EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0112

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/112/PESK tat- 12 ta’ Frar 2008 dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw (EU SSR GINEA BISSAW)

ĠU L 40, 14.2.2008, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2010: This act has been changed. Current consolidated version: 25/05/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/112/oj

14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/11


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/112/PESK

tat-12 ta’ Frar 2008

dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw (EU SSR GINEA BISSAW)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 25,

Billi:

(1)

Il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afrika u fl-Ewropa hija prijorità strateġika ewlenija ta’ l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE adottata mis-Summit UE-Afrika fid-9 ta’ Diċembru 2007.

(2)

Ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) fil-Ginea Bissaw hija essenzjali għall-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż.

(3)

F'Novembru 2006, il-Gvern tal-Ginea Bissaw ippreżenta Strateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà li tissottolinja l-impenn tiegħu biex jimplimenta l-SSR.

(4)

F'dan il-kuntest, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea wettqu missjoni inizjali konġunta ta’ ġbir ta’ informazzjoni f'Mejju 2007 fil-Ginea Bissaw, f'kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet Bissawani, biex jiġi żviluppat approċċ ġenerali ta’ l-UE b'appoġġ għall-proċess ta’ riforma nazzjonali tas-settur tas-sigurtà.

(5)

Biex tiġi implimentata b'mod effettiv l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà, Pjan ta’ Azzjoni għar-Ristrutturar u l-Immodernizzar tas-Setturi tas-Sigurtà u d-Difiża ġie ppreżentat mill-Gvern tal-Ginea Bissaw f'Settembru 2007, u ġie stabbilit il-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

(6)

Biex jikkumbatti t-theddida li qed tiżdied ikkawżata minn netwerks kriminali organizzati li joperaw fil-pajjiż, il-Gvern tal-Ginea Bissaw, bl-għajnuna ta’ l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC), ħabbar ukoll f'Settembru 2007 Pjan ta’ Emerġenza biex Jikkumbatti t-Traffikar tad-Drogi.

(7)

Rapport tat-28 ta’ Settembru 2007 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, waqt li faħħar lill-Gvern tal-Ginea Bissaw għall-miżuri pożittivi meħudin sa issa biex jimplimenta l-programm ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà, issottolinja wkoll li l-pajjiż m'hux kapaċi jikkumbatti t-traffikar tad-drogi waħdu u appella għal appoġġ tekniku u finanzjarju minn sħab reġjonali u internazzjonali.

(8)

Fid-19 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill ikkunsidra li azzjoni tal-PESD fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw tkun xierqa, f'koerenza ma’ u komplimentari għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u attività oħra Komunitarja.

(9)

Wara t-tieni missjoni ta’ l-UE għall-istabbiliment tal-fatti mibgħuta f'Ottubru 2007, fl-10 ta’ Diċembru 2007 l-Kunsill approva l-Kunċett Ġenerali għal azzjoni potenzjali tal-PESD b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw.

(10)

F'ittra ddatata l-10 ta’ Jannar 2008, il-Gvern tal-Ginea Bissaw stieden lill-UE biex tibgħat Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw.

(11)

Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Operazzjonijiet rigward missjoni mwettqa fil-qafas tal-Politika Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-Ginea Bissaw, li tkun magħrufa bħala “EU SSR GUINEA BISSAU”.

(12)

Fil-konklużjonijiet tal-21 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill ikkonkluda li r-RSS fil-pajjiżi sħab hija wieħed mill-oqsma ċentrali għall-azzjoni ta’ l-UE kif hemm identifikat fl-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà.

(13)

Kwalunkwe parteċipazzjoni fil-missjoni minn Stati Terzi għandha tkun konformi mal-linji gwida ġenerali ddefiniti mill-Kunsill Ewropew.

(14)

L-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll tal-Missjoni hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(15)

Għal din il-Missjoni għandha tiġi attivata l-Kapaċità ta’ Għassa stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill.

(16)

Il-missjoni tal-PESD ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tmur għall-agħar u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) b'dan tistabbilixxi Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw, (“EU SSR GUINEA BISSAU” jew il-“Missjoni”), li tinkludi fażi ta’ tħejjija li tibda fis-26 ta’ Frar 2008 u b'fażi ta’ implimentazzjoni li tibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2008. It-tul ta’ żmien tal-Missjoni ser ikun ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mid-dikjarazzjoni tal-kapaċità operattiva inizjali.

2.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha topera skond il-mandat tal-missjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat tal-Missjoni

1.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha tipprovdi pariri u għajnuna dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw lill-awtoritajiet lokali, sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ atturi oħrajn ta’ l-UE, internazzjonali u bilaterali, u bl-għan li tiffaċilita l-involviment sussegwenti ta’ donaturi.

2.   L-objettivi partikolari tal-missjoni huma:

L-operalizzazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà permezz ta’ l-iżvilupp ta’ pjanijiet għal implimentazzjoni dettaljati għat-tnaqqis/ristrutturar tal-Forzi Armati u l-forzi tas-sigurtà.

Tassisti fl-iżvilupp u l-artikulazzjoni tal-ħtiġiet tal-bini tal-kapaċità, inkluż taħriġ u tagħmir, waqt li tiffaċilità mobilizzazzjoni sussegwenti ta’ u l-involviment ta’ donaturi.

Valutazzjoni tal-potenzjal u r-riskju għal impenn kontinwu tal-PESD għal perijodu medju b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-SSR.

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni

Il-missjoni għandha tkun tinsab fil-belt kapitali tal-Bissaw u għandha tinkludi:

(a)

il-Kap tal-Missjoni u Deputat Kap tal-Missjoni, appoġġati minn Ċellula ta’ Appoġġ tal-Missjoni u Konsulent Politiku/Uffiċjal Pubbliku u ta’ l-Informazzjoni ta’ l-Istampa (POLAD/PPIO);

(b)

konsulenti assenjati biex jaħdmu ma':

l-Armata,

il-Forza Navali,

il-Forza ta’ l-Ajru,

u fil-livell tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati

(c)

konsulenti assenjati biex jaħdmu ma':

il-Pulizija Ġudizzjarja,

l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Interpol,

is-Servizzi tal-Prosekuzzjoni u

il-Pulizija ta’ l-Ordni Pubbliku;

inkluż dwar l-istabbiliment ta’ Gwardja Nazzjonali;

u

(d)

konsulent għas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni Teknika (CTC).

Artikolu 4

Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għall-EU SSR GUINEA BISSAU.

2.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni tajba u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE li j/tissekonda. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza ta’ l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita Kontoll Operattiv (OPCON) fuq il-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet mill-Istati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u jkollu responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ struzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, għat-tmexxija effettiva ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-post ta’ l-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-UE konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EU SSR GUINEA BISSAU Rafah fiż-żona ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni, assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) tal-Missjoni biex jiġi approvat mill-Kunsill.

Artikolu 6

Persunal

1.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha tikkonsisti l-aktar f'persunal issekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandu jerfa' l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal issekondat minnu, inkluż l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ l-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra per diems applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa mhumiex previsti mill-Istati Membri.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi ta’ sigurtà minimi speċifiċi għall-missjoni u l-Pjan ta’ Sigurtà tal-Missjoni li tappoġġa l-Politika ta’ l-UE ta’ Sigurtà fuq il-Post. Rigward il-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata ta’ l-UE li huma fdati biha waqt li jkunu qed iwettqu d-dmirijiet tagħhom, huma għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 201/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (1) (hawn aktar 'il quddiem “ir-Regolamenti tas-Sigurta' tal-Kunsill”).

Artikolu 7

Linja ta’ kmand

1.   L-EU SSR BISSAU għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu pariri u appoġġ tekniku. Il-Persunal Militari taċ-ċellula Civ-Mil ta’ l-UE għandu jkun involut fl-aspetti kollha fit-termini ta’ referenza tiegħu.

4.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-post ta’ l-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jaħtar Kap tal-Missjoni, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u li jemenda l-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni għandu jkun ta’ EUR 5 650 000.

2.   L-infiq kollu għandu jkun amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta’ stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għall-kuntratti.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw l-esiġenzi operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

5.   In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha tkun eliġibbli mid-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali waħdani tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi biex jikkontribwixxu għall-Missjoni, dment li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni tar-riskji kollha, l-allowances ta’ kuljum u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mir-Repubblika tal-Ginea Bissaw, u li huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni, kif meħtieġ.

2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill jawtorizza lill-PKS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex joħloq Kumitat ta’ Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta’ l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istat terz f'operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżi, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-missjoni.

Artikolu 11

Koordinazzjoni

1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza ta’ l-Azzjoni Konġunta attwali ma’ l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan. Arranġamenti għall-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw għandhom ikunu stabbiliti f'Bissaw kif ukoll fi Brussell.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni biex jiżgura l-koerenza ta’ l-azzjoni ta’ l-UE b'appoġġ għar-RSS fil-Ginea Bissaw.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mar-rappreżentanza lokali tal-Presidenza ta’ l-UE u ma’ Kapijiet ta’ Missjonijiet ta’ l-UE oħrajn partikolarment dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-UE fil-Kumitat ta’ Tmexxija għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera ma’ l-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti fil-pajjiż, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti u l-ECOWAS, u mal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Ginea Bissaw.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-ECOWAS, skond il-bżonnijiet operattivi ta’ l-operazzjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitħejjew għal dan il-għan.

3.   F'każ ta’ bżonn operattiv speċifiku u immedjat, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każi l-oħra kollham dawn l-informazzjoni u dokumenti għandhom jingħataw lill-Istat li jkun qed jospita skond proċeduri xierqa mal-livell ta’ koperazzjoni ta’ l-Istat jkun qed jospita ma’ l-Unjoni Ewropea.

4.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta’ l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-operazzjoni u koperti bl-obbligu tas-sigriet professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).

Artikolu 13

L-istatus ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU u l-persunal tagħha

1.   L-istatus ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU u l-persunal tagħha, inkluż fejn hu adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni, għandu jiġi miftiehem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta’ l-aħħar.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni ta’ l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 14

Is-sigurtà

1.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni tajba u effettiva tagħhom għall-EU SSR GUINEA BISSAU skond l-Artikoli 4 u 7, f'koordinazzjoni ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta’ l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, f'konformità mal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva skond it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti li jakkumpanjawh.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU għandu jagħmel taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma’ l-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament organizzat mill-MSO fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata ta’ l-UE f'konformità mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 15

Kapaċità ta’ Għassa

Il-Kapaċità ta’ Għassa għandha tiġi attivata għall-EU SSR GUINEA BISSAU.

Artikolu 16

Reviżjoni tal-Missjoni

Sitt xhur wara l-bidu tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Missjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà reviżjoni tal-Missjoni, abbażi ta’ rapport mill-Kap tal-Missjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Għandha tkun applikabbli sal-31 Mejju 2009.

Artikolu 18

Pubblikazzjoni

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Id-Deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 8(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24)

(2)  Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/881/KE, Euratom (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 17).


Top