EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0735

2008/735/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Settembru 2008 li taħtar rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinali

ĠU L 248, 17.9.2008, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/735/oj

17.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 248/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Settembru 2008

li taħtar rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinali

(2008/735/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistipula proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dak veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Mediċinali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 65 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinali (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għandu jinkludi żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

(2)

Minħabba t-tqassim mill-ġdid tal-kompetenzi fi ħdan il-Kummissjoni huwa neċessarju li jinħatar membru ġdid fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi u sostitut li jkun jista’ jissostitwixxi lill-membru fl-assenza tiegħu u jivvota minfloku,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċinali għandu jkun persuna li tokkupa l-pożizzjoni u li teżerċita l-funzjonijiet mniżżla hawn taħt:

(a)

Konsulent prinċipali b’interess speċjali fuq is-Saħħa Pubblika, li joffri konsulenza lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi dwar strateġija tas-saħħa u jgħin lid-Direttur tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u Valutazzjoni tar-Riskji.

Ir-rappreżentant alternattiv għandu jkun persuna li tokkupa l-pożizzjoni u li teżerċita l-funzjonijiet mniżżla hawn taħt:

(b)

Il-Kap tal-Unità “Strateġija għas-Saħħa u s-Sistemi tas-Saħħa”, li tinkludi l-funzjonijiet ta’ determinazzjoni u formolazzjoni ta’ politiċi u azzjoni għas-saħħa pubblika, inkluż fil-kamp tal-farmaċewtika, u d-determinazzjoni tad-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet fl-unità skont il-bażi tal-programm ta’ xogħol tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi u/jew il-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u Valutazzjoni tar-Riskji.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-persuni li jokkupaw, anke jekk fuq bażi temporanja, il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jew għal kull suċċessur tal-persuni f’dawk il-pożizzjonijiet.

Artikolu 3

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi għandu jinforma lill-President tal-Bord Amministrattiv u d-Direttur tal-Aġenzija bl-ismijiet tal-persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, u b’kull bdil f’dan ir-rigward.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.


Top