Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008G1023(01)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Settembru 2008 Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea

    ĠU C 268, 23.10.2008, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 268/1


    RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-26 ta’ Settembru 2008

    “Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea”

    (2008/C 268/01)

    IL-KUNSILL

    WARA LI KKUNSIDRA l-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, li daħal fis-seħħ f'Mejju 2004, u l-kooperazzjoni dejjem tiżdied bejn iż-żewġ partijiet;

    FILWAQT LI JFAKKAR l-orjentazzjonijiet tal-laqgħat tal-“Kunsill Spazju” tal-25 ta' Novembru 2004, tas-7 ta' Ġunju 2005 u tat-28 ta' Novembru 2005;

    FILWAQT LI JENFASIZZA r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill “Spazju” tat-22 ta' Mejju 2007 li laqgħat u appoġġat il-Politika Spazjali Ewropea u stabbiliet il-bażi ta' politika għall-ispazju fl-Ewropa;

    FILWAQT LI JINNOTA li r-Riżoluzzjoni stiednet lill-Kummissjoni Ewropea, lid-Direttur Ġenerali tal-ESA u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-ESA, biex jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-politika fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim Kwadru, inkluża l-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet ewlenin definiti fl-annessi tar-Riżoluzzjoni;

    FILWAQT LI JINNOTA li l-Istati Membri, abbażi tal-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Politika Spazjali Ewropea, identifikaw bħala prijoritajiet żewġ oqsma ta' azzjoni programmatiċi li huma l-implimentazzjoni b'suċċess ta-GALILEO kif ukoll tal-GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà), kif ukoll għadd ta' kwistjonijiet orizzontali;

    FILWAQT LI JAGĦRAF il-progress sinifikanti li sar f'dawn l-oqsma kif stabbilit fir-rapport ta' progress konġunt ESA-KE, u FILWAQT LI JILQA' l-progress li sar fl-istabbiliment ta' strateġija ta' relazzjonijiet internazzjonali għall-ispazju fl-Ewropa;

    JAFFERMA MILL-ĠDID f'dan il-kuntest l-importanza li l-Ewropa żżomm aċċess awtonomu għall-ispazju, programm xjentifiku ta' klassi dinjija, is-servizzi ewlenin tagħha għall-applikazzjonijiet tas-satelliti f'meteoroloġija operattiva u komunikazzjonijiet kummerċjali, u bażi teknoloġika sostenibbli u innovattiva;

    JISSOTTOLINJA l-importanza tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni KE-ESA tal-programmi għall-iżvilupp tat-teknoloġija spazjali, b'mod partikolari dwar teknoloġiji spazjali kruċjali għaż-żamma tal-indipendenza strateġika Ewropea;

    IFAKKAR id-diskussjonijiet fost il-ministri Ewropej responsabbli għall-ispazju waqt il-laqgħa informali tagħhom f'Kourou, il-port spazjali tal-Ewropa, fil-21 u t-22 ta' Lulju 2008.

    I.   VIŻJONI GĦALL-EWROPA FL-ISPAZJU

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li l-Politika Spazjali Ewropea stabbiliet il-viżjoni għat-tisħiħ tal-Ewropa bħala koordinatriċi tal-ispazju ta' klassi dinjija li twieġeb għall-ħtiġijiet ta' linji ta' politika u objettivi Ewropej, f'termini ta' applikazzjonijiet, servizzi u infrastrutturi relatati, b'kontribut għall-influwenza soċjali, kulturali, ekonomika u xjentifika tagħha, bl-iżvilupp tal-potenzjal industrijali u xjentifiku tagħha u bl-assigurazzjoni tal-awtonomija politika u teknoloġika tagħha f'manjiera raġunata, koerenti u realistika;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li din il-politika, ibbażata fuq l-UE, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom involuti fil-Programm Spazjali Ewropew, għandha tkompli tiġi implimentata u żviluppata aktar, waqt li żżomm miri ambizzjużi fil-kapaċitajiet li jkunu disponibbli għar-riċerka u applikazzjonijiet operattivi;

    FILWAQT LI JENFASIZZA li l-attivitajiet spazjali kollha tal-Ewropa jikkontribwixxu għall-għanijiet u jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji indikati mit-“Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku” tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari:

    l-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku għall-benefiċċju u fl-interessi tal-pajjiżi kollha u r-rikonoxximent tal-ispazju extratmosferiku bħala provinċja tal-umanità kollha;

    l-użu tal-ispazju extratmosferiku għal finijiet esklussivament paċifiċi;

    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku;

    u li l-Ewropa tappoġġa l-isforzi kontinwi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju Extratmosferiku (COPUOS) dwar il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta' residwi spazjali;

    FILWAQT LI JISSOTTOLINJA l-importanza tal-infurzar mill-ġdid tal-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali, li jiżgura l-komplementarjetajiet ta' azzjonijiet u l-massimizzar ta' sinerġiji ma' żviluppi mhux spazjali;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li l-Unjoni Ewropea, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom huma t-tliet atturi prinċipali tal-Politika Spazjali Ewropea, u FILWAQT LI JENFASIZZA li l-Unjoni Ewropea qiegħda tieħu responsabbiltà dejjem akbar għal kwistjonijiet spazjali, speċjalment dawk relatati ma' applikazzjonijiet spazjali, konsistenti ma' dawk ta' attur globali u li qed tagħti valur miżjud għall-ESA u l-Istati Membri filwaqt li tirrispetta r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' kull wieħed minnhom;

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li, f'dawn il-kondizzjonijiet u fil-qafas tal-Politika Spazjali Ewropea, l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, huma atturi spazjali prinċipali, u li huma ser jiżviluppaw lill-Ewropa bħala setgħa spazjali koordinatriċi fix-xena internazzjonali. F'dan il-kuntest, JIDENTIFIKA li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

    f'konformità mal-istrateġija ta' relazzjonijiet internazzjonali, il-promozzjoni ta' approċċ koerenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-programmi spazjali fid-dawl tan-natura globali tagħhom, waqt li jkun rikonoxxut li l-Ewropa għandha tkun tista' tiffaċċja l-kompetizzjoni globali. L-esplorazzjoni tas-Sistema Solari, l-ambjent tad-Dinja u l-iżvilupp sostenibbli huma l-oqsma ta' prijorità għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali;

    l-iżgurar għall-Istati Membri kollha tal-UE u tal-ESA ta' aċċess miftuħ u ekwu għall-benefiċċji tal-attivitajiet spazjali f'termini ta' linji ta' politika pubbliċi, data xjentifika, żvilupp teknoloġiku, attivitajiet u servizzi industrijali;

    it-tisħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti biex jiġu kkoordinati l-għarfien espert Ewropew u l-investimenti fl-ispazju ffinanzjati mill-Komunità, sorsi intergovernattivi u nazzjonali kif ukoll l-istabbiliment tal-mekkaniżmi għat-titjib tas-sinerġiji bejn il-programmi spazjali ċivili u ta' difiża, filwaqt li jkunu rispettati l-ħtiġiet taż-żewġ setturi, inklużi l-kompetenzi ta' deċiżjoni u l-iskemi ta' finanzjament tagħhom;

    il-garanzija tal-kontinwità ta' aċċess għall-ispazju awtonomu, affidabbli u kost-effiċjenti b'kondizzjonijiet affordabbli għall-UE, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, abbażi tad-disponibbiltà ta' sett ta' lanċaturi ta' klassi dinjija adegwati u kompetittivi u port spazjali Ewropew operattiv;

    il-federazzjoni permezz tal-UE, abbażi tal-ħtiġijiet ta' politika tal-UE, u dawk tal-Istati Membri tal-ESA u tal-UE, id-domanda tagħhom għal applikazzjonijiet spazjali, permezz ta' proċess trasparenti li jippermetti lill-UE tidentifika l-ħtiġiet tal-utent, li tistabbilixxi l-prijoritajiet, u li tiżgura l-kontinwità tas-servizzi. Il-manteniment tal-għodod meħtieġa għall-provvediment ta' dawn is-servizzi, inkluż il-finanzjament tagħhom, għandu jseħħ fi sħubija mal-partijiet interessati kkonċernati u l-operaturi meta dan ikun xieraq;

    il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' qafas regolatorju xieraq biex jitħaffef l-itfaċċar ta' servizzi innovattivi u kompetittivi fl-aħħar tal-proċess, b'mod partikolari bl-objettivi li jiġi ggarantit aċċess sostnut għall-ispettru għall-applikazzjonijiet kollha bbażati fl-ispazju;

    l-organizzazzjoni tal-governanza tal-ispazju f'konformità mar-Riżoluzzjoni tar-4 Kunsill “Spazju” u mal-ambizzjonijiet politiċi tal-UE, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, b'mod partikolari l-ottimizzazzjoni tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-ispazju fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f'istituzzjonijiet oħra tal-UE;

    l-iżviluppar ta' strumenti u skemi ta' finanzjament adegwati tal-UE, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-ispazju, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività ġenerali u tal-industrija tiegħu u l-ħtieġa għal struttura industrijali bbilanċjata; u li jiġi permess investiment Komunitarju xieraq għall-perijodu fit-tul għar-riċerka relatata mal-ispazju u għall-operazzjoni ta' applikazzjonijiet sostenibbli bbażati fl-ispazju għall-benefiċċju tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha, b'mod partikolari billi jiġi eżaminati l-konsegwenzi kollha relatati mal-politika spazjali fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss;

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    JISSOTTOLINJA l-valur miżjud għall-ministri tal-Istati Membri tal-UE u l-ESA responsabbli għall-ispazju biex jiltaqgħu hekk spiss bħala utli biex jindirizzaw il-kwistjonijiet politiċi abbażi ta' pjan direzzjonali xieraq.

    II.   PRIJORITAJIET ATTWALI

    JILQA' l-avvanzi sinifikanti li ġejjin fil-programmi Galileo u GMES:

    l-illanċjar b'suċċess u l-validazzjoni fl-orbità ta' GOIVE-B, li jippermettu d-dimostrazzjoni ta' tekonoġiji ġodda kritiċi meħtieġa għall-prestazzjoni tas-sistema Galileo;

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE f'Novembru 2007 u l-adozzjoni sussegwenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tar-Regolament dwar l-implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi GNSS Ewropej, li jiċċaraw il-governanza pubblika tal-fażi ta' twettiq ta' Galileo u l-operazzjonijiet EGNOS u l-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet għall-finanzjament Galileo;

    id-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-ESA biex jibdew il-programm Komponent Spazjali GMES; il-konklużjoni tal-qbil KE-ESA li jipprovdi l-kontribut tal-Komunità għal dan il-programm; u l-forniment mill-KE tal-finanzjament operazzjonali inizjali permezz tal-implimentazzjoni ta' azzjoni preparatorja GMES fl-2008;

    id-dimostrazzjoni waqt il-forum GMES f'Lille ta' servizzi GMES preoperattivi;

    it-tnedija tas-sħubija bejn il-GMES u l-Afrika permezz tal-“Proċess ta' Lisbona dwar il-GMES u l-Afrika” bil-ħsieb li jinqdew l-utenti Afrikani;

    il-proposta dwar l-arkitettura fundamentali tal-GMES deskritta fil-pjan direzzjonali ta' Munich;

    JAFFERMA MILL-ĠDID il-prijorità li għandha tibqa' tingħata lill-implimentazzjoni ta' Galileo kif ukoll ta' GMES b'mod rapidu.

    A.   GALILEO

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li Galileo jikkostitwixxi l-ewwel programm spazjali prominenti tal-UE;

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tikkunsidra u tanalizza d-diffikultajiet tal-imgħoddi sabiex jinħasdu l-benefiċċji sħaħ ta' din l-esperjenza;

    JISTENNA B'INTERESS il-ħolqien tal-Panel Interistituzzjonali Galileo;

    JISSOTTOLINJA l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, fir-rigward ta' R&Ż għas-sistemi, servizzi u applikazzjonijiet ta' navigazzjoni satellitari;

    JENFASIZZA l-kooperazzjoni kontinwa ma' sħab internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' kompatibbiltà u interoperabbiltà tas-sistema;

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni tindirizza l-implikazzjonijiet legali fil-każ li l-Komunità Ewropea issir il-proprjetarja ta' dawk l-assi tanġibbli u intanġibbli li hija ffinanzjat relatati mal-applikazzjonijiet spazjali, bħal dawk tal-programmi Galileo u EGNOS, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' responsabbiltà.

    B.   GMES

    FILWAQT LI JFAKKAR li l-GMES huwa inizjattiva imbuttata mill-utent li għandha tagħmel l-aħjar użu minn ċentri, kapaċitajiet u servizzi spazjali u mhux spazjali eżistenti għall-Osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa, inklużi l-EUMETSAT, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE ...;

    JENFASIZZA li l-infrastrutturi għall-osservazzjoni tad-Dinja li jinsabu fil-post li l-Istati Membri jappoġġaw, flimkien mal-infrastrutturi għall-osservazzjoni tal-ispazju, jirrappreżentaw kontribut ewlieni għall-kapaċitajiet tal-osservazzjoni tad-Dinja u għandhom ikunu disponibbli għall-GMES fuq bażi permanenti;

    JISSOTTOLINA li l-kontinwità tas-servizz u d-data hija indispensabbli u li tali kontinwità għandha tiġi ggarantita mill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari permezz ta' finanzjament fit-tul, ibbażat fuq sħubiji għall-komponenti varji GMES;

    JAFFERMA MILL-ĠDID ir-rwol tal-ESA bħala aġenzija għall-iżvilupp u l-forniment għal missjonijiet Sentinella dedikati tal-GMES, bħala koordinatriċi għal Komponent Spazjali tal-GMES kollu, inklużi l-kontributi li jsiru mill-Istati Membri, l-EUMETSAT u sħab tal-GMES oħrajn;

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi qafas legali għall-GMES adegwat, li jinvolvi lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, fejn xieraq, u biex tesplora l-implikazzjonijiet taċ- ċertifikazzjoni tad-data telerilevata mis-satellita;

    JENFASIZZA li bosta mis-servizzi ta' informazzjoni tal-GMES għandhom in-natura ta' ġid pubbliku Ewropew u għandhom ikunu disponibbli skont prinċipju ta' aċċess sħiħ u miftuħ, soġġett għal xi limitazzjonijiet bħas-sigurtà;

    JIDENTIFIKA l-ħtieġa li jiġi elaborat pjan ta' azzjoni li jwassal għall-istabbiliment ta' programm UE GMES, li għandu l-għan li jassigura l-kontinwità tas-servizzi GMES u tad-data ta' osservazzjoni kritika li jeħtieġu. Dan il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi:

    Approċċ għall-governanza ġenerali tal-GMES u l-komponenti kollha tiegħu, l-identifikar tal-atturi rilevanti bir-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, u abbażi ta' serje ta' sħubiji għall-GMES, kif ukoll arranġamenti għal parteċipazzjoni xierqa tal-Istati Membri tal-ESA li mhumiex membri tal-UE;

    Pjan għal finanzjament sostenibbli tal-GMES, abbażi ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' finanzjar ġenerali għall-GMES u d-definizzjoni tal-istrateġija baġitarja fil-livelli nazzjonali u Ewropej, b'kont meħud tat-tliet stadji suċċessivi: l-istadju ta' R&Ż ser jiġi ffinanzjat minn appropjazzjonijiet ta' R&Ż, stadju ta' transizzjoni b'finanzjament imħallat ta' R&Ż u operazzjonali, stadju operazzjonali b'finanzjament dedikat għal operazzjonijiet li jinvolvu l-utenti;

    Id-definizzjoni ta' mekkaniżmi għall-forniment ta' servizz operattiv għal kull servizz ta' GMES, inkluż l-identifikazzjoni tal-operaturi tagħhom;

    Id-definizzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri ta' proċess għall-formalizzazzjoni tal-impenji tagħhom biex ikun hemm kontribut għall-GMES permezz ta' infrastrutturi ta' osservazzjoni u ta' servizz eżistenti fil-post;

    L-identifikazzjoni tar-rwol tal-inizjattiva GEO u inizjattivi oħra intergovernattivi jew multilaterali, bħal CEOS, fl-aċċessar tad-data kollha disponibbli, kif ukoll il-kontribut ta' GMES għal dawn it-tentattivi internazzjonali;

    Proċess biex tiġi stabbilita politika ta' data komprensiva għad-data kollha ġġenerata mis-sistema tal-GMES, inkluż tikkettjar u politika ta' sigurtà tad-data adatti li jiżguraw li d-data sensittiva kollha hi protetta bis-sħiħ u li tinżamm kunfidenzjali.

    JILQA'

    il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal azzjoni preparatorja ġdida fl-Abbozz Preliminari tal-Baġit għall-2009, li twitti t-triq għal finanzjament futur tal-fażi operazzjonali tal-GMES;

    l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha f'Komunikazzjoni li għandha tiġi adottata sat-tmiem ta' Ottubru 2008, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati prinċipali, b'mod partikolari bi qbil mal-ESA dwar approċċ programmatiku ġenerali għall-Komponent Spazjali GMES;

    l-intenzjoni ta' DĠ ESA, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-ESA u l-Kummissjoni, biex jippreżenta proposta għall-programm ta' Segment ta' Komponent Spazjali tal-GMES 2 għal sottoskrizzjoni għall-Kunsill ESA fil-livell Ministerjali f'Novembru 2008.

    III.   PRIJORITAJIET ĠODDA FIL-POLITIKA SPAZJALI EWROPEA

    JISSOTTOLINJA li l-Kunsill Ewropew laqa' fl-14 ta' Marzu 2008 r-rapport konġunt mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali li b'mod partikolari fakkar li l-maġġoranza tal-appelli ta' emerġenza tan-NU għall-għajnuna umanitarja fl-2007 kienu relatati mal-klima, u identifika l-effett multiplikatur tat-tibdil fil-klima fuq ir-riskji ta' sigurtà;

    IFAKKAR li l-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar azzjoni ta' segwitu xierqa fil-qasam;

    JIDENTIFIKA l-erba' oqsma ta' prijorità li ġejjin fl-implimentazzjoni tal-Politika Spazjali Ewropea għall-perijodu li jmiss.

    A.   SPAZJU U TIBDIL FIL-KLIMA

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li l-isfidi tal-klima li qed tiffaċċja l-umanità huma ta' tħassib globali, u li l-UE qed tadatta l-linji ta' politika tagħha biex tindirizzahom;

    JENFASIZZA l-objettiv biex jittejjeb il-fehim kwalitattiv u kwantitattiv tal-livell tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu u l-ħtieġa li jitkomplew u jiġu estiżi l-kontributi Ewropej għal dan il-fehim u mudellar relatat, sabiex tiġi prevista l-bażi ta' evidenza għal deċiżjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu fil-politika dwar l-ambjent;

    JAGĦRAF il-kontribut uniku tal-programmi spazjali li, permezz tal-kapaċità ta' osservazzjoni globali u l-kopertura fit-tul tagħhom, jipprovdu serje ta' data mitluba mill-komunità xjentifika għar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima, waqt li jikkomplementaw għodod oħra ta' osservazzjoni u kejl;

    JIRRIKONOXXI l-kontribut tal-Programm għal Pjaneta Ħajja tal-ESA u l-missjonijiet spazjali nazzjonali dwar ix-xjenza tad-Dinja, tal-programmi operattivi tal-EUMETSAT, u tal-infrastruttura tal-Komponent Spazjali-GMES għall-ġabra ta' osservazzjonijiet li jippermettu lill-Ewropa tikseb serje kronoloġika ta' parametri klimatiċi u biex tifhem il-proċessi klimatiċi maġġuri;

    JAPPELLA lill-komunità xjentifika biex, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, l-ESA u l-EUMETSAT, tiddefinixxi kif il-medda ta' servizzi GMES u l-arkivji Ewropej tal-osservazzjoni spazjali jistgħu jikkontribwixxu l-aktar effettivament għall-provvediment tad-data inklużi l-Fatturi Klimatiċi Essenzjali għar-riċerka xjentifika;

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tagħmel studju biex tevalwa l-ħtieġa ta' aċċess sħiħ għal data standardizzata u għal setgħa ta' kompjutazzjoni akbar, u l-mezzi biex dawn jintlaħqu, b'kont meħud ta' kapaċitajiet u netwerking eżistenti fl-Ewropa;

    JILQA' t-tħejjija konġunta mill-ESA u l-EUMETSAT ta' proposta għal programm għat-Tielet Ġenerazzjoni ta' Meteosat (MTG) li ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill ESA fil-livell Ministerjali f'Novembru 2008 u sussegwentament lill-Kunsill EUMETSAT; minħabba li r-rwol ċentrali tagħha huwa fil-meteoroloġija operattiva, l-MTG ser tikkontribwixxi wkoll għall-GMES, għall-monitoraġġ tal-klima u b'hekk għall-iskoperta tat-tibdil fil-klima globali.

    B.   KONTRIBUT TAL-ISPAZJU GĦAT-TRATTAT TA' LISBONA

    JENFASIZZA li l-ispazju, bħala sfera ta' R&Ż ta' teknoloġija għolja u permezz tal-isfruttament ekonomiku tar-riżultati tiegħu, jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Lisbona sabiex jiġu sodisfatti l-ambizzjonijiet ekonomiċi, edukattivi, soċjali u ambjentali tal-UE u l-aspettattivi taċ-ċittadini, u sabiex jinkisbu l-objettivi għat-tkabbir u l-impjieg billi jipprovdu opportunitajiet ta' negozju ġodda u soluzzjonijiet innovattivi għal diversi servizzi, fl-Ewropa kollha, u b'hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali;

    JIKKUNSIDRA li, bl-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-18 ta' Diċembru 2006 tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Dimostrazzjoni u l-kapitolu tematiku ġdid dwar l-Ispazju bħala parti mill-Programm Speċifiku ta' Kooperazzjoni, l-ispazju kien rikonoxxut mill-UE bħala wieħed mill-prijoritajiet u elementi prinċipali tas-soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien;

    JISSOTTOLINJA li l-applikazzjonijiet spazjali, bħal telekomunikazzjonijiet bis-satellita, is-sistemi EGNOS u GALILEO u l-GMES, huma mistennija li joħolqu opportunitajiet sostanzjali tas-suq globali, speċjalment għal SMEs, permezz tal-iżvilupp ta' servizzi ta' valur miżjud fl-aħħar tal-proċess; u li l-UE, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom għandhom kif meħtieġ jimmassimizzaw il-valur li huma jiżguraw minn dawn l-assi spazjali. Dan it-tkabbir għandu jkun promoss sabiex jaċċelera l-itfaċċar ta' opportunitajiet ekonomiċi u l-iżvilupp ta' servizzi li jintegraw b'mod kontinwu s-sistemi satellitari ta' navigazzjoni, osservazzjoni u komunikazzjonijiet u li jagħqduhom ma' netwerks terrestri. Bil-għan li dan jinkiseb hemm il-ħtieġa ta' qafas regolatorju adegwat, aċċess sostenut tal-ispettru tar-radju għal applikazzjonijiet spazjali, u l-iżvilupp ta' standards f'oqsma rilevanti;

    JIEĦU NOTA li l-attivitajiet spazjali jistgħu għalhekk ikunu kkunsidrati għal inklużjoni fl-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni.

    C.   SPAZJU U SIGURTÀ

    JENFASIZZA l-kontribut importanti tal-ispazju għall-PESK/PESD inklużi l-kompiti ta' Petersberg, u b'hekk għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

    IFAKKAR li l-assi tal-ispazju saru indispensabbli għall-ekonomija tagħna u li s-sigurtà tagħhom għandha għalhekk tiġi żgurata; JISSOTTOLINJA l-ħtieġa għall-Ewropa, f'konformità mal-ambizzjoni tagħha biex issaħħaħ l-istatus tagħha ta' koordinatriċi tal-ispazju ta' klassi dinjija, li tiżviluppa kapaċità Ewropea għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-infrastruttura spazjali tagħha u tal-fdalijiet spazjali, inizjalment ibbażata fuq assi eżistenti nazzjonali u Ewropej, waqt li tibbenefika minn relazzjonijiet li setgħu kienu diġà stabbiliti ma' nazzjonijiet sħab oħrajn u l-kapaċitajiet tagħhom;

    JIKKUNSIDRA li, b'kont meħud tan-natura internazzjonali u politika ta' din il-kapaċità, l-Unjoni Ewropea ser tieħu rwol attiv biex progressivament twaqqaf din il-kapaċità u struttura ta' governanza xierqa, b'kollaborazzjoni mal-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom;

    JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li l-Ewropa jkollha l-abbiltà li tiskopri n-nuqqas ta' konformità fl-implimentazzjoni ta' trattati u obbligi internazzjonali, li huma strument ewlieni għas-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri Ewropej;

    JILQA', fi ħdan il-kompetenzi ta' deċiżjoni u l-iskemi ta' finanzjament tal-qafas eżistenti, l-istabbiliment ta' djalogu strutturat fost l-atturi istituzzjonali Ewropej bi tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill “Spazju” 2007, bil-għan li tinkiseb żieda sostanzjali fil-koordinazzjoni ta' attivitajiet relatati mal-ispazju, is-sigurtà u d-difiża, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-ESA u l-Istati Membri;

    FILWAQT LI JFAKKAR li l-GMES jiddependi minn kapaċitajiet ta' osservazzjoni ta' użu doppju u li GALILEO, GMES u s-sistemi ta' komunikazzjonijiet bis-satellita ser jipprovdu servizzi li jistgħu jkunu ta' interess għal xi applikazzjonijiet tas-sigurtà;

    JIRRIKONOXXI li l-użi li jsiru minn kwalunkwe utent militari tal-Galileo jew tal-GMES iridu jkunu konsistenti mal-prinċipju li l-Galileo u l-GMES huma sistemi ċivili taħt kontroll ċivili, u konsegwentement li kwalunkwe bidla għal dan il-prinċipju tkun teħtieġ eżami fil-qafas tat-Titolu V/TUE u b'mod partikolari tal-Artikoli 17 u 23 tiegħu, kif ukoll fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-ESA;

    JENFASIZZA l-ħtieġa li:

    jiġu definiti l-mod u l-mezzi biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn programmi spazjali ċivili u ta' difiża f'arranġamenti fit-tul;

    tiġi żviluppata kapaċità biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-utenti għal għarfien komprensiv tas-sitwazzjoni tal-ambjent spazjali permezz ta' attività kkoordinata fl-Ewropa, u possibbilment ma' sħab oħrajn;

    tiġi rikonoxxuta d-dipendenza tal-Ewropa minn fornituri barranin għal teknoloġiji u komponenti spazjali kritiċi magħżula, jiġu stabbiliti strateġiji ta' mitigazzjoni biex jiġi żgurat aċċess Ewropew garantit, u jittieħdu passi prattiċi biex jitwettaq it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa;

    JISSOTTOLINJA l-benefiċċji tal-użu ta' kapaċitajiet u infrastrutturi eżistenti fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew;

    JIEĦU NOTA tal-intenzjoni ta' DĠ ESA, li jippreżenta proposta għal programm dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, għal sottoskrizzjoni fil-Kunsill ESA fil-livell Ministerjali f'Novembru 2008, li jistabbilixxi l-bażi għall-kapaċità operattiva u li jirrispetta r-rwoli tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u tal-Istati Membri tal-UE u tal-ESA.

    D.   ESPLORAZZJONI TAL-ISPAZJU

    JILQA' l-ftuħ b'suċċess tal-laboratorju Columbus tal-ESA u d-dimostrazzjonijiet b'suċċess tal-Vettura ta' Trasferiment Awtomatizzat “Jules Verne” bħala verament proġetti Ewropej ta' żvilupp teknoloġiku u elementi kruċjali għall-iżgurar ta' aċċess Ewropew għall-Istazzjoni Spazjali Internazzjonali ISS u l-użu sostnut tiegħu;

    JAFFERMA li l-esplorazzjoni spazjali hija tentattiv politiku u globali u li l-Ewropa għandha twettaq l-azzjoni tagħha fi programm dinji, mingħajr kwalunkwe monopolju jew approprjazzjoni minn pajjiż wieħed; l-atturi differenti jieħdu sehem bil-kapaċitajiet u prijoritajiet tagħhom stess;

    JENFASIZZA l-ħtieġa għall-Ewropa biex tiżviluppa viżjoni komuni u ppjanar strateġiku fit-tul għall-esplorazzjoni, waqt li jiġu żgurati pożizzjonijiet ewlenin għall-Ewropa, għalhekk ibbażati fuq l-oqsma ta' eċċellenza tagħha; għaldaqstant id-djalogu politiku neċessarju mal-istati l-oħrajn li huma involuti fil-programm ta' esplorazzjoni globali għandu jkun żviluppat u promoss aktar fix-xena internazzjonali mill-Unjoni Ewropea, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, kull wieħed minnhom fir-rwol tiegħu, u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' xulxin;

    JILQA' l-proposta mill-Kummissjoni għall-organizzazzjoni ta' konferenza politika ta' livell għoli dwar viżjoni globali għal perijodu fit-tul għall-esplorazzjoni spazjali, li tiftaħ dibattitu pubbliku dwar ir-rwol Ewropew f'dan it-tentattiv globali, u ibbażata fuq studji preparatorji adatti kkoordinati mill-ESA biex jiġu valutati l-oqsma ta' eċċellenza Ewropej, u jiġu elaborati xenarji differenti għal kontribut Ewropew bi spejjeż u ppjanar assoċjati;

    JIEĦU NOTA tal-Istrateġija tal-Esplorazzjoni Globali li tiddeskrivi l-koordinazzjoni globali tal-pjanijiet tas-setgħat maġġuri għall-esplorazzjoni umana u robotika, inkluża l-possibbiltà, fi stadju aktar tard, ta' spedizzjoni umana għal Mars;

    JAFFERMA li l-Ewropa, waqt li ilha tibni fuq l-esperjenza b'suċċess tagħha fl-esplorazzjoni fuq għexieren ta' snin, fejn ix-xjenza kienet fattur ewlieni, hija impenjata li jkollha rwol sinifikanti fl-intrapriża internazzjonali biex tesplora s-sistema Solari u biex tiżviluppa fehim profond tal-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-ħajja tiffunzjona lil hinn mill-pjaneta tagħna u JAGĦRAF il-fatt li l-istabbiliment tal-Ewropa bħala pilastru fundamentali ta' dawn l-attivitajiet ser jinkiseb biss permezz ta' investiment sostnut;

    JIRREALIZZA li t-teknoloġiji li ser jiġu żviluppati għandhom jiġu evalwati b'perspettiva li jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin, u JENFASIZZA li dawn jistgħu jkollhom impatt dejjiemi fuq il-perċezzjoni tal-kapaċitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi Ewropej fid-dinja u l-perċezzjoni tagħhom stess taċ-ċittadini Ewropej;

    JISSOTTOLINJA l-valur tal-esplorazzjoni spazjali fl-ispirazzjoni ta' żgħażagħ Ewropej biex jagħżlu karriera fix-xjenza u t-teknoloġija u biex isaħħu dawn il-kapaċitajiet fl-Ewropa.


    Top