EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0736

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/736/PESK tal- 15 ta' Settembru 2008 dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/09/2010: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/736/oj

17.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 248/26


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/736/PESK

tal-15 ta' Settembru 2008

dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 14 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Ewropew esprima t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitt miftuħ li beda fil-Ġeorġja, u esprima r-rieda tal-Unjoni Ewropea (EU) li timpenja ruħha sabiex tappoġġa kull sforz sabiex tiġi żgurata soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitt.

(2)

Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll li soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitt fil-Georġja għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ għall-prinċipji ta’ indipendenza, sovranità u integrità territorjali rikonoxxuti mid-dritt internazzjonali, mill-Att Finali tal-Konferenza ta’ Ħelsinki dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u minn riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Il-Ftehim ta’ sitt punti li sar fit-12 ta’ Awwissu 2008 abbażi tal-isforzi ta’ medjazzjoni tal-UE, kif supplimentat bil-ftehim milħuq fit-8 ta’ Settembru 2008 għall-implimentazzjoni tiegħu, jibqa’ l-bażi għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni.

(4)

Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll fl-1 ta’ Settembru 2008 li l-ħatra f’Diċembru ta’ l-2003 ta’ Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar kien pass ieħor fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Ġeorġja u maż-żewġ pajjiżi l-oħra tar-reġjun (l-Armenja u l-Azerbajġan). L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, b’żieda ma’ dan, għandu jinħatar RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja.

(5)

Fit-2 ta’ Settembru 2008, intbagħtet fil-Ġeorġja missjoni esploratorja u din bdiet topera fid-dawl tal-ġbir ta’ informazzjoni relevanti u tħejji missjoni ċivili possibbli tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD). Hija għandha tieħu kont sħiħ ta’ u taġixxi b’komplementarjetà mal-mandati tal-preżenzi eżistenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tan-Nazzjonijet Uniti fil-Ġeorġja.

(6)

Fit-3 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill approva miżura ta’ tħejjija għal Missjoni PESD eventwalment possibbli fil-Ġeorġja.

(7)

F’ittra ddatata l-11 ta’ Settembru 2008, il-Gvern tal-Ġeorġja stieden lill-UE sabiex tiskjera missjoni PESD ta’ monitoraġġ ċivili fil-Ġeorġja.

(8)

Kwalunkwe parteċipazzjoni fil-Missjoni minn Stat terz għandha tkun konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

(9)

L-istruttura ta’ kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(10)

Il-Kapaċità tal-Għassa stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni.

(11)

Il-Missjoni PESD ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Il-Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) b’dan tistabbilixxi Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, minn hawn ’il quddiem imsejħa “EUMM Georgia”. L-EUMM Geogia għandha tiġi skjerata f’fażijiet, bl-iskjerament jibda f’Settembru ta’ l-2008 u bil-fażi operattiva tibda mhux iżjed tard mill-1 ta’ Ottubru 2008.

2.   EUMM Georgia għandha topera konformement mad-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Mandat tal-missjoni

1.   L-EUMM Georgia għandha tipprovdi monitoraġġ ċivili tal-azzjonijiet tal-Partijiet, inkluża l-konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti u miżuri implimentattivi sussegwenti fuq bażi ġenerali fil-Ġeorġja kollha, b’ħidma kollaborattiva mill-qrib mal-imsieħba, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u konsistentement ma’ attivitajiet oħra tal-UE, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni, in-normalizzazzjoni u l-bini ta’ fiduċja waqt li tikkontribwixxi wkoll għall-formazzjoni tal-politika Ewropea b’appoġġ għal soluzzjoni politika dewwiema fil-Ġeorġja.

2.   L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a)

li tikkontribwixxi għall-istabbiltà fit-tul fil-Ġeorġja kollha u fir-reġjun ta’ madwarha;

(b)

fuq perijodu qasir, l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni b’anqas riskju ta’ bidu mill-ġdid ta’ ostilitajiet, f’konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti u mal-miżuri implimentattivi sussegwenti.

Artikolu 3

Kompiti tal-missjoni

Bil-għan li twettaq il-Missjoni, il-kompiti tal-EUMM Ġeorġja ser ikunu:

(1)

Stabbilizzazzjoni:

Tissorvelja, tanalizza u tirraporta dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, iċċentrat fuq il-konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti, inkluż l-irtirar ta’ truppi, u fuq il-libertà tal-moviment u azzjonijiet minn sakkeġġatturi, kif ukoll fuq vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani u d-dritt umanitarju internazzjonali.

(2)

Normalizzazzjoni:

Tissorvelja, tanalizza u tirraporta dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-governanza ċivili, b’attenzjoni speċjali għall-istat tad-dritt, għal strutturi effikaċi tar-rinfurzar tal-liġi u għal sitwazzjoni adegwata ta’ ordni pubbliku. Il-Missjoni se tissorvelja wkoll is-sigurtà tal-konnessjonijiet tat-trasport, ta’ infrastrutturi ta’ l-enerġija u ta’ utilitajiet, kif ukoll l-aspetti ta’ politika u sigurtà tar-ritorn tal-persuni internament spostati u tar-refuġjati.

(3)

Bini ta’ fiduċja:

Tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ tensjonijiet permezz tal-kuntatti, għall-faċilitazzjoni ta’ kuntatti bejn il-partijiet u għal miżuri oħrajn ta’ bini ta’ fiduċja.

(4)

Tikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-politika Ewropea u għall-involviment futur tal-UE.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.   L-EUMM Georgia għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

Kwartier Ġenerali (KĠ). Il-KĠ għandu jikkonsisti mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u tal-Persunal tal-KĠ, li jkun jipprovdi l-funzjonijiet neċessarji kollha ta’ kmad u kontroll u appoġġ għall-missjoni. Il-KĠ għandu jkun fi Tbilisi.

(b)

Uffiċċji Lokali. Uffiċċji Lokali distribwiti ġeografikament ser iwettqu kompiti ta’ monitoraġġ u jipprovdu funzjonijiet meħtieġa ta’ appoġġ għall-missjoni.

(c)

Element ta’ Appoġġ. L-Element ta’ Appoġġ għandu jkun stabbilit fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi Brussell.

2.   Bħala kapaċità ta’ potenzjament inizjali, għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta’ monitoraġġ ta’ komponenti pre-ekwipaġġati provduti mill-Istati Membri fi ħdan l-EUMM Georgia.

3.   L-elementi ta’ hawn fuq għandhom ikunu suġġetti għal iżjed arranġamenti dettaljati fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUMM Georgia.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUMM Georgia fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-UE jiġi attwat korrettament.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fil-livell operattiv fuq il-post.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni, inkluż f’dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effikaċi ta’ EUMM Georgia fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali, jew tal-UE, konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUMM Georgia fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, adegwatament, ma’ atturi oħrajn tal-UE fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

8.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jfassal l-OPLAN għall-Missjoni sabiex dan jiġi preżentat għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi assistit f’dan il-kompitu mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 7

Persunal

1.   L-EUMM Georgia għandha tikkonsisti primarjament f’persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-UE għandu jerfa’ l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal sekondat minnu, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta’ sigurtà speċifiċi għall-missjoni u l-pjan ta’ sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika tal-UE ta’ sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mir-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill (1).

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal

1.   L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inklużi meta adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom jiġu miftiehma konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jgħin lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali ftehim f’isimha.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli għall-bidu ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta’ kmand

1.   L-EUMM Georgia għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUMM Georgia.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUMM Georgia fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUMM Georgia fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tat-TPUE, fuq proposta mis-SĠ/RGħ, u sabiex jiġu emendati il-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ Terzi Stati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-UE u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-Missjoni, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Georġja, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-Missjoni, kif meħtieġ.

2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni daqs l-Istati Membri tal-UE.

3.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn strumenti ta’ ftehim konklużi konformement mal-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li għandu jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja strumenti ta’ ftehim bħal dawn f’isem din tal-aħħar. Fejn l-UE u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

Artikolu 12

Is-sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom għall-EUMM Georgia konformement mal-Artikoli 5 u 9, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-Missjoni, konformement mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u mad-dokumenti li jappoġġawha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mal-Uffiċċju ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal tal-EUMM Georgia għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda xogħlu, konformement mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjoni organizzat mill-MSO.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUMM Georgia.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għandu jkun ta’ EUR 31 000 000.

2.   L-ispiża kollha għandha tiġi amministrata konformement mar-regoli Komunitarji u mal-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri tal-UE, ma’ Stati terzi parteċipanti, u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUMM Georgia. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom ikunu permessi li jressqu offerti għall-kuntratti.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni, u għandu jkun sorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom josservaw ir-rekwiżiti operattivi tal-Missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha.

5.   In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha tkun eliġibbli mid-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 15

Koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-Ġeorġja.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Presidenza lokali tal-UE u ma’ Kapijiet oħrajn ta’ Missjonijiet tal-UE.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkopera mal-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti fil-pajjiż, partikolarment in-NU u l-OSKE.

Artikolu 16

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-SĠ/RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, skond il-każ u skond il-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f’ konformità mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun ukoll awtorizzat jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, konformement mal-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f’ konformità mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan l-għan.

3.   Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-SĠ/RGħ huwa awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti f’ konformità mal-proċeduri applikabbli għall-koperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-UE.

4.   Is-SĠ/RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’ konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).

Artikolu 17

Reviżjoni tal-Missjoni

Sitt xhur wara l-bidu tal-Missjoni għandu jiġi ppreżentat lill-KPS reviżjoni tal-Missjoni, abbażi ta’ rapport mill-Kap tal-Missjoni u mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u t-tul ta’ żmien tagħha għandu jkun ta’ 12-il xahar.

Artikolu 19

Pubblikazzjoni

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-KPS f’ konformità mal-Artikolu 10(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-Regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47).


Top