fil-VIS.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 għandu jiġi emendat f’dan ir-rigward.

    (5)

    Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (3), li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

    (6)

    Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE (5) u 2004/860/KE (6).

    (7)

    Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fl-ambitu indikat tal-punt A ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri konġuntement ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (7).

    (8)

    Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda m'humiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. B'riżultat, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa hawnhekk emendat kif gej:

    (1)

    għandu jinżied il-paragrafu 3 li ġej fl-Artikolu 2:

    “3.   Skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6 (2), jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati. F’dak il-każ, dawn ghandhom ikunu disponibbli biss għall-entitajiet maħtura mill-Istati Membri bħala l-korpi responsabbli għall-istampar u għal dawk il-persuni awtorizzati mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni.”;

    (2)

    għandu jiġi mħassar il-paragrafu 1 fl-Artikolu 3.

    (3)

    l-Anness għandu jiġi sostitwit bl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2009. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-istokkijiet li fadlilhom fl-uffiċji konsolari li m’għandhom l-ebda rabta mas-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS).

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. HORTEFEUX


    (1)  ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1.

    (2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

    (3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (5)  ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26.

    (6)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

    (7)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


    ANNESS

    Għandu jiddaħħal dan il-mudell li ġej:

    Image

    Karatteristiċi ta' sigurtà

    1.

    Ritratt integrat meħud b’konformità ma’ l-ogħla standards ta’ sigurtà.

    2.

    Marka li hija ottikament varjabbli (‘kinegram’ jew l-ekwivalenti tagħha) għandha tidher f'dan l-ispazju. Skond l-angolu mnejn wieħed iħares lejha, 12-il stilla, l-ittra ‘E’ u globu jsiru viżibbli f'daqsijiet u lwien diversi.

    3.

    Il-logo li jkun jikkonsisti f'ittra jew f'diversi ittri li jindikaw il-ħruġ mill-Istati Membri (jew ‘BNL’ fil-każ ta' pajjiżi Benelux, jiġifieri il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda) b'effett ta' xbiha inviżibbli għandu jidher f'dan l-ispazju. Dan il-logo għandu jidher ċar meta mqiegħed ċatt u jidher skur meta mdawwar b'90°. Għandhom jintużaw il-logos li ġejjin: A għall-Awstrija, BG għall-Bulgarija, BNL għall-Benelux, CY għal Ċipru, CZE għar-Repubblika Ċeka, D għall-Ġermanja, DK għad-Danimarka, E għal Spanja, EST għall-Estonja, F għal Franza, FIN għall-Finlandja, GR għall-Greċja, H għall-Ungerija, I għall-Italja, IRL għall-Irlanda, LT għall-Litwanja, LVA għal-Latvja, M għal Malta, P għall-Portugall, ROU għar-Rumanija, S għall-Iżvezja, SK għas-Slovakkja, SVN għas-Slovenja, UK għar-Renju Unit.

    4.

    Il-kelma ‘viża’ b'ittri kapitali għandha tidher fin-nofs ta' dan l-ispazju b'kuluri li jkanġu. Skond l-angolu mnejn wieħed iħares lejha, għandha tidher ħadra jew ħamra.

    5.

    Din il-kaxxa għandha jkollha n-numru nazzjonali b’9 karattri ta’ l-istiker tal-viża, li għandha tkun stampata minn qabel. Għandha tintuża tipa speċjali.

    5a.

    Din il-kaxxa għandha jkollha l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet karattri kif stabbilit fid-Dokument ta' l-ICAO 9303 dwar id-Dokumenti ta' l-Ivjaġġar li Jinqraw minn Makkinarju (1), li jindika l-Istat Membru li joħroġ il-viża.

    In-“numru ta’ l-istiker tal-viża” huwa l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet karattri kif jidher fil-kaxxa 5a u n-numru nazzjonali kif imsemmi fil-kaxxa 5.

    Taqsimiet li għandhom jimtlew

    6.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem ‘valida għal’. L-awtorità li toħroġha għandha tindika t-territorju jew territorji li għalihom il-viża hi valida.

    7.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma ‘minn’ u l-kelma ‘sa’ għandha tidher aktar ’il quddiem fuq il-linja. L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika hawn iż-żmien ta' validità tal-viża.

    8.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem it-‘tip ta' viża’. L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika l-kategorija tal-viża b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 u 7 ta' dan ir-Regolament. Aktar ’il fuq l-istess linja il-kliem “għadd ta’ dħul”, ‘dewmien taż-żjara’ (jiġifieri kemm l-applikant bi ħsiebu jdum) u għandha tidher ukoll ‘jiem’.

    9.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem ‘maħruġa fi’ u għandha tintuża biex tindika l-post minn fejn inħarġet.

    10.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma ‘fi’ (li ħdejha għandha timtela d-data tal-ħruġ mill-awtorità li toħroġha) u aktar 'il quddiem fil-linja għandu jidher il-kliem ‘numru tal-passaport’ (li ħdejh għandu jidher in-numru tal-passaport tad-detentur).

    11.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem ‘Kunjom, Isem’.

    12.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem ‘kummenti’. Din għandha tintuża mill-awtorità tal-ħruġ sabiex tindika kull informazzjoni ulterjuri li titqies neċessarja, sakemm tkun konformi ma' Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament. Iż-żewġ linji u nofs li jiġu wara għandhom jitħallew vojta għal kummenti bħal dawn.

    13.

    Din il-kaxxa għandha jkun fiha informazzjoni f'forma li tista' tinqara minn makkinarju għall-iffaċilitar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni. L-ispazju li jinqara mill-makkinarju għandu jkun fih test stampat fl-ipprintjar fl-isfond, li jindika l-Istat Membru li joħroġ id-dokument. It-test m’għandux jaffettwa l-fatturi tekniċi ta' l-ispazju li jinqara mill-makkinarju jew il-kapaċità li jkun jista' jinqara.

    Il-karta għandha tkun ta' lewn naturali ċar b'marki ħomor u blu.

    Il-kliem li jindika l-kaxxi għandu jidher bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-Istat li joħroġ il-viża jista' jżid tielet lingwa li tkun lingwa uffiċjali tal-Komunità. Madankollu, il-kelma ‘viża’ fil-linja ta' fuqnett tista' tidher fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Komunità.


    (1)  Bl-eċċezzjoni għall-Ġermanja: Id-dokument ta’ l-ICAO 9303 dwar dokumenti ta’ l-ivjaġġar li jinqraw minn makkinarju jipprevedi li l-kodiċi tal-pajjiż tal-Ġermanja jkun “D”.


    Top