EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0722

2008/722/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 10 ta’ Mejju 2007 Dwar l-għajnuna mill-istat C 2/06 (ex N 405/05) li l-Greċja qed tippjana li tagħti fir-rigward ta’ l-iskema ta’ irtirar volontarju kmieni ta’ l-OTE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1436) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 243, 11.9.2008, p. 7–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/722/oj

11.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 243/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-10 ta’ Mejju 2007

Dwar l-għajnuna mill-istat C 2/06 (ex N 405/05) li l-Greċja qed tippjana li tagħti fir-rigward ta’ l-iskema ta’ irtirar volontarju kmieni ta’ l-OTE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1436)

(Il-verżjoni Griega biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/722/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom għal dawk id-dispożizzjoni(jiet) (1) u wara li kkunsidrat dawk il-kummenti,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra reġistrata fil-11 ta’ Awwissu 2005, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw il-kontribuzzjoni finanzjarja ppjanata ta’ l-Istat Grieg għall-iskema ta’ rtirar volontarju kmieni offruta mill-OTE lil ċerti kategoriji ta’ l-impjegati tagħha.

(2)

B’ittra tat-23 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali rigward il-miżura nnotifikata. Wara li talbu u ngħataw estensjoni, l-awtoritajiet Griegi ippreżentaw aktar informazzjoni b’ittra reġistrata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2005. Fit-22 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet Griegi ssupplimentaw ir-risposta tagħhom msemmija hawn fuq b’informazzjoni addizzjonali.

(3)

B’ittra datata t-8 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni informat lill-Greċja li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE rigward il-miżura in kwistjoni u talbet biex tingħata informazzjoni dwar numru ta’ kwistjonijiet.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċedura kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

(5)

Fit-3 ta’ Mejju 2006, il-Greċja ppreżentat il-kummenti tagħha kif ukoll l-informazzjoni mitluba mid-deċiżjoni msemmija hawn fuq. Aktar informazzjoni kienet ippreżentata fl-14 ta’ Lulju 2006, fit-2 ta’ Awwissu 2006 u fit-3, fil-5, fis-6 u fid-9 ta’ Ottubru 2006.

(6)

Fil-31 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn waħda mill-partijiet interessati li talbet l-anonimità u għaddiethom lill-Greċja, li ngħatat l-opportunità li tirrispondi.

(7)

Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Greċja ppreżentat ir-risposta tagħha għall-kummenti ppreżentati mill-parti interessata msemmija hawn fuq. Bil-kunsens tal-Greċja, il-Kummissjoni għaddiet l-imsemmija risposta lill-parti interessata.

II.   DESKRIZZJONI FID-DETTALL TA’ L-GĦAJNUNA

1.   Il-benefiċjarju

(8)

L-Organizzazzjoni Griega tat-Telekomunikazzjoni (OTE) ġiet stabbilita fl-1949, u hija kumpanija kummerċjali pubblika elenkata fil-Borża ta’ Ateni u fil-boroż ta’ New York (NYSE) u ta’ Londra (LSE).

(9)

Qabel il-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq Grieg tat-telekomunikazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2001, l-OTE kienet l-unika fornitriċi ta’ servizzi telefoniċi fissi tal-vuċi u netwerks ta’ telekomunikazzjoni fil-Greċja, inklużi servizzi ta’ komunikazzjoni lokali, għal distanza twila u internazzjonali. Illum, l-OTE hija preżenti kważi fis-setturi kollha tas-suq usa’ tal-komunikazzjoni elettronika (komunikazzjoni fissa, ċellulari, Internet, marittima u satellitari) kemm bħala operatriċi tan-netwerk kif ukoll bħala fornitriċi tas-servizz.

(10)

Wara l-liberalizzazzjoni sħiħa f’Jannar 2001 segwita bid-dħul fis-suq ta’ operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi alternattivi, is-sehem fis-suq ta’ l-OTE għal telefonati bil-vuċi (fissi), waqa’ gradwalment minn 94 % fl-2002 għal 73 % fl-aħħar ta’ l-2005 (3). Bl-istess mod, it-tnaqqis fis-sehem mis-suq kif ukoll it-tendenzi teknoloġiċi usa’, bħas-sostituzzjoni minn telefonija fissa għal dik ċellulari, wasslu wkoll għat-tnaqqis tad-dħul fiss ta’ l-OTE minn madwar EUR 3.4 biljun fl-2001 għal madwar EUR 2.6 biljun fl-2005. It-tnaqqis fid-dħul ma kienx akkumpanjat bi tnaqqis fl-ispejjeż operattivi u l-kumpanija fl-2004 rreġistrat għall-ewwel darba fl-istorja tagħha telf operattiv nett. Minkejja dan ta’ hawn fuq, l-OTE llum tibqa’ l-operatriċi ewlenija fil-forniment ta’ servizzi telefoniċi fissi tal-vuċi u tgawdi sitwazzjoni kważi monopolistika bħala l-unika fornitriċi ta’ aċċess għal netwerk fis-suq tat-telefonija fissa (4).

(11)

Fil-Greċja, il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika (sa mill-1 ta’ Jannar 2001) ma kienx akkumpanjat bi privatizzazzjoni sħiħa ta’ l-OTE. Fiż-żmien tan-notifika, l-Istat Grieg kellu 38 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija, filwaqt li l-kapital rimanenti kien jappartjeni għal investituri istituzzjonali Griegi (12 %), investituri internazzjonali (29 %), il-Hellenic Exchangeable Finance S.C.A. (11 %) u l-pubbliku ġenerali (10 %). F’Awwissu 2005, permezz ta’ tranżazzjoni ta’ bonds skambjabbli, il-Hellenic Exchangeable Finance biegħet lill-Istat Grieg sehem ta’ 10 % f’OTE biex naqqset is-sehem tagħha fiha għal 38,7 %.

(12)

Madankollu, irrispettivament mil-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq u l-privatizzazzjoni parzjali tiegħu, l-OTE baqgħet soġġetta għal-liġijiet u l-ftehim tat-trade unions adottati qabel il-liberalizzazzjoni. Bħala riżultat il-qafas legali applikabbli għall-OTE għandu diversi aspetti partikolari meta mqabbel mar-reġim tal-liġi komuni applikabbli għall-kompetituri tagħha. B’mod partikolari, (i) l-impjegati ta’ l-OTE jgawdu de facto minn status permanenti (5), u (ii) l-OTE tiffaċċja spejjeż tax-xogħol addizzjonali (jiġifieri kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegati ogħla, salarji ogħla għal impjegati inqas kwalifikati u ħlasijiet ta’ kumpens miżjudin fil-każ ta’ rtirar). L-aspetti ewlenin tar-reġim tal-liġi tax-xogħol applikabbli għall-OTE huma mniżżlin hawn isfel f’punti 13 sa 18.

2.   Reġim tal-liġi tax-xogħol applikabbli għall-OTE

(13)

Sa issa, l-OTE tibqa’ soġġetta għal numru ta’ liġijiet speċifiċi u “ftehim kollettivi ta’ impjieg” li kienu adottati qabel il-liberalizzazzjoni fl-2001 u li jidderogaw mil-leġizlazzjoni tax-xogħol preżenti applikabbli għal kumpaniji pubbliċi oħrajn fil-Greċja. B’mod partikolari, l-obbligi ta’ l-OTE lejn l-impjegati tagħha huma rregolati minn (a) il-liġi Griega dwar l-impjieg, (b) “Ftehimiet Kollettivi ta’ l-Impjieg” negozjati bejn l-OTE u l-union ta’ l-impjegati (“OME-OTE”), l-aktar qabel ma kien liberalizzat is-suq, u (ċ) l-istatut ġenerali dwar l-impjieg (SĠI) ta’ l-OTE.

(14)

Il-leġiżlazzjoni tax-xogħol applikabbli għall-OTE għandha diversi karatteristiċi partikolari meta mqabbla mar-reġim tal-liġi komuni.

(15)

L-ewwelnett, l-impjegati kollha tagħha jgawdu status kważi permanenti de facto. Skond l-Artikoli 2 u 17 tas-SĠI, l-OTE ma tistax unilateralment tannulla kuntratt ta’ impjieg u għalhekk tnaqqas l-istaff ta’ impjegati tagħha. Skond il-Liġi Griega 2257/1994, id-dispożizzjonijiet tas-SĠI ta’ l-OTE igawdu mill-istess status vinkolanti bħal kwalunkwe liġi Griega oħra. Bħala riżultat, l-istatus ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ta’ l-OTE ma jistax jiġi mmodifikat mingħajr il-kunsens ta’ dawn ta’ l-aħħar u l-mogħdija ta’ liġi li tagħmel dan effettiv.

(16)

It-tieninett, l-OTE trid tħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal impjegati reklutati qabel il-31 ta’ Diċembru 1992 (6) b’rati li jaqbżu r-rati fissi skond il-liġijiet soċjali u tax-xogħol ġeneralment applikabbli. Għall-OTE, il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegati jammontaw għal 25 % u 11 % rispettivament, waqt li l-kontributi fis-settur privat jammontaw biss għal 13,33 % u 6,67 % rispettivament. Għall-impjegati reklutati sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma simili għal dawk fis-settur privat.

(17)

It-tieletnett, is-SĠI preżenti jipprojbixxi żidiet fis-salarji bbażati fuq konsiderazzjonijiet barra mill-isfond akkademiku ta’ l-impjegat u s-sigurtà ta’ impjieg fil-kumpanija. L-OTE għalhekk ma tistax tgħaddi għal żidiet fis-salarju bbażati fuq il-produttività u/jew il-kisbiet ta’ l-impjegat. Abbażi ta’ ftehimiet li ntlaħqu fl-imgħoddi tat-trade unions, l-impjegati l-ġodda jgawdu minn salarji bi dħul ogħla meta mqabblin mas-settur privat, waqt li jingħataw salarji aktar baxxi lil impjegati bl-esperjenza f’pożizzjonijiet maniġerjali.

(18)

Finalment, skond il-qafas legali applikabbli, l-OTE trid tagħmel ukoll pagamenti ta’ somma ta’ darba ogħla għall-impjegati li jirtiraw. Ma’ l-irtirar, l-impjegati ta’ l-OTE jirċievu żewġ somom ta’ darba: (a) somma ta’ darba imposta mil-liġi, ekwivalenti għal 11.6 drabi ta’ l-aħħar salarju gross ta’ xahar; u (b) somma ta’ darba statutorja nnegozjata bejn l-OTE u l-unions ta’ massimu ta’ EUR 20 100, flimkien ma’ 9 ħlasijiet ta’ salarju gross ta’ xahar (imqabbel ma’ 9,6 ħlasijiet ta’ salarju fil-każ ta’ kumpaniji privati).

3.   Skema ta’ l-irtirar

(19)

L-impjegati ta’ l-OTE huma obbligati jirtiraw (irtirar obbligatorju) meta (a) ilestu 35 sena ta’ servizz sħiħ jew (b) ilestu 30 sena ta’ servizz sħiħ u jilħqu l-età ta’ 58 sena; jew (ċ) meta jilħqu l-età ta’ 62 sena u jikkonformaw mas-snin minimi ta’ servizz skond il-liġi, jiġifieri 15-il sena jew 4 500 jum ta’ xogħol. Dawk li huma intitolati għal pensjoni iżda li ma laħqux l-età għal irtirar obbligatorju jistgħu jkomplu jaħdmu sakemm jilħqu din l-età.

(20)

Ma’ l-irtirar, l-impjegati ta’ l-OTE huma intitolati għal pensjoni skond il-kondizzjonijiet imniżżlin fil-leġiżlazzjoni Griega tas-Sigurtà Soċjali li tapplika għal serje ta’ fondi tal-pensjoni speċjali, inkluż il-Fond tal-Pensjoni ta’ l-OTE. Dan ifisser li l-impjegati ta’ l-OTE huma intitolati li jirċievu “pensjoni sħiħa”, jiġifieri 80 % tas-salarju finali tagħhom. Il-pensjoni ewlenija għall-impjegati ta’ l-OTE titħallas mill-Fond ta’ l-Assigurazzjoni għall-Impjegati ta’ l-OTE tal-liġi pubblika (“TAP-OTE”) (7). Skema awżiljarja ta’ assigurazzjoni tal-liġi pubblika ġestita mill-“Fond Awżiljarju OTE” tipprovdi addizzjonalment pensjoni awżiljarja massima ta’ 20 % tas-salarju finali. Ir-reġim tal-pensjoni ġenerali (80 %) u tal-pensjoni awżiljarja (20 %) huma t-tnejn inkorporati fil-liġi u għalhekk huma obbligatorji għall-OTE.

4.   Ir-ristrutturar ta’ l-OTE u l-VRS

(21)

Sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tal-kumpanija fuq medda ta’ żmien twil, l-OTE f’Mejju 2004, abbażi ta’ studju mwettaq minn ditta ta’ konsulenti (“McKinsey”), adottat pakkett ta’ miżuri ristrutturanti li l-element ewlieni tagħhom hija l-iskema ta’ Rtirar Volontarju (“VRS” – Voluntary Retirement Scheme). Bil-VRS, l-OTE timmira li tnaqqas in-numru ta’ persunal “permanenti” waqt li tkun tista’ tirrekluta persunal ikkwalifikat ġdid li ma jibbenefikax aktar mill-istatus ta’ permanenza.

(22)

Bħalissa l-OTE timpjega madwar 16 000 persuna li jibbenefikaw minn impjieg garantit. L-istudju McKinsey indika li l-OTE tista’ topera u toffri l-istess tip ta’ servizzi b’madwar 30 % impjegati inqas. Barra minn hekk, l-istudju jenfasizza l-ħtieġa għar-reklutaġġ ta’ persunal ikkwalifikat kapaċi li jieħu ħsieb kwistjonijiet ta’ IT, teknoloġiji ġodda, bejgħ ta’ riklami, finanzi u kwistjonijiet regolatorji. L-età medja tal-persunal ta’ l-OTE (47 sena) u l-fatt li perċentwal żgħir biss tal-ħaddiema preżenti (19 %) għandhom diploma minn università jew skola ogħla jiggrava aktar l-inflessibbiltà tax-xogħol ma’ l-OTE.

(23)

It-tneħħija ta’ l-istatus permanenti tal-persunal li preżentament huwa impjegat mill-OTE – li setgħet tippermetti lill-OTE biex tnaqqas il-ħaddiema tagħha bħal kull kumpanija oħra – kienet tkun, skond l-Awtoritajiet Griegi, soġġetta għal dubji legali (kostituzzjonali) serji u għalhekk ma ġietx ikkunsidrata bħala għażla realistika. Meta jitqies l-istatus permanenti ta’ l-impjegati ta’ l-OTE kif preżentament miktub fil-kostituzzjoni, tnaqqis fil-ħaddiema kien possibbli biss bil-kunsens tat-trade union ta’ l-impjegati (“OME-OTE”). F’dan ir-rigward, intlaħaq ftehim għall-ewwel darba dwar l-VRS bejn l-OTE u t-trade union tal-kumpanija fi Frar 2005, bil-kondizzjoni li l-gvern jgħaddi leġiżlazzjoni li jagħtiha effett obbligatorju. F’Mejju 2005, l-OTE kkonkludiet ukoll “Ftehim Kollettiv ta’ l-Impjieg” kollaterali mat-trade union fejn ġie miftieħem li kull impjegat ġdid mhux ser jibbenefika aktar mill-istatus ta’ permanenza.

(24)

Il-leġizlazzjoni rilevanti ġiet infurzata fl-14 ta’ Lulju 2005 (Liġi 3371/2005) u l-VRS li dwarha ntlaħaq ftehim bejn l-OTE u t-trade union ġiet iffinalizzata fl-20 ta’ Lulju 2005. Din ipprovdiet il-qafas legali meħtieġ biex l-OTE toffri rtirar kmieni lil madwar 6 000 persuna waqt li fl-istess ħin tkun tista’ tħaddem persunal ġdid (madwar 1 200 ruħ) soġġett għal-liġijiet ordinarji tax-xogħol (jiġifieri mingħajr benefiċċju ta’ permanenza).

(25)

Id-dritt għall-irtirar kmieni ingħata lill-impjegati li fl-2012 ser jilħqu l-età ta’ rtirar obbligatorju (jiġifieri l-età ta’ 58 sena bi 30 sena ta’ servizz, jew 35 sena sħaħ ta’ servizz, jew l-età ta’ 62 sena u 15-il sena ta’ servizz). L-impjegati li jagħżlu rtirar kmieni ser jibbenefikaw mir-rikonoxximent tas-snin ta’ servizz rimanenti (“snin nazzjonali”) u l-istess impjegati jkunu intitolati għal ħlasijiet ta’ pensjonijiet immedjati. Ir-rikonoxximent ta’ massimu ta’ tmien snin nazzjonali ta’ impjieg huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ l-iskemi tal-pensjoni ewlenin u awżiljarji kif ukoll taż-żewġ ħlasijiet ta’ darba ta’ l-irtirar (wieħed mill-OTE u wieħed mill-Fond Awżiljarju).

(26)

Impjegati oħrajn li huma qrib l-irtirar u diġà jikkonformaw mal-ħtiġiet ġenerali għad-drittijiet sħaħ tal-pensjoni ser jibbenefikaw biss minn ħlasijiet ta’ darba bejn EUR 5 000 u EUR 30 000 (8).

(27)

Skond l-awtoritajiet Griegi, il-kondizzjonijiet tal-VRS preżenti kellhom ikunu aktar ġenerużi minn miżuri ta’ rtirar kmieni simili fil-passat sabiex jiżguraw rispons massimu mill-impjegati (9).

5.   Qafas legali għall-VRS u l-finanzjament tiegħu

(28)

Wara l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-OTE u t-trade unions għall-implimentazzjoni tal-VRS fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Parlament Grieg daħħal fis-seħħ il-Liġi Nru 3371/2005. L-Artikolu 74 tagħha jagħti l-effett legali meħtieġ lill-VRS u jistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istat għal din l-iskema.

(29)

B’mod partikolari l-Artikolu 74 tal-Liġi jagħti lill-impjegati permanenti ta’ l-OTE, li jilħqu l-età ta’ rtirar statutorja sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-possibbiltà li jitolbu rilaxx immedjat waqt li jirċievu l-pensjoni li kieku kienu jirċievu kieku baqgħu impjegati mill-OTE sad-data ta’ hawn fuq. Għal dik il-fini, l-impjegati għandhom jingħataw rikonoxximent għal ħin fittizju ta’ impjieg kemm huwa meħtieġ, kemm rigward il-pensjoni ewlenija kif ukoll rigward dik awżiljarja. Wara r-rilaxx, l-impjegat huwa intitolat għal ħlas immedjat tal-pensjoni kkalkulata b’dan il-mod.

(30)

L-ispiża riżultanti mir-rikonoxximenti kollha tal-ħin fittizju ta’ impjieg rigward il-kontribuzzjonijiet ta’ pensjonijiet totali ta’ l-impjegati u ta’ min iħaddem, kif ukoll l-ispiża riżultanti mill-pensjonijiet li jingħataw mit-TAP-OTE, għandhom jidħlu għaliha l-OTE u l-Awtoritajiet Griegi. Min-naħa l-oħra, in-nefqiet marbutin mal-pensjonijiet supplimentari u l-ħlas ta’ somma ta’ darba għandhom jitħallsu għal kollox mill-OTE.

(31)

Skond l-Artikolu 74(4)(a) tal-Liġi 3371/2005, l-awtoritajiet Griegi jikkontribwixxu 4 % tal-kapital ta’ l-ishma ta’ l-OTE lit-TAP-OTE. Il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg lill-VRS huwa maħdum billi jkun multiplikat in-numru totali ta’ ishma (490 582 879) ta’ l-OTE b’4 % u l-valur preżenti ta’ l-istokks kif ikkwotat fil-Borża ta’ Ateni. Skond il-liġi, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi huwa awtorizzat li jiffirma kuntratti li jeffettwaw it-trasferiment imsemmi u l-istabbiliment tad-drittijiet ta’ l-Istat Grieg f’rabta ma’ dawk l-ishma, inkluż id-dritt ta’ l-Istat Grieg li jixtri lura l-ishma jekk huwa hekk jixtieq (“call option”) u l-obbligu li jagħmel dan jekk il-Fond tal-Pensjoni jeħtieġ kontanti biex joħroġ il-benefiċċji ta’ pensjonijiet bħala parti mill-VRS (“put option”) skond il-prezz ta’ l-għeluq tagħhom fil-jum tat-trasferiment li m’huwiex tal-borża. Il-miżuri implimentattivi u dettalji oħrajn rigward it-twettiq ta’ dawn l-għażliet għadhom ma kinux speċifikati bi stennija ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni.

6.   Nefqiet tal-VRS u l-valur tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istat Grieg

(32)

Fin-notifika, l-awtoritajiet Griegi ċċaraw li n-nefqiet tal-VRS ibbażati fuq it-tluq mistenni ta’ 6 000 impjegat ser jammontaw għal madwar EUR 1,5 biljun mifruxin fuq perjodu ta’ seba’ snin (jiġifieri mill-2005 sa l-2012) bl-ispejjeż ewlenin jaqgħu bejn l-2005 u l-2007. Fl-2005, in-nefqiet mistennijin ta’ l-iskema huma stmati għal madwar EUR 500 miljun. Meta espressi f’termini ta’ prezzijiet attwali, in-nefqiet jammontaw għal madwar EUR 1,2 biljun (10).

(33)

Fl-20 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li numru totali ta’ 5 525 impjegat ippreżentaw applikazzjoni valida fil-qafas taż-żmien meħtieġ biex jibbenefikaw mill-VRS (ċifra li tikkorrespondi għal madwar 90 % tat-tnaqqis tal-ħaddiema inizjalment maħsub). Minkejja l-fatt li ċ-ċifra eżatta mhux ser tkun magħrufa qabel ma jiġu proċessati għal kollox u evalwati fid-dettal l-applikazzjonijiet kollha, l-awtoritajiet Griegi jistmaw li n-nefqa ġenerali tal-VRS ser tkun madwar EUR 1,1 biljun (jew madwar EUR 863 miljun f’termini ta’ valur preżenti nett).

(34)

Kif indikat hawn fuq, il-parteċipazzjoni ta’ l-Istat Grieg tieħu l-forma ta’ trasferiment ta’ 4 % ta’ l-ishma tiegħu fil-kumpanija lill-Fond tal-Pensjoni TAP-OTE.

(35)

Skond il-prezz ta’ sehem ta’ l-OTE fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi (l-14 ta’ Lulju 2005), il-valur ta’ 4 % ta’ l-ishma li għandu jiġi ttrasferit mill-Istat lill-Fond tal-Pensjoni kien ta’ madwar EUR 315 miljun. Madankollu, jekk ikun ikkunsidrat li l-valur ta’ l-ishma ser ikun iddeterminat fil-jum tat-trasferiment, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat tista’ tkun ikbar. Sa minn Lulju 2005, il-prezz ta’ sehem ta’ l-OTE żdied minn madwar EUR 16 f’Lulju 2005 għal madwar EUR 23 f’nofs Jannar 2006, u kien ta’ madwar EUR 22 fil-bidu ta’ Frar 2007.

7.   L-argumenti ta’ l-awtoritajiet Griegi

(36)

L-awtoritajiet Griegi jikkunsidraw li l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat lill-VRS ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat. Fl-għoti ta’ finanzjament lill-VRS, l-Istat Grieg aġixxa bħala investitur privat. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat lill-OTE ħelsitha biss parzjalment mill-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-VRS kif imqabbla ma’ skemi simili li jqumu anqas offruti skond il-liġijiet u r-regolamenti tax-xogħol applikabbli ġenerali. Konsegwentement, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat kienet sempliċiment immirata biex twassal għal sitwazzjoni ta’ ugwaljanza u għalhekk ma kkawżatx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(37)

L-awtoritajiet Griegi huma tal-fehma li l-OTE tinsab fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fis-suq reċentament liberalizzat għat-telefonija fissa. Minħabba l-istatus ta’ impjieg permanenti għal għomorhom li jgawdu l-impjegati ta’ l-OTE, l-OTE ma setgħetx unilaterlament tirrilaxxa persunal iżda kellha ddur għal offerti ta’ rilaxx volontarju. Sabiex offerta bħal din issir attraenti, l-OTE kellha toffri lill-impjegati tagħha termini u kondizzjonijiet ta’ rilaxx volontarju li jirriflettu l-istatus permanenti tal-ħaddiema.

(38)

B’mod aktar partikolari, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat lill-VRS ser tikkumpensa biss parzjalment għan-nefqiet straordinarji ikkawżati minn żewġ tipi ewlenin ta’ żvantaġġi strutturali li huma dovuti għall-wirt ta’ l-OTE bħala monopolju ta’ proprjetà ta’ l-Istat: (a) l-istatus permanenti ta’ kważi-funzjonarju-ċivili ta’ l-impjegati ta’ l-OTE, garantit mil-liġi, u (b) is-salarji ogħla (imposti wkoll mil-liġi) li jżidu b’mod sinifikanti l-ispejjeż ġenerali ta’ l-iskema. Bħala riżultat, l-OTE hija żvantaġġata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fis-suq tat-telefonija fissa liberalizzat reċentament. Għalhekk, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat tkun konformi mal-ġurisprudenza reċenti f’dan il-qasam, u partikolarment mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’Combus  (11) li tipprovdi li l-ħelsien ta’ kumpanija tas-settur pubbliku minn żvantaġġi strutturali meta mqabbla mal-kompetituri tas-settur privat, bħal dawk dovuti għal “l-istatus privileġġat u li jinvolvi ħafna spejjeż ta’ l-uffiċjali”, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat.

(39)

L-awtoritajiet Griegi ipproponew kalkolu f’żewġ stadji mmirat biex jidentifika separatament (a) il-piż finanzjarju impost fuq l-OTE mill-istatus ta’ permanenza, u (b) il-piż impost mis-salarji aktar għoljin.

(40)

B’mod partikolari, il-piż finanzjarju impost fuq l-OTE minħabba l-istatus ta’ permanenza huwa kkalkulat billi jitqabblu l-ispejjeż tal-VRS ippjanata u l-ispejjeż li kieku jsiru kieku l-OTE kienet kumpanija privata li setgħet tirrilaxxa l-persunal tagħha billi toffri l-kumpens minimu meħtieġ mil-liġi fil-każ ta’ rilaxx. Jekk ikun ikkunsidrat, madankollu, li l-iskemi ta’ għadd kbir ta’ postijiet tax-xogħol battala skond il-liġi Griega huma soġġetti għal approvazzjoni ministerjali minn qabel (12), l-awtoritajiet Griegi jikkunsidraw li kumpanija privata aktarx toffri termini aktar ġenerużi mill-ħtiġiet legali minimi sabiex timplimenta VRS vasta. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi jistmaw li l-kumpaniji privati kienu joffru benefiċċji minn 1,5 sa 2,5 aktar mill-ħlasijiet ta’ kumpens minħabba redundancy skond il-liġi, jew bħala medja d-doppju tal-ħlasijiet legali ta’ kumpens minħabba redundancy  (13). F’dan il-każ, l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-permanenza tal-VRS ikunu EUR 269 miljun.

(41)

Imbagħad, meta titqabbel in-nefqa tal-VRS ta’ l-OTE ma’ l-ispejjeż ibbażati fuq is-salarji tas-settur privat li huwa bejn wieħed u ieħor, terz inqas mis-salarji mħallsin mill-OTE, l-awtoritajiet Griegi jistmaw li l-piż addizzjonali ta’ “salarju” fuq l-OTE jkun ta’ EUR 193 miljun, ibbażat fuq tqabbil bejn l-ispejjeż ta’ l-OTE u d-doppju tal-ħlasijiet minimi legali ta’ kumpens minħabba redundancy. Jekk ikunu kkunsidrati l-ispejjeż addizzjonali allegati dovuti kemm għall-permanenza u s-salarji ogħla flimkien, il-piż addizzjonali totali impost fuq l-OTE jammonta għal EUR 462 miljun, ‘il fuq mill-kontribuzzjoni ta’ l-Istat kif stmata fiż-żmien tan-notifika (madwar EUR 315-il miljun).

(42)

Fl-20 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw lill-Kummissjoni kalkoli aġġornati bbażati fuq numru definittiv ta’ impjegati li applikaw għall-VRS. Meta aġġornaw l-kalkoli tagħhom, l-awtoritajiet Griegi talbu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra wkoll xi spejjeż addizzjonali li saru sadanittant minħabba dewmien inevitabbli tat-tnedija ta’ l-implimentazzjoni tal-VRS kif inizjalment prevista (“nefqiet minħabba posponiment”) (14).

III.   DEĊIŻJONI BIEX JINBDEW PROĊEDURI SKOND L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT

(43)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-validità ta’ l-argumenti msemmijin fuq ta’ l-awtoritajiet Griegi għar-raġunijiet li ġejjin.

(a)   il-kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet Griegi

(44)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-kontribut finanzjarju ngħatax b’konformità mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq ladarba l-ebda investitur ieħor fil-kumpanija ma kkontribwixxa finanzjarjament għall-iskema ta’ rtirar kmieni. Barra minn hekk, l-investituri kollha ser jibbenefikaw ugwalment miż-żieda mistennija fil-valur tal-kumpanija, mingħajr ma’ l-Istat Grieg jirċievi korrispettiv proporzjonat għall-kontribuzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi għadhom ma wrewx li huma jistgħu jistennew korrispettiv raġonevoli mill-kontribuzzjoni msemmija.

(b)   L-ispejjeż ta’ VRS simili fis-settur privat

(45)

It-tieninett, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet Griegi kinitx fil-fatt limitata biex teħles lill-OTE minn spejjeż addizzjonali allegati mqabbla ma’ operaturi oħrajn li joffru skemi ta’ rtirar kmieni/minħabba redundancy lill-impjegati tagħhom. Partikolarment, il-Kummissjoni ddubitat kemm l-uniku eżempju ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi, skond liema, kumpanija normali toffri, fil-kuntest ta’ pjanijiet ta’ rilaxx volontarju, madwar id-doppju tal-kumpens tar-rilaxx meħtieġ mil-liġi għar-rilaxx, jista’ jiġi kkunsidrat bħala benchmark adatt biex jiġu determinati l-ispejjeż normali għal kumpanija li toffri skema ta’ rtirar kmieni li tikkonċerna madwar 5 000 sa 6 000 impjegat li ma bbenefikawx mill-istatus speċjali ta’ impjieg permanenti.

(ċ)   L-ispiża finali tal-VRS

(46)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fissret it-tħassib tagħha dwar jekk hemmx riskju li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istat Grieg (li m’hijiex fissa, iżda ser tiddependi fuq il-valur ta’ l-ishma ta’ l-OTE fid-data ta’ meta fil-fatt iseħħ it-trasferiment) taqbiżx l-ispejjeż addizzjonali allegati ta’ l-OTE kif ikkalkulati.

(d)   Vantaġġi relatati max-xogħol u vantaġġi oħrajn li jirriżultaw mill-passat

(47)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li anke kieku kellu jkun aċċettat li l-OTE ġġorr spejjeż addizzjonali minħabba l-istatus speċjali ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati tagħha, dan ma jjiġġustifikax neċessarjament il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat meta jitqies li l-OTE setgħet ibbenefikat, u tista’ tibqa’ tibbenefika, minn vantaġġi oħrajn li jistgħu jinnewtralizzaw kwalunkwe żvantaġġi strutturali possibbli. Tali vantaġġi jistgħu jirriżultaw mill-istatus ta’ impjieg speċifiku ta’ l-impjegati ta’ l-OTE, il-qafas legali speċifiku applikabbli għall-OTE jew interventi speċifiċi, li jnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol ta’ l-OTE għal livell aktar baxx mill-ispejjeż tax-xogħol ta’ kumpaniji soġġetti għal-liġiijiet tax-xogħol ġeneralment applikabbli. Saru referenzi għal eżenzjoni possibbli ta’ l-OTE mill-kontribuzzjonijiet tal-qgħad u ħelsien fil-passat mill-obbligi ta’ pensjonijiet tagħha.

(48)

Finalment, il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk l-OTE tibbenefikax mill-pożizzjoni monopolistika li kellha qabel li tikkompensa għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-ispejjeż żejda tal-VRS, partikolarment fir-rigward tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni fissa).

IV.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(49)

Intbagħtu kummenti minn ditta ta’ avukati li talbet ukoll l-anonimità għaliex hija involuta f’isem operaturi oħrajn f’litigazzjoni kontra l-OTE. L-argumenti ewlenin tad-ditta jistgħu jitqassru kif ġej.

(50)

L-ewwelnett, il-kontribuzzjoni ta’ l-awtoritajiet Griegi ma tikkonformax mat-test ta’ l-investitur privat għaliex il-VRS qatt ma kien ippreżentat lill-azzjonisti ta’ l-OTE għall-approvazzjoni. L-awtoritajiet Griegi naqsu wkoll milli juru li huma setgħu jistennew qligħ raġonevoli mill-kontribuzzjoni msemmija. It-tieninett, jidher li l-Istat annwalment ikopri parti mid-defiċit tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali ta’ l-OTE, it-TAP-OTE. It-tieletnett, rigward il-vantaġġi monopolisitiċi li qabel kellha l-OTE, id-ditta legali jidhrilha li l-indipendenza ta’ l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (NRA) hija mhedda għaliex il-bord huwa maħtur mill-awtoritajiet Griegi, l-azzjonist ewlieni ta’ l-ishma f’OTE.

(51)

Skond id-ditta ta’ avukati, l-awtorità regolattriċi għad trid toħroġ deċiżjonijiet f’każijiet li jinvolvu allegat ksur mill-OTE minħabba l-biża’ li tkun mheddeda l-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija. It-tieletnett, l-OTE mhijiex soġġetta għal taxxa tar-reklamar (‘l hekk imsejħa “aggeliosimo” li tammonta għal 20 % ta’ l-ispiża ta’ tpoġġija ta’ reklam u li titħallas mill-kumpaniji kollha l-oħra biex jirreklamaw bi kwalunkwe midja). Dan il-valur ta’ sussidju huwa stmat għal EUR 20 miljun fis-sena. Finalment, permezz ta’ kontroll tan-netwerk pubbliku tal-linji fissi, l-OTE kienet involuta f’serje ta’ prattiċi antikompetittivi u abbużivi fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi li ma kinux dejjem rimedjati mill-awtorità regolattriċi.

(52)

Id-ditta ta’ avukati għalhekk titlob li l-għajnuna tkun soġġetta għal numru ta’ kondizzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta’ hawn fuq.

V.   IR-RISPOSTA MILL-AWTORITAJIET GRIEGI

(53)

L-awtoritajiet Griegi tennew l-argument ewlieni tagħhom li f’konformità mas-sentenza Combus il-kontribuzzjoni tagħhom għall-ispejjeż tal-VRS ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-OTE l-ewwelnett għaliex il-kontribuzzjoni tagħhom ma tnaqqasx il-piż baġitarju normali ta’ l-OTE marbut ma’ l-impjieg u t-tieninett, hija tkopri biss it-tneħħija ta’ żvantaġġ strutturali ta’ impriża li qabel kienet pubblika. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Griegi jikkunsidraw li l-istatus ta’ permanenza ta’ l-impjegati ta’ l-OTE jikkostitwixxi piż maġġuri għall-kumpanija u ostaklu strutturali għal aktar privatizzazzjoni tagħha (15). Fil-każ li l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat ma tistax tiġi ġġustifikata bħala kumpens għal żvantaġġ strutturali jew tkun ikkunsidrata li tissodisfa t-test ta’ l-investitur privat, tali kontribuzzjoni xorta tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat abbażi tal-prinċipji derivanti mid-deċiżjoni EDF  (16) u dawk applikabbli għall-istranded costs fil-qasam ta’ l-enerġija (17).

(54)

Fir-risposta tagħhom l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw numru ta’ rapporti kkummissjonati minn esperti indipendenti li ntużaw biex (a) jikkalkulaw u jiċċertifikaw l-ispiża ġenerali tal-VRS, b’mod partikolari KPMG ivverifikat ir-riżultati finanzjarji ta’ l-2005 ta’ l-OTE u ċċertifikat l-ispiża totali tal-VRS), (b) jikkalkulaw l-ispiża tal-permanenza u l-ispiża ta’ salarji ogħla ta’ l-impjegati ta’ l-OTE billi jużaw il-limitu massimu xieraq fil-Greċja (fi kliem ieħor, l-istudji relevanti mwettqa mill-CRA International u l-Hay Group), u (ċ) jiddeskrivu l-qafas regolatorju tax-xogħol fil-Greċja applikabbli għall-intrapriżi privati in ġenerali u l-OTE b’mod partikolari (l-istudju mis-Sur Levantis, professur fil-liġi tax-xogħol fl-Università ta’ Ateni). Il-linja ewlenija ta’ argumentazzjoni mill-awtoritajiet Griegi tista’ titqassar kif ġej.

(a)   Il-ħtieġa ta’ VRS

(55)

B’risposta għad-dubji tal-Kummissjoni rigward jekk setgħux intużaw mezzi oħrajn biex tkun ristrutturata l-OTE, l-awtoritajiet Griegi enfassizaw li l-Kostituzzjoni Griega tipprovdi protezzjoni espliċita lid-drittijiet tax-xogħol derivanti minn ftehim kollettivi tax-xogħol fis-seħħ. Għalhekk, skema obbligatorja għal ħaddiema li m’hemmx aktar bżonnhom li setgħet kienet imposta mil-liġi sabiex ittemm l-istatus ta’ permanenza ta’ l-impjegati ta’ l-OTE ma setgħetx tiġi implimentata għaliex din inevitabbilment tirriżulta f’diversi litigazzjonijiet minħabba raġunijiet legali kostituzzjonali, tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u għalhekk tannulla l-objettiv kollu tar-ristutturar tal-persunal ta’ l-OTE (18).

(b)   L-ispejjeż tal-VRS

(56)

Fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet Griegi ikkonfermaw li minn 6 070 impjegat eliġibbli, l-OTE finalment irċeviet applikazzjonijiet minn 5 494 impjegat (91 % tal-kopertura). Il-benefiċjarji tal-VRS huma mbagħad diviżi f’żewġ sottogruppi: (a) 4 859 li ser jibbenefikaw mir-rikonoxximent ta’ snin “nozzjonali” – dan il-grupp huwa kopert mill-VRS preżenti – u (b) 635 impjegat qrib l-irtirar (jiġifieri li għandhom jedd għad-drittijiet sħaħ tal-pensjoni iżda li ma laħqux l-età obbligatorja ta’ l-irtirar) li ser jirċievu inċentivi ta’ l-irtirar supplimentari sabiex jirtiraw (19) – dan il-grupp huwa kopert mill-VRS “regolari”.

(57)

L-ispejjeż nominali ġenerali tal-VRS ġew ivverifikati u kkontrollati minn KPMG, l-awdituri ta’ l-OTE. Dawn huma l-ispejjeż ivverifikati fid-Dikjarazzjonijiet (“IFRS”) ta’ l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportar Finanzjarju ta’ l-OTE għall-2005 (20). Parti mill-ispiża tal-VRS, jiġifieri l-ispiża għall-VRS ta’ darba, kienet ikkalkulata minn ditta ta’ konsulenza indipendenti għall-benefiċċji ta’ l-impjegati, “Prudential”. Il-Prudential wettqet studju attwarju skond kif previst fl-Artikolu 74 tal-Liġi Nru 3371/2005. L-awtoritajiet Griegi ikkummissjonaw ukoll rapport minn konsulenza tat-tmexxija globali, il-“Hay Group”, li kkonferma li l-fattur tal-pakkett ta’ kumpens skond il-liġi minħabba redundancy ta’ 1,5 drabi huwa limitu massimu raġonevoli biex ikun ikkalkulat il-pakkett ta’ kumpens li intrapriża taħt ċirkostanzi normali kieku toffri lill-impjegati tagħha biex jitilqu mill-kumpanija.

(58)

Fuq il-bażi tar-rapport tal-Group Hay ta’ hawn fuq, konsulenza internazzjonali oħra dwar l-ekonomija u l-kompetizzjoni ġusta, bl-isem Charles River Associates International (CRA International), ikkompilat rapport finali li fih hija kkalkulat l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-OTE, meta mqabbla ma’ kompetituri oħrajn fis-settur privat, jiġifieri l-ispiża tal-permanenza u l-ispiża ta’ salarji ogħla.

(59)

Is-sejbiet ewlenin tar-rapporti individwali ta’ hawn fuq jistgħu jitqassru kif ġej.

(ċ)   Iċ-Ċertifikat IRFS ta’ l-2005 tal-KMPG: il-valur nominali tal-VRS

(60)

Skond il-kontijiet iċċertifikati ta’ l-OTE għall-2005, l-ispiża totali stmata tal-VRS f’termini ta’ ammonti ta’ ħlasijiet hija ta’ EUR 1 161 827 920. Il-valur preżenti nett (NPV – Net Present Value) tal-VRS huwa stmat għal EUR 939 607 196 (21). Din is-somma hija r-riżultat ta’ l-iskont tal-valur nominali tal-VRS bl-użu ta’ rata ta’ skont ta’ 3 % li tnaqqas l-ammont nominali b’EUR 67,7 miljun (22), u li teskludi s-somma ta’ EUR 154,4 miljun li torbot ma’ kumpensi li diġà kien hemm provvediment għalihom fil-kontijiet finanzjarji ta’ l-2004 ta’ l-OTE (1 161,8 – 67,7 – 154,4 = 939,6). L-NPV iċċertifikat tal-VRS (EUR 939,6 miljun) ma jikkunsidrax madankollu l-benefiċċji fiskali li jmorru għandu l-OTE taħt il-liġi tat-taxxa korporattiva (ara hawn isfel ir-rapport CRA).

(d)   Ir-Rapport tal-Hay Group: paraguni ma’ VRS oħrajn fil-Greċja u fl-UE

(61)

Ir-Rapport tal-Hay Group ġabar data minn kumpaniji fil-Greċja u madwar l-Ewropa li esperjenzaw il-proċess ta’ tnaqqis tal-ħaddiema fl-aħħar ftit snin. Huwa wettaq stħarriġ f’aktar minn 40 organizzazzjoni differenti li huma proprjetà Griega jew operazzjonijiet lokali ta’ kumpaniji multinazzjonali. Ir-Rapport Hay jikkonferma s-suppożizzjonijiet magħmulin mill-awtoritajiet Griegi fil-preżentazzjonijiet ta’ qabel tagħhom jiġifieri li: (a) m’hemm l-ebda skema ta’ rtirar kmieni fil-Greċja jew fil-bqija ta’ l-Ewropa li hija komparabbli ma’ dik ta’ l-OTE; (jiġifieri VRS li takkomoda spejjeż “strutturali” bħal dawk ta’ l-OTE, bħall-“permanenza” u salarji għoljin fissi), u (b) il-pakketti medji ta’ terminazzjoni ta’ impjieg għall-ħaddiema fil-każ ta’ VRS normali mwettqa minn kumpanija privata tabilħaqq jammontaw għal 1,5 drabi l-kumpens previst mil-liġi, partikolarment rigward il-grupp ta’ l-età ta’ 51 sena (23)

(e)   Ir-rapport CRA: il-kalkolu ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ l-OTE

(62)

Abbażi ta’ l-istudji ta’ hawn fuq, is-CRA ikkalkulat l-NPV ta’ l-ispejjeż li l-OTE ikollha toħroġ għal 5 494 impjegat bħala riżultat ta’ l-implimentazzjoni tal-VRS.

(63)

Fil-komputazzjoni ta’ l-NPV tal-VRS aspett ewlieni kien l-użu ta’ rata ta’ skont adatta. Is-CRA tirrikonoxxi li prinċipju fundamentali tal-finanzi moderni huwa li r-rata ta’ skont li għandha tkun applikata għal kwalunkwe nixxiegħa ta’ likwidità għandha tirrifletti l-livell ta’ riskju sistematiku inerenti għall-fluss tal-likwidità. Skond is-CRA, l-użu ta’ l-ispiża medja peżata tal-kapital (WACC) tal-kumpanija huwa għalhekk adatt u użat mill-ekonomisti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (24).

(64)

Madankollu, is-CRA hija tal-parir li fil-każ preżenti, ir-rwol ta’ l-ispejjeż sistematiċi, fil-piż finanzjarju mġarrab mill-VRS huwa wieħed kważi xejn. Dan minħabba (a) li l-evoluzzjoni tas-salarji ta’ l-impjegati ta’ l-OTE jsegwu skala stretta li tnaqqas sewwa l-inċertezzi dwar il-varjazzjonijiet fis-salarji maż-żmien, u (b) kwalunkwe inċertezza li tista’ tippersisti m’hijiex korrelatata mal-prestazzjoni ta’ l-OTE (iż-żieda annwali fit-tabella tas-salarji mhijiex korrelatata mal-prestazzjoni ekonomika ġenerali ta’ l-OTE). Għalhekk, skond is-CRA, ir-rata ta’ skont adatta għandha tirrifletti l-qligħ disponibbli fuq titoli ħelsin mir-riskju. Jekk bħala eżempju jittieħdu l-bonds ta’ EUR 2,1 biljun għal 10 snin irkantati mill-awtoritajiet Griegi fis-7 ta’ Ġunju 2005 (is-sena tal-VRS) bi qligħ medju peżat ta’ 3,41 %, u l-bond ta’ 5 snin ta’ EUR 1,68 biljun irkantata xahar wara bi qligħ medju peżat ta’ 2,71 %, is-CRA tieħu r-rata ta’ interess mingħajr riskju spott għall-maturitajiet kollha bħala li hija ta’ madwar 3 % (25).

(65)

Fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, is-CRA International stmat l-NPV tal-VRS bħala EUR 1 086,2 miljun. Għall-kuntrarju tal-kalkoli ta’ KPMG (ara l-paragrafu 60 fuq), il-kalkoli tas-CRA ma jikkunsidrawx il-EUR 154,4 miljun diġà previsti mill-OTE fil-kontijiet tagħha ta’ l-2004, għaliex dawn m’humiex marbutin bir-restrizzjonijiet tal-kontabbiltà ta’ awditur. Barra minn hekk, meta jkun ikkunsidrat li l-ħlasijiet tal-VRS mill-OTE jistgħu jitnaqqsu għal finijiet ta’ taxxa korporattiva taħt il-liġi korporattiva Griega, is-CRA stmat li l-NPV reali tal-VRS, wara t-taxxa, huwa ta’ EUR 784,3 miljun (26).

(66)

Abbażi ta’ l-ammont ta’ wara t-taxxa hawn fuq, is-CRA ikkalkulat l-ispejjeż li l-OTE kien ikollha toħroġ kieku kienet kumpanija privata. Għal dan il-għan, is-CRA assumiet li (a) skond il-konklużjonijiet meħudin mir-rapport tal-Hay Group, kumpanija privata taħt ċirkostanzi normali toffri pakkett li jammonta għal 1,5 drabi l-kumpens skond il-liġi minħabba redundancy, u li (b) skond id-data ppreżentata fl-istħarriġ tal-KPMG ta’ l-2004 dwar kumpensi u benefiċċji fis-settur Grieg tat-teknoloġija avvanzata, dan il-perċentwal kieku japplika għal salarji li jkunu 33 % inferjuri għal dawk imħallsin mill-OTE. Fuq is-suppożizzjoni li l-OTE tipprovdi pakkett ugwali għal 150 % tal-ħtieġa legali iżda b’salarji privati (jiġifieri 33 % inqas minn dawk ta’ l-OTE), is-CRA ikkonkludiet li kumpanija privata barra mill-OTE kien ikollha spejjeż ta’ wara t-taxxa li jammontaw għal EUR 314,4 miljun biex timplimenta l-VRS.

(67)

Fuq il-bażi ta’ paragun bejn il-valur preżenti (PV) ta’ wara t-taxxa tal-VRS (EUR 784,3 miljun) bl-ispejjeż li l-OTE kien ikollha tagħmel li kieku kienet kumpanija privata ordinarja (EUR 314,4 miljun), is-CRA ikkalkulat li l-ispejjeż żejda mġarrba mill-OTE għall-implimentazzjoni tal-VRS tagħha jammontaw għal EUR 469,9 miljun (27).

(68)

Għall-finijiet ta’ kompletezza, is-CRA International ikkalkulat ukoll l-ispejjeż żejda li l-OTE ġġorr abbażi ta’ żewġ xenarji alternattivi. L-ewwel xenarju huwa bbażat fuq ir-rata ta’ skont tal-WACC ta’ l-OTE ogħla (7,8 %). F’dan ix-xenarju, il-piż żejjed jitnaqqas għal EUR 390,4 miljun. It-tieni xenarju jassumi li ma hemm ebda tnaqqis ta’ taxxa. F’dan ix-xenarju, il-piż żejjed jiżdied għal EUR 540,2 miljun meta jintuża l-WACC ta’ l-OTE, u għal EUR 643,4 miljun meta tintuża r-rata ta’ skont ħielsa mir-riskju ta’ 3 %.

(f)   Assenza ta’ vantaġġi marbutin max-xogħol jew vantaġġi oħrajn

(69)

Abbażi ta’ l-istudju mwettaq mill-Professur Levantis ta’ l-Università ta’ Ateni, l-awtoritajiet Griegi saħqu li l-OTE ma tibbenefika minn ebda vantaġġ marbut max-xogħol. B’mod aktar partikolari, l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-OTE m’hijiex meħlusa milli tħallas kontribuzzjonijiet tal-qgħad (28). Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tas-sentenza ta’ Combus, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li l-eżistenza ta’ vantaġġi strutturali ma kinitx parti mill-analiżi tal-Qorti. Il-vantaġġi strutturali lanqas ma kienu parti mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija minn Franza favur l-EDF.

(70)

Rigward il-vantaġġi li l-OTE tista’ takkwista mill-pożizzjoni monopolistika preċedenti tagħha, l-awtoritajiet Griegi fakkru li s-suq tal-linji fissi ilu liberalizzat għal kollox sa mill-2001, u li l-OTE kienet soġġetta għal regolament ex ante estensiv skond id-dispożizzjonijiet tal-Qafas Regolatorju applikabbli għas-servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-rimedji imposti mill-OTE mill-NRA, il-Kummissjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Posta (EETT), f’rabta mas-swieq tat-telefonija fissa wasslu għad-dħul kompetittiv minn operaturi alternattivi u t-tnaqqis tas-sehem fis-suq mill-OTE.

(g)   L-impenn offrut mill-awtoritajiet Griegi

(71)

Fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet Griegi ibbażaw il-kalkoli tagħhom fuq il-prezz ta’ sehem ta’ l-OTE kif kien fl-għeluq tan-negozju fil-25 ta’ April 2006, jiġifieri EUR 17,98. Għalhekk, fil-25 ta’ April 2006, 4 % ta’ l-ishma ta’ l-OTE kkorrisponda għal valur ta’ ishma ta’ EUR 353 miljun. Il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ l-awtoritajiet Griegi lill-VRS, sal-25 ta’ April 2006, kien għalhekk 25 % taħt EUR 469.9 miljun li jikkorrispondi għall-ispiża addizzjonali tal-VRS).

(72)

Madankollu, jekk ikun ikkunsidrat li l-valur tal-prezz ta’ sehem ta’ l-OTE huwa soġġett għal ċaqliq fil-Borża ta’ Ateni, fil-każ li l-valur totali ta’ 4 % ta’ l-ishma ta’ l-OTE jaqbeż l-ispejjeż żejda mġarrba minn OTE, l-awtoritajiet Griegi ikkomettew ruħhom biċ-ċar li jemendaw l-Artikolu 74 tal-Liġi 3371, sabiex tkun limitata l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istat kif xieraq.

(h)   Risposta għal kummenti minn terzi

(73)

L-awtoritajiet Griegi jenfasizzaw li skond l-Artikolu 34 tal-Liġi tal-Kumpaniji Griega Nru 2190/1920 dwar soċjetajiet anonimi, il-laqgħa ġenerali m’għandhiex il-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet maniġerjali, billi din il-kompetenza hija tal-bord tad-diretturi (Artikolu 9, paragrafu (d) ta’ l-Istatuti ta’ l-OTE). Il-VRS kienet għalhekk diskussa u deċiża mill-bord tad-diretturi tal-kumpanija u aktar tard ippreżentata lill-investituri istituzzjonali.

(74)

Imbagħad, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li l-kummenti magħmulin dwar il-fatt li l-Istat Grieg ikopri annwalment parti mid-defiċit tat-TAP-OTE huma bbażati fuq intendiment żbaljat tar-reġim tas-sigurtà soċjali fil-Greċja. L-awtoritajiet Griegi tennew li l-fond tal-pensjoni ewlieni għall-impjegati ta’ l-OTE, it-TAP-OTE, huwa entità legali separata, irregolat mil-liġi pubblika, bħalma huma l-fondi ta’ pensjonijiet l-oħrajn kollha fil-Greċja. Huwa għandu l-bord tad-diretturi tiegħu, id-dipartimenti ta’ l-amministrazzjoni, tal-baġit u tal-finanzi tiegħu. Kważi l-fondi ta’ pensjonijiet eżistenti kollha huma fondi ta’ liġi pubblika u huma indipendenti mill-kumpaniji fejn jaħdmu l-impjegati, huma awto-regolati u huma orjentati biex ma jħallux profitt. Id-drittijiet pensjonisitiċi huma drittijiet ta’ poter mogħtija skond il-Kostituzzjoni Griega (Artikolu 25). Il-karatterisitiċi bażiċi tar-reġim tas-sigurtà soċjali Grieg huma l-karattru obbligatorju, pubbliku u universali tiegħu. Is-sistema tal-pensjoni Griega hija għalhekk sistema ta’ “Pay as you Go”. Id-defiċits tad-diversi fondi taħt liġi pubblika m’humiex iffinanzjati minn min iħaddem jew mill-impjegati iżda mill-Istat, b’dan ta’ l-aħħar qiegħed taħt obbligu kostituzzjonali li jiggarantixxi li l-pensjonijiet kollha jitħallsu b’mod sħiħ.

(75)

Mill-1994 sa l-2001, għalkemm kumpanija legali privata iżda kkontrollata mill-Istat u totalment indipendenti mill-fond tal-pensjoni taħt liġi pubblika t-TAP-OTE, l-OTE kellha mandat permezz ta’ leġizlazzjoni ad hoc u permezz ta’ ftehim kollettiv tax-xogħol biex tkopri d-defiċit tat-TAP-OTE, u għalhekk biex topera tip ta’ arranġament tas-sigurtà soċjali f’isem l-Istat. Ir-responsabbiltà ta’ l-OTE biex tkopri tali defiċits ad hoc tat-TAP-OTE żdiedet aktar u kkostitwiet żvantaġġ ċar għall-kumpanija.

(76)

Rigward il-vantaġġi allegati li l-OTE akkwistat mill-pożizzjoni monopolistika preċedenti tagħha, l-awtoritajiet Griegi enfasizzaw li sa mill-2001, is-suq tat-telekomunikazzjonijiet Grieg kien liberalizzat għal kollox u soġġett għas-superviżjoni regolatorja ex ante ta’ l-EETT, l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-imġiba allegatament abbużiva ta’ l-OTE ikollha tiġi ffaċċjata skond ir-regoli rispettivi speċifiċi għas-settur tal-Qafas Regolatorju ġdid u d-direttivi rilevanti tiegħu. Għall-awtoritajiet Griegi, ma jistgħux jintalbu miżuri kompensatorji li jappartjenu għal suq liberalizzat għal kollox permezz ta’ mezz kompletament differenti, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ l-għajnuna mill-Istat li huma unikament marbuta max-xogħol.

(77)

Finalment, l-awtoritajiet Griegi jiċħdu bħala inkorretta l-allegazzjoni ta’ parti terza li l-OTE hija eżentata mill-ħlas tat-taxxa tar-reklamar, waqt li kumpaniji oħrajn fil-Greċja kienu responsabbli li jħallsuha. Għalkemm skond l-artikolu 19(2) tal-Liġi Nru 1264/1982, impriżi jew utilitajiet ta’ karattru pubbliku, bħall-OTE, huma eżentati milli jħallsu t-taxxa tar-reklamar, sentenza reċenti mill-Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza (Deċiżjoni 9564/2005) interpretat il-kunċetti ta’ “servizz pubbliku” u “utilitajiet” kif deskritt fil-Liġi Nru 1264/1982, fis-sens li mhux biss l-OTE iżda kull operatur tat-telekomunikazzjonijiet kien eżentat mit-taxxa tar-reklamar (29), indipendentement mill-istatus tiegħu bħala kumpanija pubblika jew privata (30).

VI.   EVALWAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA

Eżistenza ta’ l-għajnuna

(78)

L-Artikolu 87(1) jipprevedi li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma li twassl għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(79)

Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna ta’ l-Istat tippresupponi li jintlaħqu l-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura tagħti vantaġġ; (ii) dak il-vantaġġ huwa mogħti permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat; (iii) il-vantaġġ huwa selettiv; u (iv) il-miżura tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u hija kapaċi li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(80)

Fil-każ preżenti m’huwiex ikkontestat li sal-punt li l-awtoritajiet Griegi jipproponu li jittrasferixxu 4 % ta’ l-ishma tagħhom f’OTE lit-TAP-OTE bħala parti mill-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-ispejjeż ġenerali tal-VRS tal-kumpanija, il-miżura tinvolvi l-użu tar-riżorsi ta’ l-Istat. Is-sehem ta’ 4 % ta’ l-Istat f’OTE huwa dħul b’valur ekonomiku. Dan id-dħul qiegħed jiġi ttrasferit mingħajr ebda kumpens fil-valur tas-suq tiegħu. Konsegwentament, il-miżura tinvolvi t-trasferiment tar-riżorsi ta’ l-Istat.

(81)

Barra minn hekk, għalkemm id-destinatarju dirett ta’ l-għajnuna huwa TAP-OTE, fond tal-pensjoni taħt liġi pubblika li huwa parti minn sistema ta’ sigurtà soċjali usa’ tal-Greċja – il-benefiċjarju reali tal-miżura hija OTE għaliex il-kumpanija hija meħlusa minn parti mill-obbligi tagħha tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mill-VRS in kwistjoni. Ebda intrapriża oħra ma tgawdi l-vantaġġ speċifiku. Konsegwentament, il-miżura hija waħda selettiva

(82)

Lanqas m’hu kkontestat li peress li l-OTE hija operatriċi ta’ netwerk mifrux man-nazzjon kollu involuta fil-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika internazzjonali, kwalunkwe għajnuna mogħtija tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(83)

Rigward il-kwistjoni jekk din il-kontribuzzjoni tagħtix vantaġġ lill-OTE li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorjoni għall-kompetizzjoni, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li (a) hija aġixxiet bħala investitur privat, u (b) li l-miżura ma tagħtix vantaġġ lill-OTE għaliex hija sempliċiment tipprovdi kumpens għall-iżvantaġġi strutturali ta’ din ta’ l-aħħar minħabba l-istatus de facto ta’ impjieg permamenti ta’ l-impjegati tagħha u l-ispejjeż tas-salarji aktar għoljin imposti fuqha bil-liġi waqt il-perjodu ta’ qabel il-liberalizzazzjoni.

(a)   Konformità mal-prinċipju ta’ l-investitur privat

(84)

F’konformità mal-ħtiġiet stabbiliti fil-ġurisprudenza, sabiex ikun determinat jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istat Grieg għall-ispejjeż tal-VRS ta’ l-OTE tistax titqies li hija konformi ma’ l-imġiba ta’ investitur privat li jaġixxi taħt kondizzjonijiet normali tas-suq, huwa meħtieġ li jkun ikkunsidrat jekk f’ċirkostanzi simili investitur privat ta’ daqs komparabbli ma’ dak ta’ l-Istat kienx jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ tali ammont (jiġifieri ekwivalenti għal 4 % ta’ l-ishma ta’ l-OTE) (31).

(85)

F’dak ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala sid tal-kapital ta’ l-ishma ta’ kumpanija u l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika (32). L-OTE hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata, l-Istat Grieg bħala s-sid maġġoritarju tal-kapital ta’ l-ishma tal-kumpanija kien ikun responsabbli biss għad-djun tal-kumpanija sal-valur tal-likwidazzjoni ta’ l-assi tagħha. Ir-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali u oħrajn marbutin mal-liġi tax-xogħol huma normalment imġarrba mill-kumpanija kkonċernata u mhux minn dawk li għandhom ishma fiha. Barra minn hekk, għandu jkun enfasizzat li l-OTE m’hijiex kumpanija f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli jew li ma tistax taqdi r-responsabbiltajiet finanzjarji tagħha ta’ VRS.

(86)

Għalhekk, l-obbligi riżultanti mill-ispiża ta’ l-irtirar kmieni ta’ ħaddiema li m’għadhomx meħtieġa u l-ħlasijiet ta’ kwalunkwe benefiċċji ta’ l-impjieg assoċjati ma jistgħux jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-investitur privat (33).

(87)

Barra minn hekk, l-ebda detentur ta’ ishma barra mill-Istat Grieg ma kkontribwixxa għall-ispejjeż addizzjonali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-OTE, għalkemm il-profittabbiltà mtejba mistennija ta’ l-OTE għandha tibbenefika lill-investituri kollha mingħajr distinzjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-imġiba ta’ l-Istat Grieg kienet differenti minn dik ta’ l-investituri privati l-oħrajn fl-OTE. Anke jekk il-pożizzjoni speċjali ta’ l-Istat bħala detentur ta’ l-ishma ewlieni setgħet tiġġustifika mġiba differenti, normalment ikun mistenni li fejn wieħed mid-detenturi ta’ l-ishma ta’ kumpanija jipprovdi assistenza finanzjarja mingħajr mad-detenturi l-oħrajn ta’ l-ishma jagħmlu l-istess bl-istess manjiera, tali detentur ta’ l-ishma jirċievi xi tip ta’ kumpens fil-forma ta’ sehem akbar fil-kumpanija jew b’mod ieħor. Madankollu, fil-każ preżenti, l-Istat m’huwa qed jirċievi l-ebda kumpens lil hinn minn dak ta’ l-investituri l-oħrajn kollha fil-kumpanija jirċievu.

(88)

Il-fatt li l-prezz ta’ kull sehem ta’ l-OTE żdied mit-tħabbir tal-VRS ma jfissirx neċessarjament li l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istat għandha tiġi kkunsidrata, għal din ir-raġuni biss, bħala kompatibbli mat-test ta’ l-investitur privat. Fil-prinċipju, kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istat għat-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ kumpanija kwotata x’aktarx ittejjeb il-prezz ta’ l-ishma ta’ din ta’ l-aħħar u dan irrispettivament minn jekk it-tali kontribuzzjoni tikkwalifikax ukoll bħala għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat.

(89)

Għal dawn ir-raġunijiet ta’ hawn fuq kollha, l-argument ta’ l-awtoritajiet Griegi li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ispejjeż tal-VRS hija konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur privat għandu jiġu miċħud.

(b)   Nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku

(90)

Skond il-każistika stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi vantaġġi mogħtijin minn awtoritajiet pubbliċi li, f’diversi forom, jimmitigaw il-ħlasijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża (34). F’dan ir-rigward il-Qorti kkonstat li riduzzjoni parzjali tal-ħlasijiet soċjali li jgħaddu għal fuq impriża jikkostitwixxu għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk dik il-miżura hija intenzjonata parzjalment biex teżenta lil dawk l-impriżi mill-ħlasijiet finanzjarji li ġejjin mill-applikazzjoni normali tas-sistema tas-sigurtà soċjali ġenerali, mingħajr ma jkun hemm kwalunkwe ġustifikazzjoni għal din l-eżenzjoni abbażi tan-natura jew l-iskema ġenerali ta’ din is-sistema (35).

(91)

L-awtoritajiet Griegi jikkontestaw li t-tnaqqis parzjali ta’ l-ispejjeż ta’ l-OTE għall-VRS jagħti vantaġġ lill-kumpanija u li għandu impatt fuq il-kompetizzjoni abbażi li jillibera lill-OTE minn żvantaġġ strutturali b’mod li jkun żgurat li din ta’ l-aħħar tkun soġġetta għall-istess sistema, iżda inqas stretta, tal-liġi tax-xogħol applikabbli għal kwalunkwe kumpanija oħra fis-suq Grieg tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi qagħdu fuq is-sentenza Combus mill-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dak il-każ, il-Qorti ddikjarat li miżura (ta’ l-Istat) li kienet “introdotta biex tieħu post l-istatus privileġġjat u li jiswa ħafna ta’ l-uffiċjali impjegati minn Combus bl-istatus ta’ impjegati fuq bażi kuntrattwali komparabbli ma’ dak ta’ impjegati ta’ impriżi oħrajn tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jikkompetu mal-Combus” (traduzzjoni mhux uffiċjali) ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna għaliex “l-intenzjoni (tal-gvern Daniż) kienet għalhekk li jeħles lil Combus minn żvantaġġ strutturali li kellha f’relazzjoni mal-kompetituri tagħha fis-settur privat” (36).

(92)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi innotat li l-ġurisprudenza Combus ma ġietx ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma kontra s-suppożizzjoni li l-għoti ta’ kumpens għal żvantaġġ strutturali tipprekludi miżura li tiġi karatterizzata bħala għajnuna. F’ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm miżura tista’ titqies bħala għajnuna għandu jiġi deċiż billi wieħed iħares lejn il-konsegwenzi tal-miżura u mhux lejn ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-miżura (37). Il-Qorti ddeċidiet ukoll li kull miżura li tirrilaxxa intrapriża mill-ispejjeż li normalment ikunu inklużi fil-baġit tagħha għandha tikkostitwixxi għajnuna mill-istat (38). Il-Qorti għamlitha ċara li dan il-każ ikopri, per eżempju, in-nefqa relatata mas-salarju ta’ l-impjegati (39). Fid-dawl ta’ dan ir-raġunar, il-Qorti ma aċċettatx li miżura ma tgħaddix vantaġġi fuq l-imsemmija intrapriża, sempliċiment għaliex tibbilanċja b’xi żvantaġġ li dik l-intrapriża tkun ġarrbet fil-passat (40).

(93)

Huwa minnu li s-sistema tal-liġi tax-xogħol applikabbli għall-OTE hija differenti minn dik applikata għal kwalunkwe kumpanija privata oħra fil-Greċja, għaliex l-istatus ta’ permanenza ta’ l-impjegati ta’ l-OTE u s-salarji aktar għoljin ma jistgħux ikunu modifikati sakemm ma tgħaddix leġizlazzjoni ġdida li ġġib fis-seħħ il-kunsens meħtieġ ta’ l-impjegati ta’ l-OTE. Ġeneralment, is-sistema tax-xogħol applikabbli għall-OTE żżid l-ispejjeż tagħha tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u ċċaħħad lill-kumpanija mil-libertà li jgawdu kumpaniji kompetituri oħrajn rigward ir-ristrutturar ta’ l-ispejjeż tax-xogħol tagħhom f’konformità tal-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti minn żmien għal żmien.

(94)

F’dan ir-rigward, il-każ preżenti għandu numru ta’ similaritajiet ma’ Combus. F’Combus, l-Istat Daniż ma kkumpensax lill-kumpanija kkonċernata iżda lill-uffiċjali impjegati minnha. Bl-istess mod, l-Istat Grieg ma jikkumpensax lill-OTE, iżda lill-Fond tal-Pensjoni ta’ l-impjegati għat-telf ta’ dħul dovut għall-irtirar kmieni. Bħal f’Combus, l-istatus permamenti ta’ l-impjegati ta’ l-OTE jikkostitwixxi “status privileġġjat u li jiswa ħafna” f’relazzjoni ma’ l-istatus ta’ l-impjegati fis-settur privat. Bħal f’Combus, l-intenzjoni ta’ l-awtoritajiet Griegi hija li teħles lill-OTE “minn żvantaġġ strutturali li għandha fir-rigward tal-kompetituri tagħha fis-settur privat”.

(95)

Barra minn hekk, bħalma kien il-każ f’Combus, l-intervent ta’ l-Istat ma jimmirax li jagħmel tajjeb jew inaqqas il-piż minn fuq l-OTE għall-obbligi ta’ pensjonijiet imgħoddija tagħha li jirriżultaw minn perjodu ta’ żmien meta l-kumpanija saret soġġetta għal qafas tal-liġi tax-xogħol sui generis (responsabbiltajiet mgħoddija), iżda huwa strettament limitat biex jagħmel lill-OTE konformi mas-settur privat rigward id-drittijiet ta’ pensjonijiet futuri tagħha.

(96)

Wara li jiġi kkunsidrat dan kollu, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kuntest fattwali u legali tal-każ involut hawnhekk madankollu juri numru ta’ partikolaritajiet meta mqabbel ma’ dak ta’ Combus.

(97)

L-ewwelnett, f’Combus il-kumpens ta’ l-awtoritajiet Daniżi mmira li jiffaċilita l-bidla prevista ta’ l-istatus tal-kumpanija minn waħda pubblika għa dik privata, u għalhekk saret l-offerta tal-kumpens finanzjarju (bonus) mill-gvern Daniż lill-impjegati tal-Combus li l-istatus tagħhom inbidel minn impjegati pubbliċi għal impjegati b’kuntratt skond il-liġi privata. L-OTE, madankollu, saret kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-1994, mingħajr ma ttieħdu miżuri xierqa f’dak iż-żmien mill-Istat sabiex jiġi żgurat li r-regoli tax-xogħol tal-kumpanija jkunu allinjati ma’ dawk ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata normali. L-Istat lanqas m’għamel intervent fl-2001, meta l-OTE tilfet id-dritt esklussiv tagħha li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni tal-vuċi fissi u s-suq tal-komunikazzjoni elettronika Grieg kien liberalizzat għal kollox.

(98)

F’dan ir-rigward, ma jistax ikun eskluż li n-numru kbir ta’ impjegati seta’ ppermetta lil OTE, speċjalment waqt is-snin kritiċi qabel u immedjatament wara l-liberalizzazzjoni sħiħa, biex tiżgura u żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha u tkompli tkun preżenti virtwalment fit-taqsimiet kollha tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi.

(99)

Barra minn hekk, kif intqal fil-paragrafu 93, il-kunċett ta’ għajnuna fl-Artikolu 87(1) KE jkopri biss miżuri li jħaffu t-tagħbijiet normalment assunti f’baġit ta’ impriża u li mhumiex meqjusin bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża destinatarja ma kinitx takkwista taħt kondizzjonijiet normali tas-suq (41).

(100)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddikjarat li skond il-każistika, l-ispejjeż għall-impriżi li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi, konklużi bejn min iħaddem u t-trade unions, li l-impriżi huma marbutin li josservaw, jew għaliex huma ikkonformaw ma’ dawk il-ftehimiet jew għaliex dawk il-ftehimiet kienu estiżi b’regolament, huma spejjeż li huma inklużi, min-natura tagħhom, fil-baġits ta’ l-impriżi (42).

(101)

Għalkemm, kif innotat fil-paragrafu 93, ir-regoli tax-xogħol li ġew imposti mill-OTE huma tassew eċċezzjoni għal-liġi tax-xogħol ordinarja applikata s’issa lil kwalunkwe kumpanija privata oħra fil-Greċja, u li l-istatus ta’ permanenza u s-salarji għoljin garantiti lill-impjegati ta’ l-OTE ma kinux fir-realtà r-riżultat ta’ ftehim kollettiv negozjat b’mod ħieles, iżda kienu imposti fuq il-kumpanija mill-Istat innifsu, il-Kummissjoni tinnota li fl-ebda żmien minn meta l-OTE saret kumpanija kkwotata ma kien hemm indikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi li r-responsabbiltajiet taħt il-liġi tax-xogħol ta’ l-OTE m’għandhomx ikunu inklużi fil-baġit normali tal-kumpanija jew li l-Istat ikollu jikkumpensa lill-OTE għall-ispejjeż addizzjonali tal-permanenza u s-salarji għoljin imposti mil-liġi fuqha. Bl-istess mod, il-valutazzjoni ta’ l-istokk ta’ l-OTE kienet ukoll ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-ispejjeż tal-permanenza u tas-salarji għoljin ta’ l-OTE huma normalment inklużi fil-baġit ta’ l-OTE.

(102)

Dan ir-raġunar, eżaminat flimkien mal-konklużjonijiet fis-sentenza Combus iwassal għall-konklużjoni li l-miżura konċernata tista’ titqies bħala għajnuna. Madankollu, din il-kwistjoni ma teħtieġx aktar li tibqa’ tiġi indirizzata, peress li għar-raġunijiet spjegati f’aktar dettal hawn isfel, hija fi kwalunkwe każ kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

VII.   KOMPATIBBILTÀ TA’ L-GĦAJNUNA MAS-SUQ KOMUNI

(103)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat prevista għall-ispejjeż tal-VRS ta’ l-OTE hija parti minn pjan usa’ ta’ l-awtoritajiet Griegi biex jirristrutturaw r-reġim ta’ l-impjieg applikabbli għall-OTE sabiex jiggarantixxi l-vijabbiltà tagħha fuq medda ta’ żmien twil u biex itejbu l-funzjonament tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-VRS għalhekk tidher bħala pass meħtieġ lejn aktar privatizzazzjoni ta’ l-OTE.

(104)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni teħtieġ li tkun ibbażata direttament fuq l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat KE li jiddikjara li: “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

(105)

Sabiex għajnuna tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni minħabba li tippromwovi l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, hija għandha ttejjeb il-mod kif titwettaq l-attività ekonomika. L-għajnuna hija kompatibbli biss skond l-Artikolu 87(3)(ċ) kemm-il darba ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni. Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kriterju tan-neċessità u tal-proporzjonalità (43).

(a)   Il-miżura hija konformi ma’ l-interess komuni

(106)

Il-miżura nnotifikata, billi sserraħ lill-OTE mill-ispejjeż żejda li hija ġġorr bħala impriża li qabel kienet impriża pubblika, minħabba l-istatus ta’ impjieg permanenti u s-salarji għoljin tal-persunal tagħha, ser tippermetti lill-kumpanija biex topera liberament fis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li ġie lliberalizzat għal kollox u biex twettaq l-aġġustamenti meħtieġa biex tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq u oħrajn teknoloġiċi li jaffetwaw il-vijabbiltà tal-kumpanija fuq medda ta’ żmien twil.

(107)

Partikolarment, it-tnaqqis ta’ madwar terz tal-persunal ta’ l-OTE permezz tal-VRS, flimkien mal-kunsens ta’ l-impjegati li titneħħa l-permanenza għal impjegati ġodda bi skambju mal-pakkett ta’ rtirar kmieni offert mill-OTE, huma komponenti ewlenin tal-miżuri ġenerali ta’ ristrutturar ta’ l-OTE li għandhom jiggarantixxu li l-kumpanija tkun trendi tajjeb, topera b’mod effiċjenti u tiġi pprivatizzata aktar. S’issa, l-istatus ta’ impjieg permanenti ta’ l-impjegati ta’ l-OTE, in-numru eċċessiv tagħhom u r-reġim ta’ salarju għoli fiss applikat għalihom jikkostitwixxu ostakli ewlenin għal aktar privatizzazzjoni tal-kumpanija u l-ħruġ ta’ l-Istat Grieg mill-OTE.

(108)

It-trasformazzjoni ta’ l-OTE, minn kumpanija li kienet waħda monopolista għal kumpanija li hija soġġetta għall-istess qafas legali bħal kwalunkwe operatur privat ieħor fil-Greċja, u r-rilaxx maħsub sussegwenti mill-Istat Grieg tal-kontroll tiegħu fuq il-kumpanija, ittejjeb l-operat tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Grieg, tnaqqas l-ostakli ta’ dħul u ħruġ fis-suq (44) u hija ta’ benefiċċju fit-tul għall-konsumaturi finali.

(109)

Għalhekk il-kontribuzzjoni finanzjarja ppjanata ta’ l-Istat Grieg għall-ispejjeż tal-VRS hija konformi ma’ l-interess komuni.

(b)   L-għajnuna hija l-istrument adatt

(110)

Fil-bidu ta’ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet riżervi rigward il-ħtieġa tal-VRS preżenti b’referenza għall-VRS preċedenti oħrajn li kienu ffinanzjati għal kollox mill-OTE.

(111)

Partikolarment, l-investigazzjoni wriet li sa mill-1996 u sa l-2004, l-OTE ppremettiet li 8 173 impjegat jirtiraw kmieni. Madankollu, dawn il-VRS annwali iżgħar (medja ta’ 900 impjegat fis-sena) kienu offruti biss lil impjegati li diġà kienu intitolati għal pensjoni iżda li setgħu jkomplu jaħdmu sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet għal irtirar kmieni (45). Konsegwentament, dawn il-VRS passati ma nvolvewx ir-rikonoxximent ta’ xi snin nozzjonali lill-impjegati kkonċernati u għalhekk ma jistgħux jitqabblu mal-VRS preżenti safejn huma involuti l-istruttura u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. F’dak is-sens, il-VRS preċedenti implimentati mill-OTE ma kinux differenti minn VRS ekwivalenti implimentati minn kwalunkwe kumpanija privata jew il-VRS “regolari” attwali ta’ l-OTE (46).

(112)

Fil-każ preżenti, peress li l-VRS kienet sempliċiment toffri rtirar kmieni biss lill-impjegati li kienu intitolati għal pensjoni iżda li għadhom ma laħqux l-età obbligatorja tal-pensjoni, ma kinitx twassal kemm li tittieħed mill-ogħla numru possibbli ta’ impjegati eliġibbli li xorta kienu jippreferu li jibqgħu fl-impjieg sabiex jirċievu l-pensjoni massima possibbli (47).

(113)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjoni ta’ l-OTE li tirrikonoxxi sa 7 snin nozzjonali ta’ servizz lill-impjegati kollha li mbagħad ikunu soġġetti għal irtirar obbligatorju bejn l-2005 u l-2012 u għalhekk toffrilhom l-għażla ta’ rtirar kmieni b’pensjoni sħiħa, hija ppreżentata bħala l-uniku mezz li x’aktarx iwassal għar-rilaxx fil-ħin ta’ numru sinifikanti ta’ impjegati. Fil-fatt, impjegat li jgawdi status ta’ kważi-impjegat ċivili jiddeċiedi biss li jħalli lill-kumpanija jekk min jimpjega joffri l-inċentivi xierqa għal dak il-għan. L-OTE għalhekk kellha bżonn toffri ta’ l-inqas kumpens adegwat għall-benefiċċji ekonomiċi li impjegat kien ikompli jgawdi kieku baqa’ taħt il-protezzjoni tal-permanenza. L-użu sussegwenti b’suċċess li sar mill-VRS (madwar 91 % ta’ l-impjegati eliġibbli) jikkonferma li l-inċentivi addizzjonali offruti mill-OTE lill-impjegati tagħha fil-forma ta’ snin nozzjonali ta’ servizz rikonoxxuti huma strument xieraq.

(114)

L-OTE ma setgħetx tirrikorri mill-ġdid għal miżuri li jiswew inqas, bħal pjan ta’ redundancy, għaliex l-impjegati ta’ l-OTE kien ikollhom jaċċettaw li jitilfu l-istatus tagħhom ta’ impjieg għal għomorhom bi skambju ma’ kumpens aktar baxx minħabba r-redundancy. Lanqas ma seta’ l-istatus permanenti ta’ l-impjegati ta’ OTE jiġi abolit retroattivament sabiex OTE tkun tista’ twettaq skema obbligatorja għal ħaddiema li m’għadhomx meħtieġa għaliex, kif spjegaw l-awtoritajiet Griegi, tali għażla kienet tqajjem kwistjonijiet legali u kostituzzjonali serji ħafna li kienu jmorru kontra r-ristrutturar kollu ta’ l-OTE.

(115)

Barra minn hekk, tista’ ssir analoġija bejn il-każ preżenti u l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istranded costs fis-settur ta’ l-enerġija (48). L-istranded costs jirriżultaw meta l-operatur b’responsabbiltà jżomm spejjeż assoċjati mal-fatt li huwa fornitur b’responsabbiltà iżda m’huwiex aktar kapaċi jirkuprahom għaliex hemm kompetituri ġodda li qed jaqdu s-suq bħala riżultat tal-liberalizzazzjoni.

(116)

Għalhekk, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg lill-VRS tista’ b’analoġija tiġi trattata b’mod simili bħala kumpens għal spejjeż mhux rekuperabbli, għar-raġunijiet li ġejjin. L-istatus permanenti speċjali ta’ l-impjegati ta’ l-OTE huwa marbut mas-sitwazzjoni monopolistika preċedenti fejn is-suq kien għadu mhux liberalizzat. Dak iż-żmien dan ir-reġim speċjali ma wassalx għal diffikultajiet sakemm l-OTE operat f’ambjent monopolistiku. L-OTE kellha spejjeż ogħla meta mqabbla ma’ oħrajn iżda kienet protetta minn kwalunkwe kompetizzjoni intra-industrijali. Sa mil-liberalizzazzjoni tas-suq Grieg tat-telekomunikazzjoni, dan ir-reġim speċifiku ta’ l-impjegati gradwalment sar piż għall-OTE li jaffettwa l-kompetittività tagħha. Il-permanenza speċifika ta’ l-impjegati, jiġifieri r-reġim ta’ kważi-impjegati ċivili, jirrappreżenta spiża tal-paga addizzjonali għall-OTE li l-kompetituri ma jġorrux (49).

(117)

Għaldaqstant, id-deċiżjoni mill-awtoritajiet Griegi li jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-VRS li jirriżultaw mill-ispejjeż tal-permanenza u s-salarji għoljin ta’ l-OTE hija konformi mal-ħtieġa tan-neċessità għaliex tippermetti lill-OTE li tirristruttura l-operazzjonijiet tagħha b’mod simili għal dawk ta’ kumpanija privata mingħajr ma jkollha tkun responsabbli għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-perjodu ta’ qabel il-liberalizzazzjoni.

(ċ)   Proporzjonalità

(118)

Il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat tikkumpensa lill-OTE biss għall-ispejjeż tal-permanenza u s-salarji għoljin li ġejjin mis-snin nozzjonali addizzjonali li huma rikonoxxuti lill-impjegati li jkunu laħqu l-età obbligatorja ta’ l-irtirar mill-2005 sa l-2012. Partikolarment, l-Istat Grieg ma jintervjenix biex jiffinanzja r-responsabbiltajiet ta’ pensjonijiet eżistenti ta’ l-OTE jew biex ikopri kwalunkwe tip ta’ defiċit tal-pensjoni li kellu jittieħed mill-kumpanija. L-OTE ħallset bis-sħiħ il-kontribuzzjonijiet passati ta’ l-impjegati tagħha rigward it-TAP-OTE u qed tħallas ukoll l-ispejjeż kollha tal-VRS, sad-data effettiva ta’ l-implimentazzjoni tal-VRS bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż li kumpanija privata ma kienx ikollha ġġorr kieku kellha tieħu miżuri simili biex tnaqqas l-ammont tal-ħaddiema tagħha.

(119)

Għalhekk, l-Istat Grieg qed jittrasferixxi 4 % ta’ sehmu f’OTE fil-Fond tal-pensjoni sabiex jiffinanzja l-ispejjeż tal-VRS li jirriżultaw mill-fatt li l-pensjonijiet ta’ dawk eliġibbli għall-VRS mhumiex kalkulati abbażi tas-sena tat-tluq reali tagħhom iżda abbażi tas-sena li fiha kienu jirtiraw kieku għażlu li jieħdu benefiċċju sħiħ mill-istatus ta’ permanenza tagħhom. Fi kliem ieħor, l-Istat qed essenzjalment jiffinanzja l-pensjonijiet futuri ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegat li jikkorrispondu għas-snin nozzjonali li qed jiġu rikonoxxuti lil dawk li qed jibbenefikaw mill-offerta tal-VRS.

(120)

Il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat għandha wkoll tkun evalwata fil-kuntest tal-ftehim usa’ milħuq mit-tmexxija ta’ l-OTE u l-impjegati tagħha, fejn bi skambju għall-inċentivi ġenerużi mogħtija għal irtirar kmieni, l-impjegati ta’ l-OTE qablu li jitneħħa l-istatus ta’ impjieg permanenti għal impjegati ġodda. Kieku l-istatus ta’ impjieg ta’ l-impjegati futuri ta’ l-OTE baqa’ mhux mibdul, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat ma kien ikollha l-ebda effett fuq il-vijabbiltà fuq medda ta’ żmien twil tal-kumpanija għaliex l-impjegati futuri kienu jinnewtralizzaw kwalunkwe tneħħija ta’ spejjeż fuq medda ta’ żmien qasir li l-OTE kienet tikseb permezz tal-VRS.

(121)

Il-karattru proporzjonali ta’ l-għajnuna in kwistjoni jiddependi wkoll fuq li jkun l-ewwel aċċertat li (a) l-awtoritajiet Griegi ikkwantifikaw adegwatament l-ispejjeż addizzjonali li l-OTE jkollha ġġorr minħabba l-permanenza u s-salarji fissi għoljin tal-persunal li jieħu vantaġġ mill-offerta tal-VRS, u (b) li l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat ma tagħtix kumpens żejjed lill-OTE.

(i)   L-ispejjeż addizzjonali ta’ l-OTE

(122)

Abbażi ta’ l-informazzjoni dettaljata ppreżentata mill-awtoritajiet Griegi, l-ispejjeż nominali tal-VRS, kif iċċertifikat minn KPMG skond id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji ta’ l-IFRS iċċertifikati ta’ l-OTE għall-2005, huma ta’ EUR 1 161,8 miljun.

(123)

Skond l-istudju mwettaq mis-CRA International (ara l-paragrafu 65), l-NPV tal-VRS huwa ta’ EUR 1 086,2 miljun. Meta jitqiesu l-benefiċċji fiskali għall-OTE li jirriżultaw mit-tnaqqis li għandu jsir għall-finijiet tat-taxxa korporattiva, is-CRA stmat l-NPV ta’ wara t-taxxa tal-VRS fl-ammont ta’ EUR 784,3 miljun.

(124)

Is-CRA International ibbażat il-kalkoli tagħha ta’ l-NPV fuq rata ta’ skont ta’ 3 % li tikkorrispondi għar-ritorn tat-titoli ħelsin mir-riskju. Dan l-approċċ jikkuntrasta mas-sottomissjonijiet ta’ Novembru 2005 ta’ l-awtoritajiet Griegi li kienu bbażati fuq il-WACC ta’ l-OTE stmat bħala 7,8 %. Is-CRA International ma tiċħadx li l-WACC tista’ tintuża bħala rata ta’ skont. Hija tikkunsidra, madankollu, li jekk huwa minnu li l-użu tal-WACC jirrifletti r-riskju tas-soltu li kumpanija tkun esposta għalih waqt l-eżerċizzju tan-negozju tagħha, fil-każ preżenti l-ħlas tas-salarji u l-pensjonijiet ta’ l-impjegati ta’ l-OTE huwa ħieles minn kwalunkwe inċertezza għaliex is-salarji jsegwu skala tas-salarji stretta u r-reviżjoni annwali tagħhom ‘il fuq mhijiex korrellatata mal-prestazzjoni ekonomika ta’ l-OTE nnifisha. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, is-CRA International ikkalkulat ukoll l-NVP tal-VRS b’referenza għall-WACC ta’ l-OTE u tikkonkludi li l-NPV tal-VRS huwa ta’ EUR 704,8 miljun.

(125)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li valutazzjoni bbażata fuq il-WACC ta’ l-OTE (7,8 %) hija konformi mal-prattiċi ġenerali f’dan il-qasam (kif hu rikonoxxut ukoll mis-CRA International innifisha) u konformi wkoll mas-sottomissjonijiet ta’ qabel ta’ l-awtoritajiet Griegi. Għalhekk, l-NPV tal-VRS għandu jkun ta’ EUR 704,8 miljun.

(126)

Fuq is-suppożizzjoni li l-OTE ser tipprovdi pakkett ta’ rtirar kmieni ekwivalenti għal 150 % tar-rekwiżit legali għal redundancy, iżda b’salarji privati (jiġifieri 33 % inqas minn dawk ta’ l-OTE), is-CRA International tikkonkludi li l-NPV ta’ tali skema jkun ta’ EUR 314,4 miljun. Minn hemm isegwi li l-piż addizzjonali fuq l-OTE huwa ta’ EUR 390,4 miljun (EUR 704,8 – EUR 314,4 = EUR 390,4).

(127)

Fil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet lill-awtoritajiet Griegi biex jagħtu prova tal-propożizzjoni li l-kumpaniji privati kienu joffru pakketti ta’ redundancy ekwivalenti għal 150 % tar-rekwiżiti legali minimi. L-awtoritajiet Griegi ippreżentaw ir-Rapport tal-Hay Group (ara l-paragrafu 61) skond liema, għalkemm ma kien hemm ebda tip ta’ VRS fl-UE komparabbli ma’ dak ta’ l-OTE, ibbażat fuq intervisti u informazzjoni miġbura minn 40 kumpanija li qed joperaw fil-Greċja, bħala medja, il-pakkett ta’ redundancy offrut minn kumpaniji privati lil impjegati bejn 51 u 62 sena (l-età tal-maġġoranza ta’ l-impjegati ta’ l-OTE li qed jipparteċipaw fil-VRS) huwa ugwali għal 150 % tar-rekwiżit legali minimu. Wara li eżaminat l-informazzjoni rilevanti ppreżentata mill-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda raġuni biex tiddubita dwar il-validità tas-sejbiet tal-Rapport Hay.

(128)

Għalhekk, il-kalkolu mis-CRA International tal-piż addizzjonali ta’ l-OTE (EUR 390,4 miljun) ibbażat fuq il-multiplikatur ta’ 1,5 suġġerit mir-rapport Hay għandu jkun aċċettat bħala wieħed li għandu bażi tajba.

(129)

Il-mistoqsija li jmiss tiġi indirizzata hija jekk il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg taqbiżx il-“piż” addizzjonali għall-OTE stmat bħala EUR 390,4 miljun.

(ii)   Il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg

(130)

Skond l-Artikolu 74(4)(a) tal-Liġi Nru 3371/2005, l-awtoritajiet Griegi jikkontribwixxu 4 % tal-kapital ta’ l-ishma ta’ l-OTE lit-TAP-OTE. Il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ l-Istat tal-Greċja lill-VRS jinħadem billi n-numru totali ta’ ishma ta’ l-OTE (490 582 879) jiġi mmultiplikat b’4 % u bil-prezz ta’ l-għeluq ta’ l-ishma ta’ l-OTE, kif ikkwotat fil-Borża ta’ Ateni (50).

(131)

Fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 3371/2005 (14 ta’ Lulju 2005), il-prezz ta’ l-għeluq ta’ sehem ta’ l-OTE kien EUR 16,35. F’dik id-data, il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat kkorrispondiet għal madwar EUR 315-il miljun. Sa minn dakinhar, il-prezz ta’ sehem ta’ l-OTE żdied gradwalment, u kien ivarja bejn EUR 23 f’nofs Jannar ta’ l-2007, għal EUR 21 fis-27 ta’ Frar 2007. Għalhekk, fis-27 ta’ Frar 2007, il-valur ta’ l-ishma ta’ 4 % miżmuma mill-Istat Grieg fl-OTE kien ta’ madwar EUR 410 089 618.

(132)

Il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg f’dik id-data kien aktar mill-ammont li jikkorrispondi għall-piż addizzjonali ta’ l-OTE (EUR 390,4 miljun).

(133)

Fir-risposta tagħhom għall-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, meta tiġi kkunsidrata l-impossibbiltà li jkun previst il-prezz ta’ l-għeluq futur ta’ sehem ta’ l-OTE, l-awtoritajiet Griegi ikkomettew ruħhom formalment li jirrevokaw il-Liġi Nru 3371/2005 jekk il-valur ta’ l-ishma ta’ 4 % kellu jaqbeż l-ammont ta’ EUR 390,4 miljun fil-jum tat-trasferiment tiegħu lill-Fond tal-Pensjoni u li jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa oħra biex jiżguraw li l-valur ta’ l-ishma li għandhom jiġu trasferiti lit-TAP-OTE ma jaqbiżx it-EUR 390,4 miljun.

(134)

Għaldaqstant il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-każ preżenti hija bbażata fuq l-impenn mogħti mill-Greċja li l-kontribuzzjoni prevista tagħha lit-TAP-OTE mhux ser taqbeż l-ammont ta’ EUR 390,4 miljun li jikkorrispondu għall-ispejjeż addizzjonali tal-VRS għall-OTE, u li, jekk meħtieġ, hija għandha wkoll tirrevoka l-Liġi Nru 3371/2005.

1.   Vantaġġi oħrajn

(135)

Fil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali l-Kummissjoni ddikjarat li l-ispejjeż addizzjonali li l-OTE ġġorr minħabba l-istatus speċjali ta’ l-impjegati tagħha ma jkunx neċessarjament jiġġustifika l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat jekk ikun ikkunsidrat li l-OTE setgħet ibbenefikat (jew tista’ tkompli tagħmel dan) minn vantaġġi oħrajn li jinnewtralizzaw in-nefqa fuq il-VRS (ara paragrafu 47). Tali vantaġġi jistgħu jirriżultaw mill-istatus ta’ l-impjieg speċifiku ta’ l-impjegati ta’ l-OTE, b’mod ġenerali, jew interventi speċifiċi, li jnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol ta’ l-OTE għal taħt l-ispejjeż tax-xogħol ta’ kumpaniji soġġetti għal-liġiijiet tax-xogħol ġeneralment applikabbli (bħall-eżenzjoni minn ħlasijiet ta’ qgħad jew ħelsien mill-obbligi ta’ pensjonijiet). L-OTE tista’ wkoll takkwista benefiċċji li ġejjin mill-pożizzjoni monopolistika preċedenti tagħha li jikkumpensaw l-iżvantaġġi riżultanti mill-ispejjeż żejda tal-VRS (partikolarment rigward in-netwerk fiss tat-telekomunikazzjoni).

(a)   vantaġġi relatati mal-liġi tax-xogħol

(136)

Il-Kummissjoni issa tikkunsidra li l-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà skond l-Artikolu 87(3)(ċ) ta’ miżuri li jimmiraw li jikkumpensaw lil kumpanija li kellha monopolju għall-ispejjeż addizzjonali li ġejjin minn perjodu meta l-kumpanija kkonċernata operat taħt reġim monopolistiku għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk din ta’ l-aħħar ibbenefikatx, jew hijiex qed tkompli tibbenfika, minn vantaġġi oħrajn ta’ natura simili (bħal, fil-każ preżenti, vantaġġi oħrajn relatati mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li minnhom l-OTE tibbenfika) li jistgħu jinnewtralizzaw l-ispejjeż in kwistjoni.

(137)

F’dan ir-rigward, il-rapport ikkummissjonat mill-Istat Grieg, tal-professur Levantis jikkonkludi li l-OTE ma tibbenefika minn ebda tip ta’ vantaġġ relatat max-xogħol, u li rigward il-kumplament, l-OTE hija soġġetta għall-qafas ġenerali tal-liġi tax-xogħol bħal kull kumpanija pubblika oħra b’responsabbiltà limitata. Barra minn hekk, kif mitlub mill-Kummissjoni fil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Griegi ikkonfermaw ukoll li l-OTE, bħal kull min iħaddem fil-Greċja, hija soġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tal-qgħad skond il-leġiżlazzjoni applikabbli tas-sigurtà soċjali.

(138)

Fil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk fil-passat l-OTE bbenefikatx minn ħelsien mir-responsabbiltajiet ta’ pensjonijiet tagħha. Skond l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Griegi, l-OTE qatt ma kienet eżentata jew meħlusa mill-obbligi tagħha relatati mal-pensjonijiet bħala entità li tħaddem (51).

(b)   Vantaġġi marbutin mal-kompetizzjoni

(139)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwistjoni dwar jekk għandhomx ukoll ikunu kkunsidrati vantaġġi oħrajn li ġejjin mill-pożizzjoni monopolistika preċedenti ta’ l-impriża involuta tiddependi, essenzjalment, fuq jekk is-suq rilevanti kienx liberalizzat għal kollox fis-sens li jeżisti qafas legali jew regolatorju adatt biex jiżgura li l-kumpaniji li kellhom monopolju m’għadhomx igawdu xi privileġġi jew drittijiet esklussivi jew speċjali, u li d-distorsjonijiet attwali jew probabbli għall-kompetizzjoni jistgħu jkunu ffaċċjati effettivament taħt ir-rimedji regolatorji ex ante disponibbli u/jew taħt l-infurzar ex post tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni rilevanti.

(140)

F’dan ir-rigward, is-sottomissjonijiet mill-parti terza ffokaw essenzjalment fuq l-imġiba antikompetittiva allegata ta’ l-OTE fis-suq tat-telefonija tal-vuċi fissa u n-nuqqasijiet allegati ta’ l-NRA li twettaq id-dmirijet regolatorji tagħha.

(141)

Il-Kummissjoni tinnota li skond l-Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar il-qafas regolatorju komuni għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva Qafas) (52) l-NRA diġà nnominat lill-OTE bħala li għandha qawwa sinifikanti tas-suq fis-swieq kollha tat-telefonija fissa li huma inklużi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq relevanti. Bħala riżultat, l-OTE bħalissa hija soġġetta għal sett ta’ rimedji regolatorji integrati ex ante kemm fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. B’mod partikolari, l-OTE bħalissa hija obbligata li tipprovdi lil partijiet terzi: (a) aċċess bl-ingrossa għan-netwerk fiss tagħha, (b) selezzjoni tat-trasportatur u pre-selezzjoni tat-trasportatur, (ċ) servizzi ta’ tranżitu u sett sħiħ ta’ servizzi tan-netwerk skond il-prinċipji tal-ġustizzja, raġonevolezza u puntwalità. Bħala operatur b’qawwa sinfikanti tas-suq fis-suq tal-linji fissi, l-OTE għandha wkoll l-obbligu ta’ ma tiddiskrimax, l-obbligu tat-trasparenza, tas-separazzjoni tal-kontabilità u tal-verifika finanzjarja u hija soġġetta għal obbligu ta’ kontroll tal-prezzijiet u ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż ibbażata fuq spejjeż inkrimentali medji għat-tul abbażi ta’ l-ispejjeż kurrenti ta’ l-assi) (53). Dawn ir-rimedji jinsabu wkoll fir-regolament tas-swieq tal-linji mikrijin (54) u s-suq għall-aċċess broadband bl-ingrossa (55). Barra minn dan, l-NRA imponiet fuq l-OTE prezzijiet ta’ “local loop unbundling” (LLU) li bħalissa huma l-aktar baxxi fl-UE.

(142)

Ġeneralment, id-diversi obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż u tas-separazzjoni tal-kontabilità imposti fuq l-OTE għandhom l-għan li jiżguraw li l-OTE bħala kumpanija li qabel kellha monopolju ma tkunx tista’ takkwista vantaġġ li jista’ jdgħajjef jew joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq (56).

(143)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-NRA, sa mill-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, ħadet ukoll numru ta’ miżuri ex post kontra l-OTE li minħabba ksur tal-qafas regolatur eżistenti jew tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni (57).

(144)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet kolla ta’ hawn fuq, jidher ċar li l-qafas regolatorju settorjali eżistenti diġà jassigura fil-parti l-kbira li s-suq tal-komunikazzjoni elettronika jaħdem sewwa u li m’hemm ebda vantaġġ għall-OTE li jirriżulta mill-pożizzjoni monopolistika preċedenti tagħha li m’huwiex trattat mill-imsemmi qafas, u li fi kwalunkwe każ, ebda tali vantaġġ kwantifikabbli ma nstab mill-Kummissjoni jew kien indikat minn parti terza.

(ċ)   Eżenzjoni ta’ l-OTE mit-taxxa tar-reklamar

(145)

Il-parti terza saħqet li l-OTE kienet eżentata mill-ħlas tat-taxxa tar-reklamar li kumpaniji oħra għandhom iħallsu għal kull reklam li jagħmlu fuq kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-prinċipju dawn il-miżuri għandhom jiġu eżaminati separatament u mhux fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni hija sodisfatta li fi kwalunkwe każ l-eżenjoni msemmija ma pprokurat l-ebda vantaġġ lill-OTE (58).

2.   Rimarki ta’ konklużjoni

(146)

Minn dak li ntqal isegwi li l-kontribuzzjoni ppjanata ta’ l-Istat tal-Greċja għall-ispejjeż tal-VRS ta’ l-OTE, sakemm ma taqbiżx il-piż addizzjonali impost fuq l-OTE dovut għall-ispejjeż ta’ l-istatus ta’ permanenza u s-salarji għoljin ta’ l-impjegati tagħha, ikkalkulata li tammonta għal EUR 390 miljun, hija għajnuna li ssegwi għan ta’ interess komuni b’mod neċessarju u proporzjonali mingħajr ma taffettwa ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ. Għalhekk, din hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

VIII.   KONKLUŻJONI

(147)

Għandu jkun enfasizzat li din id-deċiżjoni tfasslet abbażi ta’ l-impenn espliċitu mogħti mill-awtoritajiet Griegi li huma se jirrevokaw il-Liġi Nru 3371/2005, jekk fid-data tat-trasferiment ta’ l-ishma tagħhom ta’ 4 % fl-OTE għat-TAP-OTE, il-valur ta’ l-ishma hekk ittrasferiti jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali tal-VRS ta’ l-OTE kif verifikat u aċċettat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li l-ispejjeż addizzjonali tal-VRS ta’ l-OTE, minħabba l-istatus ta’ impjieg għall-għomor u s-salarji fissi għoljin gawduti mill-persunal tagħha jammontaw għal EUR 390,4 miljun.

(148)

Abbażi ta’ l-impenn mogħti hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-miżura eżaminata flimkien mal-każistika relatata, inkluż is-sentenza Combus, tista’ titqies bħala għajnuna. Madankollu, il-kwistjoni m’għandhiex għalfejn tiġi segwita aktar peress li, anke jekk il-miżura hija evalwata bħala għajnuna, din hija fi kwalunkwe każ kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-4 % ta’ ishma fl-OTE li l-Istat Grieg qed jippjana li jittrasferixxi lit-TAP-OTE, kemm-il darba l-valur tagħhom ma jeċċedix, fil-jum tat-trasferiment, l-ammont ta’ EUR 390,4 miljun, jikkostitwixxu għajnuna li hija kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (3) (ċ).

Jekk il-valur ta’ l-4 % ta’ ishma fl-OTE li l-Istat Grieg qed jippjana li jittrasferixxi lit-TAP-OTE jeċċedi fid-data tat-trasferiment l-ammont ta’ EUR 390,4 miljun, il-Greċja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li TAP-OTE ma tirċievi ebda ammont li jaqbeż it-EUR 390,4 miljun.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Greċja.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 151, 29.6.2006, p. 2

(2)  Idem.

(3)  Skond ir-Rapport Annwali OTE 2005, li jinsab fuq http://www.ote.gr/english/investorrelations/Files/OteAnnualReport05English_Final.pdf

(4)  Skond l-aħħar “Rapport ta’ Implimentazzjoni” tal-Kummissjoni, “f’Settembru 2005 kien hemm 24 operatur tat-telefonija tal-vuċi fissi pubbliċi awtorizzati li 13 minnhom kienu qed joffru kummerċjalment servizzi ta’ telefonija tal-vuċi fissi fuq netwerk mikri jew tagħhom stess. Dawn jinkludu lill-operatur uffiċjali iżda ma jinkludux lil operaturi li qed jaġixxu bħala bejjiegħa mill-ġdid jew fornituri ta’ servizzi mħallsin minn qabel. Għalkemm l-operatur uffiċjali għadu b’saħħtu fis-suq tas-sejħiet fissi, kien hemm xi progress sinifikanti lejn aktar kompetizzjoni, rifless fil-fatt li s-sehem fis-suq tad-dħul tal-bejgħ bl-imnut ta’ l-operatur uffiċjali waqa’ minn 85 % f’Diċembru 2003 għal 76 % f’Diċembru 2004, waqt li kien hemm tliet operaturi addizzjonali oħrajn li, flimkien ma’ l-operatur uffiċjali, kienu jammontaw għal 90 % tas-suq” ara “Anness għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Ir-Regolazzjoni u s-Swieq tal-Komunikazzjoni Elettronika Ewropea 2005 (il-11-il Rapport)” COM(2006)68 finali, f’paġna 120,.http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/implementation_enforcement/annualreports/11threport/sec_2006_193-vol1.pdf

(5)  Is-sigurtà li jgawdu l-impjegati ta’ l-OTE ġejja mill-Artikolu 2(2)b tal-Liġi Nru 2257/94, li tirratifika l-istatut ġenerali dwar l-impjieg ta’ l-OTE. Skond l-Artikoli 2 u 17 ta’ l-istatut, l-OTE ma tistax tittermina unilateralment kuntratt ta’ impjieg. Dan jimplika li l-OTE ma tistax topera liberament fis-suq billi tagħżel l-impjegati li għandhom iħallu u billi tisforzahom unilateralment biex jitilqu wara li toffrilhom kumpens legali bħala tpaċija.

(6)  Din il-kategorija ta’ impjegati tammonta għal 84 % tal-ħaddiema tal-kumpanija.

(7)  Il-fond tal-pensjoni ewlieni għall-impjegati ta’ l-OTE huwa t-TAP-OTE. It-TAP-OTE huwa korp legali indipendenti regolat mil-liġi pubblika, bħalma huma l-fondi tal-pensjonijiet l-oħrajn kollha fil-Greċja. Huwa għandu l-Bord tad-Diretturi tiegħu u dipartimenti ta’ l-amministrazzjoni, il-baġit u l-finanzi. Huwa jkopri kemm impjegati ta’ l-OTE kif ukoll impjegati ta’ kumpaniji oħrajn. Huwa maqsum f’diviżjoni tal-pensjoni u diviżjoni tas-saħħa. Barra t-TAP-OTE, hemm ukoll Fond Awżiljarju. Il-Fond Awżiljarju ta’ l-OTE għandu żewġ skemi, l-iskema ta’ assistenza u l-iskema ta’ assigurazzjoni awżiljarja. L-impjegati ta’ l-OTE huma intitolati għal pensjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega tas-Sigurtà Soċjali li japplikaw għall-fondi tal-liġi pubblika kollha, bħat-TAP-OTE. Kemm il-pensjoni ewlenija kif ukoll awżiljarja huma obbligatorji skond il-liġi Griega.

(8)  Impjegati li diġà lestew 30 sena ta’ servizz u huma intitolati għal pensjoni mhux ser jibbenefikaw mir-rikonoxximent ta’ snin nozzjonali (jiġifieri l-pensjoni sħiħa) iżda ser jingħataw inċentivi addizzjonali.

(9)  Fil-fatt, skema ta’ rtirar kmieni preċedenti kienet aċċettata biss minn madwar 75 % ta’ l-impjegati, li kien ikkunsidrat bħala limitat ħafna.

(10)  Skond l-awtoritajiet Griegi, il-valur preżenti nett kien ikkalkulat fuq ir-rata ta’ skont ta’ 7,83 % u jirrifletti l-ispiża medja peżata stmata tal-kapital (WACC) għall-OTE kif determinata minn tliet rapporti ta’ analisti finanzjarji maħruġin fl-2005.

(11)  Każ T-157/01, Danske Busvogenmand vs il-Kummissjoni [2004] ECR II-917.

(12)  Bħalissa, il-liġi eżistenti tippermetti redundancies sa 2 % tal-ħaddiema b’limitu massimu ta’ 30 impjegat fix-xahar. Skond in-notifika, programm ta’ redundancy fuq skala kbira jkun jeħtieġ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni speċjali mill-Ministru tax-Xogħol. L-ebda tali awtorizzazzjoni ma ngħatat ta’ l-inqas fl-aħħar għaxar snin u ma twettqet l-ebda skema ta’ redundancy bil-massa minn kumpanija privata Griega fuq l-iskala tal-VRS.

(13)  F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi għamlu referenza għall-pakkett ta’ kumpens minħabba redundancy offrut minn operatur privat kbir (Intracom) li offra fil-passat lil ċerti kategoriji ta’ l-impjegati tiegħu d-doppju tal-kumpens legali minħabba r-redundancy (koeffiċjent li tnaqqas gradwalment għal salarji għoljin sa 1,4 drabi l-kumpens legali minħabba r-redundancy) fil-kuntest ta’ skema ta’ rilaxx kmieni. Barra minn hekk, il-kumpanija msemmija jingħad li offriet vantaġġi oħrajn bħal ħlasijiet ta’ somma ta’ darba u kopertura estiża ta’ assigurazzjoni għal ċertu perijodu ta’ żmien.

(14)  Skond l-awtoritajiet Griegi, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-VRS, xi impjegati ma jkunux aktar eliġibbli taħt il-VRS għaliex ikunu laħqu l-età ta’ rtirar mandatorju. Barra minn dan, jekk ikun ikkunsidrat li l-Ote ser tieħu sena oħra biex timplimenta l-VRS għal kollox, l-OTE xorta jkollha tkompli tħallas salarji (għoljin) għal dawk eliġibbli għal irtirar kmieni. Kieku kellhom jiġu kkunsidrati dawn l-ispejjeż (“ta’ differiment”), l-ispejjeż totali tal-VRS jiżdiedu għal EUR 1,37 miljun (jew approssimattivament EUR 1 biljun espressi f’termini ta’ valur nett preżenti).

(15)  Għall-awtoritajiet Griegi, l-istatus ta’ permanenza għandu aktar effetti ħżiena fuq l-istruttura tax-xogħol ġenerali tal-kumpanija. Mhux is-salarji kollha huma stabbiliti mil-liġi f’livelli għoljin, iżda l-istruttura tagħhom tneħħi l-inċentivi għall-iżvilupp ta’ l-impjegati u żżid il-produttività għaliex skond projbizzjoni legali, is-salarji ma jistgħux jogħlew. Barra minn hekk, kirjiet ġodda għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija medjana u għolja mhumiex permessi għaliex il-kirjiet ġodda kollha iridu jitpoġġew fil-postijiet tad-dħul. Il-kirjiet il-ġodda ma jistgħux jassumu xi tip ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija li tista’ xxekkel il-progressjoni tal-karriera garantita mill-istatus permanenti lill-persunal eżistenti. L-ebda waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikaw għall-operaturi privati.

(16)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lill-EDF u lill-industriji ta’ l-elettriku u l-gass, ĠU L 49 tat-22.2.2005, p. 9.

(17)  Ara l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni marbutin mal-metodoloġija għall-analiżi ta’ l-għajnuna mill-Istat marbuta ma’ stranded costs fl-indirizz ta’ l-internett: http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/legislation/stranded_costs_en.pdf

(18)  F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi iċċaraw aktar li l-leġislazzjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2005 (Liġi Griega Nru 3429/2005) rigward l-intrapriżi li huma proprjetà ta’ l-Istat (fl-intier jew parzjalment) (l-hekk imsejħa “DEKO”) tipprevedi għat-tneħħija ta’ l-istatus permanenti għall-kirjiet il-ġodda biss. Madankollu, rigward l-impjegati eżistenti li jgawdu minn status ta’ permanenza, l-OTE ma kellha l-ebda alternattiva ħlief li timplimenta l-VRS.

(19)  Għal dawn l-impjegati, minħabba li l-pensjoni riċevuta taħt il-VRS tkun ugwali daqs is-salarju preżenti, l-attrazzjoni tas-sistema hija inqas meta mqabbla ma’ impjegati li għadhom ma laħqux l-ogħla livell tat-tabella tas-salarji (dawn ta’ l-aħħar ser jirċievu pensjoni li taqbeż is-salarju preżenti tagħhom għaliex il-pensjoni tagħhom hija kalkulata abbażi tas-salarju proġettat milħuq jekk ikomplu jaħdmu waqt is-snin nozzjonali). Sabiex tkun żgurata parteċipazzjoni massima fil-VRS, huwa għalhekk pprovdut inċentiv addizzjonali għat-tluq lill-impjegati li diġà laħqu l-massimu ta’ l-iskala tas-salarji ta’ l-OTE.

(20)  Għandu jiġi nnotat li l-kumpaniji kollha tal-Komunità kummerċjalizzati pubblikament huma meħtieġa li jippreparaw il-kontijiet konsolidati tagħhom bl-użu ta’ l-IFRS mill-2005. Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 261, tat-13 ta’ Ottubru 2003, p. 1.

(21)  L-NPV jippreżenta l-valur tas-suq tal-VRS, jiġifieri l-ammont li l-OTE kien ikollha tħallas lil parti terza, kieku din il-parti terza ħadet f’idejha l-obbligi ta’ l-OTE li ġejjin mill-VRS.

(22)  Għandu jitfakkar li fil-preżentazzjoni ta’ qabel tagħhom ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet Griegi, fiż-żmien meta l-VRS nominali kienet stmata bħala EUR 1 161,0 miljun, kien ikkalkula n-NPV tal-VRS bħala EUR 863 miljun bl-użu bħala rata ta’ skont tal-WACC ta’ l-OTE (spiża medja peżata tal-kapital) stmata bħala 7,83 %.

(23)  Ara nota 13 ta’ qiegħ il-paġna

(24)  Dan kien ukoll l-approċċ meħud mill-gvern Grieg fil-preżentazzjonijiet tiegħu fl-4 ta’ Novembru 2005.

(25)  F’dan ir-rigward, is-CRA hija konformi mal-kontijiet ċertifikati ta’ l-OTE mill-KPMG li użaw ukoll rata ta’ skont ta’ 3 %.

(26)  KPMG kellha biss ir-responsabbiltà li tivverifika l-kontijiet ta’ qabel it-taxxa ta’ l-OTE u għalhekk ma kellhiex għaliex tikkalkula l-NPV ta’ wara t-taxxa tal-VRS nominali.

(27)  Dawn l-ispejjeż żejda jitqassmu kif ġej: piż ta’ l-OTE minħabba l-istatus permanenti: EUR 322,9 miljun, u piż ta’ l-OTE ta’ salarji ogħla:EUR 147,0 miljun.

(28)  Skond l-awtoritajiet Griegi, l-OTE bħall-kumpaniji privati l-oħrajn kollha tħallas il-kontribuzzjoni obbligatorja tal-qgħad dovuta minn min iħaddem kif mitlub skond il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli. Din tammonta għal 2,76 % (1,33 % addizzjonali jitħallas mill-impjegat).

(29)  Il-gvern Grieg iddikjara wkoll li l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 3470/2006 reċenti issa jiddikjara ċarament li l-OTE u oħrajn ma jgawdux aktar status speċifiku li jagħtihom id-dritt li jkunu eżentati mit-taxxa tar-reklamar. Skond il-Liġi Nru 1264/1982, kumpaniji jew utilitajiet pubbliċi eżentati mit-taxxa tar-reklamar huma dawk biss li l-kapital ta’ l-ishma tagħhom huwa fil-maġġoranza assoluta ta’ l-Istat Grieg. Għaldaqstant, l-OTE u l-fornituri tat-telekomunikazzjoni l-oħrajn bħalissa huma responsabbli li jħallsu t-taxxa tar-reklamar.

(30)  Skond il-gvern Grieg il-Qorti amministrattiva kkonkludiet li l-karatterizzazzjoni tal-kumpanija bħala utilità pubblika ma torbotx ma l-istatus legali tagħha, jew il-qafas legali li fih hija topera, iżda tiddependi biss fuq in-natura ta’ servizz li l-imsemmija kumpanija tagħti. Għalhekk, skond il-Qorti, impriżi li joffru oġġetti u servizzi meqjusin vitali għas-soċjeta, bħat-telekomunikazzjonijiet, forniment ta’ l-ilma u l-enerġija jikkostituwixxu utilitajiet.

(31)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1603, paragrafu 19.

(32)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-4103, paragrafu 22.

(33)  Il-Kawża C-305/89, loc.cit., paragrafu 22.

(34)  Ara, inter alia, is-sentenzi fil-Kawża 30/59 De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs High Authority [1961] Ġabra 1, il-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España [1994] Ġabra I-877, paragrafu 13; Kawża C-241/94 Franza vs Kummissjoni [1996] Ġabra I-4551, paragrafu 34; u l-Kawża C-256/97 DM Transport [1999] Ġabra I-3913, paragrafu 19).

(35)  Il-Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] Ġabra 709, paragrafu 15; għall-istess effett ara s-sentenza fil-Kawża C-301/87 Franza vs Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-307, paragrafu 41.

(36)  Il-Kawża T-157/01, loc. Cit. Paragrafu 57.

(37)  Il-Kawża 173/73 L-Italja vs il-Kummissjoni [1974] ECR 709, paragrafu 13; Kawża C-310/85 Deufil [1987] ECR 901, paragrafu 8, Kawża C-241/94 Franza vs il-Kummissjoni [1996] ECR I-4551, paragrafu 20.

(38)  Il-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España [1994] ECR I-877, paragrafu 13, Kawża C-241/94 Franza vs il-Kummissjoni [1996] ECR I-4551, paragrafu 34.

(39)  Il-Kawża C-05/01, Il-Belġju vs il-Kummissjoni [2002] ECR I-1191, paragrafu 39.

(40)  Il-Kawża 30/59 “De Gezamenlijke Steenkolenmijnenf’Limburg vs l-Awtorità Superjuri [1961] ECR 1 paragrafi 29-30, Kawża 173/73 L-Italja vs il-Kummissjoni [1974] ECR 709, paragrafi 12-13, Kawża C-241/94 Franza vs il-Kummissjoni [1996] ECR I-4551, paragrafi 29, 35. Kawża 251/97 Il-Kummissjoni vs Franza [1999] ECR I-6639, paragrafi 40, 46-47, ara wkoll il-Kawża T-109/01 Fleuren Compost [2004] ECR II-127, paragrafu 54.

(41)  Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] Ġabra 709, paragrafu 26; Kawża C-387/92 Banco Exterior de España [1994] Ġabra I-877, paragrafi 12 u 13; u Kawża C-280/00 Altmark Trans and Regierungspräsidium Magdeburg [2003] Ġabra I-9919, paragrafu 84, u l-każistika kkwotata hemmhekk

(42)  Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafu 40.

(43)  Il-Kawża T-187/99 Agrana Zucker und Stärke AG vs Il-Kummissjoni, [2001] Ġabra I-1587, paragrafu 74

(44)  Dawn il-barrieri huma dovuti għall-fatt li d-dħul fis-suq Grieg tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi permezz tal-ksib ta’ l-OTE, għalissa huwa ostakolat mill-kondizzjonijiet tax-xogħol eċċezzjonalment inflessibbli li huma applikabbli għall-OTE, u għall-fatt li l-impjegati tagħha de facto jgawdu status ta’ permanenza, li jipprevjeni lill-OTE milli tittieħed minn operaturi tan-negozju oħrajn. Bl-istess mod, għall-istess raġunijiet, il-ħruġ mis-suq fil-forma ta’ tneħħija tal-kontroll mill-Istat, għalissa jidher improbabbli ħafna.

(45)  Per eżempju impjegati bi 30 sena servizz (dritt għal pensjoni) setgħu jkomplu jaħdmu sakemm jilħqu l-età ta’ 58 sena jew meta jkunu għamlu 35 sena ta’ servizz, liema waħda minnhom isseħħ l-ewwel. Tali impjegati jagħżlu aktar li jkomplu jaħdmu sa l-irtirar obbligatorju sabiex iżidu l-bażi li fuqu tiġi kkalkulata l-pensjoni tagħhom. Kif qalu l-awtoritajiet Griegi, is-salarji jiżdiedu b’rata aktar għolja mill-pensjonijiet u l-impjegati ta’ l-OTE jippreferu b’mod ġenerali li jkomplu jaħdmu għall-kumpanija minħabba li l-pensjonijiet huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ l-aħħar salarju.

(46)  Kif imsemmi fuq fil-paragrafu (56), il-VRS “regolari” tikkonċerna biss impjegati li diġà akkwistaw id-drittijiet tal-pensjoni iżda li s’issa għadhom ma qdewx il-kondizzjonijiet għal irtirar mandatorju. Il-VRS regolari ma tinvolvix snin “nozzjonali” u għalhekk l-ispejjeż tagħha m’humiex koperti mill-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Grieg.

(47)  Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 34.

(48)  Ara fuq, nota 20 ta’ qiegħ il-paġna.

(49)  Għandha ssir referenza wkoll għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ ta’ l-EDF (ara fuq, nota 16 ta’ qiegħ il-paġna). Fl-EDF, il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli miżura li biha Franza rrilaxxat intrapriżi fis-setturi Franċiżi ta’ l-elettriku u tal-gass mill-ħlas ta’ xi wħud mid-drittijiet tal-pensjoni speċifiċi li l-impjegati kienu akkwistaw fil-passat, fi żmien meta l-kumpaniji kienu qed joperaw taħt monopolju legali. Il-Kummissjoni kkunsidrat li f’dak iż-żmien il-kumpaniji kienu protetti minn kwalunkwe kompetizzjoni intra-industrijali u għalhekk setgħu jġorru d-drittijiet ogħla tal-pensjoni mingħajr ma jsofru kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku sinifikanti. Il-Kummissjoni għarfet, li dawn ir-“responsabbiltajiet ta’ l-imgħoddi” irrappreżentaw diffikultà sinifikanti għal dawn l-intrapriżi, ladarba kienu qed joperaw f’kompetizzjoni ma’ intrapriżi oħrajn ta’ l-elettriku u l-gass li ma kellhomx iġorru spejjeż simili mill-imgħoddi (para. 143 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni qieset l-għajnuna mogħtija “bil-ħsieb ta’ tali reorganizzazzjoni settorjali” bħala neċessarja u proporzjonali fuq il-bażi li l-aspetti l-oħrajn tar-riforma settorjali ma kinux jinvolvu għajnuna mill-Istat (par. 146 tad-Deċiżjoni). Għalkemm fil-każ preżenti, l-Istat Grieg ma jikkompensax lill-OTE għal responsabbiltajiet ta’ l-imgħoddi fir-rigward tal-pensjonijiet u l-miżura l-anqas m’hija mmirata lejn riorganizzazzjoni settorjali usa’, il-prinċipji stabbiliti fl-EDF huma applikabbli b’analoġija.

(50)  Jiġifieri, 19 623 315,16 × prezz ta’ sehem ta’ l-OTE.

(51)  Għall-kuntrarju, f’serje ta’ atti leġiżlattivi bejn l-1994 u l-2001 (Liġijiet 2257/1994, 2768/1999, 2843/2000, 2873/2000 u 2937/2001) l-Istat Grieg talab lill-OTE biex tagħmel ċerti pagamenti ad hoc (massimi) lit-TAP-OTE sabiex bihom ikopri d-defiċit operattiv tal-fond tal-pensjoni. B’mod partikolari, fl-2001 l-OTE kienet obbligata bil-liġi biex tħallas ammont ta’ somma globali ta’ 120 biljun GRD (madwar 4 miljun euro) biex tkopri d-defiċit ikkalkulat ta’ TAP-OTE għas-snin 2002-2011. Meta wieħed jikkunsidra li l-OTE ma kellha l-ebda obbligu li tassigura l-vijabilità ta’ TAP-OTE, dawn il-pagamenti saru b’żieda ma’, u ‘il fuq u lil hinn dawk li l-OTE, bħala entità li tħaddem, hija mitluba li tagħmel għal skopijiet tal-pjan tal-pensjoni.

(52)  ĠU L 108 ta’ l-24.4.2002, p. 33.

(53)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (Ebda kummenti), każ EL/2006/0493 oriġini tas-sejħa minn netwerk pubbliku tat-telefonija previst f’lokazzjoni fissa, każ EL/2006/0494: oriġini tas-sejħa fuq netwerks pubbliċi individwali tat-telefonija previsti f’lokazzjoni fissa, u Każ EL/2006/0495: servizzi ta’ transitu fin-netwerk pubbliku fiss tat-telefonija. http://circa.europa.eu/Public/irc/infso/ecctf/library?l=/ellda/adopted_measures&vm=detailed&sb=Title

(54)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Ebda kummenti) każ EL/2006/0372: aċċess broadband bl-ingrossa fil-Greċja.

(55)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Ebda kummenti) każ EL/2006/0491: is-sett minimu ta’ linji mikrijin fil-Greċja.

(56)  Skond l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva 2002/21/KE, il-Kummissjoni eżaminat ukoll id-deċiżjonijiet u r-rimedji msemmijin hawn fuq imposti mill-NRA fuq l-OTE u ma esprimiet l-ebda dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-liġi Komunitarja u partikolarment ma’ l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva Qafas, li fosthom hemm l-obbligu ta’ l-NRA li jiżguraw permezz tas-setgħat deċiżjonali tagħhom li “mhemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjoni elettronika”.

(57)  Fid-29 ta’ Novembru 2006 l-NRA imponiet multa totali ta’ 3 miljun ewro fuq l-OTE, jiġifieri EUR 1 miljun għall-ksur tal-qafas regolatorju eżistenti (l-għażla minn qabel tal-carrier), u 2 miljun ewro għall-abbuż tal-pożizzjoni dominanti minħabba r-rifjut li jiġi pprovdut aċċess għan-netwerk, l-użu tal-qawwa fis-suq u l-abbuż tar-relazzjoni ta’ dipendenza ekonomika. Finalment, f’Marzu 2007, bħala parti mill-proċeduri interim, l-NRA ħarġet żewġ ordnijiet interim wara petizzjoni ppreżentata minn ċerti fornituri alternattivi li l-OTE heddet li taqta’ l-interkonnessjoni tagħhom, billi invokat il-fatt li dawn il-fornituri allegatament kellhom djun kbar pendenti magħha. Bħalissa, din l-ordni tipprojbixxi lill-OTE milli twaqqaf l-interkonnessjoni sakemm l-NRA tiddeċiedi jekk il-klejms magħmula mill-OTE jistgħux jinġiebu fi proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjoni f’konformità mal-qafas regolatorju eżistenti. Ara l-istqarrija uffiċjali maħruġa mill-EETT fit-2 ta’ Marzu 2007

(58)  Kif ikkonfermaw l-awtoritajiet Griegi, jekk huwa minnu li fil-passat, l-OTE ma ħallsitx l-imsemmija taxxa, hija dejjem kienet fl-istess pożizzjoni bħall-kompetituri tagħha, peress li l-ebda fornitur ieħor ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni ma kien obbligat iħallas l-imsemmija taxxa skond il-liġi Griega. Skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu tal-Liġi Nru 1264/1982, l-intrapriżi jew l-utilitajiet ta’ natura pubblika kienu eżentati mill-ħlas tat-taxxa fuq ir-reklamar. Fl-2005, il-Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza (Deċiżjoni Nru. 9564/2005), iddeċidiet li l-kunċetti ta’ “servizz pubbliku” u “utilitajiet” kif deskritti fil-Liġi Nru 1264/1982 għandhom jiġu interpretati li jfissru li kwalunkwe operatur liċenzjat tat-telecoms li jipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni huwa eliġibbli għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa fuq ir-reklamar indipendentement mill-istatus tiegħu bħala kumpanija pubblika jew privata. Konsegwentement, din l-eżenzjoni ma għaddiet l-ebda vantaġġ lill-OTE fuq il-kompetituri tagħha.


Top